Language of document : ECLI:EU:C:2013:518

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Appell — Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti — Inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 — Rikors għal annullament — Drittijiet fundamentali — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Dritt għar-rispett għall-proprjetà — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P,

li għandha bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Hetsch u S. Boelaert kif ukoll minn E. Paasivirta u M. Konstantinidis, sussegwentement minn L. Gussetti u S. Boelaert kif ukoll minn E. Paasivirta u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn E. Jenkinson, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn J. Wallace, QC, de D. Beard, QC, u minn M. Wood, barrister,

rikorrenti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn B. Zaimov u T. Ivanov kif ukoll minn E. Petranova, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

      partijiet intervenjenti fl-appelli (C‑584/10 P u C‑595/10 P),

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u R. Szostak, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn B. Zaimov u T. Ivanov, kif ukoll minn E. Petranova, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn K. Najmanová, kif ukoll minn E. Ruffer, M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn L. Volck Madsen, bħala aġent,

L-Irlanda, inizjalment irrappreżentata minn D. O’Hagan, sussegwentement minn E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn N. Travers, BL u minn P. Benson, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez u N. Díaz Abad, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell (C‑593/10 P),

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Yassin Abdullah Kadi, irrappreżentat minn D. Vaughan, QC, V. Lowe, QC, J. Crawford, SC, M. Lester u P. Eeckhout, barristers, G. Martin, solicitor, kif ukoll minn C. Murphy,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, kif ukoll minn G. de Bergues, D. Colas, A. Adam u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u M. Berger, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Arabadjiev, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan, D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2010, Kadi vs Il‑Kummissjoni (T‑85/09, Ġabra p. II‑5177, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha annullat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008, tat-28 ta’ Novembru 2008, li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (ĠU L 322, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan l-att jikkonċerna lil Y.A. Kadi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

2        Skont l-Artikolu 1(1) u (3) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Fransisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945, l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jinkludu dak “[l]i jżommu l-paċi u s-sigurezza [sigurtà] internazzjonali” u dak “[s]abiex jiksbu kooperazzjoni internazzjonali fis-soluzzjoni ta’ problemi internazzjonali ta’ natura ekonomika, soċjali, kulturali jew umanitarja, u fil-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd mingħajr distinzjoni ta’ razza sess, lingwa jew reliġjon”.

3        Skont l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) għandu responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-Artikolu 24(2) jipprovdi li, fit-twettiq tad-dmirijiet li din ir-responsabbiltà timponi fuqu, huwa għandu jaġixxi skont l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

4        Skont l‑Artikolu 25 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑membri tal‑Organizzazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti (ONU) jintrabtu li jaċċettaw u li japplikaw id‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà skont din il‑Karta.

5        Skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Azzjoni rigward theddid għall-paċi, ksur tal-paċi u atti ta’ aggressjoni”, dan jiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’tali każijiet. L-Artikolu 39 ta’ din il-Karta, li jintroduċi dan il-kapitolu, jipprovdi li l-Kunsill tas-Sigurtà jiddeċiedi jekk teżistix tali theddida, tali ksur tal-paċi jew tali att, u jagħmel rakkomandazzjonijiet jew jiddeċiedi x’miżuri għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 41 u 42 ta’ din il-Karta, sabiex titħares jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Skont l-Artikolu 41 ta’ din l-istess Karta, Il-Kunsill tas-Sigurtà jista’ jiddeċiedi x’miżuri li ma jinvolvux l-użu tal-forza armata għandhom jiġu użati biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tiegħu, u jista’ jistieden lill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il-miżuri.

6        Skont l‑Artikolu 48(2) tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, id‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà għaż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali għandhom jiġu eżegwiti mill‑membri tan‑Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz tal‑azzjoni tagħhom fl‑organi internazzjonali xierqa li tagħhom ikunu membri.

7        L‑Artikolu 103 ta’ din l‑istess Karta jipprovdi li, fil‑każ ta’ kunflitt bejn l‑obbligi tal‑membri tan‑Nazzjonijiet Uniti skont din il‑Karta u l‑obbligi tagħhom skont xi ftehim internazzjonali ieħor, għandhom jipprevalu l‑obbligi tagħhom skont din il‑Karta.

 L-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-implementazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet mill-Unjoni

8        Minn tmiem is-snin 1990, u speċjalment wara l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta sensiela ta’ riżoluzzjonijiet ibbażati fuq il-Kapitolu VII tan-Nazzjonijiet Uniti u intiżi għall-ġlieda kontra t-theddid terroristiku li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Intiżi oriġinarjament kontra t-Taliban tal-Afganistan biss, dawn ir-riżoluzzjonijiet ġew sussegwentement estiżi għal Usama bin Laden, għal Al-Qaida kif ukoll għall-persuni u entitajiet li huma assoċjati tagħhom. Huma jipprevedu, b’mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-organizzazzjonijiet, tal-entitajiet u tal-persuni mniżżla mill-Kumitat stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tiegħu tal-15 ta’ Ottubru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”) fuq lista rikapitolattiva (iktar ’il quddiem il-“lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

9        Għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ tħassir ippreżentati minn organizzazzjonijiet, entitajiet jew persuni li isimhom tniżżel f’din il-lista, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1730 (2006), tad-19 ta’ Diċembru 2006, ipprevediet il-ħolqien ta’ “punt fokali” mal-Kunsill tas-Sigurtà, inkarigat milli jirċievi dawn l-applikazzjonijiet. Dan il-punt fokali ġie stabbilit fix-xahar ta’ Marzu 2007.

10      Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1735 (2006), tat-22 ta’ Diċembru 2006 tipprevedi, fil-paragrafu 5 tagħha, li, meta jipproponu lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li jniżżel l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tiegħu, l-Istati Membri għandhom “jagħtu spjegazzjoni tar‑raġunijiet, filwaqt li r‑rapport relattiv għandu jinkludi spjegazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata tar‑raġunijiet tat‑talba għall‑inklużjoni, li tinkludi: i) l‑elementi kollha li jistabbilixxu b’mod ċar li l‑individwu jew l‑entità jissodisfaw il‑kriterji previsti; ii) in‑natura tal‑informazzjoni; u iii) l-informazzjoni kollha jew dokumenti li jiġġustifikaw li jistgħu jingħataw.” Skont il-paragrafu 6 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, huwa mitlub lill-Istati, “meta jressqu talba għall‑inklużjoni, huma mitluba jippreċiżaw l‑elementi tar‑rapport li jistgħu jiġu żvelati għall‑finijiet ta’ notifika lill‑individwu jew entità li isimhom ikun tpoġġa fuq il‑[lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet] u dawk li jistgħu jiġu żvelati lill‑Istati [...] li jitolbu aċċess għalihom”.

11      Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1822 (2008), tat-30 ta’ Ġunju 2008, tipprevedi, fil-paragrafu 12 tagħha, li l-Istati għandhom, b’mod partikolari, “għal kull talba ta’ inklużjoni, jippreċiżaw l‑elementi tar‑rapport rilevanti li jistgħu jiġu żvelati, b’mod partikolari sabiex il‑[k]umitat [tas‑Sanzjonijiet] ikun jista’ jelabora s‑sunt li tiegħu hemm deskrizzjoni fil‑paragrafu 13 iktar ’il quddiem jew sabiex tiġi avżata jew informata l‑persuna jew l‑entità li isimha jkun tniżżel fil‑[lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat], u l-elementi li jistgu jiġu kkomunikati lill-Istati [...] kkonċernati fuq talba tagħhom”. Il‑paragrafu 13 ta’ din l‑istess riżoluzzjoni jipprevedi, minn naħa waħda, li l‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, meta jżid isem fil‑lista rikapitolattiva tiegħu, jippubblika fis-sit web tiegħu “sunt tar‑raġunijiet għall‑inklużjoni”, u, min‑naħa l‑oħra, li dan il‑Kumitat ifittex li jippubblika f’dan l-istess sit, “sunti tar‑raġunijiet li wasslu għall‑inklużjoni” ta’ ismijiet fl‑imsemmija lista, qabel l‑adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni.

12      F’dak li jikkonċerna t-talbiet għal tħassir, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1904 (2009), tas-17 ta’ Diċembru 2009 stabbilixxiet “uffiċċju tal-Ombudsman” inkarigat, skont il-paragrafu 20 ta’ din ir-riżoluzzjoni, li jassisti lill-kumitat tas-sanzjonijiet mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Skont dan l-istess artikolu, il-persuna inkarigata milli teżerċita l-funzjonijiet ta’ Ombudsman għandha tissodisfa l-kriterji ta’ stima morali għolja, ta’ imparzjalità, ta’ integrità kif ukoll ta’ kwalifiki għolja u ta’ esperjenza fl-oqsma rilevanti, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sanzjonijiet. Id-dmirijiet ta’ Ombudsman, li huma deskritti fl-Anness II ta’ din ir-riżoluzzjoni, jinkludi fażi ta’ ġabra ta’ informazzjoni mill-Istati kkonċernati u fażi ta’ konsultazzjoni, li matulha d-djalogu jista’ jsir mal-organizzazzjoni l-entità jew il-persuna li titlob li isimha jitħassar mil-lista rikapitolattiva tal-kumitat tas-sanzjonijiet. Fi tmiem dawn iż-żewġ fażijiet, l-Ombudsman għandu jistabbilixxi u jikkomunika “rapport komprensiv” lill-kumitat tas-sanzjonijiet, li fih għandha tiġi eżaminata t-talba għal tħassir, bl-għajnuna tal-Ombudsman, u jiddeċiedi, fi tmiem dan l-eżami, jekk jilqax din l-applikazzjoni.

13      L-Istati Membri kkunsidraw, f’diversi pożizzjonijiet komuni adottati skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, li azzjoni tal-Unjoni kienet neċessarja sabiex timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-Kunsill adotta sensiela ta’ regolamenti li jipprevedu, b’mod partikolari, l-iffriżar tal-assi tal-organizzazzjonijiet tal-entitajiet u tal-persuni identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

14      B’mod parallel mas-sistema deskritta iktar ’il fuq, li tirreferi biss għall-organizzazzjonijiet, l-entitajiet u l-persuni, b’mod partikolari, indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li kienu assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al-Qaida u mat-Taliban, teżisti sistema iktar wiesgħa prevista mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001), tat-28 ta’ Settembru 2001, adottata, hija wkoll, bħala tweġiba għall-attentati terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001. Din ir-riżoluzzjoni, li tipprevedi wkoll miżuri ta’ ffriżar tal-assi, hija differenti mir-riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq peress illi l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet, tal-entitajiet jew tal-persuni li għalihom hija intiża li tapplika tħalliet għad-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati.

