Language of document : ECLI:EU:T:2015:739

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Settembru 2015 (*)

“Dritt istituzzjonali — Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea — Politika ekonomika u monetarja — Nuqqas ta’ rimbors tad-dejn pubbliku — Stabbiliment tal-prinċipju tal-‘istat ta’ neċessità’ — Rifjut ta’ reġistrazzjoni — Attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑450/12,

Alexios Anagnostakis, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentat minn A. Anagnostakis, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 6289 finali, tas-6 ta’ Settembru 2012, li tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea “Miljun firma għal Ewropa solidarja”, ippreżentata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2012,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, p. 1), adottat abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘Inizjattiva taċ-ċittadini’ tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha;

[…]”

2        Skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 211/2011:

“2.      Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

[…]

3. Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Ir-rikorrent, Alexios Anagnostakis, kien l-oriġini tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea intitolata “Miljun firma għal Ewropa solidarja” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE”), li dan bagħat lill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Lulju 2012 u li l-għan tagħha huwa li jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea l-“prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jgħid li, meta l-eżistenza finanzjarja u politika ta’ Stat tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ dan id-dejn ikun neċessarju u ġustifikat”. Il-proposta ta’ IĊE tirreferi għall-“politika ekonomika u monetarja (Artikoli 119 [TFUE] sa 144 TFUE)” bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħha.

4        B’deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE minħabba li din manifestament ma kinitx tidħol fl-ambitu tas-setgħat tagħha li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

6        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tirreġistra l-inizzjattiva taċ-ċittadini;

–        tordna kull miżura oħra li hija legalment neċessarja.

7        Mingħajr ma jagħmel talba formali dwar l-ispejjeż, ir-rikorrent jitlob fir-replika li, f’każ ta’ ċħid tar-rikors, kull waħda mill-partijiet tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

8        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

9        Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna biex jirrispondu bil-miktub għal domanda u biex jippreżentaw kopja tal-proposta ta’ IĊE. Ir-rikorrent u l-Kummissjoni rrispondew fit-terminu mogħti.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent josserva li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi meta rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE abbażi tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, li jissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ tali proposta għall-kundizzjoni li din ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat ta’ din l-istituzzjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 122(1) TFUE, tal-Artikolu 122(2) TFUE, tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE u tar-regoli tad-dritt internazzjonali. Skont ir-rikorrent, dawn ir-regoli differenti jippermettu lill-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni li jippermetti li jinkiseb l-għan imfittex mill-proposta ta’ IĊE.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet

11      Bit-tieni u bit-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali, rispettivament, sabiex tordna lill-Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ IĊE u sabiex tordna kull miżura ulterjuri li tkun legalment neċessarja.

12      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza inġunzjoni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità tapplika fl-oqsma kontenzjużi kollha li jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑204/99, Ġabra, EU:T:2001:190, punt 26, ikkonfermata fl-appell b’sentenza tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑353/01 P, Ġabra, EU:C:2004:42, punt 15, u s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, T‑51/07, Ġabra, EU:T:2008:420, punti 27 u 28), u b’hekk anki fil-qasam tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea.

13      Għalhekk, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ IĊE u sabiex tordna miżuri ulterjuri.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

14      Il-proposta ta’ IĊE għandha bħala suġġett l-istabbiliment fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità li jiġġustifika r-rifjut minn Stat li jonora l-ħlas lura tad-dejn pubbliku tiegħu meta l-eżistenza finanzjarja u politika tiegħu tkun mhedda minħabba tali ħlas lura.

15      Mill-Artikolu 5(2) TUE u mill-Artikolu 13(2) TUE jirriżulta li, abbażi tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minnhom, u li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom.

16      L-Artikolu 11(4) TUE jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implementazzjoni tat-Trattati.

17      Konformement mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini jekk din tkun “manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

18      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-proposta ta’ IĊE hija manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) u (3) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE.

