Language of document : ECLI:EU:C:2016:977

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) u (2) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Ftehim kollettiv ta’ xogħol – Estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali – Inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età”

Fil-Kawża C‑539/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Daniel Bowman

vs

Pensionsversicherungsanstalt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. Bowman, minn P. Ringhofer, avukat,

–        għall-Pensionsversicherungsanstalt, minn J. Milchram, A. Ehm u T. Mödlagl, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 2(1) u (2) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Daniel Bowman u l-Pensionsversicherungsanstalt (organu għall-assigurazzjoni tal-pensjoni, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni”) rigward deċiżjoni ta’ din tal-aħħar ibbażata fuq dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li jipprevedi terminu għall-avvanz mill-ewwel skala għat-tieni skala salarjali itwal minn dak applikat bejn l-iskali segwenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2000/78

3        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età” huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]”

 Id-dritt Awstrijak

6        Qabel it-80 emenda ta’ dan il-ftehim kollettiv ta’ xogħol, id-Dienstordnung A für die Angestellten bei den Sozialversicherungsträgern Österreichs (skema A applikabbli għall-impjegati tal-organi assiguraturi tas-sigurtà soċjali Awstrijaka, iktar ’il quddiem id-“DO.A”), kienet tipprevedi:

“Artikolu 13: Perijodi ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji

1.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji (Artikolu 40) il-perijodi ta’ servizz segwenti li l-persuna kkonċernata tkun wettqet wara li tkun laħqet l-età ta’ 18-il sena:

[…]

Artikolu 40: Klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji; avvanz

1. L-impjegati […] huma kklassifikati fl-ewwel skala tal-klassi tas-salarju (livell) tagħhom konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 37 sa 39. Jekk perijodi ta’ servizz ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni konformement mal-Artikolu 13(3), il-paragrafu 3 japplika b’analoġija għall-klassifikazzjoni.

2. […] Il-perijodi li l-persuna kkonċernata wettqet fl-iskali a sa c qabel ma laħqet l-età ta’ 18-il sena ma humiex perijodi ta’ servizz li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji. […]

3. […] [L-] impjegat jibbenefika minn avvanz fl-iskala segwenti tal-klassi salarjali (livell) tiegħu kull darba li huwa jkun wettaq sentejn ta’ servizz (avvanz bl-anzjanità).

[…]”

7        Wara t-80 emenda tad-DO.A., li introduċiet ukoll dispożizzjoni tranżitorja għall-ħaddiema rreklutati qabel l-1 ta’ Jannar 2011, dawn id-dispożizzjonijiet jaqraw kif ġej:

“Artikolu 13: Perijodi ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji

1.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji (Artikolu 40) il-perijodi ta’ servizz segwenti mwettqa wara t-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin skolastiċi wara l-ammissjoni tal-persuna kkonċernata fl-ewwel grad skolastiku:

[…]

2a.      sa massimu ta’ tliet snin b’kollox

[…]

b)      il-perijodu mwettaq fi skola […] li jeċċedi l-obbligu skolastiku ġenerali ekwivalenti għall-minimu applikabbli għal dan iċ-ċiklu ta’ studji konformement mal-leġiżlazzjoni skolastika, iżda b’massimu ta’ tliet snin;

[…]

Artikolu 40: Klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji; avvanz

1.      L-impjegati huma kklassifikati fl-ewwel skala tal-klassi tas-salarju (livell) tagħhom […] Jekk perijodi ta’ servizz ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni konformement mal-Artikolu 13(3), il-paragrafu 3 japplika b’analoġija għall-klassifikazzjoni.

[…]

3.      L-impjegat(a) jibqa’ (tibqa’) fl-ewwel skala għal ħames snin; mill-iskala segwenti ’l quddiem, huwa jgħaddi (hija tgħaddi) għal skala ogħla tal-klassi salarjali (livell) tiegħu (tagħha) kull darba li jkun wettaq (tkun wettqet) sentejn ta’ servizz (avvanz bl-anzjanità).

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        D. Bowman, li twieled fit-28 ta’ Lulju 1961, ilu jaħdem fis-servizz tal-amministrazzjoni mill-1 ta’ April 1988 abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol irregolat mid-dritt privat. Dan il-kuntratt huwa rregolat mid-DO.A, li huwa ftehim kollettiv. Ir-remunerazzjoni tiegħu hija kkalkolata abbażi ta’ klassifikazzjoni magħmula fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni, f’dak il-mument, perijodi skolastiċi li huwa kien wettaq. Minn dakinhar, D. Bowman għadda għal skala ogħla kull sentejn, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-DO.A, u rċieva żieda fir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-avvanz tiegħu.