15      Fuq livell tal-Unjoni, din ir-riżoluzzjoni ġiet implementata mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207). Dawn l-atti jinkludu lista, regolarment riveduta, ta’ organizzazzjonijiet, ta’ entitajiet u ta’ persuni suspettati li huma implikati f’attivitajiet terroristiċi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

 Il-kawża li tat lok għas-sentenza Kadi

16      Fis-17 ta’ Ottubru 2001, isem Y.A. Kadi, identifikat bħala persuna assoċjata ma’ Usama bin Laden u man-netwerk ta’ Al-Qaida, tniżżel fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

17      Sussegwentement dan l-isem tniżżel fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1), permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25). Sussegwentement, huwa tniżżel fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294).

18      Fit-18 ta’ Diċembru 2001, Y.A. Kadi ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex jikseb l-annullament, inizjalment, tar-Regolamenti Nri 467/2001 u 2062/2001, wara tar-Regolament Nru 881/2002, sa fejn dawn ir-regolamenti kienu jikkonċernawh. Dawn il-motivi ta’ annullament kienu bbażati, rispettivament, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tad-dritt tar-rispett tal-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

19      Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑315/01, Ġabra p. II‑3649), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Essenzjalment, hija ddeċidiet li kien jirriżulta mill-prinċipji li jirregolaw l-artikolazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-ordinament ġuridiku internazzjonali li jirriżulta min-Nazzjonijiet Uniti u l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li r-Regolament Nru 881/2002, peress li kien intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li ma tħalla ebda marġni għal dan il-għan, ma setax ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-legalità interna tiegħu u għalhekk kien jibbenefika minn immunità ġudizzjarja, ħlief f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tiegħu man-normi li jaqgħu taħt il-ius cogens, mifhum bħala ordni pubbliku internazzjonali li huwa impost, mingħajr ebda deroga possibbli, għas-suġġetti kollha tad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi tal-ONU.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fuq l-istess standard ta’ protezzjoni universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jaqgħu taħt il-ius cogens, teskludi f’dan il-każ l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet invokati minn Y.A. Kadi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, hija ssostni li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tistħarreġ indirettament il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà mad-drittijiet fundamentali kif protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, lanqas li tivverifika l-assenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi kkunsidrati minn din il-qorti internazzjonali insostenn tal-miżuri meħuda, u lanqas li tistħarreġ indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Hija żżid li ebda lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja ta’ Y.A. Kadi fiha nfisha ma tmur kontra l-ius cogens.

21      Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Kadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll ir-Regolament Nru 881/2002 sa fejn kien jikkonċerna lil Y.A. Kadi.

22      Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali ma jistgħux ikollhom bħala effett li jippreġudikaw il-prinċipji Kostituzzjonali tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-prinċipju tar-rispett obbligatorju tad-drittijiet fundamentali permezz tal-atti kollha tal-Unjoni, fejn dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ legalità ta’ dawn l-atti li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ mezzi ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat. Hija kkunsidrat li, minkejja r-rispett dovut, waqt l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, impenji meħdua fil-kuntest tal-OBU, il-prinċipji li jirregolaw l-ordinament ġuridiku internazzjonali li joħroġ min-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikawx għaldaqstant immunità ġudizzjarja ta’ att tal-Unjoni bħar-Regolament Nru 881/2002. Hija żżid li tali immunità ma għandha ebda bażi fit-Trattat.

23      Hija ddeċidiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punti 326 u 329 tas-sentenza Kadi, li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż meta tali atti huma intiżi sabiex jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali kienet, bħala konsegwenza, ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

24      Filwaqt li tat deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn Y.A. Kadi quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ddeċidiet, fil-punti 336 sa 341 tas-sentenza Kaid, li l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet tad-deċiżjoni dwar inklużjoni inkwistjoni u toffri lil din il-persuna l-possibbiltà li tinstema’ f’dan ir-rigward. Hija ppreċiżat li, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar inklużjoni inizjali, raġunijiet intiżi għall-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u għall-għan tar-regolament ikkonċernat kienu jiġġustifikaw li din il-komunikazzjoni u din is-seduta jseħħu mhux qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iżda fil-mument ta’ din id-deċiżjoni jew daqstant malajr daqs kemm kien possibbli warajha.

25      Fil-punti 345 sa 349 tas-sentenza Kadi, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, peress li l-Kunsill ma kienx ikkomunika lil Y.A. Kadi l-elementi kkunsidrati kontrih sabiex ifassal il-miżuri restrittivi meħuda kontrih, u lanqas ma tah id-dritt li jsir jaf b’dawn l-elementi f’terminu raġonevoli wara l-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-persuna kkonċernata ma kellhiex il-possibbiltà li ssostni utilment l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward, minkejja li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv kienu ġew miksura. Hija kkonstatat ukoll, fil-punt 350 ta’ din is-sentenza, li dan il-ksur ma kienx ġie rrimedjat quddiem il-qorti tal-Unjoni peress illi l-Kunsill ma kien ressaq quddiemha ebda element ta’ din in-natura. Fil-punti 369 sa 371 tal-istess sentenza, hija kkonkludiet, permezz ta’ diversi motivi, li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali ta’ Y.A. Kadi għar-rispett tal-proprjetà.

26      L-effetti tar-regolament annullat f’dak li kien jikkonċerna lil Y.A. Kadi nżammu għal perijodu ta’ tliet xhur massimu, sabiex il-Kunsill ikun jista’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat.

 L-osservazzjonijiet mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għas-sentenza Kadi u r-regolament inkwistjoni

27      Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikkomunika s-sunt tar-raġunijiet relatati mal-inklużjoni ta’ Y.A. Kadi fil-lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat lir-Rappreżentant Permanenti ta’ Franza mal-ONU, billi awtorizza l-komunikazzjoni tiegħu lil Y.A. Kadi.

28      Dan is‑sunt tar‑raġunijiet huwa fformulat kif ġej:

“L‑individwu Yasin Abdullah Ezzedine Qadi [...] jissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ inklużjoni tal‑[Kumitat tas‑Sanzjonijiet] minħabba l‑atti tiegħu li jikkonsistu fi a) parteċipazzjoni fil‑finanzjament, fl‑ippjanar, fil‑faċilitazzjoni, fit‑tħejjija jew fit‑twettiq ta’ atti jew attivitajiet ta’ Al‑Qaida, Usama bin Laden jew mit‑Talibani, jew li jsiru flimkien magħhom, f’isimhom jew bħala għajnuna għalihom, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivattiv tagħhom; b) il‑fornitura, il‑bejgħ jew it‑trasferiment ta’ armi u materjal relatat ma’ xi wieħed minnhom; c) reklutaġġ għal xi wieħed minnhom; d) xi forma oħra ta’ appoġġ għall‑atti jew l‑attivitajiet ta’ xi wieħed minnhom [ara r‑riżoluzzjoni 1822 (2008) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, paragrafu 2].

Y.A. Qadi rrikonoxxa li huwa kien membru fundatur tal‑Fondazzjoni Muwafaq u li kien imexxi l‑attivitajiet tagħha. Il‑Fondazzjoni Muwafaq dejjem ħadmet taħt l‑awspiċi tal‑Uffiċċju Afgan [Makhtab al‑Khidamat] (QE.M.12.01.), organizzazzjoni mwaqqfa minn Abdullah Azzam u Usama bin Laden [Usama Muhammed Awad Bin Laden] (QI.B.8.01.) u prekursur ta’ Al‑Qaida (QE.A.4.01.). Wara x‑xoljiment tal‑Uffiċċju Afgan, fil‑bidu ta’ Ġunju 2001 u l‑assorbiment tiegħu minn Al‑Qaida, diversi oragnizzazzjonijiet mhux governattivi li kienu qabel assoċjati miegħu, b’mod partikolari l‑Fondazzjoni Muwafaq, ukoll ingħaqdu ma’ Al‑Qaida.

Fl‑1992, Qadi ċeda t‑tmexxija tal‑uffiċċji Ewropej tal‑Fondazzjoni Muwafaq lil Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed Al‑Ayadi (QI.A.25.01.). Lejn in‑nofs tas‑snin 90, Al‑Ayadi mexxa wkoll l‑uffiċċju tal‑Fondazzjoni Muwafaq fil‑Bosnja‑Ħerzegovina. Qadi rrekluta lil Al‑Ayadi fuq rakkomandazzjoni ta’ finanzjatur magħruf ta’ Al‑Qaida, Wa’el Hamza Abd al‑Fatah Julaidan (QI.J.79.02.), li ġġieled flimkien ma’ Usama bin Laden fl‑Afganistan fis‑snin 80. Fil‑mument tan‑nomina tiegħu minn Al‑Qadi fil‑kariga ta’ direttur għall‑Ewropa tal‑Fondazzjoni Muwafaq, Al‑Ayadi kien jaġixxi taħt kuntratti ma’ Usama bin Laden. Al‑Ayadi kien wieħed mill-mexxejja prinċiapl tal-Front Iżlamiku Tuneżin, meta huwa żar l‑Afganistan fil‑bidu tas‑snin 90 sabiex isegwi taħriġ paramilitari, imbagħad is‑Sudan, flimkien ma’ persuni oħra, sabiex jiltaqa’ ma’ Usama bin Laden, li miegħu kkonkludew ftehim uffiċjali dwar l‑akkoljiment u l‑formazzjoni ta’ Tuneżini. Dawn iltaqgħu ma’ Usama bin Laden għat‑tieni darba u kisbu ftehim li jipprevedi li l‑kollaboraturi ta’ bin Laden fil‑Bosnja‑Ħerzegovina jilqgħu ġellieda Tuneżini li ġejjin mill‑Italja.

Parti mill‑finanzjament ta’ dawn l‑attivitajiet sar minn Usama bin Laden. Fl‑1995, il‑mexxej ta’ Al‑Gama’at al Islamiyya, Talad Fuad Kassem, iddikjara li l‑Fondazzjoni Muwafaq pprovda appoġġ loġistiku u finanzjarju għal battaljun ta’ ġellieda fil‑Bosnja‑Ħerzegovina. Fin‑nofs tas‑snin 90, il‑Fondazzjoni Muwafaq ikkontribwixxiet għall‑appoġġ finanzjarju mogħti għall‑għanijiet ta’ attivitajiet terroristiċi ta’ dawn il‑ġellieda, kif ukoll għat‑traffikar ta’ armi li joriġinaw mill‑Albanija u li huma ddestinati għall‑Bosnja‑Ħerzegovina. Parti mill‑finanzjament ta’ dawn l‑attivitajiet sar minn Usama bin Laden.

Qadi kien ukoll wieħed mill‑azzjonarji prinċipali ta’ Depo[z]itna Banka, stabbilit f’Sarajevo u llum magħluq, fejn Al‑Ayadi kien jeżerċita wkoll funzjonijiet u kien jirrappreżenta l‑interessi ta’ Qadi. Xi laqgħat dwar il‑preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment Amerikan fl‑Arabja Sawdija setgħu saru f’dan il‑bank.

