Language of document : ECLI:EU:T:2016:85

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Frar 2016 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Programm ta’ provvisti ta’ prodotti agrikoli lir-Russja — Provvista ta’ ċanga u vitella — Ksur tal-kuntratt mill-organu ta’ intervent — Dritt applikabbli — Preskrizzjoni — Rilaxx tardiv ta’ ċerti garanziji ta’ provvista — Ħlas parzjali ta’ fattura ta’ trasport — Ħlas insuffiċjenti f’muniti barranin ta’ ċerti fatturi — Interessi moratorji”

Fil-Kawża T‑164/14,

Calberson GE, stabbilita f’Villeneuve-Garenne (Franza), irrappreżentata minn T. Gallois u E. Dereviankine, avukati,

rikorrenti,

kontra

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Bianchi u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors, skont l-Artikolu 272 TFUE, intiż li jikseb il-kundanna tal-Kummissjoni li jiġi rreparat id-dannu li r-rikorrenti subit wara nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-organu tal-intervent fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jirrigwarda t-trasport ta’ ċanga u vitella f’destinazzjoni fir-Russja konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 111/1999, tat-18 ta’ Jannar 1999, li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 dwar programm ta’ provvista ta’ prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 296) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1799/1999, tas-16 ta’ Awwissu 1999, dwar il-provvista ta’ ċanga u vitella lir-Russja (ĠU L 217, p. 20),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), imħallfin,

Ir-Reġistratur: S. Bukšek Tomac, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Preċedenti tal-kawża

1        Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98, tas-17 ta’ Diċembru 1998, dwar programm ta’ għoti ta’ prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 235), saret, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament, il-provvista gratwita favur il-Federazzjoni Russa ta’ ċerti prodotti agrikoli, peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet responsabbli għall-implementazzjoni tal-operazzjoni konformement mal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament u l-ispejjeż tal-provvista, inklużi dawk tat-trasport sal-portijiet jew sal-punti tal-fruntiera, eskluż ir-rilaxx, u, jekk ikun il-każ, ta’ pproċessar fil-Komunità peress li ġew stabbiliti minn proċedura ta’ attribuzzjoni konformement mal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament.

2        Fil-kuntest tal-proċedura ta’ attribuzzjoni miftuħa permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1799/1999, tas-16 ta’ Awwissu 1999, dwar il-provvista ta’ ċanga u vitella lir-Russja (ĠU L 217, p. 20), ir-rikorrenti, il-kumpannija Calberson GE, issottomettiet fl-14 ta’ Settembru 1999 lill-Office national interprofessionnel des viandes, de l’élevage et de l’aviculture (Ofival), (Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali tal-laħam, tal-bhejjem u tat-tjur) li sar l-Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer) (l-istabbiliment nazzjonali tal-prodotti tal-agrikoltura u tal-baħar) (iktar ’il quddiem l-“organu ta’ intervent”), offerta għall-istabbiliment tal-ispejjeż tal-provvista tat-trasport ta’ 5 000 t ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella f’karkassi, li tikkostitwixxi l-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni b’mod partikolari attribwiet lir-rikorrenti l-provvista tal-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999.

4        Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 111/1999, tat-18 ta’ Jannar 1999, li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 dwar programm ta’ provvista ta’ prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 296), u tar-Regolament Nru 1799/1999, l-implementazzjoni prattika tal-obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt ġiet fdata lill-organu ta’ intervent. B’mod konkret, l-organu ta’ intervent kellu jiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali ta’ ħlas u ta’ rilaxx tal-garanzija finanzjarja.

5        Wara li effettwat il-provvista tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella f’karkassi, imsemmija fil-lott nru 8 deskritta fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, ir-rikorrenti talbet lill-organu ta’ intervent ir-rilaxx tal-garanziji ta’ provvista li kellha tikkostitwixxi konformement mal-imsemmi regolament u l-ħlas tal-ispejjeż tat-trasport.

6        Peress li ma kisbitx sodisfazzjon sħiħ, ir-rikorrenti adixxiet, fl-10 ta’ Lulju 2000, lit-tribunal de grande instance de Paris (Franza) b’talba għal kumpens tad-danni li kienet subit minħabba d-dewmien meħud mill-organu ta’ intervent biex jissodisfa t-talbiet tagħha. B’mod iktar partikolari, hija kienet ikkritikat lill-imsemmi organu, li minn naħa, li ħallas ċerti fatturi b’mod tardiv u rrilaxxa ċerti garanziji, u, min-naħa l-oħra, li kien ħallas fi franki Franċiżi (FRF) xi fatturi li jitħallsu f’dollari Amerikani (USD) fuq il-bażi ta’ rata tal-kambju mhux applikabbli. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2001, l-imsemmi tribunal iddikjara lilu nnifsu mingħajr kompetenza biex jieħu deċiżjoni fuq it-tilwima favur il-qrati amministrattivi. Adit fit-22 ta’ Jannar 2002, it-tribunal administratif de Paris (Franza) ċaħad, permezz ta’ ġudizzju tat-30 ta’ Lulju 2007, it-talba mressqa għall-istess għanijiet mir-rikorrenti. Adita fit-28 ta’ Settembru 2007, il-cour administrative d’appel de Paris (Franza) ċaħdet, b’sentenza tas-6 ta’ April 2010, it-talba mressqa għall-istess għanijiet mir-rikorrenti.

7        Peress li r-rikorrenti ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (Franza), din il-qorti adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 111/1999. Permezz tad-domanda tagħha, hija titlob, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni fuq it-tilwimiet kollha relatati ma’ attribuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fuq l-azzjonijiet li għandhom tendenza għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta min-nuqqasijiet imwettqa mill-organu ta’ intervent fl-eżekuzzjoni tal-ħlas dovut lill-offerent rebbieħ u fir-rilaxx tal-garanzija tal-provvista kkostitwita minn dan tal-aħħar favur dan l-organu.

