Language of document : ECLI:EU:T:2014:774

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2014 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina miċ-Ċina – Trattament ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrigwarda dan it-trattament – Eżami diliġenti u imparzjali – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Oneru tal-prova – Dannu – Determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ – Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat – Industrija Komunitarja – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑443/11,

Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd, stabbilita f’Jiangsu (iċ-Ċina),

Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd, stabbilita f’Jiangsu,

irrappreżentati minn V. Akritidis, Y. Melin u F. Crespo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. Berrisch, A. Polcyn, avukati, u minn N. Chesaites, barrister, sussegwentement minn B. O’Connor, solicitor, u minn S. Gubel, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

u minn

Cepifine AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Sappi Europe SA, stabbilita fi Brussell,

Burgo Group SpA, stabbilita f’Altavilla Vicentina (l-Italja),

Lecta SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn L. Ruessmann u W. Berg, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 1), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Id-dritt tad-WTO

1        L-Artikolu VI.1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) jipprovdi li, “[i]l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li d-dumping, li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti fuq is-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz orħos mill-valur normali, huwa kkundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu sinjifikattiv għal xi fergħa ta’ produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk jittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa ta’ produzzjoni nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2        Il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim antidumping”) jinsab fl-Anness I tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

3        L-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping huwa miktub kif ġej:

“Fil-każijiet meta kwalunkwe partijiet interessati jiċħdu l-aċċess, jew inkella ma jipprovdux, informazzjoni meħtieġa fi żmien raġonevoli jew ma jippermettux sostanzjalment, determinazzjonijet ta’ natura preliminari u finali, affermativa jew negattiva, dawn jistgħu jsiru fuq bażi tal-fatti disponibbli. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II għandhom jiġu osservati fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.” 

4        L-Anness 11 tal-Ftehim antidumping, intitolat “L-aqwa informazzjoni disponibbli skond il-paragrafu 8 ta’ l-Artikolu 6”, jipprovdi fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Jekk l-awtoritajiet għandhom jibbażaw is-sejbiet tagħhom, li jkunu jinkludu dawk fir-rigward tal-valuri normali, informazzjoni minn fond sekondarju, inkluż l-informazzjoni fornita fl-applikazzjoni għal bidu ta’ l-investigazzjoni, dawn għandhom jagħmlu dan permezz ta’ ċirkuspezzjoni speċjali. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet għandhom, meta jkun prattikabbli, jivverifikaw l-informazzjoni minn fondi oħra indipendenti għad-disposizzjoni tagħhom, bħall-elenku ta’ prezzijiet ippubblikati, statistiċi ta’ importazzjoni uffiċjali u l-flus mid-dwana, u mill-informazzjoni miksuba minn partijiet interessati oħra fil-kors ta’ l-investigazzjoni. Madankollu, huwa ċar, li jekk parti interessata ma tikkoperax u b’hekk informazzjoni rilevanti tinżamm mill-awtoritajiet, din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta f’mod inqas favorevoli fil-konfront tal-parti milli fil-każ li kieku din tkun ikkoperat.”

5        L-Artikolu 32.1 tal-Ftehim tad-WTO intitolat “Ftehim dwar sussidji u mezzi ta’ kontrobilanċ” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 243, iktar ʼil quddiem il-“Ftehim SMK”), jipprovdi li “[l]-ebda azzjoni speċifika kontra sussidju ta’ Membru ieħor jista jittieħed ħlief skond id-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994, kif interpretat f’dan il-Ftehim”.

2.     Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

6        Ir-Regolament antidumping bażiku huwa kkostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ʼil quddiem ir-“regolament bażiku”) li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat.

7        Mill-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku jirriżulta li, “[f]l-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ukrajna, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat[; m]eta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw”.

8        Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament:

“Pretensjoni [Ir-rikors ippreżentat] skond [id-dispożizzjoni (b)] [i]rid issir bil-kitba u jkun fih[...] biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti [tal-impriżi] rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

–        id-ditti [l-impriżi] jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

–        l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti [tal-impriżi] mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

[…]

Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

9        L-Artikolu 3 tar-regolament bażiku jipprovdi li:

“1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ [dannu] għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. Id-deċiżjoni dwar il-ħsara għandha tkun ibbażata fuq prova pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv ta’:

a)      il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u

b)      l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3. Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4. Fejn l-importazzjonijiet ta’ prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta’ importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b’mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

a)      il-marġini ta’ dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u

b)      stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili.

5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti [qligħ], il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7. Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

8. L-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandu jiġi stmat fejn tidħol il-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ta’ prodott simili meta dejta disponibbli jippermettu l-identifikazzjoni separata ta’ dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-produtturi u l-profitti. Jekk identifikazzjoni separata bħal din ta’ dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandhom jiġu stmati b’eżaminazzjoni tal-produzzjoni ta’ l-idjaq grupp jew firxa ta’ prodotti, li jinkludu l-prodott simili, li għalih l-informazzjoni neċessarja tista tiġi pprovduta.

9. Theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti.

Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ xi theddida ta’ dannu materjali, għandhom jiġu meqjusa, inter alia, fatturi bħal:

a)      rata sinifikanti ta’ żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Komunità li tindika ż-żieda x’aktarx sostanzjali ta’ importazzjonijiet;

b)      kapaċità libera biżżejjed ta’ l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f’kapaċità bħal din li tindika ż-żieda ta’ dumping ta’ esportazzjonijiet x’aktarx sostanzjali lejn il-Komunità, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-disponibbiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali;

ċ)      jekk l-importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żiediet fil-prezzijiet li f’każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbilment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet; u

d)      l-inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta’ protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.”

10      L-Artikolu 4 tar-regolament bażiku, dwar id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘industrija Komunitarja’ għandu jkun interpetat bħala li jirreferi għall-produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir, kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti, għajr li:

a)      meta l-produtturi jiġu mill-esportaturi jew l-importaturi jew huma huma nfushom importaturi tal-prodott allegament mixtri taħt il-prezz, it-terminu ʽindustrija Komunitarjaʼ jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bqija tal-produtturi;

b)      f’każijiet eċċezzjonali it-territorju tal-Komunità jista’, għall-produzzjoni in kwistjoni, jiġi maqsum fi tnejn jew iktar swieq kompetittivi u l-produtturi fi ħdan kull suq jistgħu jiġu meqjusa bħala industrija separata jekk:

i)      il-produtturi fi ħdan suq bħal dan ibigħu kollox jew kważi kollox mill-produzzjoni tagħhom tal-prodott in kwistjoni f’dak is-suq; u

ii)      id-domanda f’dak is-suq mhix sa grad sostanzjali fornita mill-produtturi tal-prodott in kwistjoni allokata x’imkien ieħor fil-Komunità. F’ċirkustanzi bħal dawn, tista tinstab li teżisti ħsara anke fejn porzjon kbir ta’ l-industrija Komunitarja totali ma ssiriliex ħsara, sakemm hemm konċentrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping f’suq iżolat bħal dan u wkoll sakemm l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill-produtturi tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha fi ħdan suq bħal dan.”

11      L-Artikolu 5 tar-regolament bażiku, dwar il-bidu tal-proċeduri, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skond il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet stabbilita, fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni dwar il-livell ta’ appoġġ għal, jew oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi Komunitarji ta’ l-istess prodott, li l-ilment sar minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja jekk ikun appoġġjat minn dawk il-podutturi Komunitarji li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott, prodott minn dak il-porzjon ta’ l-industrija Komunitarja li jappoġġja jew jopponi lill-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.”

12      L-Artikolu 9 tar-regolament bażiku, dwar l-egħluq tal-proċedura mingħajr miżuri, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

13      L-Artikolu 18 tar-regolament bażiku, dwar in-nuqqas ta’ koperazzjoni, jinqara kif ġej:

“1. F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3. Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[…]

6. Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Ir-rikorrenti, Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GE”) u Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GHS”), huma kumpanniji marbutin tal-grupp Asia Pulp and Paper China (iktar ʼil quddiem il-“grupp APP”) li jipproduċu fiċ-Ċina karta fina miksija, li huma jesportaw lejn l-Unjoni Ewropea.

1.     Investigazzjoni

15      Il-karta fina miksija kienet is-suġġett ta’ żewġ investigazzjonijiet distinti, li twettqu parallellament. L-ewwel nett, investigazzjoni antidumping wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 451/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). It-tieni nett, investigazzjoni kontra s-sussidji wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 452/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 18).

16      Fit-18 ta’ Frar 2010, avviż tal-Kummissjoni Ewropea tat-tnedija ta’ proċedura ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kien ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 41, p. 6).

17      It-terminu inizjali għall-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom relatati mat-trattament ta’ ekonomija tas-suq (iktar ʼil quddiem “TES”) kien ġie ffissat għat-30 ta’ Marzu 2010. Fit-22 ta’ Marzu 2010, fuq it-talba tal-grupp APP, il-Kummissjoni estendiet dan it-terminu sat-12 ta’ April 2010.

18      Fit-12 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw talbiet għal TES għalihom stess u għall-kumpanniji kollha li kienu marbutin magħhom u li kienu involuti fil-produzzjoni u fil-bejgħ ta’ karta fina miksija, jew fil-produzzjoni ta’ materja prima, kif kienet talbet dak iż-żmien il-Kummissjoni.

19      Fis-16 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar ċerti aspetti tal-investigazzjoni u dwar l-ilment ippreżentat minn Cepinfine AISBL, assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ karta fina, li hija l-lanjanti f’din l-investigazzjoni.

20      Il-Kummissjoni bagħtet erba’ ittri lill-grupp APP sabiex tikseb data rilevanti insostenn tat-talba għal TES:

–        fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Mejju 2010, hija talbet lil GE sabiex tikkompleta l-formularju sal-iktar tard il-21 ta’ Mejju 2010;

–        fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Mejju 2010, hija talbet lil GE tikkomunikalha l-annessi u t-traduzzjonijiet rilevanti sa l-iktar tard l-1 ta’ Ġunju 201, data li fiha GE talbet estensjoni tat-terminu, u l-Kummissjoni tatha estensjoni billi ffissat bħala terminu ġdid l-4 ta’ Ġunju 2010.

–        fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2010, hija talbet lil GHS sabiex tqiegħed l-annessi rilevanti għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni mill-ewwel ġurnata taż-żjara ta’ verifika fuq il-post.

–        fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2010, hija talbet lill-grupp APP sabiex jikkompleta u jiċċara ċerti sezzjonijiet tal-formularju ta’ talba għal TES.

21      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-implikazzjonijiet tal-ftuħ ta’ investigazzjoni kontra s-sussidji parallela fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-talbiet tagħhom għal TES.

22      Bejn it-8 u t-18 ta’ Ġunju 2010 il-Kummissjoni wettqet l-ewwel verifika fuq il-post, fil-bini ta’ erba’ produtturi-esportaturi marbuta mal-grupp APP, fosthom ir-rikorrenti.

23      Bejn it-23 ta’ Ġunju u t-12 ta’ Lulju 2010 l-Kummissjoni wettqet it-tieni verifika fuq il-post, fil-bini tar-rikorrenti, sabiex tivverifika t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju. Fid-9, fl-10 u fit-13 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni wettqet it-tielet verifika fuq il-post fil-bini ta’ APP Italy, in-negozjant tal-Unjoni marbut mar-rikorrenti.

24      Fit-2 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet dokument ta’ informazzjoni dwar it-talbiet għal TES li fih hija kkonkludiet b’mod provviżorju li ebda wieħed mill-erba’ produtturi-esportaturi marbuta mal-grupp APP ma kien jissodisfa l-ewwel, it-tieni u t-tielet kriterji meħtieġa sabiex jinkiseb it-TES. It-terminu stabbilit mill-Kummissjoni sabiex ir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom kien iffissat għat-12 ta’ Settembru 2010.

25      Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kumitat Konsultattiv antidumping kopja tad-dokument ta’ xogħol tagħha dwar il-proposta tagħha intiża li tiċħad it-talbiet għal TES tar-rikorrenti.

26      Fid-9 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbu li t-terminu sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni li jikkonċerna t-TES jiġi estiż sat-28 ta’ Settembru 2010. Il-Kummissjoni estendiet it-terminu sas-16 ta’ Settembru 2010 biss. Hija pproponiet ukoll li tiġi organizzata seduta fis-17 ta’ Settembru 2010 billi talbet lir-rikorrenti jikkonfermawlha jekk din id-data kinitx konvenjenti għalihom.

27      Fl-14 ta’ Settembru 2010, waqt il-laqgħa prevista mal-Kumitat Konsultattiv antidumping, il-proposta dwar it-talba għal TES tar-rikorrenti ġiet eżaminata.

28      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet preliminari tagħhom li jirrigwardaw id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-talbiet tagħhom għal TES u spjegaw li huma ser jippreżentaw ittra kompleta u reveduta sas-27 ta’ Settembru 2010.

29      Fl-istess jum, saret seduta fil-Kummissjoni.

30      Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kumitat Konsultattiv antidumping sommarju tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fuq id-dokument ta’ informazzjoni u ffissat fl-24 ta’ Settembru 2010 bħala t-terminu li fih huwa kellu jagħti l-opinjoni tiegħu.