Barra minn dan, Qadi kien proprjetarju fl‑Albanija ta’ diversi kumpanniji li jittrasferixxu fondi lil estremisti jew dawk fdati minnhom li jokkupaw postijiet li jippermettulhom li jikkontrollaw il‑fondi tal‑kumpanniji inkwistjoni. Sa ħames kumpanniji proprjetà ta’ Qadi fl‑Albanija rċevew kapital li jiċċirkula mingħand bin Laden.”

29      Dan is-sunt tar-raġunijiet ġie ppubblikat ukoll fis-sit web tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

30      Fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Franza mal-Unjoni ttrażmetta dan l-istess sunt tar-raġunijiet lill-Kummissjoni li, fl-istess jum, indirizzat ruħha lil Y.A. Kadi, fejn informatu bil-fatt li, minħabba r-raġunijiet invokati f’dan is-sunt, hija kellha l-intenzjoni li żżomm ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002. Il-Kummissjoni ħalliet lil Y.A. Kadi sal-10 ta’ Novembru 2008 sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn ir-raġunijiet u li tipprovdilu kull informazzjoni li huwa jikkunsidra rilevanti, qabel ma hija tadotta d-deċiżjoni finali tagħha.

31      Fl-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi ttrażmetta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni. Filwaqt li bbaża fuq dokumenti li jikkonfermaw l-abbandun mill-awtoritajiet Svizzeri, Torok u Albaniżi ta’ investigazzjonijiet kriminali miftuħa kontrih għall-fatti allegati insostenn ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi jew ta’ kriminalità finanzjarja, li, kull darba li l-opportunità li huwa kien ingħata li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq il-provi prodotti kontrih, huwa seta’ juri l-assenza ta’ fondatezza tal-allegazzjonijiet ifformulati kontrih, huwa talab il-produzzjoni tal-provi li jikkorroboraw l-affermazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet relatati mal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll id-dokumenti rilevanti tal-fajl tal-Kummissjoni, u talab li jkun jista’ jifformula osservazzjonijiet fuq dawn il-provi. Filwaqt li jakkuża n-natura vaga jew ġenerali ta’ ċertu numru ta’ allegazzjonijiet li jinsabu f’dan is-sunt tar-raġunijiet, huwa kkontesta, bi provi insostenn, il-fondatezza ta’ kull waħda mir-raġunijiet invokata kontrih.

32      Fl-28 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat.

33      Skont il-premessi 3 sa 6, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament:

“(3) Sabiex tikkonforma mas‑sentenza [Kadi], il‑Kummissjoni kkomunikat is‑sommarji narrattivi tar‑raġunijiet mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], lil Y.A. Kadi u [tatu] l‑opportunità li jikkummenta dwar dawn ir‑raġunijiet sabiex [ikun jista’ jistqarr] l‑fehma [tiegħu].

(4)      Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn Y.A. Kadi [...] u eżaminat dawn il-kummenti.

(5)      Il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom għandu japplika l-iffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, imfassla mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], tinkludi lil Y.A. Kadi [...].

(6)      Wara li eżaminat bir-reqqa l-kummenti li rċeviet mingħand Y.A. Kadi f’ittra tal-10 ta’ Novembru 2008, u fid-dawl tan-natura preventiva tal-iffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, il-Kummissjoni tqis li l-elenkar tas-Sur Kadi huwa ġġustifikat minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu man-netwerk ta’ Al Qaida.

[...]

(8)      Fid-dwal ta’ dan, Y.A. Kadi għandu jiġi inkluż fl-Anness I.

(9)      Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta’ Mejju 2002, meta wieħed iqis in-natura preventiva u l-għanijiet tal-iffirżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi skond ir-Regolament [...] Nru 881/2002 u l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, li kienu qed jistrieħu fuq il-legalità tar-Regolament annullat [mis-sentenza Kadi].”

34      Skont l-Artikolu 1 u l-Anness tar-Regolament ikkontestat, l-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 ġie emendat f’dan is-sens, b’mod partikolari, li l-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l-intestatura “Persuni naturali”:

“Yasin Abdullah Ezzedine Qadi (magħruf ukoll bħala (a) Kadi, Shaykh Yassin Abdullah, (b) Kahdi, Yasin; (c) Yasin Al-Qadi). Data tat-twelid: 23.2.1955. Post tat-twelid: Il-Kajr, l-Eġittu. Ċittadinanza: Tal-Għarabja Sawdija. Numru tal-passaport: (a) B 751550, (b) E 976177 (maħruġ fis-6.3.2004, jiskadi fil-11.1.2009). Informazzjoni oħra: Ġedda, l-Għarabja Sawdija.”

35      Skont l‑Artikolu 2 tar‑regolament ikkontestat, dan daħal fis‑seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2008 u japplika mit‑30 ta’ Mejju 2002.

36      Permezz ta’ ittra tas-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi tal-10 ta’ Novembru 2008.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

37      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2009, Y.A. Kadi ppreżenta rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah. Insostenn tat-talbiet tiegħu, huwa invoka ħames motivi. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u l-ħames motiv, fuq restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà.

38      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li bbażat fuq il-punti 326 u 327 tas-sentenza Kadi, ikkunsidrat l-ewwel nett, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li hija kellha l-obbligu li tiżgura “stħarriġ, fil‑prinċipju komplet” tal-legalità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni. Hija żżid, fil-punti 127 sa 129 ta’ din is-sentenza li, daqstant żmien li l-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid implementati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma joffrux manifestament il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati minnha ma jistax jiġi kkwalifikat bħala effettiv jekk dan jirrigwarda, indirettament, l-evalwazzjonijiet bażiċi mwettqa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stess kif ukoll fuq l-elementi li jsostnuh.

39      L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kadi, fuq il-kwistjoni tal-portata u tal-volum ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju ġew ikkunsidrati, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, bħala li kienu manifestament żbaljati.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Kadi, b’mod partikolari mill-punti 326, 327, 336 sa 344, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha l‑intenzjoni teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju, fil‑prinċipju komplet, mhux biss fuq il‑fondatezza apparenti tal‑att ikkontestat, iżda wkoll fuq il‑provi u l-informazzjoni li fuqhom huma bbażati l‑evalwazzjonijiet magħmula f’dan l‑att.

41      Min-naħa l-oħra hija enfasizzat, fil-punti 138 sa 146 tas-sentenza appellata, li, billi ħadet l-essenzjali tal-motivazzjoni li huwa żviluppa, fil-kuntest tas-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisations des Modjahedins du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665), il-Qorti tal-Ġustizzja approvat u adottat il-livell u l-volum tal-istħarriġ ġudizzjarju ddefiniti f’din is-sentenza, fejn din stabbilixxiet li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ l-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjoni kkonċernata tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati insostenn tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-informazzjoni u tal-provi li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni, mingħajr ma tista’ tiġi kkontestata lilha s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ dawn l-elementi.

42      Wara li enfasizzat ukoll, fil-punti 148 sa 151 tas-sentenza appellata, in-natura sensittiva u fit-tul tal-preġudizzju magħmul lid-drittijiet ta’ Y.A. Kadi mill-miżuri restrittivi li laqtuh għal madwar għaxar snin, fil-punt 151 ta’ din is-sentenza hija affermat “[i]l‑prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet u rigoruż ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dawk f’dan il‑każ”.

43      Filwaqt li sussegwentement eżaminat it-tieni u l-ħames motivi ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 171 sa 180 tas-sentenza appellata, ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Y.A. Kadi wara li rrilevat, essenzjalment, li:

–        l-imsemmija drittijiet kienu ġew irrispettati biss b’mod purament formali u apparenti, peress li l‑Kummissjoni qieset ruħha marbuta b’mod rigoruż mill‑evalwazzjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u għalhekk fl‑ebda ħin ma pprevediet li tikkontestahom fid‑dawl tal‑osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi u lanqas li tagħmel sforz serju sabiex tikkontesta l-elementi li jiskaġunawh imressqa minnu;

–        l-aċċess ta’ Y.A. Kadi għall-provi prodotti kontrih ġie rrifjutat mill-Kummissjoni minkejja t‑talba espressa tiegħu, mingħajr ebda bbilanċjar tal‑interessi tiegħu fir‑rigward tan‑neċessità li tiġi protetta l‑kunfidenzjalità tal‑informazzjoni inkwistjoni; u

–        il‑ftit elementi ta’ informazzjoni u l‑allegazzjonijiet vagi inklużi fis‑sunt tar‑raġunijiet relatati mal-inklużjoni ta’ Y.A. Kadi fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, bħal dik li tipprovdi li Y.A. Kadi kien azzjonist ta’ bank Bosnijaku jew laqgħat iddedikati għall-preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment tal-Istati Uniti fl-Arabja Sawdita kienu “forsi” seħħew, kienu manifestament insuffiċjenti sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkontesta b’mod effettiv l-akkużi li saru fil-konfront tagħha.

44      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punti 181 sa 184 tas-sentenza appellata, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għar-raġuni, minn naħa, li, peress li ma kellu l-ebda aċċess effettiv għall-informazzjoni u għall-provi prodotti kontrih, Y.A. Kadi ma setax jiddefendi d-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ dawn l-elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx irrimedja dan il-ksur matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li naqas milli jikseb mill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe element ta’ din in-natura jew ta’ indikazzjoni rigward il-provi prodotti kontra Y.A. Kadi.

45      Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, iddeċidiet, fil-punti 192 sa 194 tas-sentenza appellata li, peress li r-regolament ikkontestat kien ġie adottat mingħajr ma Y.A. Kadi seta’ jesponi t-talbiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet kompetenti minkejja r-restrizzjoni kunsiderevoli tad-dritt għall-proprjetà li jikkostitwixxu, mill-portata ġenerali tagħhom u l-persistenza tagħhom, il-miżuri ta’ ffriżar tal-assi tiegħu, l-impożizzjoni ta’ tali miżuri kienet tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata ta’ dan id-dritt, b’mod li l-ilmenti ta’ Y.A. Kadi dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bi ksur magħmul minn dan ir-regolament għad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, kienu fondati.

46      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lil Y.A. Kadi.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

47      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Frar 2011, il‑Kawżi C‑584/10 P, C‑594/10 P u C‑595/10 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

48      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2011, minn naħa, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Awstrija ġew awtorizzati jintervjenu fil-Kawża C‑593/10 P insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati jintervjenu fil-Kawżi C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tar-Renju Unit.

