Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2014 – Calberson GE vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-164/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Calberson GE (Villeneuve-la-Garenne, Franza) (rappreżentanti: T. Gallois u E. Dereviankine, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallasha s-somom hawnhekk indikati:

l-ispejjeż finanzjarji kkawżati mir-rilaxx tardiv tal-garanziji ta’ provvista: EUR 7 691.60, bit-taxxi kollha inklużi;

interessi moratorji akkumulati bejn id-data tal-iskadenza għall-ħlas tal-fatturi ta’ trasport u l-mument tal-ħlas effettiv tagħhom: EUR 81 817.25, mingħajr taxxa, u USD 6 344.17;

“interessi moratorji fuq interessi moratorji”: 2 % għal kull xahar ta’ dewmien fil-ħlas tal-interessi moratorji hawn fuq imsemmija (ta’ EUR 81 817.25, mingħajr taxxa, u USD 6 344.17);

il-bilanċ li għadu dovut fir-rigward ta’ fattura ta’ trasport: EUR 17 400, bit-taxxi kollha inklużi;

id-differenza li tirriżulta mir-rata tal-kambju: EUR 30 580.41, bit-taxxi kollha inklużi.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tar-Regolamenti Nru 111/1999 1 u 1799/1999 2 , ir-rikorrenti ngħatat kuntratt dwar it-trasport ta’ laħam taċ-ċanga lill-Federazzjoni Russa fil-kuntest tal-programm ta’ provvista ta’ prodotti agrikoli lil dan il-pajjiż.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 2013, Geodis Calberson GE (C-623/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) li tagħti l-kompetenza lill-qorti tal-Unjoni sabiex tisma’ talbiet għall-kumpens ta’ dannu li jirriżulta min-nuqqasijiet imwettqa mill-organu ta’ intervent nazzjonali, ir-rikorrenti qiegħda titlob kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.Ir-rikorrenti għalhekk issostni li l-organu ta’ intervent nazzjonali, FranceAgriMer, wettaq numru ta’ nuqqasijiet – jiġifieri i) ir-rilaxx tardiv tal-garanziji għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt mogħtija mir-rikorrenti, ii) il-ħlas tardiv ta’ fatturi mhux ikkontestati, iii) in-nuqqas ta’ ħlas ta’ ċerti fatturi mhux ikkontestati u iv) il-ħlas ta’ ċerti fatturi f’munità differenti minn dik prevista fil-kuntratt – li kkawżaw dannu għar-rikorrenti.

____________

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 111/1999, tat-18 ta’ Jannar 1999, li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 dwar programm ta’ provvista ta’ prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 296).     Regolament tal-Kummissjoni