31      Fit-12 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha dwar it-talbiet għal TES tar-rikorrenti (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni dwar it-TES”), li fiha hija kkonfermat iċ-ċaħda tat-talbiet tagħha.

32      Fl-istess jum, ir-rikorrenti kitbu ittra lill-Kummissjoni sabiex jikkritikaw il-fatt li din tal-aħħar kienet adottat id-deċiżjoni tagħha dwar it-TES qabel is-seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta setgħet isseħħ. Huma ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet addizjonali dwar id-dannu.

33      Fit-13 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw sommarju tal-mistoqsijiet li għalihom huma kienu jixtiequ li l-Kummissjoni twieġeb.

34      Fil-15 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni organizzat seduta fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta. Fid-19 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjoni fil-qosor tal-argumenti fformulati matul is-seduta. Fit-28 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet ġodda fuq id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-TES.

35      Fis-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra akkumpanjata b’kopja tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1042/2010, tas-16 ta’ Novembru 2010, li jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 299, p. 7, iktar ʼil quddiem ir-“regolament provviżorju”), b’sommarju tal-metodoloġiji użati sabiex jiġi kkalkolat id-dumping u l-marġni ta’ dannu kif ukoll bi tweġiba għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

36      Fit-13 u fis-17 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw, fi tliet ittri, osservazzjonijiet dwar il-miżuri provviżorji.

37      Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni li fih hija spjegat li kellha l-intenzjoni li tipproponi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE. Fit-28 ta’ Marzu 2011 ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

38      Fid-29 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, fuq it-talba tal-Uffiċjal tas-Seduta, nota aġġornata għall-fajl, li fiha hija spjegat il-metodoloġija sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ qligħ immirat fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

39      Fil-11 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-marġni ta’ qligħ immirat.

2.     Ir-regolament ikkontestat

40      Fis-6 ta’ Mejju 2011, ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill.

41      Fir-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ġew irrifjuti t-TES peress li, l-ewwel nett, kien b’mod partikolari impossibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħlasijiet li jirrigwardaw it-trasferimenti ta’ azzjonijiet u l-ispiża tad-dħul mill-materja prima prinċipali, it-tieni nett, li l-prinċipji fundamentali tal-Istandars ta’ Kontabbiltà Internazzjonali ma ġewx osservati la fil-kontijiet u lanqas fil-verifika tagħhom, u dan il-fatt qiegħed inkwistjoni l-affidabbiltà tal-kontijiet tar-rikorrenti, u t-tielet nett, li kienu jeżistu distorsjonijiet sinjifikattivi għal dak li jikkonċerna d-drittijiet għall-użu tal-art li tappartjeni lir-rikorrenti.

42      Barra minn hekk, ir-rombli tal-karta tal-istampar web-fed ma kinux inklużi fid-determinazzjoni tal-prodott ikkonċernat (premessi 17 u 41 tar-regolament ikkontestat). Il-qligħ indikattiv ta’ 8 % jitqies bħala l-livell li l-industrija tista’ tikseb fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping (premessa 158 tar-regolament ikkontestat).

43      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat impona dazju antidumping definittiv ta‘ 8 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ karta fina miksija prodotta mir-rikorrenti. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv ta’ 20 %, prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, mhux ser jinġabar sal-ammont ta’ 12 % għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti, sa fejn l-ammont korrispondenti jinġabar skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 452/2011 (ara l-punt 15 iktar ʼil fuq).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

44      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2011, Cepifine Sappi Europe SA, Burgo Group SpA u Lecta SA (iktar ʼil quddiem l-“intervenjenti privati”) talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ma qajjimx oġġezzjonijiet kontra dan l-intervent.

47      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Jannar 2012, il‑President tat‑Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali awtorizza l‑intervent tal‑Kummissjoni. Din tal-aħħar ippreżentat in-nota tagħha fit-terminu stabbilit.

48      Fit-8 ta’ Frar 2012 ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti privati ta’ ċerti elementi inklużi fin-noti tagħhom u l-annessi rispettivi tagħhom. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali.

49      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, il-President tat-Tielet Awla awtorizza lill-intervenjenti privati sabiex jintervjenu fis-seduta insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Fl-istess digriet, il-President tat-Tielet Awla rriżerva, minn naħa, id-deċiżjoni dwar jekk ir-rikorrenti jirċevux ir-rapport tas-seduta sabiex jidentifikaw l-elementi li jistgħu jitqiesu bħala kunfidenzjali, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar jekk l-intervenjenti privati jirċevux verżjoni provviżorja mhux kunfidenzjali sabiex jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

50      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kunsill sabiex jipproduċi ċerti dokumenti. Huwa osserva din it-talba fit-terminu stabbilit.

51      It-trattazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013.

52      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

54      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

55      L-intervenjenti privati jsostnu t-talbiet tal-Kunsill.

 Id-dritt

56      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi. Dawn il-motivi jistgħu jinġabru taħt żewġ kategoriji.

57      Il-motivi li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija jirrigwardaw it-talbiet għal TES tar-rikorrenti u huma bbażati:

–        l-ewwel, fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li ma tagħtix it-TES lir-rikorrenti ttieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali ċaħda fuq il-marġni ta’ dumping tagħhom;

–        it-tieni, fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif ukoll fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        it-tielet, fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(1)(ċ) tar-regolament bażiku u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        ir-raba’, fuq l-iżvolġiment inekwu u parzjali tal-investigazzjoni u fuq oneru ta’ prova eċċessiva.

58      Il-motivi li jaqgħu taħt it-tieni kategorija jirrigwardaw l-evalwazzjoni tad-dannu u huma bbażati:

–        il-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku;

–        is-sitt, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku;

–        is-seba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku;

–        it-tmien, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (7) tar-regolament bażiku.

1.     Fuq il-portata tal-kap ta’ talbiet għal annullament

59      Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat li r-regolament ikkontestat jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina miċ-Ċina.

60      Fil-kuntest ta’ diversi motivi ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat kollu kemm hu. Madankollu fis-suġġett tar-rikors u fit-talbiet tagħhom, huma sempliċement jikkontestaw id-dazju antidumping sa fejn dan id-dazju huwa impost fuqhom u jikkonċernahom.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-eventwali illegalità ta’ dan id-dazju taffettwa l-legalità tar-regolament ikkontestat biss sa fejn huwa jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija ma taffettwax il-legalità tal-elementi l-oħra tar-regolament ikkontestat, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dazji antidumping imposti fuq il-kumpanniji destinatarji l-oħra.

62      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta regolament li jistabbilixxi dazju antidumping jimponi dazji differenti fuq sensiela ta’ kumpanniji, kumpannija hija individwalment ikkonċernata biss mid-dispożizzjonijiet li jimponu dazju antidumping partikolari fuqha u li jistabbilixxu l-ammont tad-dazju, u mhux minn dawk li jimponu dazji antidumping fuq kumpanniji oħra, b’mod li r-rikors ta’ din il-kumpannija huwa ammissibbli biss sa fejn huwa jitlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet tar-regolament li jirrigwardawha esklużivament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, Ġabra p. I‑1197, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż biss għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, sa fejn jimponi dazju antidumping definittiv fuq ir-rikorrenti.

2.     Fuq il-motivi li jirrigwardaw it-talbiet għal TES tar-rikorrenti

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li ma tagħtix it-TES lir-rikorrenti ttieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf b’tali ċaħda fuq il-marġni ta’ dumping tagħhom

64      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li ma tagħtihomx it-TES ittieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-effett ta’ tali ċaħda fuq il-marġni ta’ dumping tagħhom, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punt 44), u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill (T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punti 127 u 138).

65      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll “ksur flagranti tad-drittijiet tad-difiża”, peress li l-Kummissjoni “[g]ħamlet minn kollox [...] sabiex tiċħad b’mod assolut l-ispjegazzjonijiet kollha [li huma pprovdew] waqt l-investigazzjoni intiż li turi li huma kienu osservaw sew il-kriterji li jirrigwardaw l-għoti tat-TES”.

66      B’mod preliminari, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68; tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, Association belge des consommateurs test-achats vs Il-Kummissjoni, T‑224/10, Ġabra p. II‑7177, punt 71). Peress li r-rikorrenti bl-ebda mod ma spjegaw l-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tidentifika fih is-suġġett stess, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

67      Fir-rigward tal-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-data tal-proposta dwar it-TES, il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni ddettaljata kollha li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, kemm jekk jew mingħajr it-TES, fiċ-Ċina u fil-pajjiż analogu.

68      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw, wara domanda tal-Qorti tal-Ġenerali, li ma tawx verament importanza għat-terminu ta’ tliet xhur bħala tali, iżda pjuttost għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-produtturi-esportaturi.

69      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur joperax f’kundizzjoni ta’ ekonomija tas-suq “[g]ħand[ha] [t]iġi stabbilit[a] [...] fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta”, u li “[i]d-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha”.

70      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fis-sentenzi Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ʼil fuq, u tat-8 ta’ Novembru 2011, Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill (T‑274/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li r-ratio legis tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kien jiġġustifika li regolament li jistabbilixxi dazji definittivi antidumping jiġi annullat fir-rigward ta’ impriża kull darba li l-Kummissjoni setgħet tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar it-TES fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ din l-impriża u minħabba s-sempliċi fatt ta’ tali għarfien fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar t-TES. Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Kunsill, li ma hemmx rabta immedjata bejn it-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u l-eventwali fatt li l-Kummissjoni tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar it-TES fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża.

71      Barra minn hekk, ir-regolament bażiku ma jimponix li d-deċiżjoni dwar it-TES tiġi adottata f’mument li fih il-Kummissjoni ma kinitx taf b’elementi li jippermettulha tkun taf bl-effett ta’ deċiżjoni dwar it-TES fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, anki meta fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-TES ma jkunx skada dan it-terminu, il-Kummissjoni tieħu tali deċiżjoni anki meta hija jkollha diġà informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-effett ta’ din fuq il-marġni ta’ dumping tal-impriża kkonċernata.

72      Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147), jirriżulta li, billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba u suġġett għall-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-regolament bażiku, l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiffavorixxi l-applikazzjoni korretta tal-kriterji materjali stabbiliti bl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku pjuttost milli r-rekwiżit ta’ deċiżjoni dwar it-TES li ma tinbidilx fiż-żmien jew inkella l-assenza ta’ għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar it-TES fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża waqt l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

73      Kif il-Qorti Ġenerali fakkret fis-sentenza tagħha Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, punt 70 iktar ʼil fuq (punt 39), fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja qieset fis-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 72 iktar ʼil fuq, li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u amministrazzjoni tajba, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma għandux jiġi interpretat b’mod li jobbliga lill-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu, għad-detriment tal-impriża kkonċernata, bi żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-kriterji sostantivi stabbiliti permezz ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, fil-każ li l-Kummissjoni tinduna matul l-investigazzjoni li, bil-kontra tal-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, hija jkollha tiddeduċi l-konsegwenzi xierqa, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mir-regolament bażiku (sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 72 iktar ʼil fuq, punti 111 u 112).

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li, huwa minnu, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha dwar it-TES, skont il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, għandhom jittieħdu fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni u li s-soluzzjoni adottata għandha tibqa’ fis-seħħ tul din l-investigazzjoni, jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-qorti tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 70 u 73 iktar ʼil fuq, minn naħa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni barra minn dan it-terminu ma twassalx sempliċement, minħabba dan il-fatt, għall-annullament tar-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping u, min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni tista’ tinbidel tul il-proċedura jekk jirriżulta li hija kienet żbaljata.

75      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni finali li jiġu miċħuda t-talbiet għal TES tar-rikorrenti ma ġietx adottata fit-terminu ta’ tliet xhur previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, l‑avviż tal‑ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni ġie ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali fit‑18 ta’ Frar 2010. Issa, id-deċiżjoni finali li tiġi miċħuda t-talba għal TES ġiet proposta fit-2 ta’ Settembru 2010 u kkonfermata fit-12 ta’ Ottubru 2010.

76      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-risposti tar-rikorrenti għall-kwestjonarju antidumping ġew ippreżentati lill-Kummissjoni, fis-7 u fl-10 ta’ Mejju 2010 rispettivament, u li ż-żjarat ta’ verifika antidumping seħħew bejn it-23 ta’ Ġunju u t-12 ta’ Lulju 2010. Iż-żjarat ta’ verifika fil-pajjiż analogu twettqu matul l-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu 2010. Iż-żjarat biss li jirrigwardaw il-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti permezz tal-kumpannija marbuta tagħhom li tinsab fl-Unjoni għadhom ma seħħewx. Skont ir-rikorrenti, mill-kronoloġija tal-fatti esposti jirriżulta li, meta l-Kummissjoni żvelat il-proposta tagħha li tiċħad it-talbiet għal TES tar-rikorrenti, hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha d-dokumenti u d-data kollha li tippermettilha li tikkalkola l-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, kemm fil-każ meta t-TES kien ingħata kif ukoll fil-każ ma jkunx ingħata.