49      Fil-kawża C‑584/10 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata fl-intier tagħha;

–        tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Y.A. Kadi intiża sabiex jinkiseb l-annullament tar-Regolament ikkontestat f’dak li jikkonċernah; u

–        tikkundanna lil Y.A. Kadi għall-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

50      Fil-Kawża C‑593/10 P, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Y.A. Kadi intiża sabiex jinkiseb l-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah; u

–        tikkundanna lil Y.A. Kadi għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u ta’ dan l-appell.

51      Fil-Kawża C‑595/10 P, ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata fl-intier tagħha;

–        tiċħad it-talba ta’ Y.A. Kadi intiża għall-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah; u

–        tikkundanna lil Y.A. Kadi sabiex ibati l-ispejjeż sostnuti mir-Renju Unit waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

52      Y.A. Kadi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tliet kawżi, li:

–        l-appelli jiġu miċħuda;

–        is-sentenza appellata tiġi kkonfermata u immedjatament eżegwita fid-data meta tingħata; u

–        ir-rikorrenti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż li huwa sostna fil-kuntest ta’ dan l-appell, inklużi l-ispejjeż kollha sostnuti sabiex iwieġeb għall-osservazzjonijiet tal-Istati Membri intervenjenti.

53      Ir-Repubblika Franċiża, intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tliet kawżi:

–        tannulla s-sentenza appellata; u

–        tiddeċiedi definittivament dwar il-mertu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tiċħad it-talbiet ta’ Y.A. Kadi fl-ewwel istanza.

54      Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li s-sentenza appellata tiġi annullata u li r-rikors għal annullament ta’ Y.A. Kadi jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

55      B’ittra tad-9 ta’ April 2013, Y.A. Kadi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi essenzjalment isostni, li l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali relatati mal-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huma kkontestati mill-konstatazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-punti 171 u 172 tas-sentenza appellata u li ma ġewx diskussi mill-partijiet fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari, jekk hija tikkunsidra li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed ċara jew jekk il-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet (ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Novartis Pharma, C‑535/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja la hija marbuta bil‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali u lanqas bil‑motivazzjoni li tagħti lok għall‑imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li l-kawżi ma jeħtieġux li jiġu deċiżi abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn partijiet. Għalhekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-appelli

59      Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit jinvokaw motivi differenti insostenn tal-appell rispettiv tagħhom. Dawn essenzjalment huma tlieta. L-ewwel motiv, imqajjem mill-Kunsill, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ rikonoxximent ta’ immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat. It-tieni motiv, imqajjem mill-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, huwa relatat ma’ żbalji ta’ liġi relatati mal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju stabbilit fis-sentenza appellata. It-tielet motiv, imqajjem minn dawn l-istess rikorrenti, huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-motivi li permezz tagħhom Y.A. Kadi sostna quddiemha ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ rikonoxximent ta’ immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

60      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, jakkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat, skont is-sentenza Kadi, li tirrikonoxxi, b’mod partikolari, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, immunità ġudizzjarja favur ir-regolament ikkontestat. Il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda, jistieden formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrevedi l-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward fis-sentenza Kadi.

61      Filwaqt li jibbaża fuq il-punti 114 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana, isostni li ċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat tikser id-dritt internazzjonali. Fil-fatt, din iċ-ċaħda ma tiħux inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà prinċipali tal-Kunsill tas-Sigurtà fid-definizzjoni tal-miżuri neċessarji għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali kif ukoll tas-supremazija tal-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq dawk li jirriżultaw minn kull ftehim internazzjonali ieħor. Hija tikser l-obbligu ta’ bona fide u d-dmir ta’ assistenza reċiproka li huma imposti fl-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Approċċ simili jfisser sostituzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mal-istanzi internazzjonali kompetenti fil-qasam. Hija tasal sabiex tikkontrolla l-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni uniformi, inkondizzjonali u immedjata ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet tiġi pperikolata. L-Istati li huma membri kemm tal-ONU kif ukoll tal-Unjoni jitqiegħdu f’sitwazzjoni mhux komda fir-rigward tal-obbligi internazzjonali tagħhom.

62      Iċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat ukoll tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija ma tosservax ir-rispett dovut, skont dan id-dritt, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għad-dritt internazzjonali u għad-deċiżjonijiet tal-istanzi tal-ONU, meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw fuq ix-xena internazzjonali kompetenzi li jkunu ġew ittrasferiti lilhom mill-Istati Membri. Hija tikser in-neċessità li jiġi żgurat ekwilibriju bejn il-preżervazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, min-naħa l-oħra.

63      Y.A. Kadi isostni li l-ikkontestar tal-assenza ta’ immunità ġudizzjarja ta’ att tal-Unjoni bħar-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ res judicata, peress illi jikkonċerna kwistjoni ta’ dritt li ġiet deċiża bejn l-istess partijiet mis-sentenza Kadi fi tmiem eżami tal-istess argumenti bħala dawk imressqa f’dan il-każ.

64      Filwaqt li jirreferi għal siltiet differenti ta’ din is-sentenza, huwa jikkontesta, fi kwalunkwe każ, li ċ-ċaħda tal-immunità ġudizzjarja tar-regolament ikkontestat tikser id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidra li, skont il-punti 326 u 327 tas-sentenza Kadi, ir-regolament ikkontestat ma setax jibbenefika minn kwalunkwe immunità ġudizzjarja għar-raġuni li huwa kien intiż li jimplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

66      Ebda żvilupp li jista’ jiġġustifika l-ikkontestar tas-soluzzjoni affermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi ma seħħ fost l-elementi differenti li jsostnu din is-soluzzjoni fil-punti 291 sa 327 ta’ din is-sentenza u li essenzjalment għandhom il-garanzija Kostituzzjonali li tinkludi f’Unjoni tad-dritt (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, Ġabra p. I‑6213, punt 44, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, punt 48), l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ kull att tal-Unjoni, inklużi dawk li, bħal f’dan il-każ, jimplementaw att tad-dritt internazzjonali, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni.

67      L-assenza ta’ immunità ġudizzjarja tal-atti tal-Unjoni timplementa miżuri restrittivi deċiżi fil-livell internazzjonali, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mis-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Hassan u Ayadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑399/06 u C‑403/06 P, Ġabra p. I‑119393, punti 69 sa 75), u, iktar reċentement, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bak Melli Iran vs Il‑Kunsill (C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381), li l-punt 105 tagħha jipprovdi, filwaqt li jibbaża fuq is-sentenza Kadi, li, mingħajr ma dan iqajjem dubju dwar is-supremazija ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-livell internazzjonali, ir-rispett li għandhom ikollhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti ma jistax ikollu bħala konsegwenza l-assenza ta’ kontroll tal-legalità ta’ tali atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

68      Isegwi li s-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punt 126 tagħha ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat, skont is-sentenza Kadi, li r-regolament ikkontestat ikun suġġett ta’ immunità ġudizzjarja.

69      L-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq żbalji ta’ liġi relatati mal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju ddefinit fis-sentenza appellata u ta’ żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-motivi ta’ annullament ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

70      L-ewwel għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet motivi, peress illi dawn kienu essenzjalment intiżi sabiex jirreferu għal żbalji ta’ liġi li hija vvizzjata bihom l-interpretazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, espressa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

 L-argumenti tal-partijiet

71      Fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, sostnuti mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, sostnew, fl-ewwel lok, li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u li, kuntrarjament għal dak li ġie sostnut fil-punti 132 sa 147 tagħha, is-sentenza Kadi ma tinkludi ebda indikazzjoni li ssostni l-approċċ tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju li teżerċita fir-rigward ta’ att tal-Unjoni bħar-regolament ikkontestat.

72      Minn naħa, ir-rekwiżit, ifformulat fil-punt 326 tas-sentenza Kadi, favur “stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet” tal-legalità tar-regolament ikkontestat għandu jiġi sostitwit fil-kuntest internazzjonali tal-adozzjoni ta’ dan l-att, kif deskritt, b’mod partikolari, fil-punti 292 u 297 ta’ din is-sentenza.

73      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kadi, kienet adottat id-definizzjoni tal-livell ta’ stħarriġ stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza tagħha dwar is-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, is-sentenza Kadi ma tinkludi ebda allużjoni għal din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Minbarra dan, din il-kunsiderazzjoni tinjora differenzi fundamentali eżistenti bejn din is-sistema u s-sistema inkwistjoni f’dan il-każ, f’termini ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ aċċess tagħhom għall-informazzjoni u għall-provi relatati mal-miżuri restrittivi adottati.

74      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit, sostnuti mill-Istati Membri kollha li intervjenew fl-appelli, isostnu, abbażi ta’ argumenti fuq id-dritt internazzjonali u fuq id-dritt tal-Unjoni li huma paragunabbli sew ma’ dawk sostnuti fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, li d-definizzjoni tal-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju li jinsab fil-punti 123 sa 147 tas-sentenza appellata hija żbaljata fil-liġi. Huma jżidu li l-approċċ eċċessivament intervenist applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa irrikonċiljabbli mal-ġurisprudenza stabbilita favur stħarriġ ġudizzjarju ristrett, limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, quddiem atti li jirriflettu għażliet li jirriżultaw minn evalwazzjonijiet kumplessi u minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għanijiet iddefiniti b’mod ġenerali.

75      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit jaffermaw li huwa żbaljat li, fil-punti 148 sa 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssuġġeriet li minn issa ’l quddiem jiġu assimilati l-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dan il-każ għal sanzjoni kriminali. Sostnuti mir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija, huma jsostnu li dawn il-miżuri, ta’ natura kawtelatorja, huma intiżi sabiex jantiċipaw u sabiex jipprevjenu theddid attwali jew futur għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u huma differenti minn sanzjoni kriminali, li tirreferi, min-naħa tagħha, għal fatti fil-passat punibbli, oġġettivament stabbiliti. Dawn il-miżuri kienu, minbarra dan, intiżi temporanjament u jinkludu diversi derogi.

76      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 171 sa 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata u relatata mar-rekwiżiti, li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ Y.A. Kadi applikabbli fl-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 wara s-sentenza Kadi, hija vvizzjata fid-dritt.

77      Sostnuti mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, dawn isostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet fundamentali kien jeħtieġ il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi kkunsidrati kontra Y.A. Kadi.

78      Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax il-possibbiltà, sostnuta fil-punti 342 sa 344 tas-sentenza Kadi, li d-dritt tal-persuna kkonċernata jiġi ristrett għall-komunikazzjoni tal-elementi kkunsidrati kontriha sabiex jiġi evitat li l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jista’ jwassal għal terzi sabiex isiru jafu u jevitaw għalhekk miżuri ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali. L-akkużi fformulati fil-punti 345 sa 352 ta’ din is-sentenza kienu barra minn hekk jirrigwardaw l-assenza ta’ komunikazzjoni lil Y.A. Kadi tar-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 u mhux fuq l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni u ta’ provi miżmuma mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

79      L-approċċ tal-Qorti Ġenerali, mill-bqija, ma jiħux inkunsiderazzjoni diversi ostakoli materjali għat-trażmissjoni ta’ tali elementi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li dawn l-elementi ġejjin minn nota indirizzata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn membru tal-ONU ġeneralment taħt il-kopertura tal-kunfidenzjalità minħabba n-natura sensittiva tagħhom.

