Language of document : ECLI:EU:C:2017:776

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 96(a) – Azzjoni għal vjolazzjoni – Artikolu 99(1) – Preżunzjoni ta’ validità – Artikolu 100 – Kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Relazzjoni bejn azzjoni għal vjolazzjoni u kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Awtonomija proċedurali”

Fil-Kawża C‑425/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Hansruedi Raimund

vs

Michaela Aigner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Raimund, minn C. Hadeyer, Rechtsanwalt,

–        għal M. Aigner, minn F. Gütlbauer, S. Sieghartsleitner u M. Pichlmair, Rechtsanwälte,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hansruedi Raimund u Michaela Aigner, fir-rigward ta’ azzjoni għal vjolazzjoni ta’ trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ kontrotalba għall-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009: “[i]d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-[tal-Unjoni Ewropea], li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-[Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)] u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] ma jiġix imxejjen.”

4        L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“It-trade mark [tal-Unjoni] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni] kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbit l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-[Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

5        Konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tinkiseb permezz ta’ reġistrazzjoni.

6        L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, jipprevedi fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“1.      Trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

[…]

b)      meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

[…]”

7        L-Artikolu 96(a) u (d) ta’ dan ir-regolament jiddikjara:

“Il-qrati tat-trademark tal-[Unjoni Ewropea] għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

a)      kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea];

[…]

d)      kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu 100.”

8        L-Artikolu 99 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ validità – Id-difiża fir-rigward tal-merti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jikkunsidraw it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.”

9        Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 207/2009:

“1.      Kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi ibbażata biss fuq ir-raġunijiet ta’ revoka jew ta’ invalidità msemmija f’dan ir-Regolament.

2.      Il-qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-[EUIPO] li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

[…]

4.      Il-qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li quddiemha tkun ġiet preżentata kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tinforma lill-[EUIPO] dwar id-data ta’ meta tkun ġiet preżentata il-kontrotalba. L-[EUIPO] għandu jniżżel dan il-fatt fir-Reġistru tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea].

[…]

6.      Meta qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal revoka jew għall-invalidità ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea], kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-[EUIPO]. Kull parti tista’ titlob informazzjoni dwar din it-trasmissjoni. L-[EUIPO] għandu jsemmi s-sentenza fir-Reġistru tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

[…]”

10      L-Artikolu 104(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li tkun qiegħda tisma’ kawża msemmija fl-Artikolu 96, ħlief għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni għandha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddha u wara li tisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn, tissospendi l-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun diġà qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] oħra fuq bażi ta’ kontrotalba jew jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun diġà ġiet ippreżentata l-[EUIPO].

2.      L-[EUIPO], meta jkun qiegħed jisma’ applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddu wara li jisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li jisma’ lill-partijiet l-oħrajn, iwaqqaf il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun diġà qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] oħra fuq bażi ta’ kontrotalba. Madanakollu, jekk issir talba minn waħda mill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-qorti tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea], il-qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti, tissospendi l-proċedimenti. F’dan il-każ l-[EUIPO] għandu jkompli l-proċedimenti li jkunu pendenti quddiemu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      H. Raimund, proprjetarju tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Baucherlwärmer, jikkummerċjalizza, taħt din it-trade mark, sa minn madwar is-sena 2000, pjanti għal preparazzjonijiet fuq bażi ta’ alkoħol. Min-naħa tagħha, M. Aigner ukoll tipproponi l-bejgħ ta’ taħlita ta’ pjanti biex jitqiegħdu f’alkoħol ta’ gradazzjoni għolja, li hija ssejjaħ ukoll Baucherlwärmer.

12      H. Raimund ippreżenta quddiem il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija) azzjoni għal vjolazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tagħha huwa l-proprjetarju, sabiex jiġi pprojbit lil M. Aigner milli tuża s-sinjal “Baucherlwärmer” għall-prodotti u servizzi fil-klassijiet li taħthom taqa’ l-imsemmija trade mark. Min-naħa tagħha, billi M. Aigner, konvenuta fil-kawża prinċipali, qieset, b’mod partikolari, li H. Raimund kien kiseb l-imsemmija trade mark b’mod kuntrarju għall-morali u l-bona fide, hija ressqet quddiem din il-qorti kontrotalba għall-invalidità tal-istess trade mark.

13      Il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni tagħha dwar din il-kontrotalba sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-azzjoni għal vjolazzjoni, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. Madankollu, ġaladarba d-digriet li jiddeċiedi din is-sospensjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kontrotalba ġie annullat, din it-talba għadha pendenti fl-ewwel istanza. Fir-rigward tal-azzjoni għal vjolazzjoni, il-Handelsgericht Wien (qori tal-kummerċ ta’ Vjenna) ċaħditha minħabba li l-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kienet saret in mala fide minn H. Raimund.