77      L-argument tal-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-effett tad-deċiżjoni dwar it-TES fuq il-marġni ta’ dumping fil-mument meta hija kkomunikat lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni dwar it-TES ma jistax għaldaqstant jintlaqa’.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li l-kwistjoni dwar l-għoti tat-TES tiġi deċiża abbażi tal-effett tiegħu fuq il-marġni ta’ dumping ma jippreżumix l-għarfien tal-marġni ta’ dumping eżatt, ikkalkolat abbażi ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-valur normali tar-rikorrenti, iżda biss l-għarfien ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-effett li l-għoti tat-TES jista’ jkollu fuq dan il-marġni skont iż-żewġ metodi ta’ kalkolu possibbli.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jingħad li l-fatt li l-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, setgħet tkun taf bl-effett tad-deċiżjoni dwar it-TES tar-rikorrenti fuq il-marġni ta’ dumping ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun rilevanti, sa fejn jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tkun influwenzata minn tali għarfien fl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx li r-regolament ikkontestat seta’ jkollu kontenut differenti fl-assenza tal-allegata irregolarità li taffettwa l-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-TES.

80      L-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tagħhom għal TES ittieħdet abbażi tal-fatt li hija kienet taf bl-impatt ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tagħhom u li din id-deċiżjoni setgħet tkun differenti kieku l-Kummissjoni ma kellhiex din l-informazzjoni ma jistax jintlaqa’.

81      Fil-fatt, is-sempliċi għarfien tal-effett ta’ deċiżjoni dwar it-TES fuq il-marġni ta’ dumping ta’ impriża ma jimplikax neċessarjament li tali deċiżjoni – u, konsegwentement, ir-Regolament li jistitwixxi dazju antidumping – seta’ jkollu kontenut differenti kieku din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fit-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

82      Għandu jiġi rrilevat li, anki fil-każ li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni li tippermettilha tikkalkola l-marġni ta’ dumping ta’ produttur fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar it-TES ta’ dan il-produttur, tibqa’ dejjem il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll ir-Regolament li jimponi dazji definittivi antidumping ma setgħux ikunu differenti.

83      Dan jista’ jkun il-każ jekk kien manifest li tali produttur ma jkunx jista’ jibbenefika mit-TES minħabba li l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet ġustament li l-produttur inkwistjoni ma osservax il-kriterji għall-għoti tat-TES previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, u li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping kienu kollha ssodisfatti.

84      L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-osservanza tal-kriterji ta’ għoti tat-TES f’dan il-każ ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv.

85      F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li l-fatt li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha d-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jippermettulha li tikkalkola l-marġni ta’ dumping tagħhom “iqiegħed inkwisjtoni l-imparzjalità tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni dwar it-talbiet għal TES” u li “[t]al-inqas, dan il-fatt iqajjem suspetti fondati u raġonevoli li jwassal sabiex jinħaseb li l-Kummissjoni forsi ddeċiediet li tiċħad it-talbiet għal TES tar-rikorrenti, mhux abbażi ta’ eżami oġġettiv ta’ dawn it-talbiet għal TES tar-rikorrorenti, iżda peress li hija xtaqet timponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tar-rikorrenti”.

86      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni rigward l-elementi tad-deċiżjoni dwar it-TES li, fil-fehma tagħhom, setgħu ġew evalwati mod ieħor jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet ittieħdet fit-terminu ta’ tliet xhur jew fl-assenza ta’ kwalunkwe allegat għarfien tal-effett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-marġni ta’ dumping tagħha.

87      Ir-rikorrenti sempliċement isostnu li “jekk it-TES tkun ingħatil[hom] [...], il-marġni ta’ dumping tagħha – ibbażat fuq paragun tal-bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom mal-bejgħ intern tagħhom benefiċjarji fiċ-Ċina – kien ta’ 0.01 %, jiġifieri li jinsabu fi ħdan il-livell de minimis ta’ 2 ”, u li “[k]onsegwentement, il-Kummissjoni kienet kompletament konxja mill-effett tad-deċiżjoni tagħha dwar it-talbiet għal TES fuq l-eżitu tal-investigazzjoni, peress li l-għoti tat-TES kienet wasslet għall-egħluq tal-investigazzjoni, sa fejn hija kienet tikkonċerna r-rikorrenti”.

88      Ir-rikorrenti jżidu li, “[j]ekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar it-talbiet għal TES, il-Kummissjoni kienet injorat in-natura de minimis tal-marġni ta’ dumping (fil-każ meta t-TES kien ingħata) jew il-livell għoli ħafna minħabba l-użu għall-valur normali tal-pajjiżi analogi (fil-każ meta t-TES kien inċaħad), ma jistax jiġi eskluż li [l-Kummissjoni] eżerċitat f’dan ir-rigward is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod differenti milli hija kienet għamilt fl-investigazzjoni”.

89      Ir-rikorrenti jikkonkludu li “huwa probabbli li ċ-ċaħda tat-talbiet tagħha għal TES ġiet deċiża f’dan il-każ ʽskont l-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumpingʼ”.

90      F’dan il-kuntest, anki jekk, meta fformulaw l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li juru l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter tal-Kummissjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li deċiżjoni jew att tal-Unjoni ma humiex ivvizzjati b’użu ħażin ta’ poter jekk jidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li huma ġew adottati sabiex jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk imsemmija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Sermes, C‑323/88, Ġabra p. I‑3027, punt 33; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 66, u tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 376). Madankollu, ir-rikorrenti baqgħu ma pprovdewx tali provi.

91      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-aġir tagħhom stess ma kellux l-effett li jdewwem il-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talbiet tagħhom ta’ TES, kif isostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, peress li l-Kummissjoni insistiet sabiex l-informazzjoni dwar id-dumping tiġi sottomessa fl-istess ħin li hija kienet qed twettaq l-eżami tat-talbiet għal TES u li hija talbet informazzjoni addizjonali.

92      Il-kwistjoni tal-imputazzjoni tad-dewmien ma tidhirx madankollu rilevanti f’dan il-każ u għaldaqstant ma hijiex ser tiġi eżaminata.

93      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża

94      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li jirrigwardaw, il-konsultazzjoni effettiva tal-Kumitat Konsultattiv antidumping u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, rispettivament.

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-konsultazzjoni effettiva tal-Kumitat Konsultattiv antidumping

95      Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma kkomunikawx “ċerti elementi essenzjali lill-Kumitat Konsultattiv antidumping” u li hija “qarrqet [b’dan tal-aħħar]” billi ssottomettitlu proposta dwar it-TES li tinkludi “ineżattezzi u ommissjonijiet gravi” u billi għamlet preżentazzjoni żbaljata tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fuq il-proposta tal-Kummissjoni, fatt li ostakola l-Kumitat milli jagħti opinjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.

96      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punti 48 sa 51), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw allegat ksur ta’ dawn ir-regoli li ma humiex intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi, iżda li l-għan tagħhom huwa li jorganizzaw il-funzjonament intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, bħal dawk li jirrigwardaw l-osservanza tat-terminu previst għall-istabbiliment tal-aġenda provviżorja ta’ sessjoni tal-Kunsill jew li jirrigwardaw id-disponibbiltà tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ regolament fil-jum tal-adozzjoni tiegħu.

97      Dan ma jfissirx, madankollu, li individwu qatt ma jista’ jinvoka b’mod utli l-ksur ta’ regola li tirregola l-proċess deċiżjonali li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, fost id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri interni ta’ istituzzjoni, dawk li fosthom il-ksur ma jistax jiġi invokat mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li jikkonċernaw biss il-modalitajiet ta’ funzjonament intern tal-istituzzjoni li ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, u dawk fosthom li l-ksur jista’, għall-kuntrarju, jiġi invokat, peress li huma joħolqu drittijiet u fattur ta’ sigurtà ġuridika għal dawn il-persuni.

98      Għalhekk, il-ksur ta’ regola li tirrigwarda l-konsultazzjoni ta’ kumitat tista’ tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni finali tal-istituzzjoni kkonċernata biss jekk hija jkollha natura suffiċjentement sostanzjali u jekk hija taffettwa, b’mod tippreġudika, is-sitwazzjoni ġuridika u materjali tal-parti li tinvoka difett proċedurali.

99      Fil-fatt, il-konsultazzjoni ta’ kumitat tikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha taffettwa l-legalità tal-att adottat wara l-konsultazzjoni jekk jiġi stabbilit li l-assenza li jiġu trażmessi ċerti elementi ma ppermettitx lill-kumitat li jagħti l-opinjoni tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti, jiġifieri mingħajr ma jitqarraq fuq punt essenzjali minn ineżattezzi jew minn omissjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il-Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 104, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Dan ma huwiex il-każ meta d-dokumenti li ma humiex trażmessi lill-kumitat, jew trażmessi tard, ma jikkonkludux elementi ta’ evalwazzjoni importanti jew ġodda meta mqabbla ma’ dawk li diġà jinsabu fil-fajl ikkomunikat lill-kumitat waqt il-konvokazzjoni. Fil-fatt, f’ipoteżi ta’ dan it-tip, l-assenza ta’ trażmissjoni jew id-dewmien fit-trażmissjoni ta’ dokument mill-Kummissjoni ma għandu ebda rilevanza fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni.

101    Għaldaqstant, tali ommissjoni ma tistax tivvizzja l-proċedura amministrattiva kollha jew b’dan il-mod tqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-att finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il-Kunsill, punt 99 iktar ʼil fuq, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Barra minn hekk, il-possibbiltà li ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsultazzjoni ta’ kumitat jaffettwa l-legalità tal-att finalment adottat ma hijiex imqiegħda inkwistjoni min-natura mhux vinkolanti tal-opinjoni tal-kumitat.

103    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li fit-2 ta’ Settembru 2010 l-Kummissjoni bagħtet id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju tagħha fuq it-talbiet għal TES, simultanjament lir-rikorrenti u lill-Kumitat Konsultattiv antidumping. It-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għar-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ġie ffissat għat-12 ta’ Settembru 2010. Wara talba f’dan is-sens tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tat estensjoni tat-terminu sas-16 ta’ Settembru 2010. Il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv antidumping seħħet fl-14 ta’ Settembru 2010. Fis-17 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet preliminari tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju. Is-seduta seħħet fl-istess jum. Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kumitat Konsultattiv, wara li bdiet analiżi u evalwazzjoni kompleta tat-talba għal TES, sommarju tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fid-dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna t-TES u waqt is-seduta. Hija ffissat ukoll għall-24 ta’ Settembru 2010 t-terminu li fih il-Kumitat Konsultattiv antidumping kellu jagħti l-opinjoni tiegħu. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ippreċiża, b’risposta għal domanda magħmula lilu dwar dan, li l-membri tal-imsemmi kumitat għandhom aċċess għall-fajl u li huma jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tipprovdi ċerti dokumenti miġbura matul l-investigazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-membri tal-kumitat jirċievu biss is-sommarju. Ir-rikorrenti enfasizzaw għaldaqstant l-importanza ta’ dan is-sommarju.

104    Għandu jiġu kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li tikkonċerna l-mod li bih il-Kummissjoni qarrqet bil-Kumitat Konsultattiv antidumping, it-tieni nett, huma ma jidentifikawx l-“ineżattezzi gravi u l-omissjonijiet” li jirreferu għalihom, it-tielet nett, huma ma jippreċiżawx għal-liema raġuni l-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-proposta għal TES hija żbaljata u, ir-raba’ nett, huma ma jispjegawx kif il-Kummissjoni “ġiet impeduta fil-kapaċità tagħha li temenda l-proposta fid-dawl tal-osservazzjonijiet tagħhom”.

105    Għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta, qabel kollox, li r-rikorrenti ma osservawx it-terminu, li kien ġie estiż sas-16 ta’ Settembru 2010, sabiex jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna t-TES (ara l-punt 103 iktar ʼil fuq). Sussegwentement, ir-rikorrenti speċifikaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom magħmul permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Settembru 2010, li huma analizzaw fl-imsemmija osservazzjonijiet l-allegazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni u li, “[m]eta l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti [mill-grupp] APP ma kinitx disponibbli fil-mument meta [l-grupp] APP kellu l-obbligu jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu, [hija kienet indikatha]” u li “[i]ttra ġdida kkompletata u reveduta [ser] tintbagħat mhux iktar mis-27 ta’ Settembru 2010, meta [huma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom] id-dokumenti kollha neċessarji”. Fl-aħħar nett, l-osservazzjonijiet ikkompletati u rreveduti ġew trażmessi mir-rikorrenti biss fit-28 ta’ Ottubru 2010.

106    Għaldaqstant, ir-rikorrenti lanqas jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stennietx l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju qabel tagħmel riferiment lill-Kumitat Konsultattiv antidumping jew, fi kwalunkwe każ, li hija ma pposponietx id-diskussjoni fuq il-proposta għal laqgħa sussegwenti ta’ dan il-kumitat, wara li rċeviet u analizzat l-imsemmija osservazzjonijiet, sabiex jinvokaw ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, li jaffettwa l-legalità tar-regolament ikkontestat.

