Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 – Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill

(Kawża T-163/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Canadian Solar Emea GmbH (München, il-Ġermanja); Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc. (Changshu, iċ-Ċina); Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc. (Luoyang, iċ-Ċina); Csi Cells Co. Ltd (Suzhou, iċ-Ċina); u Csi Solar Power (iċ-Ċina), Inc. (Suzhou) (rappreżentanti: A. Willems, S. De Knop u J. Charles, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 66), sa fejn japplika għar-rikorrenti;

tikkundanna l-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz ta’ impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina filwaqt li n-notifika tal-bidu ta’ proċedimenti kienet issemmi biss moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 10(12) u (13) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 1 .

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz ta’ impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji fuq moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin li ma kinux suġġetti għal investigazzjoni kontra s-sussidji, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikoli 1 u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz tat-twettiq ta’ investigazzjoni waħda biss għal żewġ prodotti distinti (jiġifieri, moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ċelloli), l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, p. 93).