Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 – Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill

(Kawża T-162/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Canadian Solar Emea GmbH (München, il-Ġermanja); Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc. (Changshu, iċ-Ċina); Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc. (Luoyang, iċ-Ċina); Csi Cells Co. Ltd (Suzhou, iċ-Ċina); u Csi Solar Power (iċ-Ċina), Inc. (Suzhou) (rappreżentanti: A. Willems, S. De Knop u J. Charles, avukati).

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 1), sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna l-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz ta’ impożizzjoni ta’ miżuri antidumping fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina filwaqt li n-notifika tal-bidu ta’ proċedimenti kienet issemmi biss moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 1 .

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz ta’ impożizzjoni ta’ miżuri antidumping fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li ma kinux suġġetti għal investigazzjoni antidumping, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li billi applikaw metoloġija ta’ ekonomija mhux tas-suq għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ prodotti minn pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz tat-twettiq ta’ investigazzjoni waħda biss għal żewġ prodotti distinti (jiġifieri, moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ċelloli), l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li billi naqqsu milli jeżaminaw it-talbiet tar-rikorrenti sabiex jiksbu l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li billi naqqsu milli jikkwantifikaw separatament id-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni kkawżat kemm mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping kif ukoll fatturi oħra magħrufa u, b’konsegwenza, billi imponew rata ta’ dazju f’eċċess ta’ dak li huwa neċessarju biex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping lill-industrija tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikoli 3 u 9(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).