107    Barra minn hekk, mill-eżami tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dokument ta’ informazzjoni tat-2 ta’ Settembru 2010 u tad-dokument mibgħut fil-21 ta’ Settembru 2010 mill-Kummissjoni lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv antidumping li jikkonċerna dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta dwar it-TES li tippreżenta “ineżattezzi gravi u omissjonijiet” lill-imsemmi kumitat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni irrediġiet sommarju tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ewwel tliet kundizzjonijiet ta’ għoti tat-TES billi rriproduċiet l-elementi ġodda mqabbla mal-elementi riprodotti fid-dokument ta’ informazzjoni provviżorju tat-2 ta’ Settembru 2010.

108    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kumitat Konsultattiv antidumping ma tqarraqx fuq punt essenzjali permezz ta’ ineżattezzi jew omissjonijiet u li huwa kien jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti.

109    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża

110    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal proċess ġust sa fejn il-Kummissjoni bagħtet simultanjament, fit-2 ta’ Settembru 2010, kopja tad-dokument ta’ xogħol dwar il-proposta tagħha lill-Kumitat Konsultattiv antidumping u d-dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna t-TES lir-rikorrenti.

111    F’dan ir-rigward huma jsostnu li, fit-2 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet li tiċħad it-talba tagħhom għal TES u li hija ma kellha l-ebda xewqa li tanalizza l-osservazzjonijiet tagħhom qabel tasal għal proposta finali li kellha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Konsultattiv antidumping għal opinjoni u li, barra minn hekk, hija “kienet irrifjutat li tirrettifika d-dokument ta’ informazzjoni [provviżorju] li jikkonċerna t-TES” wara l-osservazzjonijiet tagħhom tas-16 ta’ Settembru 2010.

112    Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt “x’aktarx influwenza l-konklużjonijiet li [l-Kummissjoni] setgħet tislet minn dawn l-osservazzjonijiet”.

113    Għandu jiġi rrilevat li, anki jiġi pprovat, tali ksur għad-drittijiet tad-difiża jkun tali li jikkostitwixxi irregolarità tal-proċedura amministrattiva. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni kollha jew ta’ parti minnha biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u konsegwentement, id-deċiżjoni dwar it-talbiet għal TES setgħet kienet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra p. II‑341, punt 147, u European Service Network vs Il‑Kummissjoni, T‑332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element li jista’ juri li l-allegata irregolarità kellha influwenza fuq id-deċiżjoni inkwistjoni.

114    Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

115    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

116    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Barra minn hekk, peress li l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 168, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 148).

118    Fl-aħħar nett, għandu wkoll jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi ddiżassoċjat mill-motivazzjoni tiegħu, b’mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21).

119    Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku:

“Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet [miċ-Ċina], il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat[; m]eta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw”.

120    L-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jispeċifika li “[ir-rikors] skond is-subparagrafu (b) [tal-Artikolu 2(7)(b)] [j]rid [i]sir bil-kitba u jkun fih[...] biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk [b’mod partikolari] id-deċiżjonijiet tad-ditti [tal-impriżi] rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq”.

121    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq jirriżulta li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mit-TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Għaldaqstant, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi trattament. Min-naħa l-oħra, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma ssodisfatti sabiex huwa jiġi rrikonoxxut it-TES u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ʼil fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali ta’ natura ġuridika u politika, li jirriżultaw fil-pajjiż kkonċernat, sabiex jiġi stabbilit jekk esportatur jistax jibbenefika mill-għoti tat-TES, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq evalwazzjonijiet bħal dawn tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita wkoll, jirriżulta li meta l-istituzzjonijiet ikollhom tali setgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi jkollha importanza daqstant iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji jinstab b’mod partikolari l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ʼil fuq, punt 73).

124    F’dan il-każ, it-TES ġie rrifjutat lir-rikorrenti peress li huma ma stabbilixxewx li huma jissodisfaw l-ewwel tliet kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), jiġifieri dawk intiżi sabiex jiġi żgurat li:

–        id-deċiżjonijiet tal-impriżi rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq;

–        l-impriżi għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabbiltà bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabbiltà u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha;

–        l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti ma humiex suġġetti għal distorsjoni sinjifikattiva, indotta mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-deprezzament tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

125    Mit-titolu ta’ dan il-motiv jirriżulta li r-rikorrenti jinvokaw ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni li barra minn hekk huma ma semmewx fl-istadju tar-replika. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-espożizzjoni sommarja tal-motivi tar-rikors, fis-sens tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ma timplikax formulazzjoni partikolari tagħhom. Skont il‑ġurisprudenza, il‑motivi ta’ rikorrenti għandhom jiġu interpretati fid‑dawl tas‑sustanza tagħhom pjuttost milli permezz tal‑kwalifikazzjoni tagħhom (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559). Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmu ebda argument b’mod apparenti u ċar dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, b’tali mod li ma hemmx lok li jsir eżami f’dan ir-rigward. Konsegwentement, hemm lok li jiġu eżaminati biss l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-regolament bażiku.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku għandhom natura kumulattiva, għalkemm, meta prodottur ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba tiegħu intiża għall-kisba tat-TES għandha tiġi miċħuda (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 122 iktar ʼil fuq, punt 54).

127    Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata t-tielet parti ta’ dan il-motiv, li tirrigwarda t-tielet kriterju ta’ għoti tat-TES.

 Fuq it-tielet parti, li tirrigwarda t-tielet kriterju ta’ għoti tat-TES

128    Mill-premessa 39 tar-regolament provviżorju jirriżulta li:

“[L]-investigazzjoni żvelat l-eżistenza ta’ tagħwiġ [distorsjonijiet] sinifikanti fir-rigward tad-drittijiet dwar l-użu tal-art (LUR) rilevanti għall-erba’ produtturi esportaturi relatati. Tagħwiġ [Distorsjonijiet] bħal da[w]n iwass[lu] għall-konklużjoni li l-LUR ma jingħatawx u ma jinżammux skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Ġie stabbilit ukoll fuq il-post li jeżist[u] tagħwiġ [distorsjonijiet] sinifikanti fl-għoti ta’ self lill-erba’ produtturi esportaturi relatati mis-settur bankarju/finanzjarju Ċiniż. Ħafna mis-self ingħata minn banek b’ishma sinifikanti mill-Istat filwaqt li jeżistu indikazzjonijiet ċari li l-politiki industrijali tal-Istat ġenerali ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet finanzjarji meta ġiet stabbilita l-affidabilità finanzjarja tal-grupp li rriżulta fl-għoti ta’ self lil kumpaniji li kienu f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina. Meta ġie kkunsidrat dan kollu msemmi hawn fuq, ġie konsegwentement konkluż li l-erba’ produtturi esportaturi relatati ma tawx prova li jissodisfaw il-kriterju 3.”

–       Fuq id-drittijiet dwar l-użu tal-art

129    Il-Kummissjoni qieset, fid-dokument ta’ informazzjoni tagħha dwar it-TES, li:

–        l-attribuzzjoni tad-drittijiet dwar l-użu tal-art hija marbuta ma’ wegħda espliċita ta’ investiment mill-parti li hija attribwita dawn id-drittijiet; jekk l-investiment ma jsirx f’terminu speċifiku, l-Istat jista’ jieħu lura l-art mingħajr ma jħallas ebda forma ta’ kumpens tkun xi tkun;

–        l-ebda kumpens ma huwa pprovdut għall-investitur/għall-kumpannija fid-data ta’ rexissjoni ordinarja tal-kuntratt dwar id-drittijiet dwar l-użu tal-art; fi kliem ieħor, l-Istat jistenna, f’dawn il-każijiet, li l-investitur privat jagħmel l-investimenti tiegħu, jiġifieri jibni l-fabbrika, u jħallilu bla ħlas l-assi immobbli kollha (bini, makkinarji, eċċ) fi tmiem tal-perijodu ta’ kiri;

–        ir-responsabbiltà finali għall-approvazzjonijiet tal-konċessjonijiet ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art hija tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ippjanar/tal-Ministru tal-Kummerċ;

–        Suzhou Industrial Park iffissat il-prezz tad-drittijiet dwar l-użu tal-art skont istruzzjonijiet ċari, mogħtija mill-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, dwar il-metodi ta’ iffissar tal-prezz tal-artijiet;

–        dawn id-distorsjonijiet iwasslu sabiex jiġi konkluż li d-drittijiet dwar l-użu tal-art ma nkisbux mill-kumpanniji inkwistjoni skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

130    Mill-premessa 46 tar-regolament provviżorju jirriżulta li l-grupp APP, li jifformaw parti minnu r-rikorrenti, sosnta li “t-tagħwiġ [id-distorsjonijiet] identifikat[i] fir-rigward tal-allokazzjoni [tal-attribuzzjoni] ta’ [drittijiet dwar l-użu tal-art] [ma humiex] speċifi[ċi] għa[ċ-Ċina] iżda jeżist[u] wkoll fl-Ewropa peress li dawn huma restrizzjonijiet imposti minn [mill-]awtoritajiet responsabbli milli [jattiraw] l-investituri u milli jiżguraw li l-investimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli”.

131    Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-allegati distorsjonijiet inkwistjoni huma komunement osservati fil-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq. It-tieni nett, huma jqisu li l-prezzijiet tal-artijiet li jinsabu f’żona industrijali huma dejjem iffissati mill-awtoritajiet fil-pajjiżi kollha u li l-imsemmija awtoritajiet jimponu kullimkien restrizzjonijiet qabel jawtorizzaw proġetti industrijali.

132    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu sempliċement għall-provi pprovduti mal-osservazzjonijiet tagħhom li jikkonċernaw it-talbiet tagħhom għal TES tat-28 ta’ Ottubru 2010 u għall-atti annessi mar-replika tagħhom.

133    Hemm lok li jiġi kkonstatat, kif ġustament għamel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jipprovdu, minn naħa, li d-drittijiet dwar l-użu tal-art ingħatawlhom skont kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux għall-valur tas-suq u, min-naħa l-oħra, l-Istat jintervjeni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ dawn id-drittijiet.

134    Huma jirrikonoxxu wkoll b’mod espliċitu li l-għan ta’ investigazzjoni dwar it-TES ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk distorsjonijiet jistgħux jeżistu wkoll fl-Unjoni, bħalma l-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 46 tar-regolament provviżorju.

135    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku, li, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, għandhom jinsabu fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑347/88, Ġabra p. I‑4747, punt 28, u tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punti 17 sa 19). Issa, il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir‑rikorrenti jibbażaw ruħhom insostenn ta’ dan l‑ilment ma jirriżultawx, b’mod komprensibbli, mill‑atti tagħhom. Peress li r-rikorrenti sempliċement jargumentaw permezz ta’ annessi, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

–       Fuq is-self

136    Mid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-TES jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, wara li eżaminat is-solvenza tar-rikorrenti u tal-grupp APP, li kien diffiċli li tkun taf fuq liema bażi l-banek Ċiniżi miżmuma mill-Istat evalwaw is-solvenza tal-grupp APP, peress li l-kumpanniji tal-grupp kellhom problemi serji sabiex jirrimborsaw is-self tagħhom, ma kinux f’pożizzjoni li josservaw parti mill-obbligi tagħhom lejn l-imsemmija banek u li madankollu dawn tal-aħħar ma rreaġixxewx. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-banek taw self minkejja problemi gravi ta’ flus kontanti u ta’ finanzjament u ta’ diffikultajiet biex jinġabar il-kapital. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkonstatat li l-banek Ċiniżi miżmuma mill-Istat li pprovdew fondi lill-grupp APP ma qisux is-sitwazzjoni finanzjarja kritika tal-grupp bħala problematika.

137    Sussegwentement il-Kummissjoni kkonkludiet:

“Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta b’mod ċar li f’dan il-każ jeżistu distorsjonijiet sinjifikattivi għal dak li jikkonċerna s-self mogħti mis-settur bankarju/finanzjarju Ċiniż. Barra minn hekk, is-self mogħti fuq bażi mhux kummerċjali għandu portata kunsiderevoli. Fil-fatt jidher dubjuż li l-kumpannija teżisti mingħajr dan is-self. Il-parti l-kbira tas-self ingħata minn banek li fihom l-Istat kellu sehem sinjifikattiv. Dan it-tip ta’ distorsjonijiet huwa sintomatiku ta’ aġir li ma jikkorrispondix għal dak ta’ ekonomija tas-suq u li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-kumpannija ma tiksibx is-self taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq iżda fid-dawl tal-politika industrijali ġenerali tal-Gvern.”

138    Mill-premessa 39 tar-regolament provviżorju jirriżulta li “[ħ]afna mis-self ingħata minn banek b’ishma sinifikanti mill-Istat filwaqt li jeżistu indikazzjonijiet ċari li l-politiki industrijali tal-Istat ġenerali ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet finanzjarji meta ġiet stabbilita l-affidabilità finanzjarja tal-grupp li rriżulta fl-għoti ta’ self lil kumpaniji li kienu f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina.”