9        Qabel it-80 modifika tiegħu, l-Artikolu 40(2) tad-DO.A kien jipprevedi, fir-rigward tal-impjegati tal-amministrazzjoni li ma kinux laħqu tal-inqas l-età ta’ 18-il sena fid-data tar-reklutaġġ tagħhom, li dawk ta’ inqas minn 16, 17 u 18-il sena kienu rispettivament ikklassifikati fl-iskala a, b u c tal-klassi salarjali applikabbli konformement mal-Artikolu 37 tad-DO.A. Kien biss wara li dawn l-istess impjegati kienu laħqu l-età ta’ 18-il sena li kienu kklassifikati fl-ewwel skala, f’liema skala kellhom jiġu kklassifikati ukoll l-impjegati kollha tal-amministrazzjoni li ġew irreklutati wara l-età ta’ 18-il sena, iżda mingħajr ma setgħu jieħdu vantaġġ minn perijodi preċedenti li jistgħu jiġu assimilati ma’ perijodi ta’ attività. Għaldaqstant, l-ebda perijodu skolastiku ma seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, is-salarju relatat mal-iskali a, b u c kien nettament inqas għoli minn dak relatat mal-ewwel skala. L-istess attività jew funzjoni għalhekk kienet tiġi rremunerata b’mod differenti skont l-età li fiha tkun ġiet eżerċitata.

10      It-80 emenda tad-DO.A ħassret l-Artikolu 40(2) ta’ din tal-aħħar u ma ġietx issostitwita, b’tali mod li l-iskali a, b u c ġew ikkanċellati. Il-klassifikazzjoni ta’ kull impjegati tal-amministrazzjoni li ma jkunx wettaq, qabel id-data tar-reklutaġġ tiegħu, perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-karriera ssir, b’riżultat ta’ din l-emenda, irrispettivament mill-età li dan l-impjegat kien laħaq meta daħal fis-servizz. Tali impjegat jiġi immedjatament ikklassifikat fl-ewwel skala. L-iskema l-ġdida ma emendatx ir-remunerazzjoni relatata ma’ din l-iskala tal-aħħar tal-klassi salarjali kkonċernata, b’tali mod li l-impjegati kollha ta’ inqas minn 18-il sena kisbu żieda sinjifikattiva fis-salarju, li, skont il-klassi salarjali, kienet ta’ bejn EUR 100 u 200 fix-xahar.

11      Wara t-80 emenda tad-DO.A, l-avvanzi kollha għat-tieni skala jistgħu jsiru biss wara ħames snin. Sussegwentement, l-avvanzi fl-iskali segwenti jsiru kull darba wara sentejn ta’ servizz. Dawn l-avvanzi ta’ kull sentejn jiġu fi tmiemhom fit-18-il skala, u l-avvanz segwenti għalhekk iseħħ wara erba’ snin. Wara dan tal-aħħar, ikklassifikat bħala “bonus tal-età”, l-ebda avvanz ma huwa previst.

12      Qabel ma ġie rreklutat mill-amministrazzjoni, D. Bowman kien ġie edukat f’kulleġġ tal-Istat Awstrijak mill-1 ta’ Settembru 1976 sat-30 ta’ Ġunju 1979, jiġifieri għal sentejn u disa’ xhur. Wara li t-80 emenda tad-DO.A għamlet possibbli t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi, D. Bowman, fis-17 ta’ Mejju 2012, ressaq talba intiża sabiex il-perijodi preċedenti għad-dħul tiegħu fis-servizz fi ħdan l-amministrazzjoni jiġu kkalkolati mill-ġdid għall-finijiet tal-istabbiliment tad-data ta’ avvanz tiegħu, konformement mal-Artikolu 13 tad-DO.A, fil-verżjoni tiegħu wara t-80 emenda ta’ dan il-ftehim kollettiv. Konsegwentement, D. Bowman talab lill-amministrazzjoni l-ħlas tas-somma ta’ EUR 3 655.20 gross, inklużi l-interessi u l-ispejjeż, il-ħlas, fil-futur, ta’ salarju li jikkorrispondi għal klassifikazzjoni fil-klassi salarjali F, livell I, skala 17, u l-istabbiliment tad-data ta’ avvanz tiegħu li jmiss għall-1 ta’ Ottubru 2012.