8        Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Geodis Calberson GE (C‑623/11, Ġabra, EU:C:2013:22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 111/1999, kif emendat mir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1125/1999, tat-28 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni fuq it-tilwim dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-organu tal-intervent indikat biex jirċievi l-offerti sottomessi għall-attribuzzjoni tas-servizzi ta’ provvista gratwita ta’ prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russa, jagħmel il-ħlas dovut lill-offerent rebbieħ u għar-rilaxx tal-garanzija tal-provvista kkostitwita mill-offerent rebbieħ favur dan l-organu, b’mod partikolari fuq l-azzjonijiet li għandhom tendenza għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta min-nuqqasijiet imwettqa mill-organu ta’ intervent fl-eżekuzzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

9        Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Marzu 2013, il-Conseil d’État annullat id-deċiżjoni tat-tribunal administratif de Paris, tat-30 ta’ Lulju 2007 u s-sentenza tal-cour administrative d’appel de Paris, tas-6 ta’ April 2010 u kkonstatat in-nuqqas ta’ kompetenza ta’ dawn il-qrati biex jagħtu deċiżjoni fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu mressqa mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

11      Fid-9 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

12      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fit-22 ta’ Settembru u fis-17 ta’ Diċembru 2014.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2014, ir-Repubblika Franċiża talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Kummissjoni.

14      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Settembru 2014, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta dan l-intervent. Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat nota ta’ intervent fil-15 ta’ Ottubru 2014. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw xi osservazzjonijiet fuq din fit-termini imposti.

15      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet li jirrispondu għal domanda fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini imposti.

16      Ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża nstemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni li tħallasha s-somma ta’ EUR 7 691.60 bit-taxxi kollha inklużi abbażi tal-ispejjeż finanzjarji ġġenerati mir-rilaxx tardiv tal-garanziji tal-provvisti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni li tħallasha s-somom ta’ EUR 81 817.25 mingħajr taxxi u ta’ USD 6 344.17 abbażi tal-interessi moratorji li jiddekorru bejn id-data tal-iskadenza tal-fatturi tat-trasport u l-ħlas effettiv tagħhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni li tħallasha xi “interessi moratorji fuq l-interessi moratorji” li jikkorrispondu għal 2 % għal kull xahar ta’ dewmien tal-ħlas tal-interessi moratorji msemmija hawn fuq (EUR 81 817.25 mingħajr taxxi u USD 6 344.17);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 17 400 bit-taxxi kollha inklużi abbażi ta’ dak li jifdal minn fattura tat-trasport;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha s-somma ta’ EUR 30 580.41 bit-taxxi kollha inklużi minħabba d-differenzjali fir-rata tal-kambju;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

 Id-dritt

 Fuq id-dritt applikabbli

20      Ir-rikorrenti tosserva li, peress li l-partijiet ma indikawx speċifikament liġi applikabbli għall-kuntratt, għandha tiġi stabbilita din il-liġi skont l-Artikolu 5 tar- Regolament (KE) Nru 593/2008, tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”). Fuq il-bażi tal-prinċipji mniżżla f’dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għall-imsemmi kuntratt hija l-liġi Franċiża.

21      Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, bis-saħħa tar-Regolament Ruma I, il-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni hija l-liġi Franċiża. Madankollu, il-Kummissjoni tindika li, fis-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2002, Hans Fusch vs Il‑Kummissjoni (T‑134/01, Ġabra, EU:T:2002:246), u tal-10 ta’ Frar 2004, Calberson GE vs Il‑Kummissjoni (T‑215/01, T‑220/01 u T‑221/01, Ġabra, EU:T:2004:38), it-tnejn li huma dwar kuntratti ta’ provvista konklużi fuq il-bażi tar-Regolament Nru 111/1999, il-Qorti Ġenerali ma qisitx neċessarju li tistabbilixxi liġi applikabbli u interpretat dan ir-regolament mingħajr riferiment għal liġi nazzjonali. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, f’dawn il-kawżi, l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u kull offerent rebbieħ, ittieħed ukoll kunsiderazzjoni tal-fatt li r-regoli li jikkostitwixxu l-iskop tal-“kuntratt” kienu jidhru fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha.

22      Ir-Repubblika Franċiża targumenta li t-tilwima għandha tiġi deċiża qabelxejn fuq il-bażi tal-klawżoli kuntrattwali previsti, essenzjalment, fir-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999, u li l-imsemmija regolamenti għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tagħhom sabiex jimtlew il-lakuni possibbli. Fin-nuqqas ta’ dan, hija tikkunsidra li, jekk wieħed kellu jindika liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, dan huwa d-dritt Franċiż.

23      Bis-saħħa tal-Artikolu 340 TFUE, “[i]r-responsabbiltà kontrattwali ta’ l-Unjoni għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni”. Id-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa dak li huwa espressament previst fil-kuntratt, peress li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jesprimu r-rieda komuni tal-partijiet għandhom jieħdu preċedenza fuq kull kriterju ieħor li jintuża biss fis-silenzju tal-kuntratt (sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Il‑Kummissjoni vs CO.DE.MI., 318/81, Ġabra, EU:C:1985:467, punti 20 sa 22).

24      F’dan il-każ, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Geodis Calberson GE, punt 8 iktar ’il fuq (EU:C:2013:22, punti 26 sa 28), teżisti relazzjoni ta’ natura kuntrattwali bejn il-Kummissjoni, bħala l-awtorità kontraenti, u r-rikorrenti. Bl-eċċezzjoni tal-prezz li fuqu ftiehmu l-partijiet, id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet huma definiti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999. Madankollu ebda wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti ma jistabbilixxi, għal kull domanda mhux irregolata mill-imsemmija regolamenti, liema hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

25      F’każ ta’ silenzju fil-kuntratt, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina d-dritt applikabbli billi tispira lilha nnifisha mill-prinċipji ġeneralment ammessi fl-Istati Membri u billi tuża r-regoli tad-dritt internazzjonali privat, u b’mod partikolari dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980 fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, sostitwita mir-Regolament Ruma I (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2001, Il‑Kummissjoni vs Oder-Plan Architektur et, C‑77/99, Ġabra, EU:C:2001:531, punt 28, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, Ġabra, EU:C:2005:172, punt 60).

