Language of document : ECLI:EU:T:2015:502

Kawża T‑337/13

CSF Srl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2006/42/KE — Makkinarju li jġib il-marka CE — Rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà — Riskji għas-sigurtà tal-persuni — Klawżola ta’ salvagwardja — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara ġġustifikata miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq — Kundizzjonijiet li jirregolaw l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Inċidenza diretta — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi favur in-natura ġġustifikata tal-miżuri nazzjonali li jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/42 — Interess dirett tal-fabbrikant — Assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri l-oħra li jistgħu jafettwaw is-sitwazzjoni tal-fabbrikant

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 7 u 11(3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/173)

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Approvazzjoni mill-Kummissjoni — Possibbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jestendi l-miżuri nazzjonali adottati għal makkinarji oħra li jippreżentaw l-istess riskju — Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 6(1), 7 u 11)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Eżami mill-Kummissjoni tan-natura ġġustifikata — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 263 TFUE ; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 11)

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Obbligu li tiġi ġġustifikata l-eżistenza tar-riskju previst — Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 5(1)(a) u 11 u Anness I, punt 1.1.2, a)

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Osservanza tar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà enumerati fl-Anness I — Rekwiżit marbut mal-eżistenza ta’ struttura ta’ protezzjoni adegwata kontra l-possibbiltà li jaqgħu oġġetti u materjali — Interpretazzjoni fid-dawl tal-oġġettiv prijoritarju li jiġu eliminati jew li jitnaqqsu r-riskji — Konsegwenzi għall-makkinarji li jservu għal użi differenti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 11 u Anness I, punti 1.1.2, 1.7.4.1, 1.7.4.2 u 3.4.4)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Preżunzjoni ta’ konformità tal-makkinarji li għandhom il-marka CE — Effett fuq il-fakultà tal-Istati Membri li jużaw il-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 7(1) u 11)

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Verifika mill-Kummissjoni — Setgħa diskrezzjonali — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikoli 36 TFUE u 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 11)

8.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Obbligu li tiġi ġġustifikata l-eżistenza tar-riskju previst — Twettiq ta’ evalwazzjoni tar-riskju — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 11 u Anness I, punt 1.1.1, i))

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Kunċett

10.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Approvazzjoni mill-Kummissjoni — Obbligu li tiġi evalwata l-konformità tal-miżuri nazzjonali mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 36 TFUE u 114 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, premessa 25 u Artikoli 11 u 20)

11.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Makkinarji — Direttiva 2006/42 — Tqegħid fis-suq — Użu minn Stat Membru tal-klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà — Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri simili fir-rigward ta’ makkinarji oħra li jippreżentaw l-istess riskji — Assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva — Inammissibbiltà — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/42, Artikolu 11)

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Persuna fiżika jew ġuridika hija direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE minn att meta dan l-att jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu, peress li l-implementazzjoni tiegħu tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra.

Fir-rigward ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha ġiet stabbilita n-natura ġġustifikata ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, fuq il-kundizzjonijiet li fihom makkinarju jitqiegħed fis-suq nazzjonali u maħsuba għall-Istati Membri, din id-deċiżjoni tipproduċi direttament fuq is-sitwazzjoni legali tal-fabbrikant tal-imsemmi makkinarju, effetti li ma humiex dawk naxxenti mill-imsemmija miżuri nazzjonali. Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali deċiżjoni timplika li kull wieħed mill-Istati Membri minbarra dawk li adottaw il-miżuri inkwistjoni għandu jadotta miżuri utli marbuta mat-tqegħid jew iż-żamma tal-makkinarju kkonċernat fis-suq tiegħu u jiggarantixxi, permezz ta’ dan, l-applikazzjoni korretta uniformi tad-Direttiva 2006/42, fid-dawl tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat u ddikjarati ġġustifikati mill-Kummissjoni. B’dan il-mod, il-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata hija l-bidu ta’ proċeduri nazzjonali li jikkontestaw id-dritt li l-fabbrikant kellu, fl-Unjoni kollha, li jikkumerċjalizza makkinarju li kien jibbenefika huwa stess mill-preżunzjoni ta’ konformità prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, ladarba dan kellu l-marka CE u kien akkumpanjat mid-dikjarazzjoni KE ta’ konformità.