13      Fis-27 ta’ Mejju 2012, l-amministrazzjoni ddeċidiet li, jekk, konformement mad-DO.A, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mit-80 emenda ta’ din tal-aħħar, l-anzjanità fil-karriera ta’ D. Bowman setgħet tiġi ssupplimentata b’massimu ta’ tliet snin, dan madankollu ma jirriżulta fl-ebda titjib fil-klassifikazzjoni salarjali tiegħu u lanqas f’emenda tad-data ta’ avvanz tiegħu, peress li, wara l-imsemmija emenda, l-avvanz għat-tieni skala jista’ sseħħ biss wara ħames snin minflok sentejn kif kien il-każ qabel.

14      L-Arbeits- und Sozialgericht Wien (qorti tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) laqgħet ir-rikors li ppreżenta D. Bowman kontra din id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni. Dik il-qorti kkunsidrat li l-estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età.

15      L-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) laqgħet ir-rikors tal-appell minn din id-deċiżjoni tal-Arbeits- und Sozialgericht Wien (qorti tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) li bih kienet ġiet adita mill-amministrazzjoni. Il-qorti tal-appell ikkonstatat b’mod partikolari li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi skolastiċi ġiet introdotta mit-80 emenda tad-DO.A., flimkien mal-miżura intiża sabiex testendi l-perijodu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala tas-salarju, u li D. Bowman ġie ttrattat bl-istess mod bħall-ħaddiema l-oħra kemm qabel kif ukoll wara din l-emenda, b’tali mod li ma kienx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

16      D. Bowman adixxa l-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), b’appell fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza. Dik il-qorti tistaqsi jekk l-estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala tas-salarju stabbilita mid-DO.A tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età. B’mod partikolari, hija tosserva li t-80 emenda tad-DO.A ma hijiex intiża sabiex tneħħi inugwaljanza fit-trattament preeżistenti, iżda sabiex tippermetti żvilupp tal-karriera bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti. Anki kieku l-estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala kellha tikkostitwixxi differenza fit-trattament indirettament bbażata fuq l-età, hija tista’ madankollu tkun iġġustifikata.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 21 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 2(1) u (2) u mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u flimkien mal-Artikolu 28 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens:

a)      li regola inkluża fi ftehim kollettiv li, għall-perijodi ta’ attività mwettqa fil-bidu tal-karriera, tipprevedi terminu ta’ avvanz itwal u tagħmel għalhekk l-avvanz fl-iskala sussegwenti iktar diffiċli, tinkludi differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età?

u, jekk ir-risposta hija affermattiva, għandu jiġi interpretat fis-sens

b)      li tali regola hija xierqa u neċessarja minħabba, b’mod partikolari, l-esperjenza professjonali limitata miksuba fil-bidu tal-karriera?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 2(1) u (2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ftehim kollettiv ta’ xogħol nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tiegħu impjegat, li jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi skolastiċi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskali salarjali, huwa suġġett għal terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali li huwa itwal minn dak applikat bejn l-iskali segwenti.

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 48, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 23).

20      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk ftehim kollettiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtrali jistgħu jqiegħdu persuni ta’ età partikolari fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ persuni oħra, ħlief meta din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u meta l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop ikunu xierqa u neċessarji.

21      Fir-rigward tal-perijodi skolastiċi, li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, b’differenza mill-iskema preċedenti għat-80 emenda tad-DO.A, l-iskema stabbilita minn din l-emenda tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom sa fejn huma jeċċedu l-obbligu skolastiku ġenerali ekwivalenti għall-minimu applikabbli għal dan iċ-ċiklu ta’ studji konformement mal-leġiżlazzjoni skolastika, b’massimu ta’ tliet snin.

22      Barra minn hekk, għalkemm, b’riżultat tat-80 emenda tad-DO.A, it-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali ttawwal bi tliet snin, l-avvanz fl-iskala tas-salarji jkompli jseħħ abbażi tas-snin ta’ servizz imwettqa.

23      Minn dan isegwi, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li ftehim kollettiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tiegħu l-impjegati li jibbenefikaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi skolastiċi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-iskali salarjali huma suġġetti għal terminu għall-avvanz fi ħdan l-ewwel skala salarjali li huwa itwal minn dak applikabbli għall-iskali ogħla, ma jwassalx għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fil-konfront tagħhom.

24      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk tali ftehim kollettiv iwassalx, kif issuġġeriet il-qorti tar-rinviju, għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, għandu jiġi eżaminat jekk, għalkemm ifformulat b’mod newtrali, huwa fil-fatt jiżvantaġġa numru ħafna iktar għoli ta’ persuni li jaqgħu taħt ċerta età jew taħt ċerta kategorija ta’ età.