14      Wara li l-Oberlandesgericht Wien (qorti superjuri reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat fl-appell id-deċiżjoni tal-ewwel istanza. H. Raimund ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija).

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali effettivament kiseb in mala fide t-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, konsegwentement, din għandha tiġi ddikjarata invalida, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni, imqajma minn H. Raimund, fil-kuntest tal-appell tiegħu, dwar jekk il-qrati fl-ewwel u fit-tieni istanzi setgħux jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ mala fide fil-kuntest tal-azzjoni għal vjolazzjoni, meta ma kinitx teżisti deċiżjoni definittiva dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark.

16      Fid-dawl tal-fatt li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tinvoka raġuni ta’ invalidità assoluta, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 99(1) ta’ dan ir-regolament, tista’ tiġi validament invokata fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni biss jekk il-konvenut iressaq kontrotalba bbażata fuq tali raġuni, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tistaqsi jekk huwiex biżżejjed li titressaq kontrotalba bbażata fuq il-kisba in mala fide tad-drittijiet ta’ trade mark biex tkun tista’ tiġi miċħuda l-azzjoni għal vjolazzjoni qabel ma tingħata deċiżjoni dwar din il-kontrotalba (l-ewwel opzjoni); jew jekk l-azzjoni għal vjolazzjoni tista’ tiġi miċħuda minħabba din ir-raġuni biss jekk it-trade mark ikkonċernata tiġi, mill-inqas simultanjament, iddikjarata invalida fuq il-bażi tal-kontrotalba (it-tieni opzjoni); jew ulterjorment jekk l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ksiba in mala fide tad-drittijiet tat-trade mark tistax tintlaqa’ biss jekk, preċedentement, it-trade mark tkun ġiet definittivament iddikjarata invalida fuq il-bażi tal-kontrotalba (it-tielet opzjoni).

17      Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, is-suċċess jew iċ-ċaħda tal-azzjoni għal vjolazzjoni jiddependu biss fuq l-eċċezzjoni ta’ invalidità. Hija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi t-tieni opzjoni, fis-sens li mill-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li azzjoni għal vjolazzjoni tista’ tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ raġuni ta’ invalidità biss jekk, mill-inqas simultanjament, tintlaqa’ l-kontrotalba mressqa għal din l-istess raġuni. Hija tqis li s-sempliċi fatt li titressaq tali kontrotalba ma għandux ikun suffiċjenti iżda li, min-naħa l-oħra, li wieħed jistenna li d-deċiżjoni dwar din il-kontrotalba ssir definittiva ma għandhiex tkun indispensabbli. Hija tispeċifika li l-eżistenza eventwali ta’ obbligu ta’ stennija sabiex id-deċiżjoni dwar il-kontrotalba ssir definittiva, l-għaqda eventwali tal-proċeduri ta’ azzjoni għal vjolazzjoni u tal-kontrotalba kif ukoll il-modalitajiet tal-proċeduri ta’ appell, għandhom jiġu evalwati biss fir-rigward tad-dritt proċedurali nazzjonali.

18      Il-qorti tar-rinviju tosserva ulterjorment li l-opzjoni li hija tipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja hija tali li tiggarantixxi li l-eċċezzjoni ta’ invalidità jew ta’ revoka inter partes, invokata fil-kuntest tal-azzjoni għal vjolazzjoni, tista’ tintlaqa’ biss jekk it-trade mark tiġi ddikjarata invalida jew irrevokata għall-istess raġuni fil-kuntest tal-kontrotalba, b’effett erga omnes. B’mod partikolari, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-azzjoni għal vjolazzjoni, li l-azzjoni tiegħu ġiet iddikjarata infondata fl-ewwel istanza, ikollu jikkontesta kemm id-deċiżjoni mogħtija dwar l-azzjoni għal vjolazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-kontrotalba, sabiex jirbaħ il-kawża quddiem il-qrati superjuri. Jekk huwa jikkontesta biss id-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-azzjoni għal vjolazzjoni, ir-rikors tiegħu jkun iddestinat li jkun mingħajr suċċess ġaladarba d-deċiżjoni mogħtija fir-rigward tal-kontrotalba, li ssir res judicata,tipprekludi kompletament is-suċċess tal-azzjoni għal vjolazzjoni.