Fit-tieni lok, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42 ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, peress li l-implementazzjoni tiegħu tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra. Għalkemm huwa x’aktarx minnu li sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk il-fabbrikant qiegħedx jew għandux l-intenzjoni li jqiegħed eżemplari tal-makkinarju tiegħu fis-suq fit-territorju tagħhom u jekk uħud minn dawn l-eżemplari jippreżentawx l-istess riskju bħal dak previst mill-miżuri nazzjonali adottati mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom qabel kollox iwettqu miżuri ta’ verifika. Madankollu, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, dawn l-awtoritajiet ikunu obbligati li jikkunsidraw li din is-sitwazzjoni tirriskja li tikkomprometti s-sigurtà tal-persuni u li jadottaw il-miżuri kollha xierqa sabiex jiġġieldu dan ir-riskju, billi jiżguraw, f’dan il-kuntest, l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2006/42, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata u tal-miżuri nazzjonali li din tiddikjara ġġustifikati, u għalhekk ikunu obbligati li jordnaw il-projbizzjoni, l-irtirar jew il-modifikazzjoni tal-makkinarju inkwistjoni jew li jadottaw kull miżura ekwivalenti. Għaldaqstant, hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi li l-miżuri nazzjonali huma ġġustifikati li tiddetermina r-riżultat li għandu jintlaħaq mill-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, li ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punti 17, 23, 28, 30, 31)

2.      Għalkemm l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, billi jisiltu l-konsegwenzi minn miżura nazzjonali adottata fir-rigward ta’ makkinarju partikolari u li ġiet iddikjarata ġġustifikata mill-Kummissjoni, mingħajr ma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, huma evidentement ma jistgħux jestendu, minn jeddhom u lil hinn mill-kuntest proċedurali u sostantiv previst fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura għal makkinarju ieħor, minħabba li dan tal-aħħar jippreżenta l-istess riskju, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu sanċit fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u tal-preżunzjoni ta’ konformità prevista fl-Artikolu 7 tagħha. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta din l-estensjoni għall-implementazzjoni ta’ proċedura speċifika li tinvolvi, b’mod partikolari, l-adozzjoni, minn naħa, ta’ deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, ta’ miżuri nazzjonali li jimplementaw din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti la huma previsti u lanqas ma huma neċessarji għall-finijiet tal-Artikolu 11 tad-direttiva inkwistjoni, fid-dawl tal-portata tiegħu.

(ara l-punt 34)

3.      Għalkemm huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jimplementaw korrettament id-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, u li għandhom jaraw li l-makkinarju mqiegħed fis-suq jew fis-servizz fit-territorju tagħhom jissodisfa d-dispożizzjonijiet tagħha, jekk ikun il-każ billi jadotta miżuri bħal dawk previsti fl-Artikolu 11 tagħha, madankollu, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar għandha tinvestiga n-natura ġġustifikata ta’ dawn il-miżuri, billi tiżgura ruħha b’mod partikolari mill-fondatezza tar-raġunijiet legali u fattwali li mmotivaw l-adozzjoni tagħhom. Iż-żamma definittiva tal-miżura nazzjonali inkwistjoni hija suġġetta għar-riżultat ta’ din l-investigazzjoni, fis-sens li l-Istat Membru jista’ jżommha fis-seħħ biss jekk il-Kummissjoni tiddikjaraha ġġustifikata u għandu jtemmha jekk dan ma jkunx hekk.

Minn dan isegwi li kull persuna ammissibbli li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li tali miżuri huma ġġustifikati għandha d-dritt li ssostni, insostenn tat-talbiet tagħha, li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42, anki jekk din l-interpretazzjoni, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri kollha, kienet l-ewwel twettqet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u wara adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-iżball ta’ liġi li jista’ jivvizzja d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma ġġustifikati għandu jkun jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, fin-nuqqas tal-Artikolu 263 TFUE u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġu mċaħħda mill-portata tagħhom.

Barra minn hekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tar-raġunijiet legali li wasslu sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma ġġustifikati jista’ jkun biss, fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ liġi, stħarriġ sħiħ.

(ara l-punti 46-48)

4.      Huwa fir-rigward ta’ makkinarju jew ta’ tagħmir interkambjabbli konkret, li għandu funzjoni jew diversi funzjonijiet speċifiċi, li Stat Membru jista’ jagħmel użu mill-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, u li huwa għandu, f’dan il-kuntest, l-obbligu li jevalwa r-riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni li għalih hija suġġetta l-implementazzjoni ta’ tali klawżola. Din l-evalwazzjoni u l-miżura nazzjonali li tirriżulta minnha għandhom għalhekk ikunu ġġustifikati fir-rigward tal-imsemmi makkinarju kif ġie kkummerċjalizzat, u jekk ikun il-każ, fir-rigward tat-tagħmir interkambjabbli li dan kellu meta tqiegħed fis-suq jew fis-servizz. Fin-nuqqas ta’ dan Stat Membru jikkawża preġudizzju għall-prinċipju ta’ moviment liberu li ma jkunx iġġustifikat mill-eżistenza ta’ riskju reali għas-saħħa u għas-sigurtà tal-persuni.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kliem innifsu tal-punt 1.1.2(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42, għandu jitqies li “kwalunkwe riskju” marbut mal-installazzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-funzjonament tal-makkinarju inkwistjoni, kemm jekk f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew ta’ użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli, jista’ jiġġustifika l-użu tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, dan l-artikolu jeżiġi li r-riskju li jimmotiva l-implementazzjoni tiegħu jiġi kkonstatat, u li għalhekk l-Istat Membru li jinvokah jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi r-realtà ta’ tali riskju. Jekk dan ma jiġix stabbilit, il-preġudizzju għall-prinċipju ta’ moviment liberu kkawżat mill-miżura nazzjonali adottata abbażi tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista minn din id-dispożizzjoni ma jkunx jista’ jitqies iġġustifikat fis-sens ta’ din tal-aħħar.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42 tista’ tiġi evalwata, fost kriterji oħra, fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà imposti fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju mill-Artikolu 5(1)(a) u mill-Anness I tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, stabbiliti bil-għan li jiġi ggarantit li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ makkinarju jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji assoċjati miegħu, tikkundizzjona it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-makkinarju. Min-naħa tiegħu, in-nuqqas ta’ osservanza jista’ jiġi invokat insostenn ta’ miżura ta’ rtirar jew ta’ projbizzjoni.