19      B’dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tivverifika jekk, kif isostni r-rikorrent, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE abbażi tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

20      Barra minn hekk, fid-dawl tal-motivazzjoni qasira tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li qabel kollox teżamina jekk din kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

21      Għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi invokat ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna interessata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1995, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T‑471/93, Ġabra, EU:T:1995:167, punt 29, u tas-27 ta’ Settembru 2012, J vs Il-Parlament, T‑160/10, EU:T:2012:503, punt 20).

23      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-imsemmi obbligu ta’ motivazzjoni fil-qasam tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea.

24      Konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att u n-natura tal-motivi invokati. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu (digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, J vs Il-Parlament, C‑550/12 P, EU:C:2013:760, punt 19).

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-fatt li l-proposta ta’ IĊE ma ġietx irreġistrata huwa tali li jolqot l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw inizjattiva taċ-ċittadini, stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE. Konsegwentement, tali deċiżjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw ir-rifjut imsemmi.

26      Fil-fatt, iċ-ċittadin li jkun ippreżenta proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet għalfejn din ma tkunx ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni. Hija l-Kummissjoni, li quddiemha tkun tressqet proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini, li għandha tevalwaha, iżda wkoll timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt stabbilit mit-trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, huwa intiż biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza J vs Il-Parlament, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2012:503, punt 22).

27      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-għan tal-proposta ta’ IĊE, jiġifieri l-integrazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità hekk kif maħsub mir-rikorrent, jaqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom din tista’ tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Skont id-deċiżjoni kkontestata, “wara l-eżami fid-dettall tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija fil-proposta (Artikoli 119 [TFUE] sa 144 TFUE) u ta’ kull bażi legali oħra possibbli, il-Kummissjoni tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini minħabba li din manifestament taqa’ barra mill-ambitu tas-setgħat li jippermettu lill-Kummissjoni li tressaq proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati”. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li, “[b]’mod partikolari, l-Artikolu 136(1) TFUE jista’ jservi biss bħala bażi legali biss jekk il-miżuri għandhom bħala għan ir-rinfurzar tad-dixxiplina baġitarja tal-Istati Membri u jkunu limitati għal dan u jekk ikunu intiżi biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja”. Din iżżid li, “[f]’kull każ, l-Artikolu 136(1) TFUE ma jawtorizzax lill-Unjoni […] tissostitwixxi ruħha minflok l-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-sovranità baġitarja tagħhom u tal-funzjonijiet marbuta mad-dħul u mal-infiq tal-Istat”.

28      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE bin-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat kjarament li la d-dispożizzjonijiet relattivi għall-politika ekonomika u monetarja msemmija mir-rikorrent, jiġifieri l-Artikoli 119 TFUE sa 144 TFUE, u lanqas xi bażi legali oħra ma jagħtu s-setgħa lil din l-istituzzjoni li tippreżenta quddiem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ att li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mill-proposta ta’ IĊE. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 136(1) TFUE u tesponi r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li l-proposta msemmija ma tistax tkun ibbażata fuq din il-bażi legali.

29      B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-motiv li jiġġustifika, skont din l-istituzzjoni, ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE.

30      Ma’ dan jingħad ukoll li, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Issa, f’dan il-każ, il-proposta ta’ IĊE kienet tonqos mill-kjarezza u mill-preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-allegata bażi legali tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattati.

31      Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Kummissjoni b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-proposta ta’ IĊE ma kien fiha ebda argument relattiv għar-rabta bejn is-26 artikolu tat-Trattat FUE relattivi għall-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni li kienet tirreferi għalihom f’daqqa l-proposta u l-kontenut tal-proposta msemmija. Kien biss fir-rikors li r-rikorrent irrefera għall-Artikoli 122 TFUE u 136 TFUE bħala bażijiet speċifiċi tal-kompetenza tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ att legali tal-Unjoni bħal dak maħsub fil-proposta ta’ IĊE. Għalhekk, ma jistax jiġi lmentat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall id-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE invokati f’daqqa fil-proposta ta’ IĊE u li llimitat ruħha li tikkonstata n-nuqqas ta’ rilevanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija filwaqt li baqgħet siekta fuq dawk fost dawn tal-aħħar li kienu jidhrulha l-inqas irrilevanti, barra minn hekk, billi semmiet ir-raġunijiet għalfejn din id-dispożizzjoni ma setgħetx isservi bħala bażi legali.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata fiha, fid-dawl tal-kuntest tagħha, biżżejjed elementi li jippermettu li r-rikorrent ikun jaf il-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