25      F’dan il-każ, it-80 emenda tad-DO.A għandha bħala riżultat li kull avvanz għat-tieni skala jeħtieġ it-twettiq ta’ perijodu ta’ servizz ta’ ħames snin, filwaqt li l-avvanzi minn din l-iskala ’l quddiem isiru kull darba wara sentejn ta’ servizz.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-introduzzjoni ta’ terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali li huwa itwal minn dak applikabbli għall-passaġġ għall-iskali segwenti jikkonċerna prinċipalment lill-ħaddiema li jkunu għadhom kemm ġew irreklutati mill-amministrazzjoni u li ma jistgħux utilment jipprevalixxu ruħhom, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-iskali salarjali, minn perijodi preċedenti għad-dħul tagħhom fis-servizz. Il-grupp iffurmat minn ħaddiema li s-salarji tagħhom huma inqas għoljin ikun, ġeneralment, kompost prinċipalment minn persuni iktar żgħażagħ, b’tali mod li, skont il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li l-iskema introdotta mit-80 emenda tad-DO.A tiżvantaġġa lill-ħaddiema iktar żgħażagħ f’dak li jirrigwarda s-salarju.

27      Mandankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età ma tistax tkun ibbażata fuq din il-konstatazzjoni waħedha.

28      Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-iskema stabbilita mit-80 emenda tad-DO.A tipprevedi li l-klassifikazzjoni tal-impjegati tal-amministrazzjoni fl-iskali salarjali tiddependi b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, mill-perijodi skolastiċi mwettqa. Dawn il-perijodi skolastiċi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni, irrispettivament mill-età tal-impjegat fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. Għaldaqstant, tali skema hija bbażata fuq kriterju li la huwa indissoċjabbilment u lanqas indirettament marbut mal-età tal-impjegati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft, C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 29).

29      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ D. Bowman, li madankollu wasslet lill-qorti tar-rinviju li tagħmel din id-domanda, ma tidhirx li tikkorrispondi għal dik ta’ ħaddiem li l-esperjenza professjonali tiegħu hija fil-bidu tagħha u li ma jistax jipprevalixxi ruħu minn perijodi ta’ servizz utli, peress li, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, D. Bowman jista’ juri li wettaq perijodu skolastiku u li għandu kważi tletin sena ta’ servizz fi ħdan l-amministrazzjoni.

30      Għalhekk, anki jekk ħaddiem żagħżugħ, li jkun għadu kemm ġie rreklutat u li għandu biss ftit esperjenza, li jitlob li l-perijodi skolastiċi tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fl-iskali salarjali, ser ikun, fil-prattika, suġġett għall-estensjoni tat-terminu għall-avvanz fi ħdan l-ewwel skala, jibqa’ l-fatt li, kif turi s-sitwazzjoni ta’ D. Bowman, ħaddiem iktar anzjan u li jibbenefika minn perijodu ta’ servizz sinjifikattiv fi ħdan l-amministrazzjoni u li jressaq talba identika ser ikun, ukoll u bl-istess mod, virtwalment jew retroattivament, suġġett għall-istess estensjoni.

31      Fil-fatt, kif jirriżulta minn tweġiba mogħtija mill-amministrazzjoni għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi skolastiċi u l-estensjoni tat-terminu għall-avvanz fi ħdan tal-ewwel skala tas-salarji, japplika bl-istess mod għall-ħaddiema kollha li jitolbu tali teħid inkunsiderazzjoni, inkluż, b’mod retroattiv, għall-ħaddiema li jkunu diġà laħqu l-iskali ogħla.

32      Minn dan isegwi li ftehim kollettiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tiegħu l-impjegati kollha li jibbenefikaw mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi skolastiċi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-iskali salarjali huma suġġetti għal terminu għall-avvanz fi ħdan l-ewwel skala salarjali li huwa itwal minn dak applikabbli għall-iskali ogħla, ma jwassalx għal differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età fil-konfront tagħhom.

33      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ftehim kollettiv ta’ xogħol nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tiegħu impjegat, li jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi skolastiċi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskali salarjali, huwa suġġett għal estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali, peress li din l-estensjoni tapplika għal kull impjegat li jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi, inkluż b’mod retroattiv għal dawk li jkunu diġà laħqu l-iskali segwenti.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ftehim kollettiv ta’ xogħol nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tiegħu impjegat, li jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi skolastiċi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskali salarjali, huwa suġġett għal estensjoni tat-terminu għall-avvanz mill-ewwel għat-tieni skala salarjali, peress li din l-estensjoni tapplika għal kull impjegat li jibbenefika mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi, inkluż b’mod retroattiv għal dawk li jkunu diġà laħqu l-iskali segwenti.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.