(ara l-punti 54, 57, 58)

5.      Il-portata tar-rekwiżit speċifiku ta’ saħħa u ta’ sigurtà li jinsabu fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, u li jikkonċerna l-possibbiltà li jaqgħu oġġetti għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fl-imsemmija direttiva u b’mod partikolari fil-punt 1 tal-prinċipji ġenerali li jinsabu fil-bidu tal-Anness I tagħha kif ukoll tal-prinċipji ta’ integrazzjoni ta’ sigurtà stipulati fil-punt 1.1.2 tal-imsemmi anness. Issa, minn dawn tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar, l-ewwel nett, li d-disinn u l-bini tal-makkinarju intiż li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni għandhom jiggarantixxu li dan ikun jista’ jitħaddem mingħajr ma jpoġġi lil persuni f’riskju taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-fabbrikant iżda filwaqt li jittieħed kont ukoll ta’ kwalunkwe użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli, u, b’mod iktar ġenerali, għandhom jevitaw l-użu mhux normali jekk dan l-użu jista’ jqajjem riskju. Sussegwentement, l-iskop tal-miżuri adottati għal dan il-għan għandu jkun li jiġi eliminat kwalunkwe riskju. Fl-aħħar nett, sabiex jonera tali obbligu, il-fabbrikant, filwaqt li għandu l-possibbiltà li jagħżel l-aktar metodi xierqa, xorta waħda għandu l-obbligu li josserva ordni ta’ prijorità li jikkonsisti, prinċipalment, f’li, sa fejn ikun possibbli jelimina jew inaqqas ir-riskji.

Fid-dawl tan-natura prijoritarja tal-għan li jikkonsisti f’li sa fejn ikun possibbli jelimina jew inaqqas, sa mid-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju, ir-riskji assoċjati mal-użu intiż jew mal-użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli, kif ukoll f’li jevita l-użu mhux normali u jieħu l-miżuri protettivi neċessarji fir-rigward tar-riskji li ma jistgħux ikunu eliminati, għandu jitqies li meta makkinarju huwa intiż li jaqdi diversi funzjonijiet differenti, skont il-varji tagħmir interkambjabbli li jistgħu jintramaw miegħu, dan għandu jkun mgħammar, qabel kull tqegħid fis-suq jew fis-servizz, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa meta jiġi kkonstatat li, minkejja li l-użu normali li għalih jiddestinah ix-xerrej tiegħu f’każ partikolari ma jinvolvix, fih innifsu, riskju ta’ materjal jew ta’ oġġetti li jaqgħu, wieħed mill-użi l-oħra li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli fir-rigward ta’ dan il-makkinarju jimplika tali riskju. Tali miżura taqa’ fost dawk intiżi li sa fejn ikun possibbli jeliminaw jew inaqqsu r-riskji permezz ta’ integrazzjoni ta’ sigurtà fid-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju.

Barra minn hekk, l-osservanza tar-rekwiżit previst fil-punti 1.7.4.1 u 1.7.4.2 tal-Anness I tad- Direttiva 2006/42 li jakkumpanjaw il-makkinarju b’avviż ta’ istruzzjonijiet li tiddeskrivi l-użu normali tiegħu ma tpoġġix f’dubju l-obbligu prijoritarju impost fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju li jintegraw is-sigurtà fid-disinn u fil-bini tagħhom, billi jeliminaw jew inaqqsu, sa fejn possibbli, ir-riskji marbuta mal-użu intiż tagħhom jew mal-użu ħażin tagħhom li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli, kif jirriżulta mill-punt 1.7.4.2(l) tal-Anness I ta’ din id-Direttiva. Fi kliem ieħor, id-direttiva ma timponix fuq il-fabbrikanti biss l-obbligu li javżaw lill-klijenti tagħhom dwar ir-riskji marbuta ma użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli tal-makkinarju mibjugħ lilhom. Din timponi fuqhom ukoll l-obbligu li sa fejn possibbli jeliminaw jew inaqqsu tali riskji sa mill-fażi tad-disinn u tal-bini ta’ dan il-makkinarju.

