Language of document : ECLI:EU:C:2017:774

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/72 – Listi ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku – Tnaqqis ta’ superfiċji ta’ sit – Żball xjentifiku – Validità”

Fil-Kawża C‑281/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Vereniging Hoekschewaards Landschap

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Vereniging Hoekschewaards Landschap, minn A. Jonkhoff u W. Zwier, avukati,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, B. Koopman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/72, tat-3 ta’ Diċembru 2014, li tadotta t-tmien aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2015 L 18, p. 385.)

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vereniging Hoekschewaards Landschap u s-Staatssecretaris van Economische Zaken (is-segretarju tal-istat għall-affarjiet ekonomiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“segretarju tal-istat”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tnaqqis tas-superfiċji ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (iktar ’il quddiem iż-“ŻSK”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/43/KEE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008 L 363, p. 368) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitat’”), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali u l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) u (i);

[…]

e)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat naturali tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq il-ħabitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies “favorevoli” meta:

–        il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

–        l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

u

–        l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);

[…]

(i)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies “favorevoli” meta: –

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha,

u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli,

u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

[…]

k)      sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[…]

l)      [ŻSK] tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva “habitat” jipprovdi li:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ [ŻSK] taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […] Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

[…]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mid-disa’ reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

[…]

4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala [ŻSK] kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

[…]”

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva “habitat” jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, għandha tirrevedi minn żmien għall-żmien is-sehem li qed tagħti Natura 2000 biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3. F’dan il-kuntest, [ŻSK] tista’ titiqies għal diklassifikazzjoni fejn dan ikun ġustifikat minn żviluppi naturali osservati bħala riżultat tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.”

8        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità.”

9        L-Anness III tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-kriterji ta’ għażla tas-siti li jistgħu jiġu identifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”) u nnominati bħala ŻSK. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kriterji relatati mal-istadju 1, li jikkonsisti f’“evalwazzjoni fuq livell nazzjonali ta’ l-importanza relattiva tas-siti għal kull tip ta’ habitat naturali fl-Anness I u kull speċi fl-Anness II (inkluż it-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità)”, dan l-anness jinkludi s-silta li ġejja:

“A.      Kriterji ta’ evalwazzjoni dwar is-sit għal tip ta’ habitat naturali msemmi fl-Anness I

(a)      Kemm hu rappreżentattiv it-tip ta’ habitat naturali fis-sit.

(b)      Żona tas-sit koperta bit-tip ta’ habitat naturali skont l-area kollha koperta b’dak it-tip ta’ habitat naturali fit-territorju nazzjonali.

(ċ)      Ammont ta’ konservazzjoni ta’ l-istruttura u l-funzjonijiet tat-tip ta’ habitat naturali konċernat u l-possibiltajiet ta’ ripristinar.

(d)      Stima globali tal-valur tas-sit għall-konservazzjoni tat-tip ta’ habitat naturali konċernat.

B.      Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sit għal speċi msemmija fl-Anness II

(a)      Daqs u kobor tal-popolazzjoni tal-ispeċi li hemm fis-sit skont il-popolazzjonijiet li hemm fit-territorju nazzjonali.

(b)      Ammont ta’ konservazzjoni tal-karatteristiċi ta’ l-habitat naturali li huma importanti għall-ispeċi konċernati u l-possibiltajiet ta’ ripristinar.

(ċ) Ammont ta’ iżolament tal-popolazzjoni li hemm fis-sit kif imqabbla mal-firxa naturali ta’ l-ispeċi.

(d)      Stima globali tal-valur tas-sit għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi konċernata.”

 Id-Deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “habitat”.

10      Permezz tad-Deċiżjoni 2004/813/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2004, L 387, p. 1), il-Kummissjoni, fuq proposta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għażlet is-sit ta’ Haringvliet (il-Pajjiżi l-Baxxi) bħala SIK, bil-kodiċi NL 1000015, b’superfiċji ta’ 11 108 ettari.

11      Is-seba’ aġġornamenti suċċessivi tal-lista SIK għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku żammew is-sit Haringvliet f’din il-lista, għall-istess superfiċji.