33      Sa fejn ir-rikorrent josserva, f’dan il-kuntest, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija, f’kull każ, żbaljata, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi rekwiżiti proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punti 166 u 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011

35      Ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma kinitx issodisfatta. Fil-fatt, l-istituzzjoni msemmija waslet għal din il-konklużjoni bi ksur tal-Artikolu 122(1) u (2) TFUE u tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE, kif ukoll tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 122(1) TFUE

36      Ir-rikorrent isostni li l-istabbiliment tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif maħsub minnu effettivament jaqa’ taħt il-“miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika” li l-Kunsill jista’ jadotta, konformement mal-Artikolu 122(1) TFUE. Il-miżura msemmija tikkontribwixxi biex l-Istati Membri affettwati mill-piż eċċessiv tad-dejn u li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ neċessità ekonomika jirkupraw. Skont ir-rikorrent, ir-rimbors tad-dejn pubbliku ma jistax jintalab meta dan iwassal biex iċaħħad lill-popolazzjoni mir-riżorsi neċessarji biex tissodisfa l-bżonnijiet essenzjali tagħha.

37      Ir-rikorrent iżid li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122(1) TFUE jirrigwardaw il-miżuri kollha relatati mas-sitwazzjoni ekonomika, li, kuntrarjament għat-teżi tal-Kummissjoni, b’hekk ma għandhomx jirrigwardaw biss id-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom Stat Membru fil-ksib tal-proviżjon tiegħu ta’ prodotti enerġetiċi.

38      Skont ir-rikorrent, l-Artikolu 122(1) TFUE huwa intiż biex tiġi stabbilita solidarjetà istituzzjonali li tirriżulta mill-obbligu morali u legali tal-Istati Membri li jsostnu ruħhom reċiprokament u li jgħinu lil xulxin. Is-solidarjetà msemmija għandha tapplika fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jkun ikkonfrontat minn diffikultajiet, b’mod partikolari, ta’ natura ekonomika, li jistgħu jaffettwaw l-eżistenza u l-funzjonament tiegħu.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

40      L-Artikolu 122(1) TFUE jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija.

41      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, Ġabra, EU:C:2012:756, punti 115 u 116), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 122(1) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali xierqa għal eventwali assistenza finanzjarja tal-Unjoni permezz tal-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament favur l-Istati Membri li kienu għaddejjin jew kienu jirriskjaw li jgħaddu minn problemi ta’ finanzjament serji.

42      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, kif isostni r-rikorrent, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li din neċessarjament tillimita ruħha għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill fil-każ biss fejn jirriżultaw diffikultajiet serji fil-ksib tal-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li għandu jipprevali mal-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika fis-sens tal-Artikolu 122(1) TFUE jindika li dawn il-miżuri huma bbażati fuq l-assistenza bejn l-Istati Membri.

43      F’kull każ, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni msemmija ma tistax tikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif maħsub mir-rikorrent, li jgħid li Stat Membru jista’ jiddeċiedi unilateralment li ma jħallasx lura d-dejn kollu tiegħu totalment jew parzjalment minħabba li dan ikun jinsab minn problemi serji ta’ finanzjament.

44      Għal dawn il-motivi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 122(2) TFUE

45      Ir-rikorrent isostni li t-tħassir jew is-sospensjoni, abbażi tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità, tad-dejn tal-Istati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ urġenza ekonomika minħabba ċirkustanzi li jinsabu barra mill-influwenza tagħhom, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala assistenza finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 122(2) TFUE. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali assistenza finanzjarja tista’ sseħħ jew matul żmien determinat, jew, b’mod iktar ġenerali, taħt forma ta’ possibbiltà ta’ benefiċċju minn għajnuna, b’tali mod li din ma tkunx limitata għall-adozzjoni ta’ miżuri ad hoc kif issostni b’mod żbaljat il-Kummissjoni. Finalment, id-dispożizzjoni msemmija ma timponix li tali assistenza tkun neċessarjament iffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