26      Konformement mal-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament Ruma I, “[k]untratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet” u, “[s]a fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija ma ġietx magħżula skond l-Artikolu 3, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-post tar-riċezzjoni jew il-post tal-kunsinna jew ir-residenza abitwali tal-kunsinnatur ikunu wkoll f’dak il-pajjiż”. Jekk dawk ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfatti, “għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż tal-kunsinna kif ġie miftiehem bejn il-partijiet”.

27      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trasportatur għandu r-residenza tiegħu fi Franza u li jirriżulta mill-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 li t-tagħbija tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella bid-destinazzjoni tar-Russja seħħ fi Franza.

28      Konsegwentement, din it-tilwima għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tal-klawżoli kuntrattwali tagħha, jiġifieri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999 u, għal kull domanda mhux irregolata mill-imsemmija regolamenti, fid-dawl tad-dritt Franċiż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq il-preskrizzjoni

29      Il-Kummissjoni tosserva li, sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-domanda tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni biex jieħdu deċiżjoni fuq it-tilwim dwar l-attribuzzjonijiet miftuħa fil-kuntest tal-għajnuna f’ikel lill-Federazzjoni Russa kienet ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Hans Fusch vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:T:2002:246), peress li r-risposta mogħtija ġiet ikkonfermata wara fis-sentenza Calberson GE vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:T:2004:38), li fiha kienet parti r-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti kienet ippreżentat dan ir-rikors biss f’Marzu 2014, jiġifieri, rispettivament, għaxra u tnax-il sena wara dawn is-sentenzi, u erbatax-il sena wara l-fatti. Għaldaqstant, l-azzjoni hija preskritta u r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

30      Ir-rikorrenti targumenta li l-kuntratt konkluż mal-Kummissjoni huwa kuntratt ta’ dritt pubbliku sa fejn din tal-aħħar taġixxi fil-kuntest ta’ missjoni ta’ servizz ta’ organizzazzjoni ta’ għajnuna f’ikel u li, minħabba li l-kompiti fdati lilha minnha, hija tipparteċipa fit-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. Hija tfakkar li, fid-dritt Franċiż, il-preskrizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali tal-persuni pubbliċi hija rregolata permezz tal-Liġi Nru 68-1250, tal-31 ta’ Diċembru 1968, dwar il-preskrizzjoni tal-krediti fuq l-Istat, id-Dipartimenti, il-muniċipalitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 68-1250”). Madankollu, fuq il-bażi ta’ din il-liġi, id-dritt tagħha għal ħlas lura ma hijiex preskritta.

31      Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, la r-Regolament Nru 111/1999 u lanqas ir-Regolament Nru 1799/1999 ma jispeċifikaw liema huma r-regoli applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-qasam tal-preskrizzjoni. Għaldaqstant, kif ġie stabbilit fil-punt 28 iktar ’il fuq, japplika d-dritt Franċiż. Min-naħa l-oħra, fid-dritt Franċiż, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili japplikaw fl-assenza ta’ lex specialis.

32      Is-sistema ġenerali ta’ preskrizzjoni hija prevista mill-Kodiċi Ċivili Franċiż. Din is-sistema ġiet emendata mil-Liġi Nru 2008-561, tas-17 ta’ Ġunju 2008, li ġġib riforma tal-preskrizzjoni fil-qasam ċivili (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2008‑561”), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju 2008. Qabel din ir-riforma, it-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni fil-qasam ċivili kien ta’ 30 sena fuq il-bażi tal-Artikolu 2262 antik tal-Kodiċi Ċivili. Wara r-riforma, konformement mal-Artikolu 2224 tal-imsemmi kodiċi, l-azzjonijiet personali jew għall-irkupru ta’ proprjetà mobbli jiġu preskritti wara ħames snin b’effett mill-jum meta l-proprjetarju ta’ dritt sar jaf jew missu sar jaf il-fatti li jippermettulu li jeżerċita dawn. L-Artikolu 2241 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li pretensjoni quddiem qorti, anki għal miżuri provviżorji, tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni kif ukoll it-terminu ta’ dekadenza u li huwa l-istess meta tinġab quddiem qorti mingħajr kompetenza u meta l-att li jadixxi qorti huwa annullat minħabba vizzju ta’ proċedura. Bis-saħħa tal-Artikolu 2242 ta’ dan il-kodiċi, l-interruzzjoni li tirriżulta mill-pretensjoni quddiem qorti tipproduċi l-effetti tagħha sal-estinzjoni tal-istanza. Finalment, l-Artikolu 2231 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li l-interruzzjoni tħassar it-terminu ta’ preskrizzjoni miksub u jiddekorri terminu ġdid tal-istess żmien bħall-antik. L-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 68-1250, li l-applikazzjoni tagħhom huwa invokat mir-rikorrenti bħala lex specialis, jipprovdu, fir-rigward tagħhom, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin b’effett mill-ewwel jum tas-sena ta’ wara dik li matulha nkisbu d-drittijiet. Dan it-terminu huwa interrot minn kull rikors ippreżentat quddiem qorti anki jekk il-qorti adita ma għandhiex il-kompetenza biex tieħu konjizzjoni tagħha. F’dan il-każ, terminu qasir ġdid b’effett mill-ewwel jum tas-sena ta’ wara dik li matulha ttieħdet id-deċiżjoni li tikseb l-awtorità ta’ res judicata.

33      F’dan il-każ, ir-rikors tar-rikorrenti quddiem it-tribunal de grande instance de Paris u t-tribunal administratif de Paris kontra l-organu ta’ intervent ġew ippreżentati, rispettivament, fl-10 ta’ Lulju 2000 u fit-22 ta’ Jannar 2002 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), b’osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq. Dan japplika wkoll għal dan ir-rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2014, jiġifieri inqas minn sena wara s-sentenza tal-Conseil d’État li biha ġiet itterminata l-istanza quddiem il-qrati amministrattivi Franċiżi (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

34      Minn dan jirriżulta li d-dritt għal ħlas lura tar-rikorrenti ma hijiex preskritta la fuq il-bażi tal-Kodiċi Franċiż u lanqas fl-ipoteżi rrakkomandata mir-rikorrenti fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 68-1250 fil-qasam ta’ preskrizzjoni.