12      Min-naħa l-oħra, permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/72, li pproċediet bit-tmien aġġornament tal-imsemmija lista, il-Kummissjoni żammet lil Haringvliet bħala SIK biss għal superfiċji ta’ 10 988 ettaru.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

13      L-Artikolu 10a(1) tan-Natuurbeschermingswet 1998 (liġi dwar il-protezzjoni tan-natura tal-1998), tal-25 ta’ Mejju 1998, tiddikjara kif ġej:

“Il-ministru tagħna jinnomina s-siti għall-finijiet tal-implementazzjoni […] tad-Direttiva [habitats].”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Leenheerenpolder hija polder b’superfiċji ta’ madwar 110 ettaru li kienet tagħmel parti mis-sit Haringvliet meta dan tal-aħħar kien inkluż, permezz tad-Deċiżjoni 2004/813, fil-lista tas-SIK għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku, minħabba possibbilitajiet ta’ restawrazzjoni li din il-polder kienet toffri għat-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċijiet fis-SIK Haringvliet. Fil-fatt, kien previst li l-Leenheerenpolder, f’dak iż-żmien komposta minn artijiet agrikoli u ma kien fiha ebda tip ta’ habitats naturali u speċijiet protetti minbarra fl-imsemmi SIK, tkun suġġetta għal azzjoni msemmija ta’ “depolderizzazzjoni”, li tikkonsisti fit-trasformazzjoni tagħha f’żona naturali suġġetta għall-influwenza tal-marea sabiex tiżviluppa l-potenzjal tagħha.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, abbażi tal-Artikolu 10a tal-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura tal-1998, innominat is-sit Haringvliet bħala ŻSK u madankollu eskludiet minn din iż-żona l-Leenheerenpolder. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) annulla din id-deċiżjoni, sa fejn il-Leenheerenpolder ma kinitx tagħmel parti minn din iż-ŻSK. Fil-fatt, dik il-qorti qieset li, peress li l-Leenheerenpolder kienet inkluża fil-limiti tas-SIK Haringvliet hekk kif deċiż mill-Kummissjoni wara d-deċiżjoni tagħha 2004/813, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien marbut, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitats”, jinkludu din il-polder fl-imsemmija ŻSK.

16      Fix-xahar ta’ Ottubru 2013, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppropona lill-Kummissjoni sabiex tirtira lil-Leenheerenpolder mis-SIK Haringvliet u, għaldaqstant, li tnaqqas is-superfiċji ta’ dan tal-aħħar.

17      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru spjegazzjonijiet addizzjonali fuq dan il-proġett ta’ tnaqqis tas-superfiċji tas-SIK Haringvliet.

18      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2014, is-segretarju tal-istat indika lill-Kummissjoni li l-Leenheerenpolder ma tkoprix riżorsi naturali u li l-proġetti inizjali intiżi sabiex jittrasformaw din il-polder kienu ġew abbandunati għar-raġuni li r-restawrazzjoni taż-żoni umdi ta’ Beningerwaard, ta’ Tiengemeten u ta’ polders ta’ daqs iżgħar mis-SIK Haringvliet kienet suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-SIK. Fl-ittra tiegħu, is-segretarju tal-istat żied li l-abbandun tal-proġett ta’ depolderizzazzjoni kien marbut ma’ raġunijiet politiċi, soċjali u baġitarji.

19      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni wieġbu li aċċettaw il-proposta tal-bidla tas-SIK Haringvliet, wara li ħadu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-evalwazzjoni favorevoli mwettqa mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-potenzjal ta’ restawrazzjoni preżenti f’partijiet oħra ta’ dan is-sit u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ċertu numru ta’ miżuri ta’ restawrazzjoni kienu diġà qed jiġu implementati jew kienu previsti għal postijiet oħrajn. F’din l-ittra, il-Kummissjoni qieset li l-proposta inizjali li tiġi integrata l-Leenheerenpolder fis-SIK Haringvliet kienet tikkostitwixxi “żball xjentifiku”.

20      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/72, filwaqt li żammet is-sit Haringvliet fil-lista tas-SIK għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku, eskludiet lil Leenheerenpolder minn dan is-sit.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2015, is-segretarju tal-istat, abbażi tal-Artikolu 10a(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura tal-1998 u sabiex jimplementa d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/72, innomina s-SIK Haringvliet bħala ŻSK u eskludiet minn din iż-żona l-Leenheerenpolder.

22      Il-Vereniging Hoekschewaards Landschap ressqet azzjoni fit-28 ta’ April 2015 quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-istat) fejn ikkunsidrat li din il-polder offriet potenzjal uniku għar-restawrazzjoni tan-natura tal-estwarju li kienet barra minn hekk nieqsa fis-SIK Haringvliet.