139    Barra minn hekk mill-premessa 47 tar-regolament provviżorju jirriżulta li l-grupp APP, minn naħa, “[isostni] li s-sejbiet [konklużjonijiet] tal-Kummissjoni huma spekulattivi”. Min-naħa l-oħra, “[huma sostnew] ukoll li t-tagħwiġ [d-distorsjonijiet] li ndunat bih[om] il-Kummissjoni jista’ jkun[u] l-aktar f’għamla ta’ sussidji” u “[g]ħalhekk [huwa allega] li peress li hemm l-investigazzjoni parallela kontra s-sussidji, dawn is-sussidji allegati ma jistgħux ikunu bażi biex jiġi rrifjutat it-[TES]”.

140    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li d-distorsjonijiet żvelati mill-Kummissjoni jeżistu u huma ma jipproduċu ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma purament spekulattivi.

141    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-argument li dawn id-distorsjonijiet huma “manifestament sussidji” li għandhom jiġu paċuti biss permezz ta’ dazji kumpensatorji, mill-premessa 47 tar-regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni osservat li “l-[evalwazazzjoni] tat-[talba għal] TES stabbiliet li jeżisti tagħwiġ [distorsjonijiet] fl-għoti tas-self mis-settur bankarju/finanzjarju Ċiniż”. Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset li “[din kienet] tagħwiġ [distorsjoni] ittrasferit[a] mis-sistema ekonomika mhux tas-suq u [ma kellha] l-ebda rabta ma’ jekk l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet jistax jiġi kkunsidrat bħala sussidji kumpensatorji”.

142    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jirreferu, b’mod ġenerali, għall-ittra tagħhom tat-8 ta’ Ġunju 2010, li fiha huma jsostnu li sussidju ma jistax jikkostitwixxi raġuni għaċ-ċaħda tat-talbiet għal TES mingħajr ma jiġu pprovduti iktar spjegazzjonijiet.

143    Mill-osservazzjonijiet tal-grupp APP inklużi f’din l-ittra u miġbura fil-qosor fil-premessa 48 tar-regolament provviżorju jirriżulta li, skont l-grupp APP, “il-grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi għandu jingħata t-TES sabiex jevita l-għadd doppju mal-investigazzjoni kontra s-sussidji parallela”. Il-grupp APP allega li “s-sussidji tal-Istat jiffurmaw parti mill-valutazzjoni [evalwazzjoni] tat-TES, għandhom impatt fuq is-sejbiet tat-TES u b’hekk se jiġu indirizzati fl-investigazzjoni kontra s-sussidji parallela”. Il-grupp APP jirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u għad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

144    Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-argumenti fil-premessa 49 tar-regolament provviżorju, l-ewwel nett, peress li “[i]l-fatt li bħalissa qed issir investigazzjoni kontra s-sussidji ma jżommx lura lill-awtorità tal-investigazzjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-TES jiġu sodisfatti”. It-tieni nett, “il-kwistjoni tal-ʽgħadd doppjuʼ tad-dazji kumpensatorji u antidumping hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-U[njoni, li jirrigwardaw] l-aktar l-Artikolu 14(1) tar-regolament bażiku u [l-Artikolu] 24(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri f[l-Unjoni] u ma tiddependix fuq jekk l-esportatur inkwistjoni jingħatax TES jew le”, peress li, “[fi] kwalunkwe każ [...] [i]d-dazju antidumping provviżorju propost għall-partijiet Ċiniżi kollha li jikkooperaw huwa bbażat fuq il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu u mhux fuq il-marġni ta’ dumping, kwalunkwe affermazzjoni dwar l-għadd doppju hija invalida”.

145    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma kkontestawx dawn il-kunsiderazzjonijiet.

146    Ir-rikorrenti jfakkru li huma kienu wkoll spjegaw, fl-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2010, li, skont id-dritt tad-WTO, iktar speċifikament, l-Artikolu 32(1) tal-Ftehim SCM, li hemm biss żewġ miżuri korretturi intiżi li jirregolaw is-sussidji, jiġifieri, minn naħa, l-użu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO u, min-naħa l-oħra, id-dazji kumpensatorji, li jistgħu jiġu imposti biss wara li tkun twettqet investigazzjoni li tirrigwarda sussidju. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħu jippenalizzaw unilateralment kumpanniji li jirċievu sussidji billi jiċħdu t-talba tagħhom għal TES f’investigazzjoni antidumping u mingħajr ma jevalwaw jekk dawn is-sussidji humiex illegali jew sussidji ta’ kumpens.

147    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid‑dawl tan‑natura u tal‑istruttura tagħhom, il‑ftehimiet tad‑WTO ma humiex, bħala regola ġenerali, fost in‑normi li fid‑dawl tagħhom il‑qorti tal‑Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal‑atti tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 47, u tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 53).

148    Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tad-WTO, jew f’każ bħal dak ineżami fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim tad-WTO, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 147 iktar ʼil fuq, punt 49; Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 147 iktar ’il fuq, punt 54, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 30).

149    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

150    Madankollu r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

151    Fl-ewwel lok, it-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma jimplementax l-Artikolu 32(1) tal-Ftehim SCM.

152    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni dwar it-TES lanqas tirreferi espressament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehimiet tad-WTO, inkluż il-Ftehim SCM.

153    It-tielet nett, id-deċiżjonijiet dwar it-TES jittieħdu wara li ġie ddeterminat jekk humiex issodisfatti l-kriterji li jirrigwardaw l-għoti tagħhom kif stabbilit fil-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Huma ma humiex adottati wara l-istabbiliment ta’ dumping jew ta’ sussidju. Huma ma humiex indissolubilment marbuta mal-elementi kostitwenti ta’ dumping jew ta’ sussidju Konsegwentement, deċiżjoni dwar it-TES ma hijiex miżura partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 32(1) tal-Ftehim SCM.

154    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati li jsostnu li d-deċiżjoni dwar it-TES ittieħdet bi ksur tal-Artikolu 32(1) tal-Ftehim SCM.

155    Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqu ebda żball ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku meta kkonkludew li r-rikorrenti ma jissodisfawx it-tielet kriterju ta’ għoti tat-TES.

156    Peress li l-kundizzjonijiet imposti minn dan l-artikolu huma kumulattivi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni kriterji ta’ għoti tat-TES, peress li, f’dan il-każ, it-tielet kriterju ma huwiex issodisfatt.

157    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll, il-motiv kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-iżvolġiment inekwu u parzjali tal-investigazzjoni u fuq oneru tal-prova eċċessiv

158    Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet, l-ewwel tirrigwarda allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u t-tieni tirrigwarda allegat ksur tal-Artikolu 18(1), (3) u (6) tar-regolament bażiku.

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

159    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minn naħa, billi imponitilhom oneru eċċessiv fir-rigward ta’ prova waqt l-evalwazzjoni tat-talbiet għal TES u, min-naħa l-oħra, billi emendat il-motivazzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ kumpannija li tallinja l-kontabbiltà tagħha mal-operazzjonijiet tagħha meta tiġi kkonfrontata bir-rifjuti tagħha. Barra minn hekk, it-talbiet għal TES ma ġewx evalwati b’mod imparzjali u leali.

160    Għal dak li jikkonċerna l-argument li t-talbiet għal TES ma ġewx evalwati b’mod imparzjali u leali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma spjegaw l-ilment tagħhom, b’mod li dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑istituzzjonijiet ma humiex sodisfaċenti b’ebda mod ma juri li dawn tal‑aħħar kisru d-dmir ta’ diliġenza tagħhom.

161    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżiġiet mingħand ir-rikorrenti, kemm fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-talbiet għal TES tat-2 ta’ Settembru 2010 kif ukoll waqt is-seduta tas-17 ta’ Settembru 2010 li huma juru li kienu joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija ta’ suq, mingħajr ma hija ma tkun meħtieġa li tipprova li r-rikorrenti ma jissodisfawx il-kriterji dwar l-għoti tat-TES.

162    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni, dan għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ikea Wholesale, punt 148 iktar ʼil fuq, punti 40 u 41, u tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, punt 63).

163    L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż kkonċernat u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u jista’, għalhekk, jibbenefika mill-għoti ta’ trattament xieraq lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T‑155/94, Ġabra p. II‑873, punt 98; Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 122 iktar ʼil fuq, punt 49, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ʼil fuq, punt 81).

164    Madankollu, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet tal-Unjoni, hija għandha madankollu tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-oneru tal-prova huwa fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mit-trattament rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, it-talba ppreżentata skont id-dispożizzjoni msemmija taħt l-Artikolu 2(7)(b) għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi provi suffiċjenti li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Għall-kuntrarju, huma l-imsemmija istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku humiex issodisfatti u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C‑249/10 P, punt 32; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 122 iktar il fuq, punt 53, u Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ʼil fuq, punt 83].

166    Madankollu, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li l-oneru tal-prova li l-istituzzjonijiet jimponu fuq il-produtturi-esportaturi li jitolbu t-TES ma jistax ikun irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).

167    Mill-proċess tal-kawża jirriżulta li r-rikorrenti jikkontestaw biss il-fatt li huma għandhom l-obbligu li jipproduċu l-provi li juru li l-kompatibbiltà tagħhom tirrifletti l-operazzjonijiet tagħhom, u dan fil-kuntest tat-tieni kundizzjoni għal għoti tat-TES. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti għandhom juru rabta bejn il-ħlasijiet u d-debiti u l-entrati li jidhru fil-kompatibbiltà tagħhom, l-ewwel nett, għall-operazzjonijiet għall-esportazzjoni, it-tieni nett, il-bejgħ intern imwettaq mal-partijiet marbutin u, it-tielet nett, ix-xiri ta’ materji prima mwettaq mingħand fornituri li ma humiex marbuta.

168    Tali oneru tal-prova ma jistax jitqies bħala irraġonevoli.

169    Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni biddlet ir-raġunament tagħha fir-rigward tal-obbligu li tiġi allinjata l-kompatibbiltà tar-rikorrenti mal-operazzjonijiet tagħhom, kif jallegaw huma.

170    Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda allegat ksur tal-Artikolu 18(1), (3) u (6) tar-regolament bażiku.

171    Ir-rikorrenti huma tal-opinjoni li mill-fatti li huma esponew taħt l-ewwel parti jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħadmitx magħhom bil-għan li jitwettaq l-għan komuni intiż li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni li huma pproduċew fit-talbiet tagħhom għal TES kinux eżatti, kif dan huwa pprovdut fl-Artikolu 18(1), (3) u (6) tar-regolament bażiku, interpretat fid-dawl fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-24 ta’ Lulju 2001 fil-każ “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti ta’ azzar mhux illigat li joriġinaw mill-Ġappun” (WT/DS184/AB/R, paragrafu 99). Skont ir-rikorrenti, mill-imsemmija konklużjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni tikser l-Artikolu 18 tar-regolament kull darba li hija ma ħadmitx mall-partijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni bil-għan li jitwettaq għan komuni.

172    Qabel isir l-eżami tat-tieni parti, għandhom jiġu identifikati l-fatti kif kienu ġew esposti taħt l-ewwel parti li r-rikorrenti jirreferu għalihom. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, fil-punt 201 tar-rikors, li, minflok involviet ruħha fi proċess ta’ kooperazzjoni magħhom, il-Kummissjoni “ġabret fatti sfavorevoli matul il-verifika u kkomunikathom [lilhom] […] biss fid-dokumenti ta’ informazzjoni dwar it-talbiet tagħhom għal TES”. It-tieni nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw, fil-punt 204 tar-rikors, li l-Kummissjoni “kellha biss tħassib u prijorità [fil-verifika fuq il-post] li torbot somom f’daqqa riċevuti fuq kontijiet speċifiċi miftuħa għal fatturi speċifiċi, fuq il-bażi ta’ dokumenti li jidhru fid-dokumenti tal-kontabbilta”.

173    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom. Huma jagħmlu biss sempliċi allegazzjonijiet.

174    Peress li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1), (3) u (6) tar-regolament bażiku ma huwiex akkumpanjat b’ebda espożizzjoni sommarja tal-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

175    Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma kontradetti mill-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkooperat matul l-investigazzjoni. L-ewwel nett, fuq talba espressa tar-rikorrenti, hija estendiet diversi drabi t-termini li ngħatawlhom, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. It-tieni nett, hija għamlet seduta ftit sigħat wara li rċeviet talba sabiex tagħmel dan mingħand ir-rikorrenti, fatt li lanqas huwa kkontestat minn dawn tal-aħħar. It-tielet nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjoni fformulati mir-rikorrenti dwar id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-TES.

176    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

177    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.     Fuq il-motivi dwar l-evalwazzjoni tad-dannu

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku

178    Il-ħames motiv jinkludi żewġ partijiet.

179    L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni eskludiet mill-evalwazzjoni tad-dannu wieħed mill-ħames produtturi tal-Unjoni li kkooperaw mal-investigazzjoni, u dan mingħajr ma pprovdiet ġustifikazzjoni.

180    It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni invokat id-data mibgħuta minn erba’ produtturi rappreżentattivi, u mhux id-data li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, meta hija evalwat dawk li għandhom jissejħu l-indikaturi mikroekonomiċi.

181    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, “[l]l-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva [minn naħa,] il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u [, min-naħa l-oħra,] l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja”.

182    Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod iktar partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 26; Ikea Wholesale, punt 148 iktar ʼil fuq, punt 40; tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 85, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, T‑156/11, punt 134].