19      Madankollu, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) taċċetta li s-sens litterali jew l-għan tal-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009 jistgħu wkoll iwasslu għal interpretazzjoni differenti minn dik li hija tipproponi.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea [Artikolu 96(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] tista’ tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-mala fede fil-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark [Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009], fil-każ li l-konvenut ikun effettivament ressaq kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fuq din il-bażi [Artikolu 99(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009], iżda l-qorti tkun għadha ma tatx deċiżjoni fuq din il-kontrotalba?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tista’ tiċħad il-kawża ta’ vjolazzjoni fuq il-bażi tal-mala fede fil-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark filwaqt li tal-inqas tilqa’ fl-istess ħin il-kontrotalba, jew għandha tistenna, sabiex tiddeċiedi l-kawża ta’ vjolazzjoni, li d-deċiżjoni fuq il-kontrotalba tkun saret res judicata?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, tista’ tiġi miċħuda minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma l-imsemmija qorti tkun laqgħet il-kontrotalba għal invalidità mressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 100(1) tal-imsemmi regolament u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mir-regolamentazzjoni li tagħhom jagħmlu parti (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 50; tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 54, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73).

23      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ validità – Id-difiża fir-rigward tal-merti”, u li jinsab fit-Taqsima 2 tat-Titolu X ta’ dan ir-regolament fuq it-tilwim li jirrigwarda l-vjolazzjoni u l-validità tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom iqisu t-trade mark tal-Unjoni Ewropea bħala valida, sakemm il-konvenut ma jikkontestax il-validità tagħha permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal invalidità.

24      Għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tgawdi minn preżunzjoni ta’ validità li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni, tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hemm lok, madankollu, li jiġi kkonstatat li s-sempliċi kliem tal-imsemmija dispożizzjoni ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk, meta l-konvenut f’azzjoni għal vjolazzjoni jikkontesta din l-azzjoni permezz ta’ raġuni ta’ invalidità u barra minn hekk iressaq kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tilqa’ l-imsemmija kontrotalba qabel ma tkun tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni.

25      Fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 104(1) ta’ dan ir-regolament jirrikjedi li, sakemm jeżistu raġunijiet partikolari sabiex il-proċedura titkompla, qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, adita b’azzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament, għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha meta l-validità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun diġà ġiet ikkontestata quddiem qorti oħra tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea jew tkun diġà tressqet talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-EUIPO.

26      Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fis-sens li jkun biżżejjed li kontrotalba titressaq quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea sabiex din, qabel ma tiddeċiedi din it-talba, tkun tista’ tiddeċiedi dwar azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 96(1) ta’ dan ir-regolament, billi tibbaża lilha nnifisha fuq l-istess raġuni ta’ invalidità li din tinvoka fl-imsemmija kontrotalba, ikollha l-konsegwenza illoġika li r-regoli tal-imsemmi regolament dwar kawżi relatati pendenti quddiem qrati differenti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea jkunu iktar stretti minn dawk dwar kawżi relatati pendenti quddiem l-istess qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

27      Fir-rigward tal-għan segwit mir-Regolament Nru 207/2009, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tiegħu jistabbilixxi n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Peress li għandha l-istess effetti fl-Unjoni kollha, it-trade mark ma tistax, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tiġi rreġistrata jew ittrasferita, tiġi rrinunzjata jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha invalida, u lanqas ma jista’ jiġi pprojbit l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha.

28      F’dan ir-rigward, il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tipprevedi li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea jkollhom effett u jkopru t-territorju kollu tal-Unjoni, peress li dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti min-naħa tal-qrati u tal-EUIPO u kif jista’ jiġi żgurat li l-karattru unitarju tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea ma jiġix ippreġudikat.

29      Għalhekk mill-għan tal-imsemmi regolament jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li tiddikjara, fil-kuntest ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa skont l-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea neċessarjament għandha effett erga omnes fl-Unjoni kollha.

30      L-effet erga omnes ta’ tali deċiżjoni hija barra minn hekk ikkonfermata kemm permezz tal-Artikolu 100(6) tar-Regolament Nru 207/2009, li skontu qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tittrażmetti lill-EUIPO kopja tad-deċiżjoni li tkun saret res judicata fir-rigward ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-regoli fil-qasam tal-kawżi relatati msemmija fl-Artikolu 104 ta’ dan ir-regolament u mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

31      Min-naħa l-oħra, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni ta’ tali qorti mogħtija fir-rigward ta’ azzjoni għal vjolazzjoni tgawdi biss minn effikaċja inter partes, b’tali mod li, ladarba tkun saret definittiva, din id-deċiżjoni torbot biss lill-partijiet li jkunu pparteċipaw f’din l-azzjoni.

32      Dan huwa l-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni minħabba l-eżistenza ta’ raġuni ta’ invalidità assoluta, bħall-mala fide tal-applikant meta jressaq applikazzjoni għal trade mark fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma tkun tat deċiżjoni preċedenti dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni.

33      Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li, fid-dawl tan-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji fuq is-suġġett, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq tali raġuni ta’ invalidità assoluta għandha tkun valida għall-Unjoni kollha u mhux biss għall-partijiet li jkunu pparteċipaw fl-azzjoni għal vjolazzjoni. Dan ir-rekwiżit jimplika li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kkonċernata għandha tagħti deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità qabel ma tagħti deċiżjoni dwar l-azzjoni għal vjolazzjoni.