23      Ir-Raad van State (kunsill tal-istat) jenfasizza li s-segretarju tal-istat sostna quddiemu li l-iżball xjentifiku kien fil-fatt li huwa kien qies b’mod żbaljat, meta kien ippropona li jinkludi s-sit Haringvliet fuq il-lista tas-SIK, li l-Leenheerenpolder ma kinitx biss xierqa, iżda wkoll meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Dik il-qorti tistaqsi jekk, f’tali ċirkustanzi, sa fejn it-talba tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tkun suffiċjentement sostnuta minn data, it-tnaqqis tas-superfiċji tal-imsemmi sit jistax ikun iġġustifikat minn tali raġuni.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2015/72] hija valida sa fejn is-sit Haringvliet tniżżel f’din il-lista mingħajr l-inklużjoni tal-Leenheerenpolder?”

 Fuq id-domanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tnaqqis tas-superfiċji tas-sit Haringvliet bl-esklużjoni tal-Leenheerenpolder, għar-raġuni li l-inklużjoni ta’ din tal-aħħar fl-imsemmi sit kienet il-prodott ta’ żball xjentifiku, hijiex valida.

26      Preliminarjament għandu jiġi nnotat li din il-kawża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva “habitats” skont liema ŻSK tista’ tiġi diklassifikata “fejn dan ikun ġustifikat minn żviluppi naturali osservati bħala riżultat tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11”, evoluzzjoni bħal din ma ġietx invokata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

27      Fil-fatt, peress li, permezz tad-Deċiżjoni 2004/813, il-Kummissjoni kienet, fuq proposta tal-Pajjiżi l-Baxxi u skont il-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva “habitats”, integrat lil-Leenheerenpolder fis-SIK Haringvliet fir-rigward tal-potenzjal tagħha għar-restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċijiet preżenti f’dan is-SIK, din l-istituzzjoni ġġustifikat l-irtirar, permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/72, tal-imsemmija polder mis-SIK Haringvliet minħabba l-fatt li l-inklużjoni inizjali tagħha fl-imsemmi SIK kienet ikkostitwixxiet żball xjentifiku.

28      Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva “habitats” tawtorizzax lill-Kummissjoni li tnaqqas, fuq proposta tal-Istat Membru kkonċernat, is-superfiċji ta’ SIK, fil-każ fejn l-inklużjoni inizjali fuq il-lista tas-SIK kienet ivvizjata minn żball xjentifiku u, skont il-każ, jekk it-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx legalment iġġustifikat bi żball bħal dan.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), li żball fit-trażmissjoni lill-Kummissjoni meta tinnomina żona ta’ protezzjoni speċjali jista’ jwassal għat-tnaqqis tas-superfiċji ta’ tali żona bħala rettifika ta’ dan l-iżball (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑96/98, EU:C:1999:580, punt 55). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-iżball amministrattiv imwettaq, li kien jirrigwarda l-indikazzjoni tas-superfiċji, seta’ jiġi kkoreġut bl-adattament taż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata.

30      Barra minn hekk, fl-assenza tad-dispożizzjonijiet partikolari fid-Direttiva “habitats”, għandu jiġi kkunsidrat li l-adattament tal-lista tas-SIK li l-Istati Membri jissuġġerixxu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jista’ jinkludi t-tnaqqis tas-superfiċji ta’ sit, li għandu jsir skont l-istess proċedura bħal dik tal-inklużjoni tas-sit fl-imsemmija lista (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini, C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 26).

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tistabbilixxi abbozz ta’ lista tas-SIK, ta’ natura li twassal għall-kostituzzjoni ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻKS, il-Kummissjoni kellu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha reġistru komprensiv tas-siti li, fuq livell nazzjonali, għandhom importanza ekoloġika rilevanti għall-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-flora u tal-fawna selvaġġa previsti mid-Direttiva “habitats” (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping, C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 22).

32      Huwa b’dan il-mod biss li jista’ jintlaħaq l-għan stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “habitats”, li jinżammu jew li jiġu rrestawrati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, it-tipi ta’ habitats naturali u habitats tal-ispeċijiet fil-firxa naturali tagħhom, li jistgħu jkunu lokalizzati fuq kull naħa tad-diversi fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 1(e) u (i) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitat naturali jew ta’ speċi għandu jkun evalwat b’rabta mat-territorju Ewropew tal-Istati Membri kollu kemm hu, li għalih japplika t-Trattat (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping, C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23).