80      F’dan il-każ, is-sunt tar-raġunijiet ipprovduti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li ġie kkomunikat lil Y.A. Kadi kien ippermettilu jifhem ir-raġunijiet tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002. Mhux talli ma huwiex limitat, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 157 u 177 tas-sentenza appellata, għal allegazzjonijiet ġenerali, infondati, vagi u mhux preċiżi kontra tiegħu, dan is-sunt jiġbor l-elementi li wasslu sabiex lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jikkunsidra li l-persuna għandha rabtiet personali u diretti man-netwerk Al-Qaida u Usama bin Laden.

81      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li, lil hinn mill-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tar-rikors parallel ippreżentat minn Y.A. Kadi quddiem il-qrati tal-Istati Uniti sabiex tiċħad l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l-allegata assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għall-allegata impossibbiltà ta’ aċċess għall-informazzjoni u għall-provi rilevanti.

82      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, għall-bidliet magħmula għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid stabbiliti fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti hija vvizzjata.

83      Sostnuti mill-Istati Membri oħra intervenjenti fl-appelli, huma jsostnu li l-proċedura ta’ reviżjoni perjodika ex officio mressqa permezz tar-Riżoluzzjoni 1822 (2008) ikkontribwixxiet sabiex ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif jikkonferma t-tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-ismijiet ta’ diversi persuni jew entitajiet. Fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman bir-Riżoluzzjoni 1904 (2009), din kienet immarkat tibdil deċiżiv fil-qasam billi ppermettiet lill-persuna kkonċernata li tesponi l-kwistjoni tagħha quddiem entità indipendenti u imparzjali, inkarigata milli tippreżenta, skont il-każ, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ir-raġunijiet li jimponu favur it-tħassir mitlub.

84      Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1989 (2011) tas-17 ta’ Ġunju 2011 tikkonferma r-rieda ta’ titjib kostanti tal-ipproċessar tat-talbiet għal tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. B’mod partikolari, tali tħassir ma jkunx iktar suġġett għall-kunsens unanimu tal-membri tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Dan isir effettiv 60 jum wara li dan il-kumitat ikun ikkompleta l-eżami ta’ rakkomandazzjoni f’dan is-sens u tar-rapport kollu ppreżentati mill-Ombudsman, sakemm ma jkunx hemm kunsens li jmur kontra mill-kumitat jew ta’ talba għal riferiment tal-fajl quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà. L-obbligi ta’ motivazzjoni u ta’ trasparenza tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fil-każ ta’ ċaħda tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, kienu ġew imsaħħa. Din ir-riżoluzzjoni twassal sabiex ittejjeb l-aċċess tal-Ombudsman għall-informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-iżvelar tal-identità tal-Istati fl-oriġini ta’ talba għal inklużjoni.

85      Y.A. Kadi jirribatti, fl-ewwel lok, li huwa korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod ċar ħadet pożizzjoni, fis-sentenza Kadi, fuq il-portata u l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi applikat f’dan il-każ. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet espliċitament applikat, fis-sentenza Kadi, stħarriġ ta’ legalità komplet, billi bbażat, taħt l-unika riżerva tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità intiżi għas-sigurtà pubblika, fuq l-informazzjoni u l-provi meqjusa kontra r-rikorrent. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li, bid-differenza tas-sistema msemmija fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sistema, is-sistema inkwistjoni f’dan il-każ ma tinkludix, qabel il-proċedura fuq livell tal-Unjoni, proċedura li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża taħt stħarriġ ġudizzjarju effettiv teħtieġ tisħiħ tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fuq livell tal-Unjoni, hekk kif kienet sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata.

86      Fit-tieni lok, Y.A. Kadi tikkontesta li r-rekwiżit li jinsab fis-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ volum tal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli f’dan il-każ huwa żbaljat.

87      L-ewwel nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma jiksirx id-dritt internazzjonali. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tar-regolament ikkontestat ma jagħmilx parti minn stħarriġ tal-validità tar-riżoluzzjoni li dan ir-regolament jimplementa. Huwa ma jippreġudikax la r-responsabbiltà prinċipali tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam lanqas is-supremazija tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fuq kull ftehim internazzjonali ieħor. Huwa lanqas ma huwa intiż sabiex jissostitwixxi l-evalwazzjoni politika tal-qorti tal-Unjoni ma’ dik tal-entitajiet internazzjonali kompetenti. Dan huwa intiż unikament sabiex jiżgura l-konformità neċessarja tal-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fi dan l-Unjoin mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Iktar preċiżament, huwa jikkontribwixxi sabiex jibbilanċja l-imperattivi ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali, minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, min-naħa l-oħra.

88      It-tieni nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jeħtieġ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti u imparzjali, inkluż fir-rigward ta’ miżuri tal-Unjoni bbażati fuq id-dritt internazzjonali.

89      Fit-tielet lok, wara li enfasizza n-natura suġġettiva tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq in-natura tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, Y.A. Kadi madankollu jsostni li, fil-każ partikolari tiegħu, dawn il-miżuri tilfu n-natura preventiva tagħhom u saru repressivi, kemm minħabba l-portata ġenerali tagħhom kif ukoll it-tul twil ħafna ta’ applikazzjoni, ħaġa li tiġġustifika stħarriġ komplet u rigoruż tar-regolament ikkontestat.

90      Fir-raba’ lok, Y.A. Kadi jikkontesta li r-rekwiżiti magħmula mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu huma vvizzjati minn żball ta’ liġi.

91      Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li stħarriġ ġudizzjarju effettiv ma jistax iseħħ fl-assenza totali ta’ żvelar tal-informazzjoni u ta’ provi miżmuma mill-awtoritajiet tal-ONU. Fuq l-ammissjoni stess ta’ dawn tal-aħħar, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma kienx maħsub sabiex iservi bħala prova. Dan jinkludi biss indikazzjonijiet utli fuq l-attivitajiet fil-passat tal-persuna kkonċernata kif ukoll provi magħrufa mill-membri ta’ dan il-kumitat.

92      L-assenza ta’ proċedura formali ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kunsill tas-Sigurtà u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tipprekludix ostakolu għal skambju tal-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-għan komuni tagħhom ta’ preżervazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi. F’dan il-każ, minkejja t-talba speċifika ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni wkoll kienet fittxet li ssir taf mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet sunt dettaljat tal-fatti jew il-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-listi inkwistjoni.

93      Fir-rigward tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, dan fih ċertu numru ta’ allegazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti, li Y.A. Kadi ma setax jikkonfuta b’mod effettiv.

94      Fil-ħames lok, Y.A. Kadi isostni li l-proċedura ġudizzjarja fl-Istati Uniti hija irrilevanti għal din il-kawża, peress li hija intiża għall-annullament tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Office of Foreign Assets Control (Uffiċċju ta’ kontroll tal-attivi barranin), tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Istati Uniti, minħabba raġunijiet totalment differenti mir-raġunijiet diskussi f’dan il-każ. Din il-proċedura ma tikkonċernax la r-regolament ikkontestat u lanqas ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-regolament huwa intiż li jimplementa.

95      Fis-sitt lok, Y.A. Kadi jsostni li, fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-unika proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti kienet dik tal-punt fokali. Fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, li, minkejja sussegwenti għal din l-adozzjoni, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ma kinitx toffri l-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja. B’mod partikolari, il-persuna li titlob it-tħassir ta’ isimha mil-lista’ rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma għandhiex sunt iddettaljat tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha f’din il-lista, la elementi meqjusa kontriha, u hija ma għandhiex id-dritt li tinstema’ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-uniku korp deċiżjonali fil-qasam. Minbarra dan, l-Ombudsman ma għandu ebda setgħa vinkolanti fir-rigward tal-membri tal-ONU u tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li għandu setgħa diskrezzjonali. Il-lakuni persistenti ta’ din il-proċedura kienu ġew enfasizzati, b’mod partikolari, mill-Uffiċċju tal-Ombudsman stess fl-ewwel rapport tiegħu tax-xahar ta’ Jannar 2011, li jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, fuq l-assenza ta’ aċċess għall-informazzjoni kklassifikata jew kunfidenzjali u n-nuqqas ta’ informazzjoni lejn min jitlob l-informazzjoni rigward is-suġġett tal-identità tal-Istat jew tal-Istati fl-oriġini tal-inklużjoni tiegħu f’din il-lista.

96      Dawn il-lakuni ma spiċċawx permezz tar-Riżoluzzjoni 1989 (2011). Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman huma dejjem mingħajr saħħa vinkolanti. Id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ tħassir tal-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u s-setgħa deċiżjonali ta’ tħassir jibqgħu għad-diskrezzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fil-każ ta’ rakkomandazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, kull membru tal-Kunsill tas-Sanzjonijiet jista’ jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà, fejn il-ħames membri permanenti tiegħu huma awtorizzati sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ veto tagħhom b’mod diskrezzjonali. L-Uffiċċju tal-Ombudsman jiddependi minbarra dan fuq ir-rieda ta’ kooperazzjoni tal-Istati fil-qasam ta’ ġbir ta’ informazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq il-portata tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

97      Hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 125, 126 u 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 326 tas-sentenza Kadi, li l-qrati tal-Unjoni għandhom, skont il-kompetenzi li huma mogħtija lilhom skont it-Trattat, jiżguraw stħarriġ, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż meta tali atti huma intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hassan u Ayadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 71, kif ukoll Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 105). Dan ir-rekwiżit huwa espressament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

98      Fuq il-livell ta’ dawn id-drittijiet fundamentali nsibu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

99      L-ewwel fost dawn id-drittijiet, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09, Ġabra p. I‑13427, punt 66), jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità.

100    It-tieni fost dawn id-drittijiet fundamentali, li huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha kemm mill-qari tad-deċiżjoni nfisha, kif ukoll permezz tal-komunikazzjoni tal-motivi magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teħtieġ li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    L-Artikolu 52(1) tal-Karta għandu limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sa fejn din il-limitazzjoni kkonċernata tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u teħtieġ, barra minn hekk, li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

102    Minbarra dan, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 63), b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, punti 139 u 140, kif ukoll Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 53).

