Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2013 – McCullough vs Cedefop

(Kawża T-496/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Colin Boyd McCullough (Thessaloniki, il-Greċja) (rappreżentant: G. Matsos, avukat)

Konvenut: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tas-Cedefop, tal-15 ta’ Lulju 2013, li tiċħad lir-rikorrent l-aċċess għal ċerti dokumenti;

tordna lis-Cedefop tipprovdi lir-rikorrent id-dokumenti mitluba;

tawtorizza, skont l-Artikolu 1(3) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, lill-awtoritajiet nazzjonali Griegi jidħlu fil-postijiet u fil-bini tas-Cedefop, bil-għan li jsibu u li jipprovdu d-dokumenti inkwistjoni u bil-għan li jinvestigaw reati possibbli li setgħu twettqu minn xi persuna fir-rigward ta’ dan u

tikkundanna lis-Cedefop għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li s-Cedefop kiser id-dritt tal-UE fid-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li s-Cedefop kiser id-dritt tal-UE permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-imġiba tad-Direttur par interim tas-CEDEFOP hija minn tal-inqas diskutibbli, meta huwa jisħaq li huwa diskutibbli jekk il-minuti tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija KMS, fost id-dokument mitluba, qatt eżistew, peress li huwa kien imissu kien jaf dwar l-eżistenza tagħhom (jew dwar in-nuqqas ta’ eżistenza tagħhom), peress li huwa kien Assistent Direttur tas-Cedefop għal perijodu twil (sena) li matulu dawn id-dokumenti kienu qegħdin jiġu prodotti. Din l-imġiba tirrendi neċessarja l-investigazzjoni tal-postijiet tas-Cedefop mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li s-Cedefop naqas milli jadotta modalitajiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 u fuq il-fatt li r-Regoli Ddettaljati rispettivi, li l-Kummissjoni adottat għandhom jiġu applikati b’analoġija.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rifjut tas-CEDEFOP li jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba jikser id-drittijiet tar-rikorrent bħala akkużat fi proċeduri kriminali.