35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-kuntratt inkwistjoni għandux jiġi kklassifikat bħala dritt pubbliku u jekk il-Liġi Nru 68-1250 tapplikax bħala lex specialis.

 Fuq l-allegata estensjoni tal-iskop tat-tilwima fir-replika

36      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, targumenta li r-rikorrenti għamlet fir-replika estensjoni mhux dovuta tal-iskop tat-tilwima, kif definit fir-rikors. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-rikors jagħmel riferiment ċar lil “kuntratt” li jirrigwarda t-trasport ta’ “laħam ċanga u vitella” fil-kuntest “[tar-] Regolament Nru 111/1999 u [tar-]Regolament Nru 1799/1999” u li r-rikorrenti invokat biss fir-rikors, u ehmżet f’anness, l-offerta tagħha tal-14 ta’ Settembru 1999 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) li tikkonċerna l-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999. Min-naħa l-oħra, fir-replika, ir-rikorrenti tiddikjara li l-kuntratt inkwistjoni huwa l-kuntratt tal-“lottijiet kollha flimkien” li jirrigwarda t-trasport tal-“prodotti agrikoli” imsemmija mir-Regolament Nru 111/1999 u ma jagħmilx iktar riferiment għar-Regolament Nru 1799/1999 li huwa rilevanti biss għal-lott nru 8. Skont il-Kummissjoni, l-uniku riferiment fir-rikors ta’ ċerti fatturi li jirrigwardaw lottijiet oħra ma huwiex suffiċjenti, fid-dawl tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, biex jiġi kkunsidrat li dawn il-lottijiet kienu jagħmlu parti wkoll mill-iskop tat-tilwima.

37      Ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li r-rikorrenti kkonkludiet mal-Komunità tant kuntratti daqs kemm issottomettiet offerti aċċettati mill-Kummissjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, billi talbet, fir-rikors, l-applikazzjoni tal-kuntratt li tgħaqqdu mal-Komunità f’dak li jikkonċerna l-lott nru 8 biss deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, ir-rikorrenti llimitat l-iskop tat-tilwima għal kuntratt wieħed biss. Ir-Repubblika Franċiża tosserva li, konformement mal-Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għal responsabbiltà kuntrattwali għandu jiġi akkumpanjat mill-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ. Madankollu, jekk ir-rikors kien isemmi lottijiet oħra, kien imissu jipproduċi l-kuntratti konklużi għal dawn tal-aħħar.

38      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet kollha u ssostni li r-rikors tagħha “jestendi għall-kuntratti kollha konklużi skont ir-Regolament Nru 111/1999, il-lottijiet kontenzjużi kollha flimkien”. Mit-talbiet għal ħlas ifformulati fir-rikors u mill-offerti ta’ provi prodotti insostenn tagħhom, jiġifieri l-fatturi li tagħhom huwa mitlub il-ħlas li jsemmu l-lottijiet differenti ta’ regolamenti differenti ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li l-iskop tat-tilwima ma kienx limitat għal-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999. Ir-riferiment għall-offerta miżmuma għal dan il-lott partikolari kien magħmul biss bħala eżempju.

39      Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti għandha l-obbligu li tiddefinixxi l-iskop tat-tilwima u li tippreżenta t-talbiet tagħha fl-att promotur ta’ istanza.

40      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif isostnu korrettament il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, ir-rikorrenti tindika ċarament, fil-bidu tar-rikors, li hija kienet mogħtija “kuntratt tal-Kummissjoni […] li jirrigwarda t-trasport tal-laħam taċ-ċanga u vitella bid-destinazzjoni tar-[Russja] fil-kuntest tal-programm ta’ forniment ta’ provvisti ġodda favur dan il-pajjiż mir-[r]egolament (KE) Nru 111/1999 […] u r-[r]egolament Nru 1799/1999” u li, “[b]’applikazzjoni ta’ [dawn] ir-[r]egolamenti”, l-implementazzjoni prattika tal-obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni “bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt” kienet ingħatat lill-organu tal-intervent. Ir-rikorrenti tispeċifika barra minn hekk li, “[m]atul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt”, hija kienet ġiet ikkonfrontata minn diffikultajiet numerużi marbutin mal-iżbalji allegati tal-organu tal-intervent [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41      L-unika riferiment fir-rikors għal ċerti fatturi jirrigwarda, essenzjalment, xi lottijiet oħra minbarra l-lott nru 8 ma huwiex suffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 biex jiġi kkunsidrat, kif indikat fir-replika, li l-iskop tat-tilwima jirrigwarda wkoll il-kuntratti dwar il-kuntratti attribwiti lir-rikorrenti fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 556/1999, tat-12 ta’ Marzu 1999, dwar il-provvista ta’ laħam taċ-ċanga u vitella lir-Russja (ĠU L 68, p. 19) (lottijiet nri 1, 2 u 3), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 712/1999, tal-31 ta’ Marzu 1999, dwar it-trasport tal-laħam tal-majjal bid-destinazzjoni tar-Russja (ĠU L 89, p. 54) (lott nru 6), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1133/1999, tat-28 ta’ Mejju 1999, dwar il-provvista ta’ laħam taċ-ċanga u vitella lir-Russja (ĠU L 135, p. 64) (lottijiet nri 1 u 2).

42      Iċ-ċirkustanza li tipprovdi li r-regolamenti msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, invokati għall-ewwel darba fir-replika, huma kollha regolamenti ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 111/1999 ma hijiex rilevanti, peress li kull regolament ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jipprevedi sejħa ġdida għall-offerti bl-għan ta’ offerta ta’ kuntratt ġdid. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 111/1999, biex tkun ammissibbli, offerta għandha tirrigwarda lott wieħed biss. B’hekk, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel offerta għal diversi lottijiet, lanqas li tissuġġetta l-offerta li hija ssottomettiet għall-attribuzzjoni ta’ lot għall-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ offerti oħra sottomessi għal-lottijiet oħra skont l-imsemmi regolament jew regolamenti oħra.