47      Konformement mal-Artikolu 122(2) TFUE, meta Stat Membru jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati minn diżastri naturali jew ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħti għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

48      Diġà ġie deċiż li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lill-Unjoni li tagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, assistenza finanzjarja f’waqtha lil Stat Membru. Min-naħa l-oħra, din ma tistax tiġġustifika l-introduzzjoni leġiżlattiva ta’ mekkaniżmu ta’ abbandun tad-dejn kif jixtieq ir-rikorrent, mhux l-inqas minħabba n-natura ġenerali u permanenti ta’ tali mekkaniżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pringle, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2012:756, punti 65, 104 u 131).

49      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Artikolu 122 TFUE għandu biss bħala għan assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri (sentenza Pringle, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2012:756, punt 118). Issa, l-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif maħsub mir-rikorrent, jekk jitqies, kif isostni r-rikorrent, li tali prinċipju jista’ jidħol taħt il-kunċett ta’ assistenza finanzjarja fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, ma tistax tidħol taħt il-miżuri ta’ assistenza mogħtija mill-Unjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba li l-adozzjoni ta’ tali prinċipju ma tikkonċernax biss id-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni, iżda wkoll id-dejn li jkun daħal għalih l-Istat imsemmi ma’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra, pubbliċi jew privati, minkejja li din is-sitwazzjoni manifestament ma hijiex koperta mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

50      Isegwi li l-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jgħid li Stat Membru jista’ ma jħallasx lura d-dejn tiegħu totalment jew parzjalment, manifestament ma tifformax parti mill-assistenza finanzjarja li l-Kunsill jista’ jadotta abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE.

51      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE

52      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li l-Artikolu 136(1) TFUE, minn naħa, jista’ biss iservi bħala bażi legali jekk il-miżuri jkunu jirrigwardaw ir-rinfurzar tad-“dixxiplina baġitarja” u, min-naħa l-oħra, ma jistax jawtorizza li l-Unjoni tissostitwixxi ruħha għall-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-sovranità baġitarja tagħhom u tal-funzjonijiet marbuta mad-dħul u mal-infiq tal-Istat.

53      Skont ir-rikorrent, il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità jifforma parti mill-orjentazzjonijiet tal-politika ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE, sa fejn tali prinċipju jifforma parti mill-koordinazzjoni u mill-armonizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-Istati li jinsabu fi stat ta’ neċessità u b’hekk isegwi għanijiet kompatibbli mal-valuri tal-Unjoni, jiġifieri l-benesseri tal-popli, il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, il-koeżjoni ekonomika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

54      Il-miżuri li, abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jadotta konformement mal-proċedura prevista mill-Artikoli 122 TFUE sa 126 TFUE f’dak li jikkonċerna lill-Istati Membri taż-żona Euro, ma jistgħux ikunu limitati biss għall-miżuri intiżi biex isaħħu d-dixxiplina baġitarja. Lanqas ma jista’ jitqies li hemm xi limitazzjoni fl-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri minn allegat ksur tas-“sovranità baġitarja” tal-Istati Membri, liema limitazzjoni tinsab f’kontradizzjoni diretta mal-fakultà li jiġu adottati miżuri relattivi għad-dixxiplina baġitarja u li barra minn hekk tmur kontra l-klawżola ta’ solidarjetà stabbilita fl-Artikolu 222 TFUE, li b’mod partikolari jipprevedi azzjoni konġunta tal-Istati Membri f’każ ta’ diżastru kkaġunat mill-bniedem, kif inhu l-każ fil-Greċja.

55      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

56      L-Artikolu 136(1) TFUE jipprovdi li, “[s]abiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja” u konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu jadotta, konformement mal-proċedura rilevanti fost dawk imsemmija fl-Artikoli 121 TFUE u 126 TFUE, bl-eċċezzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 126(14) TFUE, miżuri li jikkonċernaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro biex “tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom” [Artikolu 136(1)(a) TFUE] u “jiġu stabbiliti l-linji gwida ta’ politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza” [Artikolu 136(1)(b) TFUE].