103    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 3(1) u (5) TFUE u 21(1) u (2)(a) u (c) TUE, dwar il-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali fir-rispett tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari, tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-assenza ta’ aċċess ta’ Y.A. Kadi u tal-qorti tal-Unjoni għall-informazzjoni u l-provi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, akkużata mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 173, 181 u 182 tas-sentenza appellata, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

104    F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, b’mod partikolari, fil-punt 294 tas-sentenza Kadi, hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà ngħata mill-membri tal-ONU r-responsabbiltà prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali. Għal dan il-għan, huwa dan il-korp internazzjonali li għandu jiddetermina dak li jikkostitwixxi theddida kontra dawn il-valuri u li jieħu, permezz tal-adozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet skont il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, il-miżuri neċessarji sabiex iżommhom jew jistabbilixxihom mill-ġdid, inkonformità mal-għanijiet u mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari, mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

105    F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet, imsemmija fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, li jirregolaw is-sistema ta’ miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, huwa l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, fuq proposta ta’ membru tal-ONU sostnuta minn “sunt tar-raġunijiet” li għandu jinkludi “spjegazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata tar‑raġunijiet tat‑talba għall‑inklużjoni”, “in-natura tal-elementi ta’ informazzjoni” u “l‑elementi kollha ta’ informazzjoni jew dokumenti li jiġġustifikaw li jistgħu jingħataw”, li taħtar, skont kriterji ddefiniti mill-Kunsill tas-Sigurtà, l-organizzazzjonijiet l-entitajiet u l-persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi oħra tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Din il-ħatra, materjalizzata bl-inklużjoni tal-isem tal-organizzazzjoni, tal-entità jew tal-persuna kkonċernata fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet aġġornata skont talbiet tal-Istati Membri tal-ONI, hija bbażata fuq “sunt tar-raġunijiet” li huwa stabbilit mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fid-dawl tal-elementi li fosthom l-Istat fl-oriġini tal-proposta ta’ inklużjoni ikun awtorizza l-iżvelar, b’mod partikolari lill-persuna kkonċernata, fejn l-informazzjoni tkun aċċessibbli fis-sit web tagħha.

106    Waqt l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti effettwata mill-Unjoni, abbażi ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni adottata mill-Istati Membri skont dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika barranija u s-sigurtà komuni, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni termini u għanijiet ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet kif ukoll obbligi rilevanti li jirriżultaw minn din il-karta fir-rigward ma’ tali implementazzjoni (ara s-sentenza Kadi, punti 295 u 296).

107    Għaldaqstant, meta, fil-kuntest tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddeċieda li jinkludi l-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista rikapitolattiva tagħha, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha, sabiex tagħti segwitu għal din id-deċiżjoni f’isem Stati Membri, tieħu d-deċiżjoni li tinkludi isimha, jew li żżomm din l-inklużjoni, fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut minn dan il-kumitat. Min-naħa l-oħra, ma huwiex previst f’dawn ir-riżoluzzjonijiet li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet iqiegħed spontanjament għad-dispożizzjoni, b’mod partikolari, tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għall-finijiet tal-adozzjoni minn din tal-aħħar tad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni jew ta’ żamma ta’ inklużjoni, ta’ elementi oħra ħlief dak sostnut mir-raġunijiet.

108    Huwa għalhekk li, kemm minħabba deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni tal-isem ta’ organizzazzjoni, ta’ entità jew ta’ persuna fil-lista li tidher fil-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 li, bħal f’dan il-każ, għal deċiżjoni dwar żamma f’din il-lista ta’ inklużjoni inizjalment adottata qabel it-3 ta’ Settembru 2008, data tas-sentenza Kadi, l-Artikoli 7a(1) u (2) u 7c(1) u (2) tar-Regolament Nru 881/2002, imdaħħla mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 346, p. 42) sabiex jemenda l-proċedura ta’ inklużjoni f’din il-lista wara din is-sentenza, hekk kif ġie ppreċiżat fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1286/2009, jirreferu esklużivament għas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-finijiet tat-teħid ta’ tali deċiżjonijiet.

109    Fil-każ partikolari ta’ Y.A. Kadi, jirriżulta mill-proċess li l-inklużjoni inizjali ta’ ismu, fis-17 ta’ Ottubru 2001, fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet segwiet talba mill-Istati Uniti motivata mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2001 li permezz tagħha l-Uffiċċju ta’ kontroll tal-attivi barranin identifika lil Y.A. Kadi bħala “terrorist ta’ livell dinji speċjalment indikat” (“Specially Designated Global Terrorist”).

110    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-regolament ikkontestat, wara s-sentenza Kadi, il-Kummissjoni, permezz ta’ dan ir-regolament, iddeċidiet li żżomm isem Y.A. Kadi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 abbażi tas-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li kien ġie kkomunikat minnu. Hekk kif il-Qorti Ġenerali ħadet att fil-punt 95 tas-sentenza appellata, u kif hija kkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma kellhiex f’idejha elementi oħra ħlief dan is-sunt tar-raġunijiet.

111    Fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jitniżżel jew li jinżamm isem persuna fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li għandha din l-awtorità kontra din il-persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jiġifieri, tal-inqas, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 336 u 337) u dan, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ ta’ jekk ikunx utli li tressaq każ quddiem il-qorti tal-Unjoni.

112    Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuni li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi meqjusa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21; tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il‑Kummissjoni, C‑462/98 P, Ġabra p. I‑7183, punt 36, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti, bħal f’dan il-każ, li jinżamm isem il-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, l-osservanza ta’ dan l-obbligu doppju proċedurali għandu, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal inklużjoni inizjali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Kadi, punti 336 sa 341 u 345 sa 349, kif ukoll is-sentenza France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), twassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, li hija l-awtur tar-regolament ikkontestat, ikkonformat ruħha ma’ dan l-obbligu.

114    Meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata rigward is-sunt tar-raġunijiet, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi imposti fuqhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 58, u M., iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

115    F’dan ir-rigward, hija din l-awtorità li għandha tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontenut ta’ dawn l-osservazzjonijiet eventwali, in-neċessità li titlob il-kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, permezz ta’ dan tal-aħħar, tal-membru tal-ONU li ppropona l-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista rikapitolattiva ta’ dan il-kumitat, sabiex tikseb, fil-kuntest tal-klima ta’ kooperazzjoni effettiva li, skont l-Artikolu 220(1) TFUE, għandha tipprevali għar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, li jippermettulha li twettaq dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità.

116    Fl-aħħar nett, mingħajr ma tasal li twieġeb b’mod iddettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi inkluża jew li jinżamm isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141), l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fiċ-ċirkustanzi kollha, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni jikkorrispondi ma’ motivi esposti minn entità internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, punti 140 u 142, kif ukoll Il‑Kunsill vs Bamba, punti 49 sa 53).

117    Fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-persuna kkonċernata tal-legalità tad-deċiżjoni li tiġi inkluża jew li jinżamm isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda l-osservanza tar-regoli ta’ forma u ta’ kompetenza, inkluż fuq in-natura xierqa tal-bażi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 121 sa 236; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill, C‑376/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 46 sa 72).

118    Il-qorti tal-Unjoni għandha, minbarra dan, tivverifika l-osservanza mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tal-garanziji proċedurali msemmija fil-punti 111 sa 114 ta’ din is-sentenza l-istess bħall-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, imfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, u, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati.

119    L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ ukoll li, skont l-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 (sentenza Kadi, punt 336), il-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, punt 56), tistrieħ fuq bażi fattwali solida biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fis-sunt tar-raġunijiet li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57), b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-astratt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti.

120    Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

121    Hija, għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi.

122    Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u provi kollha inerenti għall-motivi allegati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna kkonċernata.

123    Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri, f’dan il-każ, l-indikazzjonijiet li jinsabu fis-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-osservazzjonijiet u l-elementi li għandhom eventwalment jiġu prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll it-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu inkwantu bħala li jsostni d-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma tal-inklużjoni inkwistjoni.

124    Jekk, bil-kontra, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata għas-suġġett tagħhom.

125    Ċertament, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jmissu ċ-ċertezza tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew l-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni jew ta’ ċerti provi lill-persuna kkonċernata. F’każ simili, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni, li lilha ma jistax jiġi prekluż l-aċċess minħabba s-segretezza jew il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni jew elementi, li timplementa, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u s-sorsi ta’ informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit biżżejjed lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punti 342 u 344; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54, 57 u 59).

126    Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni, filwaqt li tipproċedi għal eżami tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li għandha tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati minn din l-awtorità sabiex topponi tali komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62).

127    Jekk il-qorti tal-Unjoni titlob li dawn ir-raġunijiet ma jipprekludux il-komunikazzjoni, tal-inqas parzjali, tal-informazzjoni jew tal-provi kkonċernati, hija tagħti l-possibbiltà lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tikkomunika din l-informazzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Jekk din l-awtorità topponi l-komunikazzjoni ta’ kull jew parti minn din l-informazzjoni jew elementi, il-qorti tal-Unjoni ser tipproċedi għalhekk għall-eżami tal-legalità tal-att ikkontestat abbażi tal-elementi biss li ġew ikkomunikati lilha (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

128    Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li r-raġunijiet invokati mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni jipprekludu effettivament il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fir-rispett tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u dawn jirriżultaw mis-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jew tal-aġir tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

129    Għall-finijiet ta’ tali bbilanċjar, huwa possibbli li jintużaw possibbiltajiet bħall-komunikazzjoni ta’ sunt tal-kontenut tal-informazzjoni jew tal-provi inkwistjoni. Indipendentement mill-użu ta’ tali possibbiltajiet, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa jekk u sa fejn l-assenza ta’ żvelar ta’ informazzjoni jew ta’ provi kunfidenzjali lill-persuna kkonċernata u l-impossibbiltà korrelattiva għaliha li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom humiex ta’ natura li jinfluwenzaw is-saħħa probatorja tal-provi kunfidenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza ZZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

130    Fir-rigward tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif iddefinit fil-punti 117 u 129 ta’ din is-sentenza, il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet hija biżżejjed preċiża u konkreta, li huwa sostnut u li jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fl-ipoteżi bil-kontra, hija tipproċedi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

131    Tali stħarriġ ġudizzjarju jirriżulta indispensabbli sabiex jiġi ggarantit ekwilibriju ġust bejn il-preżervazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57), li jikkostitwixxu valuri komuni għall-ONU u l-Unjoni.