183    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-determinazzjoni tad-dannu tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa [sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, punt 96 iktar ʼil fuq, punt 86; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 131; tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra p. II‑669, punt 43, u Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 182 iktar ʼil fuq, punt 135].

184    Għaldaqstant, il‑qorti tal‑Unjoni għandha tillimita l‑istħarriġ tagħha għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati sabiex issir l‑għażla kkontestata, tal‑assenza ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tal‑assenza ta’ użu ħażin ta’ poter [sentenzi tal-Qorti tal-Ġenerali Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 183 iktar ’il fuq, punt 67; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T‑210/95, Ġabra p. II‑3291, punt 57; Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, punt 183 iktar ʼil fuq, punt 43, u Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 182 iktar ʼil fuq, punt 136].

185    Barra minn hekk, huma r-rikorrenti li għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tad-dannu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 122 iktar ʼil fuq, punt 119, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T‑300/03, Ġabra p. II‑3911, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 182 iktar ʼil fuq, punt 137].

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-allegat assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż għall-evalwazzjoni tad-dannu

186    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm hija ma ħaditx kampjun, il-Kummissjoni rrestrinġiet l-analiżi ta’ diversi indikaturi ta’ dannu kkatalogati bħala mikroekonomiċi, fis-sens li l-erba’ lanjanti biss kienu ġew ikkontrollati u tqiesu li huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx l-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż.

187    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dannu wieħed mill-produtturi tal-Unjoni li għandu tendenzi pożittivi u billi kkunsidrat bħala rappreżentattivi biss l-erba’ produtturi lanjanti, il-Kummissjoni ma wettqitx “eżami objettiv” tal-fatti li kienu ġew ippreżentati lilha fis-sens deskritt mill-Korp tal-Appell tad-WTO.

188    Il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni ma injoratx il-kooperazzjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni peress li, għal dak li jikkonċerna l-analiżi tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi, dan il-produttur qatt ma kkomunika d-data neċessarja, u li, għal dak li jikkonċerna l-analiżi tal-indikaturi ta’ dannu makroekonomiċi, id-data li tikkonċerna l-imsemmi produttur kienet koperta mill-informazzjoni kkomunikata minn Cepifine.

189    Il-Kunsill isostni li l-produzzjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni kienet tirrappreżenta l-iktar 1.4 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u li ċ-ċifri kkomunikati, għalkemm kienu jindikaw ċerta tendenza pożittiva, ma setgħux jikkontradixxu l-analiżi tad-dannu fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni kollha.

190    Il-Kunsill iqajjem il-fatt li kampjun seta’ jittieħed biss jekk l-impriżi li kienu għażlu li jikkooperaw huma tant numerużi li ma jkunx possibbli li titwettaq investigazzjoni fuq kull waħda fosthom. Fi kwalunkwe każ, l-impriżi li kkooperaw kienu rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni.

191    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament wettqitx eżami tal-evalwazzjoni tad-dannu billi bbażat ruħha fuq provi oġġettivi, inkwantu hija eskludiet produttur Finlandiż mill-industrija tal-Unjoni li għandu data pożittiva.

192    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu ittra, mibgħuta fit-18 ta’ Marzu 2010, li fiha l-Kummissjoni talbet lill-produttur Finlandiż inkwistjoni jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u li għaliha dan tal-aħħar irrisponda permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2010 li minnha jirriżulta li huwa ma ġarrabx dannu. F’dan is-sens, ir-rikorrenti sostnew, waqt l-investigazzjoni, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-kooperazzjoni ta’ dan il-produttur mingħajr motiv raġonevoli.

193    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-kawżi antidumping, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti (sentenza EFMA vs Il-Kunsill, punt 184 iktar ʼil fuq, punt 71).

194    Kif jirrilevaw ir-rikorrenti, fil-premessa 10 tar-regolament provviżorju jissemma li “[i]r-risposti għall-kwestjonarji u sottomissjonijiet oħrajn waslu minn żewġ gruppi ta’ produtturi [Ċiniżi ta’] esportaturi [Cepifine], l-erba’ produtturi tal-Unjoni kwerelanti [lanjanti] u produttur tal-Unjoni addizzjonali, 16-il importatur u negozjant mhux relatat, 17-il utent u tliet (3) assoċjazzjonijiet tal-istampar u tal-karti u mingħand produttur wieħed fl-Istati Uniti li kien ikkunsidrat bħala pajjiż analogu.”

195    Issa, mill-premessa 29 tar-regolament provviżorju jirriżulta li erba’ produtturi tal-Unjoni biss ippreżentaw ruħhom fit-termini stabbiliti fl-avviż ta’ ftuħ.

196    Mill-premessa 90 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, “f]il-preżent l-investigazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diefnita [iddefinita] fuq il-livell tal-produtturi tal-Unjoni li jikkostittwixxu l-produzzjoni totali tal-Unjoni [...], irripesttivament [irrispettivament] jekk il-produtturi jsostnux l-ilment jew ikkooperawx fl-investigazzjoni jew le”.

197    Mill-premessa 77 tar-regolament provviżorju jirriżulta li, “waqt il-PE [matul il-perijodu ta’ investigazzjoni] il-prodott simili ġie manifatturat minn 14-il produttur magħruf u xi wħud żgħar ħafna fl-Unjoni” u li, “[i]d-dejta pprovduta minn CEPIFINE hija stmata li qed tkopri 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni”.

198    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, is-sitwazzjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni għal dak li jikkonċerna l-indikaturi makroekonomiċi peress li d-data mibgħuta minn Cepifine kienet tirrappreżenta 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi-esportaturi tal-Unjoni.

199    Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi mikroekonomiċi, li jistgħu jiġu evalwati biss meta d-data tintbagħat mill-impriżi individwali, għandu jiġi kkonstatat li l-produttur Finlandiż inkwistjoni ma rrispondiex fit-termini stabbiliti permezz tal-avviż ta’ ftuħ.

200    Għaldaqstant, il-fatt li l-produttur Finlandiż ma rrispondiex ma jistax jikkostitwixxi ommissjoni fil-kuntest ta’ eżami konkret ibbażat fuq provi oġġettivi tal-evalwazzjoni tad-dannu.

201    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

202    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet ma ssodisfawx ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

203    Il-Kunsill qies li, għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element probatorju.

204    Fid-dawl tal-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti, għandu jiġi konkluż li lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma nkisru.

205    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

206    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-modalitajiet tal-allegata evalwazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi bbażata fuq erba’ produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni

207    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill iddefinixxa l-industrija tal-Unjoni bħala li hija kkostitwita minn erbatax-il membru ta’ Cepifine għalkemm, fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, l-analiżi tal-Kummissjoni ġiet ristretta għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-erba’ produtturi rappreżentattivi għal dak li jikkonċerna ċerti indikaturi ta’ dannu.

208    Ir-rikorrenti jsostnu li ċerti indikaturi ta’ dannu, jiġifieri l-indikaturi mikroekonomiċi, jikkonċernaw numru limitat ta’ produtturi, jiġifieri l-erba’ lanjanti u l-produttur Finlandiż inkwistjoni, li huma l-uniċi li rrispondew għall-kwestjonarju.

209    Skont ir-rikorrenti, din il-metodoloġija ħolqot immaġni distorta tad-dannu inkwantu la tirrispondi għas-sitwazzjoni ta’ sottogrupp ta’ produtturi, u lanqas għal dik tal-erbatax-il membru ta’ Cepifine. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna ċerti indikaturi, minn naħa, u tillimita ruħha għal evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn parti rappreżentattiva biss tal-produtturi għal dak li jikkonċerna indikaturi oħrajn, min-naħa l-oħra.

210    Ir-rikorrenti jqisu li l-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika l-indikaturi ta’ dannu fil-kategoriji makroekonomiċi u mikroekonomiċi ma humiex loġiċi. Barra minn hekk, huma jsostnu li r-regolament ikkontestat ma jipprovdi ebda raġuni u lanqas ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward.

211    Il-Kunsill isostni li l-industrija tal-Unjoni ġiet iddefinita bħala l-produtturi tal-Unjoni kollha li jirrappreżentaw il-produzzjoni totali tal-Unjoni, li minnha jifformaw parti l-erbatax-il membru ta’ Cepifine.

212    Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku ma jipprojbixxix li jiġu analizzati indikaturi differenti ta’ dannu fir-rigward ta’ sottogruppi differenti ta’ produtturi tal-Unjoni.

213    Il-Kunsill iqis li l-analiżi tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku, kemm għal dak li jikkonċerna l-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-indikaturi ta’ dannu makroekonomiċi.

214    Il-Kunsill iqis li d-distinzjoni stabbilita bejn il-kriterji ta’ dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi hija loġika u tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi, b’mod partikolari d-disponibbiltà tad-data.

215    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti la jikkontestaw ir-rilevanza tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi li ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet waqt l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u lanqas l-analiżi li saret mill-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-premessi 90 sa 91 tar-regolament ikkontestat.

216    Għandu jitfakkar li r-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-indikaturi u l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni.

217    L-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku jipprovdi li:

“L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi [indizji rilevanti] kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.”

218    Għal dak li jikkonċerna l-fatturi makroekonomiċi, mill-premessa 90 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li “hija prattika tal-Kummissjoni li tevalwa l-fatturi makroekonomiċi għall-indikazzjoni tal-ħsara m[ġ]arrba fuq il-livell tal-industrija tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa [...], l-industrija tal-Unjoni kienet [iddefinita] fuq il-livell tal-produtturi tal-Unjoni li jikkostittwixxu l-produzzjoni totali tal-Unjoni, [...] irripesttivament jekk il-produtturi jsostnux l-ilment jew ikkooperawx fl-investigazzjoni jew le”.

219    F’dan ir-rigward, mill-premessa 89 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li “[l]-elementi makroekonomiċi (produzzjoni, kapaċità, utilizzazzjoni tal-kapaċità, volum tal-bejgħ, sehem fis-suq, tkabbir u d-daqs tal-marġnijiet tas-sussidju kumpensabbli) ġew ivvaluati fil-livell tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mis-CEPIFINE.”

220    Għal dak li jikkonċerna l-fatturi mikroekonomiċi, mill-premessa 91 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dawn il-fatturi “jiġu analizzati fuq il-livell tal-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni irrispettivament jekk jappoġġawx l-ilment jew le.”

221    F’dan ir-rigward, mill-premessa 90 tar-regolament provviżorju jirriżulta li “[l]-analiżi tal-elementi makroekonomiċi twettqet fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni (il-prezzijiet medji tal-unità, l-impjieg, il-pagi, il-produttività, il-ħażniet, il-profitt, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, il-kapaċità li jiżdied il-kapital) abbażi tat-tagħrif tagħhom, ivverifikat kif xieraq”.

222    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kawżi antidumping, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti (ara l-punt 193 iktar ʼil fuq).

223    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-kriterji differenti fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi makroekonomiċi, u fir-rigward tal-impriżi individwali, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi mikroekonomiċi.

224    Fil-fatt, l-indikaturi makroekonomiċi ġew evalwati abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta minn Cepifine, li tkopri 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

225    Barra minn hekk, l-indikaturi mikroekonomiċi, li jibbażaw fuq id-disponibbiltà ta’ informazzjoni mibgħuta mill-impriżi individwali, ġew evalwati fuq il-bażi tat-trażmissjoni ta’ data mwettqa mill-erba’ produtturi lanjanti rappreżentattivi, bl-esklużjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni li ma ppreżentax ruħu fit-termini stabbiliti.

226    Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, ebda obbligu li jirriżulta mir-regolament bażiku ma jimponi, fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, klassifikazzjoni tal-kriterji makroekonomiċi u mikroekonomiċi jew projbizzjoni li jikkostitwixxu sottogruppi ta’ produtturi, peress li l-Kummissjoni twettaq eżami oġġettiv ibbażat fuq provi li huma stess oġġettivi, kif twettaq f’dan il-każ.

227    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu, insostenn tal-ilment tagħhom, ebda element li juri li l-klassifikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu u l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma ppermettewx li jitwettaq eżami konkret ibbażat fuq provi oġġettivi.

228    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

229    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu kampjun.

230    Mill-premessa 30 tar-regolament bażiku jirrizulta li “[h]uwa essenzjali li jiġi previst teħid ta’ kampjuni f’każijiet fejn in-numru ta’ partijiet jew tranżazzjonijiet ikun kbir sabiex ikunu jistgħu jitlestew l-investigazzjonijiet fil-limitu taż- żmien stabbilit.”

231    Madankollu, kif irrileva l-Kunsill, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata f’dan il-każ li tuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjun (ara l-punt 190 iktar ʼil fuq).

232    Fil-fatt, skont il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif inhu rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li erba’ produtturi rappreżentattivi biss ikkontribwixxew għall-investigazzjoni.