43      Ċertament, ir-Regolament Nru 111/1999 jipprovdi l-modalitajiet ġenerali ta’ applikazzjoni tal-programm ta’ provvista f’prodotti agrikoli lill-Federazzjoni tar-Russja u dawn il-modalitajiet ġenerali huma komuni u japplikaw għar-regolamenti differenti msemmija mir-rikorrenti fl-istadju ta’ replika. Madankollu, l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 111/1999 jipprovdu li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ offerti għall-attribuzzjoni ta’ provvisti partikolari jsir permezz ta’ regolamenti speċifiċi, bħar-Regolamenti Nru 1799/1999, Nru 556/1999, Nru 712/1999 u Nru 1133/1999. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-attribuzzjonijiet ta’ provvisti partikolari magħmula fil-kuntest ta’ dawn ir-regolamenti speċifiċi jikkostitwixxu l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt wieħed biss li jsemmi kuntratt li kien jinkludi seba’ lottijiet differenti.

44      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 111/1999 jistabbilixxi ċarament li l-offerti ppreżentati lill-organu tal-intervent jinkludu riferiment lir-regolament li jirrigwarda l-ftuħ tal-offerti għal kull lott, u li kull offerta għandha tirrigwarda lott wieħed biss u t-totalità ta’ dan il-lott. L-offerta mehmuża mar-rikors hija dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, li ma jistax, b’ebda każ, jillustra l-estensjoni tal-obbligi li r-rikorrenti qablet magħha fil-kuntest tal-programm ta’ provvista f’prodotti agrikoli lill-Federazzjoni Russja, peress li kull offerta hija differenti u peress li ġie sottomess fil-kuntest ta’ proċedura tal-offerti differenti.

45      Għaldaqstant, ir-riferiment għal lottijiet minbarra l-lot nru 8 tar-Regolament Nru 1799/1999, fir-replika, jikkostitwixxi estensjoni tal-iskop tat-tilwima li għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-bażi

46      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, erba’ talbiet. L-ewwel talba hija bbażata fuq il-ħelsien tardiv ta’ ċerti garanziji tal-provvisti. It-tieni talba hija bbażata fuq ħlas tardiv ta’ ċerti fatturi tat-trasport. It-tielet talba hija bbażata fuq ħlas parzjali ta’ fattura tat-trasport. Ir-raba’ talba hija bbażata fuq ħlas insuffiċjenti f’muniti mhux kuntrattwali ta’ ċerti fatturi.

47      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li jiġu analizzati l-ewwel, it-tielet u r-raba’ talbiet qabel it-tieni talba.

 Fuq l-ewwel talba, ibbażata fuq il-ħelsien tardiv ta’ ċerti garanziji tal-provvisti

48      Ir-rikorrenti ssostni li tliet garanziji ta’ provvisti li hija kkostitwit inħelsu b’dewmien mingħajr ma l-organu tal-intervent pprovda motiv li jippermetti li jiġi ġġustifikat dan il-ħelsien tardiv u titlob il-kumpens tal-ispejjeż ikkawżati mill-imsemmi dewmien. Hija targumenta li r-rifjut mhux ġustifikat tal-ħelsien tal-garanziji jikkostitwixxi nuqqas ta’ natura li tittieħed ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni u tfakkar li, konformement mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 111/1999, il-garanzija tal-provvista tinħeles meta l-offerent rebbieħ jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni tal-provvista.

49      Il-Kummissjoni tosserva li, fl-assenza ta’ punti essenzjali fir-rikors, bħar-riferiment għat-tranżazzjonijiet speċifiċi ta’ provvista, it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Fi kwalunkwe każ, hija tqis li r-rikorrenti ma turix li batiet l-ispejjeż li kienu kkawżati mill-imsemmi dewmien u tfakkar li l-ispejjeż tal‑garanzija bankarja kienu inklużi fil-prezz imsemmi fl-offerta ppreżentata minnha. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, jekk ir-Regolament Nru 111/1999 ma jipprevedix terminu għall-ħelsien tal-garanziji, dan ma jimplikax li l-ħelsien għandu jsir fl-istess jum tal-irċevuta tal-provi mill-organu ta’ intervent. Hija tindika li l-organu tal-intervent għandu janalizza l-provi qabel ma jeħles il-garanzija u li jagħmel il-ħlas, taħt piena ta’ dmir li jdur kontra l-offerent rebbieħ jekk, wara l-verifika, ikun jidher li l-kundizzjonijiet tal-provvista ma ġewx osservati. F’dan il-każ, it-termini ta’ dewmien imsemmija mir-rikorrenti, jiġifieri 18 u 30 jum, ma setgħu b’ebda mod ma jitqiesu li huma irraġonevoli.

50      Ir-Repubblika Franċiża tqajjem il-fatt li l-fatturi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha ġew stabbiliti f’dati preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 u li, għaldaqstant, ma jistgħux jinehmżu mal-imsemmi kuntratt.

51      Għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel ir-Repubblika Franċiża, li l-fatturi li jirrigwardaw ir-riferimenti BRU 9132021 u BRU 9132022, prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-pretensjoni tagħha, ġew stabbiliti fit-3 u d-9 ta’ Awwissu 1999, jiġifieri f’dati preċedenti għas-sottomissjoni tal-offerta mir-rikorrenti lill-organu tal-intervent, fl-14 ta’ Settembru 1999, u fid-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, fl-24 ta’ Settembru 1999. Għaldaqstant, l-imsemmija fatturi ma jistgħux jinehmżu mal-kuntratt dwar l-imsemmi lott.