34      Għalhekk, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tilqa’ l-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, imressqa, konformement mal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni ta’ din l-istess trade mark, fis-sens tal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, qabel ma tkun tista’ tiċħad din l-aħħar azzjoni għall-istess raġuni ta’ invalidità assoluta.

35      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, ma tistax tiġi miċħuda minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma din il-qorti tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa konformement mal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità, ma tkunx saret definittiva.

37      Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata n-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jobbliga lill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tilqa’ l-kontrotalba, imressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 100(1) ta’ dan ir-regolament, qabel ma tkun tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 96(a) tal-imsemmi regolament.

38      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jinkludi ebda regola li tirrikjedi li d-deċiżjoni li tilqa’ l-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun saret definittiva sabiex il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, u ebda regola li tipprojbixxi lil din il-qorti milli tistenna, sabiex tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, li d-deċiżjoni li tilqa’ l-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun kisbet karattru definittiv.

39      Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tissuġġetta l-possibbiltà għall-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni ta’ trade mark għal raġuni ta’ invalidità għall-kundizzjoni li d-deċiżjoni li permezz tagħha hija tkun laqgħet, għall-istess raġuni ta’ invalidità, il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark tkun kisbet karattru definittiv, filwaqt li tali rekwiżit huwa previst f’każijiet oħra fl-Artikolu 100 tal-imsemmi regolament.

40      F’tali kuntest, hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 47, u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 35).

41      F’dan is-sens, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas vantaġġużi minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu impossibbli fil-prattika jew jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36).

42      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma validi, b’mod partikolari, fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, mid-digriet ta’ rinviju jirriżulta li, fid-dritt Awstrijak, skont il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema), azzjoni għal vjolazzjoni tista’ tiġi miċħuda minħabba raġuni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea biss jekk din tiġi, mill-inqas simultanjament, iddikjarata invalida fuq il-bażi ta’ kontrotalba. Skont din il-qorti, tali rekwiżit jiggarantixxi li l-eċċezzjoni ta’ invalidità fil-kuntest tal-azzjoni għal vjolazzjoni, li għandha biss effett inter partes, tirnexxi biss jekk it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata invalida għall-istess raġuni fil-kuntest tal-kontrotalba, b’effett erga omnes.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-istess qorti jkollha tiddeċiedi kemm dwar azzjoni għal vjolazzjoni ta’ trade mark u kif ukoll dwar kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din l-istess trade mark, il-koerenza mad-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti fil-kuntest tal-kontrotalba tipprekludiha milli tagħti deċiżjoni kontradittorja fil-kuntest tal-azzjoni għal vjolazzjoni.

45      Ċertament, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tistenna l-eżitu tal-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità biex tagħti deċiżjoni dwar l-azzjoni għal vjolazzjoni. Madankollu, hekk kif osservat ġustament il-qorti tar-rinviju, ir-rabta tal-eżitu tal-proċeduri dwar l-azzjoni għal vjolazzjoni mal-aġir partijiet fir-rigward tal-appelli kontra d-deċiżjoni li tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħti lok, skont kull probabbiltà, għal dewmien kunsiderevoli għal dawn il-proċeduri. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, sa fejn il-partijiet inkwistjoni fiż-żewġ proċeduri huma l-istess, huma għandhom l-istess għodda ta’ difiża u għandhom ibatu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom. L-eventwalità li waħda mill-partijiet tipprova, permezz ta’ appelli suċċessivi, iddewwem l-effett definittiv tad-deċiżjonijiet ta’ qorti ma tistax għalhekk tipprevali fuq l-obbligu tal-qorti li tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha.

46      B’hekk, il-fatt li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tittratta flimkien il-kontrotalba bbażata fuq l-Artikolu 100(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u l-azzjoni għal vjolazzjoni, ippreżentata skont l-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, jidher tali li jiżgura l-prinċipju ta’ effettività.

47      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element li jippermetti li tiddubita dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju ta’ prassi ġurisprudenzjali bħal dik tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) imfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux il-fatt li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa konformement mal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità, ma tkunx saret definittiva.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 99(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, ma tistax tiġi miċħuda minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma din il-qorti tkun laqgħet il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut f’din l-azzjoni għal vjolazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità.

2)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux il-fatt li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tista’ tiċħad l-azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 96(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba raġuni ta’ invalidità assoluta, bħal dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa konformement mal-Artikolu 100(1) tal-istess regolament, u bbażata fuq din l-istess raġuni ta’ invalidità, ma tkunx saret definittiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.