233    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

234    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw il-fatt li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni mingħajr madankollu ma jipprovdu kwalunkwe element ta’ natura li jikkaratterizza allegat ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

235    B’hekk, l-ilment għandu jiġi miċħud.

236    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

237    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

1.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku

238    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jfakkru lill-Qorti Ġenerali li “huwa biss tard ħafna waqt il-proċedura [li huma] saru jafu bil-metodoloġija li l-Kummissjoni kienet segwit sabiex tasal għal marġni ta’ profitt immirat ta’ 8 %”.

239    Mill-premessa 156 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li “[g]rupp wieħed ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi talab aktar dettalji dwar il-metodu użat biex jiġi kkalkulat il-profitt fil-mira ta’ 8 % użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż [billi] semma l-ilment fejn il-profitt fil-mira ssuġġerut kien inqas”.

240    Jekk jiġi preżunt li dan huwa argument, ir-rikorrenti ma jurux li din l-allegata tardività kienet ta’ dannu għalihom sabiex juru effettivament il-perspettiva tagħhom u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

241    Għaldaqstant, u sakemm ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni, essenzjalment, li jallegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

242    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku peress li hija użat qligħ indikattiv ta’ 8 %.

243    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-regolament bażiku jipprovdi li “‘ħsara’ [dannu] għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din”.

244    Skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, “[l]-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

245    Mill-qari tal-imsemmija artikoli jirriżulta li l-marġni ta’ qligħ li għandu jintuża mill-Kunsill sabiex jikkalkola l-prezz indikattiv ta’ natura li jneħħi d-dannu inkwistjoni għandu jiġi limitat għall-marġni ta’ qligħ li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tistenna li tikseb f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Ma jkunx konformi mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku li l-industrija tal-Unjoni tingħata marġni ta’ qligħ li hija ma setgħetx tikseb fl-assenza ta’ dumping (sentenza EFMA vs Il-Kunsill, punt 184 iktar ʼil fuq, punt 60).

246    Ir-rikorrenti jsostnu li l-qligħ indikattiv ġie kkalkolat abbażi ta’ dak li kien tqis bħala li jikkostitwixxi qligħ xieraq mill-kapital (investit) għall-industrija tal-karta tal-Unjoni pjuttost milli fuq il-marġni li realment seta’ jinkiseb fl-assenza ta’ importazzjoni suġġetta għal dumping, peress li din tal-aħħar għandha tkun limitata għall-marġni ta’ qligħ li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tistenna li tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

247    Il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk marġni ta’ qligħ immirat ta’ 8 % huwiex suffiċjenti sabiex ikopri l-investimenti u r-riskji mġarrba, iżda dwar jekk tali marġni ta’ qligħ jistax jinkiseb fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ.

248    Il-Kunsill isostni li teżisti rabta bejn il-qligħ xieraq mill-kapital ta’ industrija partikolari u l-qligħ li jista’ jinkiseb f’kundizzjonijiet ta’ suq normali u mhux distorti, sa fejn is-setturi industrijali b’kapital intensiv, li jeħtieġu investimenti inizjali għoljin, jinvestu biss jekk ikunu jistgħu jistennew li jiksbu qligħ suffiċjenti.

249    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ xieraq. Għaldaqstant, il‑qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi EFMA vs Il-Kunsill, punt 184 iktar ʼil fuq, punt 57, u Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 183 iktar ʼil fuq, punt 67).

250    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ.

251    Għandu jitfakkar li huma r-rikorrenti li għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 185 iktar ʼil fuq).

252    Skont il-premessa 158 tar-regolament ikkontestat:

“Għandu jiġi ċċarat li l-profitt fil-mira kif suġġerit fl-ilment kien eżaminat abbażi tat-tweġibiet tal-kwestjonarju u ż-żjajjar ta’ verifika lill-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, tqies kemm sewa l-investiment fil-makkinarju. Instab li l-profitt fil-mira stipulat fuq din il-bażi tal-aħħar jirrifletti l-bżonnijiet tal-investiment l-aktar importanti u r-riskju involut f’din l-industrija b’kapital intensiv fl-assenza tal-importazzjonijiet iddampjati jew issussidjati. Għalhekk, mira ta’ profitt ta’ 8 % titqies bħala l-livell li l-industrija għandha tikseb fin-nuqqas tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Kif intqal fil-premessa (86), biex ikun żgurat li l-kalkoli tad-dumping u tat-twaqqigħ tal-prezz u l-underselling isegwu approċċ koerenti u għar-raġunijiet stipulati fil-premessi (68) sa (71), il-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara ġie rivedut biex jeskludi l-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ kumpanija fil-grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw.”.

253    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkontestaw biss il-fatt li, fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ, il-Kummissjoni inkludiet kunsiderazzjonijiet dwar il-kopertura tal-investimenti u tar-riskji mġarrba.

254    Għandu jiġi rrilevat li, meta huma jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtihom ir-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta jispjegaw fid-dettall u bil-quddiem il-kriterji li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw f’kull sitwazzjoni, anki fil-każ fejn huma jimponu għażliet ġodda ta’ prinċipju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑32991, punt 68; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1998, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punti 28 u 29, u Nakajima vs Il-Kunsill, punt 96 iktar ʼil fuq, punt 118).

255    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi kriterji bħar-risposti għall-kwestjonarju, l-ispiża tal-investiment, ir-riskji mġarrba, il-fatt li l-industrija għandha kapital intensiv u l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ kumpannija li tifforma parti minn produttur-esportatur li kkoopera.

256    Kif jirrileva l-Kunsill, ir-rikorrenti “ma jallegawx li wieħed minn dawn il-fatturi huwa vvizzjat minn żball jew mhux affidabbli”.

257    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li “tezisti b’mod ċar rabta bejn il-qlig xieraq mill-kapital ta’ industrija partikolari u l-profitti li jistgħu jinkisbu f’kundizzjonijiet ta’ suq normali u mhux distorti”.

258    Madankollu, huma jsostnu li “l-għan tat-tassazzjoni ta’ dazji antidumping ma huwiex li jistabbilixxi mill-ġdid prezz għal livell normali u mhux distort, izda li jistabbilixxih mill-ġdid fil-livell li seta’ jintlaħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping”.

259    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-Anness A.28 tar-rikors, li huwa kkostitwit minn nota tal-Kummissjoni, datata d-29 ta’ Marzu 2001, li tinkludu s-suġġett “Subject: Profitability in the absence of injurious dumping ” (Suġġett: Qligħ fl-assenza ta’ dumping dannuż), li fih tissemma l-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex jintuża l-marġni ta’ qligħ ta’ 8 %.

260    Ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet segwiet l-għan li jiġu imposti dazji antidumping sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

261    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-punt 356 tal-ilment kontra s-sussidji, Cepifine tafferma li l-produtturi Ewropej fi ħdan l-assoċjazzjoni setgħu jistennew li jiksbu qligħ ta’ 5 % fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

262    Madankollu minn dan l-ilment lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet dazji antidumping bil-għan li tistabbilixxi mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

263    Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qiesu li l-ammont tal-marġni ta’ qligħ, sa 8 %, seta’ jintlaħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

264    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni stabbiliet b’mod ċar li l-qligħ indikattiv ta’ 8 % kien meqjus li huwa l-livell li l-industrija setgħet tilħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping (ara l-punt 252 iktar ʼil fuq).

265    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jirreferu biss għall-provi li jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-kawża u ma jipprovdu ebda element ta’ natura li jikkaratterizza kwalunkwe żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens li huma kienu imponew dazji antidumping bl-uniku għan li jiġi stabbilit mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

266    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

267    Fit-tielet lok, insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, matul is-sena 2005, jiġifieri qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-marġni ta’ qligħ medju tal-lanjanti kien ta’ 2 %, filwaqt li l-marġni sabiex jiġi kkalkolat il-qligħ indikattiv kien ta’ 2.88 % fl-2009, jiġifieri matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

268    Il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq il-qligħ miksub mill-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat, peress li s-settur inkwistjoni kellu telf straordinarju minħabba problemi strutturali. Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ma kkonstestawx dawn il-kunsiderazzjonijiet.

269    Il-premessa 116 tar-regolament ikkontestat issemmi:

“Il-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni ġarrbu telf fis-snin 2006 sa 2008 u s-sitwazzjoni finanzjarja nqalbet għal waħda pożittiva biss fl-2009 meta l-prezz dinji tal-polpa, il-materja prima ewlenija, naqas eċċezzjonalment b’mod sinifikanti minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. It-tnaqqis fil-prezz tal-polpa (–19 %) kien ikkunsidrat bħala tnaqqis kbir mhux normali li direttament ikkontribwixxa għas-sitwazzjoni finanzjarja aħjar fil-PI [perijodu ta’ investigazzjoni].Ta’ min jinnota li mill-PI [perijodu ta’ investigazzjoni] ‘l hawn, il-prezzijiet tal-polpa ġew lura għal-livelli tagħhom ta’ qabel il-PI [perijodu ta’ investigazzjoni].”

270    Il-premessa 128 tar-regolament provviżorju jsemmi:

“Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-industija tal-Unjoni ġarrbet telf fil-perjodu kkunsidrat, speċjalment fl-2008, minkejja r-ristrutturar tal-produtturi peress li, [...] l-industrija tal-Unjoni xorta ma kinetx kapaċi tgħolli l-prezzijiet tagħha għal-livelli ogħla mill-ispejjeż. Din is-sitwazzjoni kienet prinċipalment ikkawżata mill-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjoni li huma l-oġġett ta’ dumping li kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.”

271    Mill-premessa 117 tar-regolament provviżorju jirriżulta li “[ġ]ie provviżorjament konkluż li ż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezz baxx li huma l-oġġett ta’ dumping mi[ċ-Ċina] kellhom impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni”.

272    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jitqies li l-ammont tal-marġni ta’ qligħ medju tal-lanjanti, matul is-sena 2005, kif invokat mir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex jiġi stabbilit li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ fl-assenza tal-importazzjonijiet inkwistjoni qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EFMA vs Il-Kunsill, punt 184 iktar ʼil fuq, punt 89).

273    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

274    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku

275    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-karta fina miksija użata mill-magni għall-istampar sheet-fed ma hijiex interkambjabbli mar-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed.

276    Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li r-rombli użati mill-magni tal-istampar web-fed ma humiex interkambjabbli mar-rombli għall-magni għall-istampar sheet-fed.

277    Ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw li r-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed jistgħu jintużaw fuq il-magni għall-istampar sheet-fed bit-teknoloġija CutStar.

278    Ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat sa fejn l-istituzzjonijiet eskludew ir-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed u kkonkludew li ma kinux interkambjabbli mal-cutters rolls.

279    Il-Kunsill isostni li r-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, għaliex it-tipi differenti ta’ karta għandhom karatteristiċi fiżiċi distinti.

280    Il-Kunsill isostni li t-tipi differenti ta’ karta ma humiex interkambjabbli u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ddefinew il-prodott ikkonċernat bħala li huwa l-karta għal magni għall-istampar sheet-fed, irrispettivament jekk humiex folji ta’ karta jew rombli użati mal-magni CutStar.

281    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, sabiex tiġi kkaratterizzata l-interkambjabbiltà tal-prodotti, jekk ir-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed jistgħux jintużaw fuq il-magni għall-istampar sheet-fed bit-teknoloġija CutStar u jekk ir-rombli għall-magni għall-istampar sheet-fed jistgħux jintużaw għal-magni tal-istampar web-fed.

282    Mill-premessa 16 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li r-rikorrenti sostnew li ma kienx hemm “differenza sostanzjali rigward il-karatteristiċi bażiċi bejn [il-karta fina miksija] u rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar sheet-fed [...] u rombli adatti għall-użu fi stamperiji web-fed”.

283    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li pproduċew fl-anness tar-rikors “provi konklużivi li minnhom jirriżulta li l-magni għall-istampar mgħammra bis-sistema CutStar jistgħu użaw iż-żewġ tipi ta’ rombli”.

284    Skont il-premessa 15 tar-regolament provviżorju:

“[Il-karta fina miksija] hija karta u kartun ta’ kwalità għolja li normalment jintużaw għall-istampar ta’ materjal għall-qari bħal magazins, katalgi, rapporti annwali, u pubblikazzjonijiet annwali. Il-prodott ikkonċernat jinkludi kemm folji u rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar li jieħdu l-folji (cut star). Ir-rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar li jieħdu l-folji separati (rombli li jinqatgħu) huma ddisinjati sabiex jinqatgħu f’biċċiet qabel l-istampar, u b’hekk huma kkunsidrati li jistgħu jiġu sostitwiti u bħala f’kompetizzjoni diretta mal-folji.”

285    Il-premessa 16 tar-regolament provviżorju jsemmi li r-rombli adattati għall-magni għall-istampar sheet-fed, esklużi mill-prodott ikkonċernat, “normalment jiddaħħlu direttament fil-magni għall-istampar u ma jinqatgħux minn qabel”.

286    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jallegaw biss li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mingħajr madankollu ma ppreżentaw ebda element insostenn tal-argument tagħhom.

287    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jippreżentaw ebda element ta’ natura li juri li l-karta fina miksija mir-rombli tista’ tintuża fuq il-magni għall-istampar web-fed, irrispettivament jekk tirrigwardax karatteristiċi fiżiċi jew tekniċi, bħar-resistenza għall-picking, jew l-interkambjabbiltà mill-perspettiva ekonomika.