57      Issa, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż, u r-rikorrent b’ebda mod ma pprova, li l-adozzjoni ta’ prinċipju tal-istat ta’ neċessità li jawtorizza lil Stat Membru jiddeċiedi unilateralment li jannulla d-dejn pubbliku għandha l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tad-dixxiplina baġitarja jew tifforma parti mill-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomika li l-Kunsill jista’ jelabora għall-finijiet tal-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja.

58      Hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pringle, punt 41 iktar ’il fuq (EU:C:2012:756, punti 51 u 64), ir-rwol tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika huwa limitat għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni. Issa, l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv li jawtorizza n-nuqqas ta’ ħlas lura tad-dejn minn Stat Membru, minflok ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ orjentazzjoni tal-politika ekonomika fis-sens tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE, fuq liema dispożizzjoni huwa bbażat l-ilment preżenti, fir-realtà jkollha l-effett li tissostitwixxi mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn pubbliku minflok ir-rieda ħielsa tal-partijiet kontraenti, liema ħaġa din id-dispożizzjoni manifestament ma tippermettix.

59      Isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-proposta li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità kif maħsub mir-rikorrent kienet manifestament barra mill-iskop tal-previżjonijiet tal-Artikolu 136(1) TFUE.

60      Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent f’dan il-kuntest, ir-rifjut li tali prinċipju jiġi integrat fit-testi tal-Unjoni lanqas ma jmur kontra l-klawżola ta’ solidarjetà ddefinita fl-Artikolu 222 TFUE, li jgħid li “[l]-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill[-]bniedem”, peress li din il-klawżola ta’ solidarjetà manifestament ma tirrigwarda la l-politika ekonomika u monetarja, u lanqas is-sitwazzjoni ekonomika jew id-diffikultajiet baġitarji tal-Istati Membri.

61      Għaldaqstant, dan l-ilment huwa infondat ukoll.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt internazzjonali

62      Ir-rikorrent isostni li l-prinċipju tal-istat ta’ neċessità ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali bħala regola tad-dritt internazzjonali li tiġġustifika t-terminazzjoni tal-ħlasijiet relattivi għall-ħlas lura tad-dejn, u saħansitra t-tħassir unilaterali ta’ parti mid-dejn, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni ekonomiku u ta’ sigurtà interna u esterna tal-Istat. Il-Kummissjoni ma hijiex fondata meta tirrifjuta l-integrazzjoni ta’ din ir-regola fis-sistema legali tal-Unjoni.

63      Barra minn hekk, fid-digriet tagħha tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑52/12 R, Ġabra, EU:T:2012:447, punt 54), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali prinċipju fil-kuntest partikolari tar-Repubblika Ellenika billi ddikjarat li, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali relattivi għas-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan l-Istat Membru, għandha tingħata prijorità lill-interessi tal-Istat u tal-popolazzjoni pjuttost milli għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment skont il-Kummissjoni.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

65      Anki jekk jitqies li teżisti regola tad-dritt internazzjonali li tistabbilixxi prinċipju tal-istat ta’ neċessità li jgħid li Stat Membru jista’ ma jħallasx lura d-dejn pubbliku f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, f’kull każ, is-sempliċi eżistenza ta’ tali prinċipju tad-dritt internazzjonali ma hijiex biżżejjed biex tibbaża inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni, peress li fit-Trattati ma ngħatat ebda kompetenza f’dan is-sens, hekk kif jirriżulta mill-eżami tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat invokati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

66      Għalhekk, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud ukoll u, għalhekk, dan il-motiv kollu kemm hu.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

69      Skont l-Artikolu 135(1), f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

70      Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrent jallega l-eżistenza ta’ motivi eċċezzjonali fis-sens li ma jinsabx f’pożizzjoni li jħallas l-ispejjeż kollha, biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni ma hija, f’kull każ, sostnuta minn ebda prova konkreta.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Alexios Anagnostakis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.