52      Konsegwentement, l-ewwel talba għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

 Fuq it-tielet talba, ibbażata fuq ħlas parzjali ta’ fattura tat-trasport

53      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk wettqet il-provvisti kollha tat-trasport kuntrattwali u ġġustifikat dan il-fatt billi pprovdiet lill-organu tal-intervent id-dokumenti rilevanti, dan, mingħajr ma jagħti ebda ġustifikazzjoni, ma ħallasx il-fattura kollha li ġġib ir-riferiment BRU 9131606. B’hekk, hija titlob li l-Kummissjoni tkun ikkundannata tħallas l-ammont ta’ EUR 17 400 li jikkorrispondi għall-bilanċ li jifdal li jikkonċerna din il-fattura.

54      Il-Kummissjoni ssostni li din it-talba ma hijiex konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, peress li r-rikorrenti tillimita ruħha li tgħid li l-ammont ta’ EUR 17 400 ma tħallasx mingħajr ma tagħti spjegazzjonijiet inkwantu għall-kwistjoni għalxiex jikkorrispondi l-imsemmi ammont, fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa lill-organu tal-intervent insostenn ta’ din it-talba għall-ħlas u fir-rigward tal-kwistjoni għaliex dan l-ammont kien dovut. Fi kwalunkwe każ, hija targumenta li t-tranżazzjoni ta’ tagħbija taqa’ fuq l-offerent rebbieħ, kif ġie stabbilit fis-sentenza Calberson GE vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:T:2004:38, punti 147 sa 149), u li l-offerta tar-rikorrenti kienet tindika, effettivament, l-ispejjeż dwar it-tranżazzjonijiet ta’ manutenzjoni u ta’ tagħbija. Għaldaqstant, hija tqis li ma tistax tkun responsabbli għad-dewmien li r-rikorrenti kienet allegatament subiet matul it-tagħbija tal-merkanzija.

55      Ir-Repubblika Franċiża tirrileva li l-fattura prodotta mir-rikorrenti insostenn tal-pretensjoni tagħha li ġiet stabbilita f’data preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999.

56      Għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel ir-Repubblika Franċiża, li l-fattura tas-6 ta’ Lulju 1999, prodotta mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha, ġiet stabbilita f’data preċedenti għal dik tal-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, jiġifieri l-24 ta’ Settembru 1999. Għaldaqstant, l-imsemmija fattura ma tistax tinehmeż mal-imsemmi kuntratt.

57      Konsegwentement, it-tielet talba għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

 Fuq ir-raba’ talba, ibbażata fuq ħlas insuffiċjenti f’muniti mhux kuntrattwali

58      Ir-rikorrenti targumenta fir-rikors li, fid-dritt Franċiż, dejn iddenominat f’munita barranija jista’ jiġi aġġustat permezz ta’ ħlas fil-munita nazzjonali bil-kundizzjoni li l-konverżjoni ssir fil-jum tal-ħlas. F’dan il-każ, “wieħed mil-lottijiet” attribwiti lir-rikorrenti, li jitħallas f’dollari Amerikani tħallas fi franki Franċiżi. B’hekk, hija ssostni li “erba’” fatturi inkwistjoni, b’ammont totali ta’ USD 402 281 ġew imħallsa “permezz tal-ħlas tas-somma fi franki ekwivalenti għal EUR 390 334.62” minkejja li, għalkemm ir-rata tal-kambju applikata kienet dik fis-seħħ fil-jum tal-ħlas (“1.0463/0.9557”), il-ħlas kellu jkun daqs EUR 420 915.03. Għaldaqstant, hija titlob li l-Kummissjoni tkun ikkundannata tħallasha d-differenza, jiġifieri EUR 30 580.41.

59      Il-Kummissjoni targumenta li t-talba, minħabba ċerti kontradizzjonijiet u ta’ nuqqas ta’ ċarezza, ma tissodisfax ir-rekwiżiti magħmula permezz tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Fi kwalunkwe każ, il-cour administrative d’appel de Paris diġà kienet ikkonstatat fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ April 2000 li l-fatturi tar-rikorrenti kienu ddenominati kemm f’dollari Amerikani u fi franki Franċiżi.

60      Ir-Repubblika Franċiża tosserva li r-rikorrenti ma identifikatx il-klawżola kuntrattwali fl-oriġini tal-allegat obbligu ta’ ħlas f’dollari Amerikani li tinvoka. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(d) tar-Regolament Nru 111/1999 jimponi, sabiex offerta tkun ammissibbli, li l-ammonti differenti jkunu espressi f’euros. L-offerta tar-rikorrenti għall-provvista tal-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 kienet ġiet effettivament espressa f’euros u mhux f’dollari Amerikani. Fi kwalunkwe każ, skont il-prinċipju ta’ dritt Franċiż invokat mir-rikorrenti, għandha tinżamm differenza ta’ EUR 6 705.45.

61      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża biex tippermetti lill-konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u għall-Qorti Ġenerali biex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Ir-rikors għandu, b’hekk, jispeċifika n-natura tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li l-espressjoni astratta biss tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-imsemmi Regoli tal-Proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra, EU:T:1995:3, punt 68, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑224/95, Ġabra, EU:T:1997:187, punt 79). Bl-istess mod, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika fl-annessi l-motivi li wieħed jista’ jikkunsidra bħala li jikkostitwixxi l-bażi tar-rikors, peress li dawn għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑469/09, EU:T:2012:50, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, li jirrigwarda d-dejn allegat fil-kuntest ta’ din it-talba, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti targumenta fir-rikors li “wieħed mil-lottijiet” li kien ġie attribwit lilha kien ġie stipulat f’dollari Amerikani, mingħajr ma jispeċifika liema. Ir-rikorrenti ssemmi mbagħad “erba’ fatturi” ta’ ammont totali ta’ USD 402 281 li jaqgħu taħt dan il-lott, mingħajr madankollu ma jiġu prodotti f’anness lanqas ma tiġi pprovduta ebda informazzjoni oħra li tikkonċerna dawn il-fatturi.