132    Fil-fatt, minkejja n-natura preventiva tagħhom, il-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom, fuq dawn il-libertajiet u drittijiet, effett negattiv sinjifikattiv marbut, minn naħa, mat-taqlib kunsiderevoli tal-ħajja kemm professjonali kif ukoll tal-familja tal-persuna kkonċernata mill-fatt tar-restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà tagħha li jirriżultaw mill-portata ġenerali tagħhom u, bħal f’dan il-każ, tat-tul effettiv tal-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-diżunur u s-suspett pubbliku li dawn iqajmu lejn din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi, punti 368, 369 u 375; France vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64; Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120, kif ukoll tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Tali stħarriġ jirriżulta għaldaqstant iktar indispensabbli li, minkejja titjib li jista’ jingħata lilhom, b’mod partikolari, wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-proċeduri ta’ tħassir u ta’ reviżjoni ex officio stabbiliti fil-livell tal-ONU ma joffrux lill-persuna li isimha jitniżżel fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, sussegwentement, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li taqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Federali Svizzera, reċentement enfasizzat fil-punt 211 tas-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2012, Nada vs L-Isvizzera (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet).

134    Fil-fatt, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkonstata permezz tal-qorti, permezz ta’ sentenza ta’ annullament li skont din l-att ikkontestat huwa eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jkun qisu qatt ma eżista, li l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ isimha fil-lista inkwistjoni ġiet ivvizzjata minn illegalità, li r-rikonoxximent tagħha tista’ tirrijabilita din il-persuna jew li tikkostitwixxi għaliha forma ta’ kumpens għad-dannu morali subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Andulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 84).

–       Fuq l-iżbalji ta’ liġi li jaffettwaw is-sentenza appellata

135    Minn dawn l-elementi ta’ analiżi li jippreċedu jirriżulta li r-rispett tar-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, minn naħa, mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li hija tikkomunika lill-persuna kkonċernata sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li fuqu hija bbażat id-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma ta’ isem ta’ din il-persuna fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, li hija tippermettilu u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw provi prodotti minn din il-persuna.

136    Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet jimplika, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod partikolari, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati f’dan is-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll, skont il-każ, in-natura stabbilita tal-materjalità tal-fatti li jikkorrispondu mal-motiv ikkonċernat fid-dawl tal-elementi li ġew ikkomunikati.

137    Min-naħa l-oħra, il-fatt, għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni, li ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u, ulterjorment, għall-qorti tal-Unjoni informazzjoni jew provi, li huma biss f’idejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew ta’ membru tal-ONU kkonċernat, relatati mas-sunt tar-raġunijiet li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, inkwantu tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn l-istess drittijiet. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni, li hija mitluba tistħarreġ il-fondatezza fattwali tal-motivi li jinsabu fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet u elementi li jiskaġunaw eventwalment prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll tat-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet, ma jkollhiex informazzjoni supplimentari jew provi. Bħala konsegwenza, ikun impossibbli għaliha li tikkonstata l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar inklużjoni kkontestata.

138    Għaldaqstant, fil-punti 173, 181 sa 184, 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat il-konstatazzjoni tagħha fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll, bħala konsegwenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni għal Y.A. Kadi u għaliha nnifisha informazzjoni jew provi inerenti għar-raġunijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002, u dan għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-punti 81 u 95 tas-sentenza appellata, hija kienet ħadet att, kemm għall-finijiet taċ-ċaħda tat-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura espressa minn Y.A. Kadi sabiex jikseb din il-komunikazzjoni kif ukoll waqt is-seduta, mill-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex din l-informazzjoni u provi.

139    Kuntrarjament ma’ dak li jindikaw il-punti 181, 183 u 184 tas-sentenza appellata, ma jirriżultax minn siltiet tas-sentenzi Kadi li għalihom hemm riferiment f’dawn il-punti li l-assenza ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata u tal-qorti tal-Unjoni għal informazzjoni jew għal provi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni ma għandhiex hija, inkwantu tali, kostituttiva ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

140    Barra minn hekk, u peress li huwa mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura suffiċjenti, jew mhux, tal-motivazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, kif jirriżulta mill-punti 174, 177, 188 u 192 sa 194 tas-sentenza appellata, ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha ta’ tali ksur fuq in-natura, fil-fehma tagħha vaga u mhux preċiża tal-allegazzjonijiet li jidhru fis-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, filwaqt li eżami separat ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi ma jippermettix li ssir tali konklużjoni ġenerali.

141    Fil-fatt, ċertament, hekk kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali billi adottat, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Y.A. Kadi sostnut fir-raba’ inċiż tal-punt 157 ta’ din is-sentenza, l-aħħar minn dawn il-motivi invokati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa bbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi kien proprjetarju fl-Albanija ta’ diversi kumpanniji li kienu ttrażmettew fondi lil estremisti u li kienu fdawlhom funzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fondi ta’ dawn il-kumpanniji, u fosthom sa ħamsa minnhom kienu rċivew fondi mħallsa minn Usama bin Laden, huwa insuffiċjentement preċiż u konkret peress illi ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar l-identità tal-kumpanniji kkonċernati, fuq il-perijodu tal-aġir akkużat u fuq l-identità tal-“estremisti” allegatament benefiċjarji ta’ dan l-aġir.

142    Min-naħa l-oħra, l-istess japplika għal motivi oħra invokati fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

143    Fil-fatt, l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi rrikonoxxa li huwa membru fundatur u li jmexxi attivitajiet tal-Fondation Muwafaq, li dejjem aġixxa taħt il-gwida tal-Uffiċċju Afgan (Makhtab al-Khidamat), fondat, b’mod partikolari, minn Usama bin Laden u prekursur tan-netwerk Al-Qaida, u li, max-xoljiment ta’ dan l-Uffiċċju fix-xahar ta’ Ġunju 2001, huwa baqa’ ma’ dan in-netwerk, huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-entità kkonċernata u r-rwol ta’ Y.A. Kadi fir-rigward tiegħu, kif ukoll l-elementi ta’ allegata assoċjazzjoni bejn din l-entità, minn naħa, u Usama bin Laden u n-netwerk Al-Qaida, min-naħa l-oħra.

144    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, sabiex jiżgura d-direzzjoni tal-uffiċċji Ewropej tal-Fondazzjoni Muwafaq, fl-1992, Y.A. Kadi kien irrekluta lil Al-Ayadi fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, persuna involuta fid-dinja finanzjarja li ġġieldet maġenb Usama bin Laden fl-Afganistan fis-snin 80. Fil-mument ta’ dan ir-reklutaġġ, Al-Ayadi kien wieħed mil-leaders prinċipali tal-Front Iżlamiku Tuneżin u kien aġixxa fil-kuntest ta’ ftehim ma’ Usama bin Laden. Fis-snin 90 huwa kien mar fl-Afganistan sabiex hemmhekk isegwi taħriġ paramilitari, imbagħad, ma’ persuni oħra, fis-Sudan biex hemmhekk jikkonkludi ma’ Usama bin Laden ftehim li jirrigwarda li jinġabru u jiġu mħarrġa Tuneżini u, ulterjorment, ftehim li jirrigwarda li jiġu milqugħa ġellieda Tuneżini u, ulterjorment, ftehim li jirrigwarda li jiġu milqugħa ġellieda Tuneżini lejn l-Italja permezz tal-kollaboraturi ta’ Usama bin Laden fil-Bosnja-Ħerzegovina.

145    Dan il-motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jinkludi l-preċiżazzjonijiet neċessarji relatati maż-żmien u mal-kuntest tar-reklutaġġ inkwistjoni kif ukoll mal-elementi personali ta’ allegat rabta ta’ din ir-reklutaġġ ma’ Usama bin Laden.

146    It-tielet motiv, li jieħu sostenn fuq dikjarazzjoni li kienet saret fl-1994 minn Talad Fuad Kaddem, diriġent ta’ Al-Gama’ at al Islamiyya, u li skont din il-Fondazzjoni Muwafaq ipprovdiet sostenn loġistiku u finanzjarju għal armata ta’ ġellieda fil-Bosnja-Ħerzegovina.

147    Dan it-tielet motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-awtur tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, it-tipi ta’ atti akkużati, iż-żmien tal-allegat twettiq tagħhom kif ukoll l-allegata assoċjazzjoni tagħhom ma’ attivitajiet ta’ Usama bin Laden.

148    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li Y.A. Kadi kien wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-bank Bosnijaku Depozitna Banka, illum magħluq, li fih Al-Ayadi kien eżerċita funzjonijiet u rrappreżenta l-interessi ta’ Y.A. Madi, u li fih laqgħat intiżi għall-preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment tal-Istati Uniti fl-Arabja Sawdita setgħu forsi seħħew.

149    Kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 175 tas-sentenza appellata, dan ir-raba’ motiv huwa biżżejjed preċiż u konkret, peress li jidentifika l-istabbiliment finanzjarju permezz l-intermedjarju li tiegħu Y.A. Kadi kien allegatament ikkontribwixxa għal attivitajiet terroristiċi kif ukoll in-natura tal-allegat proġett terroristiku kkonċernat. It-ton kundizzjonali tal-indikazzjoni li f’dan l-istabbiliment seħħew laqgħat preparatorji għal dan l-allegat proġett ma jmurx kontra r-rekwiżiti inerenti għad-dmir ta’ motivazzjoni, peress li l-motivi ta’ inklużjoni fil-lista tal-Unjoni jistgħu, fil-fatt, jibbażaw fuq suppożizzjonijiet ta’ implikazzjoni f’attivitajiet terroristiċi, bla ħsara għall-verifika tal-fondatezza ta’ dawn is-suppożizzjonijiet.

150    Minkejja li jirriżulta mill-punti 138 sa 140 u 142 sa 149 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja dawn l-iżbalji, id-dispożittiv tas-sentenza appellata jidhirx fondat fuq motivi ta’ liġi barra dawk ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, li fil-każ ta’ appell għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-illegalità tar-Regolament ikkontestat

151    Hemm lok li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, li, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008 imressqa insostenn tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, Y.A. Kadi, filwaqt li ammetta li kien membru fundatur tal-Fondazzjoni Muwafaq, ċaħad kull sostenn ta’ din tal-aħħar mat-terroriżmu u kull rabta bejnha u l-Uffiċċju Afgan. Huwa hemeż mal-osservazzjonijiet tiegħu il-memorandum tal-Fondazzjoni Muwafaq, fejn huwa sostna li din kellha skop esklużivament karitattiv u umanitarju, prinċipalment intiż lejn l-għajnuna lill-persuni li jbatu l-ġuħ fid-dinja, b’mod partikolari fis-Sudan. Filwaqt li ammetta li ħa parti fid-deċiżjonijiet strateġiċi internazzjonali tal-Fondazzjoni Muwafiq, huwa ċaħad kull implikazzjoni fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tagħha fid-dinja, b’mod partikolari fir-reklutaġġ ta’ persunal lokali. Huwa kkontesta wkoll li l-Fondazzjoni Muwafiaq kienet ingħaqdet man-netwerk Al-Qaida fix-xahar ta’ Ġunju 2001, billi sostna, b’mod partikolari b’dokumenti ta’ sostenn, li hija kienet waqfet kull attività mhux iktar tard mill-1998.