288    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni antimdumping għandha bħala għan li tgħin fit-tfassil ta’ lista tal-prodotti li, skont il-każ, ikunu s-suġġett għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħal, b’mod partikolari, il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T‑314/06, Ġabra p. II‑5005, punt 138; tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il-Kummissjoni, T‑369/08, Ġabra p. II‑6283, punt 82, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, T‑172/09, punt 59].

289    Skont il-premessa 18 tar-regolament provviżorju:

“[L]-investigazzjoni kkonfermat li tassew hemm karatteristiċi tekniċi u fiżiċi distinti bħall-umdità u l-ebusija bejn il-karta użata għall-istampar bir-rombli u dik użata għall-istampar li jieħu l-folji. L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-karatteristiċi tekniċi elenkati fil-premessa 16 […] huma uniċi għar-rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar bir-rombli. Minħabba dawn id-differenzi l-karta użata għall-istampar bir-rombli jew dik użata għall-istampar li jieħu l-folji ma tistax tintuża fl-istess tip ta’ magna għall-istampar u b’hekk il-karti ma jistgħux jinbidlu ma’ xulxin. Huwa nnutat li l-partijiet kollha qablu li ż-żewġ tipi ta’ karta huma distinti fir-rigward tas-saħħa tal-wiċċ u s-seħħa tensili tagħhom.”

290    Issa, mill-premessa 29 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li “[i]l-premessi (16) u (18) tar-Regolament provviżorju jistabbilixxu l-kriterji addizzjonali li ma kinux ikkontestati [...]”. 

291    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-premessa 42 tar-regolament ikkontestat, li ebda kumment ma ġie rċevut għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-prodott simili.

292    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma nkisrux, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

293    Għal dak li jikkonċerna l-industrija tal-Unjoni u l-locus standi fil-proċeduri kontra d-dumping, ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjoni żbaljata tal-prodott ikkonċernat intużat sabiex tiġi ddefinita l-industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-prodott simili u sabiex jiġi evalwat id-dannu mġarrab minn din l-industrija.

294    Mill-premessa 83 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, “[f]in-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessi (77) sa (79) tar-Regolament provviżorju [ġew] ikkonfermati”. 

295    Skont il-premessa 79 tar-Regolament:

“Kif jissemma fil-premessa 17 […], parti interessata waħda stqarret li [il-karta fina miksija] xieraq għall-istampar web-fed missha ġiet inkluża fl-ambitu tal-investigazzjoni preżenti. Abbażi ta’ dan, il-parti argumentat li l-industrija kwerelanti [lanjanti] tal-Unjoni ma kienx ikollha biżżejjed saħħa [locus standi] fil-proċediment preżenti. Abbażi tal-konklużjonijiet [...] fil-premessi 20 u 22, madankollu, [il-karta fina miksija] adatta għall-istampar web-fed u [l-karta fina miksija] għall-istampar sheet-fed huma żewġ prodotti differenti, u għalhekk, l-istqarrija kellha tiġi miċħuda.”

296    Kif irrileva l-Kunsill, il-motiv jistħoqlu li jiġi eżaminat biss jekk id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet żbaljata.

297    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

298    Għaldaqstant, dan l-ilment huwa nieqes mill-premessa tiegħu.

299    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jallegaw biss li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku, mingħajr madankollu ma ppreżentaw elementi insostenn tal-argument tagħhom.

300    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

301    Għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat peress li s-silenzju tal-imsemmija istituzzjonijiet fuq l-interkambjabbiltà taż-żewġ prodotti inkwistjoni, meta huma jintużaw fuq magni b’tagħmir tat-tip CutStar, ipprekluda lir-rikorrenti milli jiddefendu effikaċjament, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-allegazzjoni tagħhom li s-sistema CutStar trendi interkambjabbli r-rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar web-fed u l-cutter rolls u li jikkontestaw deċiżjoni li kellha effett kunsiderevoli fuq il-locus standi u fuq l-evalwazzjoni tad-dannu kif ukoll fuq ir-riżultat tal-investigazzjoni.

302    Jeħtieġ jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE tikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

303    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 302 iktar ʼil fuq, punt 146, u l-ġurisprudenza ċċitata).

304    Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 302 iktar ʼil fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    Għandu jitqies li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat ma huwiex immotivat jew ma huwiex suffiċjentement immotivat minħabba l-eventwali silenzju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq l-interkambjabbiltà tal-prodotti inkwistjoni ma huwiex fondat.

306    Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw il-fatt li l-karta fina miksija f’folji jew f’rombli użati għall-magni tal-istampar sheet-fed u r-rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed kienu jikkostitwixxu gruppi differenti u ma kinux interkambjabbli (premessa 17 tar-regolament ikkontestat), kemm mill-perspettiva tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, peress li l-premessa 17 tar-regolament ikkontestat tikkonferma l-premessa 18 tar-regolament provviżorju li tirreferi hija stess għall-premessa 16 tar-regolament provviżorju, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-resistenza għall-picking kif ukoll ir-riġidità bħala kriterji distintivi rilevanti (premessi 16 u 29 tar-regolament ikkontestat), kif ukoll mill-perspettiva ekonomika, il-premessa 17 tar-regolament ikkontestat tikkonferma l-premessa 20 tar-regolament provviżorju).

307    Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kisrux l-Artikolu 296 TFUE sa fejn ir-rikorrenti setgħu jidentifikaw b’mod ċar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-regolament ikkontestat sabiex jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ interkambjabbiltà tal-cutter-rolls għall-magni għall-istampar sheet-fed u għar-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed.

308    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

309    Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (7) tar-regolament ikkontestat

310    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, ir-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma pprovdewx spjegazzjonijiet rilevanti, u lanqas motivazzjoni suffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-prezz mhux dannuż ma kienx jeċċedi dak li kien neċessarju sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

311    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mmotivaw b’mod ċar ir-riżultat tat-test ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni peress li huma wettqu l-evalwazzjoni tal-effett ta’ fatturi oħrajn fuq il-preġudizzju, bħall-iżvilupp tal-konsum fuq is-suq tal-Unjoni (premessi 137 u 138 tar-regolament ikkontestat u premessi 118 u 119 tar-regolament provviżorju), tal-prezz tal-materja prima (premessa 139 tar-Regolament ikkontestat u premessi 120 sa 122 tar-regolament provviżorju), tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni (premessi 140 sa 142 tar-regolament ikkontestat u premessi 130 u 124 tar-regolament provviżorju), tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħrajn (premessa 143 tar-regolament ikkontestat u premessi 125 sa 127 tar-regolament provviżorju), kif ukoll l-eċċess ta’ kapaċità strutturali (premessi 144 u 145 tar-regolament ikkontestat u premessa 128 tar-regolament provviżorju).

312    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mmotivaw b’mod ċar il-fatt li l-fatturi l-oħrajn ma setgħux jiġu imputati d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u li, konsegwentement, il-prezz mhux dannuż kien ġie ddeterminat sabiex ma jeċċedix dak li kien neċessarju sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet.

313    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma żgurawx ruħhom li d-dannu imputabbli għal fatturi oħrajn li ma humiex id-dumping ma tteħidx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-livell tad-dazju impost kontra l-importazzjonijiet tagħhom, filwaqt li huma l-imsemmija istituzzjonijiet li għandhom juru li huma wettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

314    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement josservaw li l-livell tad-dazji imposti huwa ta’ 20 % u li l-prezz mhux dannuż li abbażi tiegħu din ir-rata ġiet kkalkolata nkiseb billi żdied marġni ta’ qligħ ta’ 8 % mal-ispejjeż ta’ produzzjoni.

315    Kif jirrileva l-Kunsill, ir-rikorrenti ma jikkontestawx fil-prinċipju tiegħu l-approċċ adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkonċerna l-qligħ indikattiv u lanqas jikkontestaw li dan tal-aħħar huwa ffissat fil-livell li l-industrija tal-Unjoni tista’ tikseb fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

316    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affidabbiltà ta’ dawn l-elementi.

317    Għalhekk għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-livell tad-dazji imposti peress li huma sempliċement ifakkru l-kalkolu tal-marġni ta’ dannu kif imsemmi fil-premessa 165 tar-regolament ikkontestat.

318    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(7) tar-regolament bażiku, eżaminaw l-effett ta’ fatturi magħrufa oħrajn li setgħu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u kkonstataw li ebda wieħed fosthom ma kien ta’ natura li jikser ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (premessi 137 sa 145 tar-regolament ikkontestat u premessi 118 sa 128 tar-regolament provviżorju). Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ssodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jadottaw il-miżuri inkwistjoni.

319    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

320    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qosor ċaħdu l-kawżi kollha li ħolqu d-dannu li ġew ippreżentati lilhom waqt l-investigazzjoni minbarra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

321    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement isostnu, bħala eżempju, li d-dannu mġarrab ma jistax jiġi imputat kollu kemm hu lill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina peress li, fil-preżenza ta’ telf ta’ parti tas-suq ta’ 5 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu biss bi 3%, dan ifisser li kompetitur ieħor rebaħ il-parti tas-suq li l-industrija tal-Unjoni tilfet sa 2 %. Għalhekk, ir-rikorrenti ma humiex l-uniċi responsabbli tat-telf ta’ parti tas-suq u tad-dannu li jirriżulta minn dan.

322    Sa fejn jirrigwarda argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw, jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑3813, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑190/08, Ġabra p. II‑7359, punt 188).

323    Għandu jitfakkar ukoll li l-kwistjoni dwar jekk fatturi oħrajn minbarra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ikkontribwixxewx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni tinvolvix l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li għalihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li jimplika li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita biss stħarriġ limitat fuq din l-evalwazzjoni (sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill, punt 322 iktar ʼil fuq, punt 189).

324    Barra minn hekk, huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwa d-dannu [ara s-sentenzi Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 122 iktar ʼil fuq, punt 119, u Moser Baer India vs Il-Kunsill, punt 185 iktar ʼil fuq, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 182 iktar ʼil fuq, punt 137].

325    Hemm lok li jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni tad-dannu tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi dannu, ir-rabta kawżali inkluża.

326    Issa, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jifformulaw sempliċi allegazzjonijiet, barra minn hekk bħala eżempju.

327    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova insostenn tal-argument tagħhom sabiex juru li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

328    Għall-finijiet ta’ kompletezza, kif jirrileva l-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet ibbażati fuq il-premessi 125 sa 127 tar-regolament provviżorju li jipprovdu li l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħrajn ma kkontribwixxewx għad-dannu sostanzjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

329    It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna d-degradazzjoni tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tgħid li din id-degradazzjoni ma hijiex il-kawża prinċipali tad-dannu mġarrab mill-produtturi u, konsegwentement, ma tiksirx ir-rabta kawżali.

330    Kif jirrileva l-Kunsill, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

331    Fil-fatt, il-premessa 123 tar-regolament provviżorju, ikkonfermata mill-premessa 141 tar-regolament ikkontestat, issemmi b’mod partikolari:

“Peress li l-esportazzjonijiet għandhom ir-rwol importanti li jżommu l-utilizzazzjoni tal-kapaċità għolja biex ikopru l-ispejjeż fissi għolja tal-investimenti f’makkinarju, ġie meqjus li minkejja li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienet qed tonqos, din ġeneralment kellha effett pożittiv. Għalhekk, ġie meqjus li anki jekk it-tnaqqis fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni setgħu kkontribwew għat-tagħwir tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, dawn min-naħa l-oħra kienu qed itaffu t-telf imġarrab fis-suq tal-Unjoni u b’hekk ma kinux tali li kisru r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mi[ċ-Ċina] u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.”

332    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li turi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

333    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

334    Minn dan isegwi li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

335    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, Cepinfine, Sappi Europe, Burgo Group u Lecta, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

336    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd u Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Cepifine AISBL, Sappi Europe SA, Burgo Group SpA u Lecta SA.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2014.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1.  Id-dritt tad-WTO

2.  Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Investigazzjoni

2.  Ir-regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-portata tal-kap ta’ talbiet għal annullament

2.  Fuq il-motivi li jirrigwardaw it-talbiet għal TES tar-rikorrenti

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, sa fejn id-deċiżjoni li ma tagħtix it-TES lir-rikorrenti ttieħdet abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf b’tali ċaħda fuq il-marġni ta’ dumping tagħhom

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-konsultazzjoni effettiva tal-Kumitat Konsultattiv antidumping

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq it-tielet parti, li tirrigwarda t-tielet kriterju ta’ għoti tat-TES

–  Fuq id-drittijiet dwar l-użu tal-art

–  Fuq is-self

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-iżvolġiment inekwu u parzjali tal-investigazzjoni u fuq oneru tal-prova eċċessiv

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda allegat ksur tal-Artikolu 18(1), (3) u (6) tar-regolament bażiku.

3.  Fuq il-motivi dwar l-evalwazzjoni tad-dannu

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-allegat assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż għall-evalwazzjoni tad-dannu

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-modalitajiet tal-allegata evalwazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi bbażata fuq erba’ produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni

1.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (7) tar-regolament ikkontestat

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.