63      Mir-rikors, madankollu, ma jirriżultax ċarament jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-fatturi inkwistjoni tħallsu fi franki Franċiżi minflok f’dollari Amerikani jew jekk hija llimitata, għall-kuntrarju, li tikkritika r-rata ta’ konverżjoni li ġiet applikata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tosserva li “huwa bħala prinċipju, fi dritt Franċiż, li dejn iddenominat f’munita barranija jista’ jiġi aġġustat permezz ta’ ħlas fil-munita nazzjonali bil-kundizzjoni li l-konverżjoni ssir fil-jum tal-ħlas”, liema fatt iħalli wieħed x’jifhem li jillimita ruħu li jikkontesta r-rata tal-kambju bejn franki Franċiżi u dollari Amerikani. Minbarra dan, minflok ma jiġi indikat liema kienet din ir-rata tal-kambju, hija tagħmel riferiment għar-rata tal-kambju bejn dollari Amerikani u euros, mingħajr ma tispeċifika fir-rikors fuq il-jum preċiż li tuża bħala riferiment.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba ma hijiex konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

65      F’kull ipoteżi, għandu jiġi rrilevat li, fost l-erba’ fatturi li ġew annessi mar-replika, hija biss il-fattura li ġġib ir-riferiment BRU 0135699 li ssemmi l-provvista tal-lot nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 u, konsegwentement, tista’ tinehmeż mal-kuntratt dwar l-imsemmi lott.

66      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din il-fattura ġiet iddenominata kemm f’dollari Amerikani (USD 108 173.76) kif ukoll fi franki Franċiżi (FRF 717 289.39) u li r-rikorrenti ma pproduċietx prova li din il-fattura kellha titħallas f’dollari Amerikani. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 111/1999 jeżiġi li, sabiex l-offerta tkun ammissibbli, hija tkun espressa f’euros, l-imsemmi regolament huwa mutu fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-fatturi. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 111/1999 ma jipprevedux li l-ħlas tal-provvisti jitwettaq f’munita partikolari. Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-munita fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-24 ta’ Settembru 1999, kien il-frank Franċiż.

67      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tallegax li l-organu tal-intervent kien ħallas fi franki Franċiżi ammont differenti mill-ammont ta’ FRF 717 289.39 indikat fil-fattura.

68      Fuq din il-bażi, ir-raba’ talba, sa fejn tista’ tinftiehem mill-Qorti Ġenerali, għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni talba, ibbażata fuq nuqqas ta’ ħlas tal-interessi moratorji

69      Ir-rikorrenti tqajjem il-fatt li, anki jekk wettqet il-provvisti kollha tat-trasport previsti mill-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 u pprovdiet lill-organu tal-intervent il-provi, dan tal-aħħar dam biex iħallas il-fatturi inkwistjoni mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Hija titlob, konsegwentement, li l-Kummissjoni tkun ikkundannata tħallasha l-interessi moratorji kif ukoll l-interessi moratorji fuq l-imsemmija interessi. Hija targumenta wkoll li r-Regolament Nru 111/1999 ma jinkludi ebda dispożizzjoni fir-rigward tat-termini ta’ ħlas tal-provvisti tat-trasport u għar-rati tal-interessi moratorji applikabbli. Konsegwentement, hija tikkunsidra li għandu jsir riferiment għall-prinċipji tad-dritt amministrattiv Franċiż li jirregola dawn il-kwistjonijiet. Konformement ma’ dawn il-prinċipji, hija tosserva li l-ħlas kellu jsir fuq preżentazzjoni tal-fattura fil-mument tat-tneħħija jew tal-kunsinna tal-merkanzija jew meta tkun riċevuta l-fattura meta ma tkunx ġiet imsarrfa fil-mument tat-tneħħija jew tal-kunsinna u li bid-dewmien tal-ħlas jiddekorru l-interessi moratorji ipso jure u mingħajr formalità oħra.

70      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tqis, essenzjalment, li din it-talba għandha tiġi miċħuda għall-fatturi kollha, jew għaliex ma kellhomx jitħallsu, jew għaliex l-organu tal-intervent kien ħallashom qabel intimazzjoni tar-rikorrenti ma kienet indirizzata lilu, jew għaliex ma kinux ser ikunu mehmuża mal-iskop tat-tilwima, jew inkella għaliex il-provi neċessarji għall-ħlas tal-fatturi ma kinux ġew prodotti. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ terminu stabbilit għall-ħlas definittiv fir-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn il-fatturi kellhom jitħallsu fi flus kontanti. Fil-fatt, huwa neċessarju li jingħata terminu raġonevoli lill-organu li jħallas biex ikunu vverifikati t-talbiet li huma indirizzati lilu. Ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li l-Kodiċi Ċivili Franċiż jipprevedi wkoll li l-interessi moratorji ma jistgħux jiddekorru ipso jure, iżda biss wara intimazzjoni tad-debitur tal-obbligu tal-ħlas.

71      Fl-ewwel lok, kif jagħmlu l-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, għandha tiġi miċħuda t-talba għall-ħlas tal-interessi moratorji għall-fatturi li d-data ta’ fatturazzjoni tagħhom hija preċedenti għal dik tal-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, jiġifieri fl-24 ta’ Settembru 1999, peress li dawn il-fatturi ma jistgħux jinehmżu mal-iskop tat-tilwima, kif definit fir-rikors. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda din it-talba li tikkonċerna l-fatturi li jġibu r-riferimenti BRU 9131230, BRU 9131356, BRU 9131823, BRU 9131824, BRU 9132738, BRU 9132739, BRU 9132764, BRU 9132021, BRU 9132022, BRU 9131606, BRU 9132744 u BRU 9132743.

72      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-fatturi li jġibu r-riferimenti BRU 9132954, BRU 9133012, BRU 9133148, BRU 9133149, BRU 9133152, BRU 9133153, BRU 9133286, BRU 9134237, BRU 9133287, BRU 9133917, BRU 0135094, BRU 0135699 u BRU 0136077 tħallsu qabel l-intimazzjonijiet li hija indirizzat lill-organu tal-intervent fit-3 ta’ April 2000. Madankollu hija targumenta li, fuq il-bażi tad-dritt amministrattiv Franċiż, tali intimazzjoni ma tkunx neċessarja sabiex jibdew jiddekorru l-interessi moratorji.