152    Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, ukoll prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li, il-waqfien ta’ parti jew tal-attivitajiet kollha tal-entità kkonċernata ma kienx ta’ natura li jeskludi li hija, li kellha personalità ġuridika awtonoma, kienet ingħaqdet man-netwerk Al-Qaida.

153    Għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda element ta’ informazzjoni jew ta’ prova ma kien tressaq sabiex isostni l-allegazzjonijiet dwar implikazzjoni tal-Fondazzjoni Muwafaq fit-terroriżmu internazzjonali fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni mal-Uffiċċju Afgan u n-netwerk Al-Qaida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjonijiet dwar ir-rwol u l-funzjonijiet ta’ Y.A. Kadi fir-rigward ta’ din il-fondazzjoni ma humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha.

154    Fir-rigward tat-tieni motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi, filwaqt li rrikonoxxa li rrekluta, fl-1992, fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, lil Al-Ayadi sabiex jiżgura d-direzzjoni tal-uffiċċji Ewropej tal-Fondazzjoni Muwafaq, huwa madankollu afferma li l-uniku għan ta’ din il-Fondazzjoni fl-Ewropa kien is-sostenn lir-refuġjati Bosnijaċi u Kroati matul il-gwerra tal-Balkani fis-snin 90. Huwa espona li Julaidan, li, f’dak iż-żmien, kien jikkollabora miegħu fi proġett tah għajnuna għat-taħriġ professjonali ta’ refuġjati Kroati, kien irrakkomandalu lil Al-Ayadi minħabba l-esperjenza professjonali tiegħu fil-ġestjoni tax-xogħol umanitarju u tal-integrità tiegħu. Huwa jsostni wkoll li, fl-1992, huwa ma kellu ebda raġuni li jissuspetta lil Al-Ayadi u Jaladian b’sostenn għal attivitajiet terroristiċi, billi sostna li, fis-snin 80, Usama bin Laden kien ikkunsidrat bħala alleat tal-forzi tal-Punent fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Sovjetika, u li kien biss mill-1996 li dan tal-aħħar kien deskritt bħala theddida għas-sigurtà internazzjonali u li kien biss fix-xahar ta’ Ottubru 2001 u fix-xahar ta’ Settembru 2002 li Al-Ayadi u Julaiadan kienu, rispettivament, tniżżlu fil-lista rikapitolattiva tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, huwa afferma li ma kienx jaf bl-eżistenza tal-Front Iżlamiku Tuneżin u allegati rabtiet bejn Al-Ayadi u din l-organizzazzjoni.

155    Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li r-reklutaġġ ta’ Al-Ayadi minn Y.A. Kadi fuq rakkomandazzjoni ta’ Julaidan, flimkien mal-kuntatti ta’ Al-Ayadi u Julaidan ma’ Usama bin Laden, kien jippermetti li jiġi konkluż li dawn il-persuni differenti kienu diġà aġixxew bi ftehim bejniethom u li kienu jappartjenu lill-istess netwerk. Hija żżid tgħid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ftit kien jimporta li Y.A. Kadi kien allegatament injora r-rabtiet allegati bejn Al-Ayadi u l-Front Iżlamiku Tuneżin.

156    F’dan ir-rigward, mingħajr ma jiġi eskluż li l-elementi invokati fis-sunt tal-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’dak li jikkonċerna r-reklutaġġ minn Y.A. Kadi, fl-1992, ta’ Al-Ayadi fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Julaidan u l-allegata implikazzjoni ta’ Al-Ayadi u Julaidan f’attivitajiet terroristiċi flimkien ma’ Usama bin Laden setgħu jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, fl-2002, ta’ isem Y.A. Kadi fil-lista tal-persuni li jidhru fl-Anness tar-Regolament Nru 881/2002, għandu jiġi osservat li dawn l-istess elementi, li ma humiex sostnuti mod ieħor, ma jistgħux jiġġustifikaw iż-żamma, wara 2008, tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ta’ dan ir-regolament, kif emendat mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, fir-rigward tad-distanza fiż-żmien li tissepara ż-żewġ atti, dawn l-elementi, li jirreferu għas-sena 1992, ma humiex biżżejjed waħedhom, sabiex tiġi ġġustifikata, fl-2008, iż-żamma, fuq livell tal-Unjoni, ta’ isem Y.A. Kadi fil-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi inkwistjoni.

157    Fir-rigward tat-tielet motiv invokat insostenn tas-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi afferma li ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ Talad Fuad Kassem. Huwa ċaħad li qatt ma kellu l-inqas sostenn finanzjarju, loġistiku jew kwalunkwe tip ieħor ma’ din il-persuna, mal-entità li huwa kien imexxi jew ma’ ġellieda ta’ Bosnja Ħerzegovina. Huwa sostna wkoll li, sa fejn kien jaf hu, la l-Fondazzjoni Muwafaq u lanqas ebda wieħed mill-impjegati tiegħu ma qatt kienu pprovdew tali sostenn ta’ din in-natura.

158    Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li d-dikjarazzjoni ta’ Talad Fuad Kassem ikkontribwixxiet sabiex tikkonferma li Y.A. Kadi kien uża l-pożizzjoni tiegħu għal għanijiet li ma kinux relatati ma’ attivitajiet ordinarji. Hija żżid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx jagħmel differenza jekk Y.A. Kadi kienx jaf jew le lil Talad Fuad Kassem.

159    Madankollu, ebda informazzjoni jew prova ma ġiet ippreżentata, quddiem konfutazzjonijiet ċirkustanzjali ta’ Y.A. Kadi, sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-eżattezza materjali tad-dikjarazzjoni mogħtija minn Talad Fuad Kassem fis-sunt tal-motivi pprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kif ukoll li jiġi evalwat, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegazzjoni ta’ Y.A. Kadi li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ Talad Fuad Kassem, tas-saħħa probatorja ta’ din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ sostenn tal-Fondazzjoni Muwafaq għal attivitajiet terroristiċi fil-Bosnja Ħerzegovina flimkien ma’ Usama bin Laden. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indikazzjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ Talad Fuad Kassem ma tikkostitwixxix bażi li tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra Y.A. Kadi.

160    Fir-rigward tar-raba’ motiv invokat fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmi fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Novembru 2008, Y.A. Kadi ċaħad li qatt ta sostenn finanzjarju lit-terroriżmu internazzjonali permezz tad-Depozitna Banka jew permezz ta’ kwalunkwe stabbiliment ieħor. Huwa spjega li kien akkwista sehem f’dan il-bank għal finijiet esklużivament kummerċjali fir-rigward tal-perspettivi ta’ rikostruzzjoni soċjali u ekonomiku tal-Bosnja wara l-ftehim ta’ paċi ta’ Dayton ta’ 1995, u li kien, minħabba rekwiżit tad-dritt lokali, ta r-rappreżentazzjoni tal-interessi tiegħu f’dan il-bank lil Al-Ayadi, ta’ nazzjonalità Bosnijaka. Filwaqt li bbaża fuq rapporti ta’ kumpanniji internazzjonali ta’ kontroll finanzjarju relatati mal-perijodu minn 1999 sa 2002, kif ukoll fuq ir-rapport ta’ analist finanzjarju maħtur minn maġistrat Svizzeru mill-perijodu mill-1997 sa 2001, huwa sostna li ebda wieħed minn dawn ir-rapporti ma jissuġġerixxi li d-Depozitna Banka kienet ġiet implikata bi kwalunkwe mod fil-finanzjament jew is-sostenn tat-terroriżmu. Huwa kkontesta li dan il-bank kien ingħalaq, billi spjega, permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn, li dan kien ġie amalgamat ma’ bank ieħor fl-2002. Huwa barra minn hekk ipproduċa dokumenti relatati ma’ kuntatti li saru, fix-xahar ta’ Marzu 1999, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, id-direttur tad-Depozitna Banka u l-awtoritajiet politiċi Bosnijaċi fuq temi legali li jmissu s-settur bankarju fil-Bosnja-Ħerzegovina. Fl-aħħar nett, huwa sostna li, jekk l-awtoritajiet Sawditi kellhom raġunijiet sabiex jippreżupponi l-preparazzjoni, fi ħdan id-Depozitna Banka, ta’ attentat kontra interessi tal-Istati Uniti fuq it-territorju tagħhom, huma ma kinux jonqsu milli jinterrogaw, fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja Sawdita ta’ dan l-istabbiliment. Issa, dawn l-awtoritajiet qatt ma għamlu dan.

161    Fit-tweġiba tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008 għall-osservazzjonijiet ta’ Y.A. Kadi, il-Kummissjoni affermat li l-indikazzjonijiet li d-Depozitna Banka kien serva għall-preparazzjoni ta’ attentat fl-Arabja Sawdita, kienu kkontribwixxew sabiex jikkonfermaw li Y.A. Kadi kien uża l-pożizzjoni tiegħu għal għanijiet li ma humiex relatati ma’ attivitajiet ordinarji.

162    Madankollu, ebda informazzjoni jew prova ma kienet ġiet prodotta sabiex issostni l-allegazzjoni li laqgħat setgħu seħħew fil-lokalitajiet tad-Depozitna Banka sabiex jiġu ppreparati atti terroristiċi f’assoċjazzjoni man-netwerk Al-Qaida jew Usama bin Laden, l-indikazzjonijiet relatati mar-rabta li eżistiet bejn Y.A. Kadi ma’ dan il-bank ma jippermettux li tiġi sostnuta l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra tiegħu.

163    Fl-analiżi li tinsab fil-punti 141 u 151 sa 162 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ebda waħda minn dawn l-allegazzjonijiet ifformulati kontra Y.A. Kadi fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma hija ta’ natura li tiġġustifika l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ miżuri restrittivi kontra tiegħu, u dan minħabba kemm ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, kemm minħabba l-assenza ta’ informazzjoni jew provi li kienu jsostnu l-motiv ikkonċernat quddiem ċaħdiet ċirkustanzjali tal-persuna kkonċernata.

164    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji ta’ liġi, identifikati fil-punti 138 sa 140 u 142 sa 149 ta’ din is-sentenza, li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jinvalidawha, peress illi d-dispożittiv tagħha li jannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lil Y.A. Kadi huwa fondat fuq ir-raġunijiet ta’ dritt stabbiliti fil-punt preċedenti.

165    Għaldaqstant, l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

166    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Meta parti intervenjenti fl-ewwel istanza, li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’, skont l-Artikolu 184(4), tiddeċiedi li tbati l-ispejjeż tagħha stess. L-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

167    Peress illi l-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit tilfu l-aggravji tagħhom, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet ta’ Y.A. Kadi, li jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

168    Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.