33      Issa, skont il-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats” sit huwa propost mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva u tal-informazzjoni xjentifika rilevanti. Minn dan jirriżulta, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li l-prova, abbażi ta’ informazzjoni xjentifika, tal-eżistenza ta’ żball li vvizzja l-informazzjoni xjentifika rilevanti hija ta’ natura li tiġġustifika, skont il-każ, it-tnaqqis ta’ SIK.

34      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema ma hemmx lok li wieħed juża għalxejn riżorsi għall-ġestjoni ta’ sit li jirriżultaw inutli għall-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini, C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 28).

35      Madankollu, minkejja li, minn naħa, huwa veru li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jipproponu, skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva “habitats”, lista ta’ siti li jistgħu jiġu identifikati bħala SIK (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini, C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 27), min-naħa l-oħra, huma ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess marġni ta’ diskrezzjoni fil-każ fejn jissuġġerixxu lill-Kummissjoni li tipproċedi bi tnaqqis tas-superfiċji ta’ SIK.

36      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-inklużjoni ta’ sit fil-lista tqajjem preżunzjoni li permezz tagħha l-imsemmi sit kollu jikseb importanza għall-għan tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-flora u tal-fawna selvaġġi msemmija fid-Direttiva “habitats”, il-proposta ta’ Stat Membru li jitnaqqas is-superfiċji ta’ sit fuq il-lista teħtieġ l-prova tal-fatt li ż-żoni inkwistjoni ma għandhom ebda importanza sinjifikattiva għat-twettiq ta’ dan il-għan fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha taċċetta jew timplementa l-proposta biss jekk tasal għall-konklużjoni li dawn iż-żoni lanqas ma huma meħtieġa mill-perspettiva tal-Unjoni fl-intier tagħha.

37      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Olandiżi ġġustifikaw it-talba magħmula lill-Kummissjoni li jirtiraw il-Leenheerenpolder mis-SIK Haringvliet mhux minħabba l-fatt li kien ġie mwettaq żball fil-proposta prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats”, fir-rigward tal-valur ekoloġiku ta’ din il-polder u l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 3 tagħha, iżda mill-fatt li deċiżjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-politika nazzjonali dwar in-natura ttieħdet matul is-sena 2011. B’mod partikolari, dawn l-awtoritajiet fl-ebda mument ma sostnew li l-potenzjal tal-imsemmija polder fir-rigward tar-restawrazzjoni tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċijiet ikkonċernati, permezz tat-trasformazzjoni ta’ din iż-żona agrikola f’żona naturali suġġetta għall-influwenza tal-marea, kien għeb. Barra minn hekk, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2014, l-imsemmija awtoritajiet indikaw li l-proġett għall-iżvilupp ta’ riżorsi naturali f’din il-polder kien ġie abbandunat minħabba raġunijiet politiċi, soċjali u baġitarji, minħabba l-fatt li l-iżviluppi li diġà seħħew parzjalment f’partijiet oħra tas-sit Haringvliet kienu suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan is-sit.

38      F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż ikkonferma, matul is-seduta, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx invoka l-eżistenza ta’ “żball xjentifiku” meta ssottometta lill-Kummissjoni l-proposta tiegħu għat-tnaqqis tas-superfiċji tas-SIK Haringvliet.

39      Barra minn hekk, minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ebda prova xjentifika li tista’ tistabbilixxi li tali żball kien ivvizzja din il-proposta inizjali.

40      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment, fl-okkażjoni tat-tmien aġġornament tal-lista SIK għar-reġjun bijoġeografiku Atlaniku permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/72, tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ żball xjentifiku mwettaq inizjalment sabiex tinkludi s-sit Haringvliet f’din il-lista mingħajr ma tinkludi lil-Leenheerenpolder.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/72 hija invalida sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, is-sit Haringvliet ġie inkluż fil-lista tas-SIK għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku mingħajr l-inklużjoni tal-Leenheerenpolder.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/72, tat-3 ta’ Diċembru 2014, li tadotta t-tmien aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku hija invalida sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, is-sit Haringvliet (NL 1000015) ġie inkluż f’din il-lista mingħajr l-inklużjoni tal-Leenheerenpolder.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.