73      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, id-dritt Franċiż huwa applikabbli għall-kuntratt dwar il-lott 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 biss meta r-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999 kif ġew interpretati mill-ġurisprudenza ma jipprovdu ebda indizju fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tal-modalitajiet kuntrattwali.

74      Madankollu, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali diġà stabbilixxiet, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ trasport attribwit ukoll mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fuq il-bażi tar-Regolament Nru 111/1999, li jista’ biss jiġi konkluż b’dewmien ta’ ħlas b’effett mill-mument tal-intimazzjoni tad-debitur u li l-kuntratt ta’ provvista ma jipprevedix li intimazzjoni tintervjeni ipso jure mill-iskadenza biss tal-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Calberson GE vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2004:38, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma reġgħetx lura għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda għamlet riferiment għal ġurisprudenza preċedenti, li kienet tinterpreta wkoll ir-Regolament Nru 111/1999 (sentenza Hans Fusch vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2002:246, punt 78). Fil-fatt, fid-dawl tan-natura partikolari tal-kuntratt dwar il-lott nru 8 deskritt fl-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999, peress li d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet huma definiti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999, għandha tiġi ggarantita, sa fejn possibbli, interpretazzjoni uniformi tal-kuntratti li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, id-dritt Franċiż, li huwa applikabbli għall-kuntratt biss f’każ ta’ silenzju, ma jistax jirregola l-kwistjoni dwar l-interessi moratorji.

75      Minn dan jirriżulta li, peress li r-rikorrenti ma intimatx l-organu tal-intervent biex iħallas qabel it-3 ta’ April 2000, data tal-ewwel intimazzjoni tar-rikorrenti, għandha tiġi miċħuda t-talba tagħha dwar il-ħlas tal-interessi moratorji tal-fatturi li tagħhom l-ħlas sar preċedentement għal din id-data, jiġifieri l-fatturi li jġibu r-riferimenti BRU 9132954, BRU 9133012, BRU 9133148, BRU 9133149, BRU 9133152, BRU 9133153, BRU 9133286, BRU 9134237, BRU 9133287, BRU 9133917, BRU 0135094, BRU 0135699 u BRU 0136077.

76      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fattura li ġġib ir-riferiment BRU 0137658, bid-data tat-18 ta’ Mejju 2000, mill-proċess ma jirriżultax li kienet is-suġġett ta’ intimazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-intimazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000, li tidher fil-proċess, ma tagħmilx riferiment lill-imsemmija fattura iżda lil fattura oħra, bid-data tat-2 ta’ Frar 2000. Konsegwentement, fid-dawl tal-assenza tal-intimazzjoni, għandha wkoll tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti li tikkonċerna l-fattura li ġġib ir-riferiment BRU 0137658.

77      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fattura li ġġib ir-riferiment BRU 0135473, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 111/1999 jipprovdi li talba għall-ħlas għandha tiġi akkumpanjata minn diversi provi (kopja tad-dokumenti tat-trasport, ċertifikat ta’ teħid ta’ responsabbiltà, kopja taċ-ċertifikat ta’ esportazzjoni, eċċ.), li fl-assenza tagħhom l-ebda ħlas ma jista’ jsir. Konsegwentement, is-sempliċi stabbiliment ta’ fattura ma jagħtix dritt għall-ħlas.

78      F’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta li l-fattura li ġġib ir-riferiment BRU 0135473, bid-data tat-2 ta’ Frar 2000, tħallset f’żewġ partijiet, rispettivament, fit-23 ta’ Mejju u fit-13 ta’ Ġunju 2000. Kif enfasizzat mill-Kummissjoni, madankollu jirriżulta mill-annessi tar-rikors li l-ħlas ma setax isir qabel, minħabba li l-organu tal-intervent ma rċeviex id-dokumenti kollha meħtieġa. Dawn tal-aħħar intalbu lir-rikorrenti mill-organu tal-intervent b’ittra tat-18 ta’ Mejju 2000. Mill-Anness 14 tar-rikors jirriżulta li, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrenti ttrażmettiet ċerti dokumenti, iżda hija naqset milli tittrażmetti, mill-inqas, wieħed mid-dokumenti mitlubin, jiġifieri d-dokument tat-trasport (CMR) li jikkorrispondi għall-formola doganali li ġġib ir-riferiment EXI 294905. Fl-assenza ta’ prova tat-trażmissjoni mir-rikorrenti, qabel it-13 ta’ Ġunju 2000, tad-dokumenti kollha neċessarji biex isir il-ħlas, għandha tiġi miċħuda t-talba tagħha li tikkonċerna l-imsemmija fattura. Fil-fatt, fl-assenza tad-dejn li għandu jitħallas, l-interessi moratorji ma jistgħux jibdew jiddekorru.

79      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatturi li jġibu r-riferimenti BRU 0135095, BRU 0136486 u BRU 9133916, huma jikkorrispondu għall-ispejjeż supplimentari ta’ pparkjar fir-Russja. Madankollu, mill-annessi tar-rikors jirriżulta li l-organu tal-intervent, fir-rigward tal-imsemmija fatturi, kien indika li setgħu jiġu rregolati sal-approvazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni u r-rikorrenti kienet ftiehmet f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax targumenta li dawn il-fatturi kellhom jiġu rregolati tmien ġranet wara t-trażmissjoni tagħhom lill-organu tal-intervent. Ir-rikorrenti ma turix lanqas li l-ħlas ta’ dawn il-fatturi, li seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2000, sar b’dewmien meta mqabbel mad-data meta s-servizzi tal-Kummissjoni ftiehmu dwar il-ħlas ta’ dawn il-fatturi. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-talba għall-interessi moratorji sa fejn tirrigwarda l-istess fatturi, peress li r-rikorrenti ma tistabbilixxix id-data li fiha kien sar il-ħlas ta’ dawn il-fatturi.

80      Minn dan isegwi li t-tieni talba għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

81      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-talbiet kollha tar-rikorrenti, sa fejn jistgħu jinftiehmu mill-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

82      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

84      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew għat-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Calberson GE hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Frar 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.