(ara l-punti 64, 65, 69, 70)

6.      Jirriżulta b’mod ċar mill-istruttura tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, li l-preżunzjoni ta’ konformità li jibbenefika minnha makkinarju skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva hija bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati membri għandhom li jużaw il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tagħha meta l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.

(ara l-punt 72)

7.      Id-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza u ta’ regolazzjoni tas-suq intern, fejn huma, l-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk hemmx ir-riskju li l-makkinarju jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, jekk dan ikun il-każ, li jadottaw il-miżuri ta’ rtirar jew ta’ projbizzjoni meħtieġa. Il-klawżola ta’ salvagwardja nnifisha, prevista għal dan il-għan mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 114(10) TFUE, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw tali miżuri għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex ta’ natura ekonomika msemmija fl-Artikolu 36 TFUE li fosthom hemm il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni. Tali eżerċizzju jista’ jkun jinvolvi, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika jew xjentifika.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, tivverifika jekk, fil-liġi jew fil-fatt, il-miżuri adottati mill-Istati Membri. Issa, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha twettaq, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa. L-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali hija rikonoxxuta fir-rigward tal-Kummissjoni wkoll meta din tissejjaħ sabiex tistħarreġ miżuri adottati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 114(4) sa (6) TFUE. F’dan ir-rigward, meta tkun imsejħa tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti tal-Unjoni għandha tivverifika, skont il-motivi invokati quddiemha, l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti aċċettati mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, hija għandha tivverifika, fid-dawl tal-argumenti invokati mill-partijiet, l-eżattezza materjali tal-provi invokati insostenn tal-att ikkontestat, il-kredibbiltà u l-koerenza tagħhom u għandha tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha.

(ara l-punti 79-82)

8.      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskju li l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq qabel ma juża l-miżuri previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, suġġett għall-kontroll tal-Kummissjoni, din għandha titwettaq mill-perspettiva ta’ utent medju u raġonevolment attent u avżat. Fil-fatt, is-setgħa li dan l-artikolu jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu sanċit fid-direttiva u hija ġġustifikata biss meta jkun hemm riskju marbut mal-użu intiż jew mal-użu ħażin previst b’mod raġonevoli tal-makkinarju inkwistjoni, li min-naħa tiegħu huwa ddefinit fil-punt 1.1.1(i) tal-Anness I ta’ din id-direttiva bħala użu li jista’ jirriżulta minn mġieba tal-bniedem li tista’ tkun prevista faċilment. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw ir-realtà ta’ tali riskju mill-perspettiva konkreta ta’ utent medju u raġonevolment diliġenti, u mhux b’mod astratt, jikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jippreġudikawx b’mod mhux iġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, il-moviment liberu tal-makkinarju.

Madankollu, meta r-realtà ta’ tali riskju hija stabbilita suffiċjentement skont il-liġi, mill-perspettiva ta’ utent medju u raġonevolment diliġenti, il-fatt li dan tal-aħħar ikun ġie informat bil-quddiem bl-eżistenza ta’ dan ir-riskju huwa, minnu nnifsu, irrilevanti, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fid-dawl, minn naħa, tal-ġerarkija stabbilita fid-Direttiva 2006/42 bejn l-obbligi ta’ prevenzjoni u ta’ informazzjoni li hija timponi fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi.

(ara l-punti 83, 84)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)

10.    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, ma jimponix fuq il-Kummissjoni, fil-kuntest speċifiku tal-eżami ta’ jekk miżura kkomunikata lilha mill-Istati Membri hijiex iġġustifikata jew le, l-obbligu li tiddetermina jekk dawn humiex, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, fil-każ fejn tali miżura tkun iġġustifikata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħraf li din hija ġġustifikata ma tistax tiġi kkonfutata minħabba l-fatt li makkinarju paragunabbli għal dak ikkonċernat mill-imsemmija miżura jinsab fis-suq nazzjonali inkwistjoni, iżda ma kinux suġġetti għal miżuri simili bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, meta qasam partikolari jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-att li jwettaq din l-armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju. Din il-ġurisprudenza tapplika, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix att ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari iżda miżura ta’ natura individwali. B’hekk, id-Direttiva 2006/42 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti, fuq livell tal-Unjoni, mhux biss tar-regoli dwar ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà applikabbli għall-makkinarju u għad-dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ dan il-makkinarju mal-imsemmija rekwiżiti, iżda wkoll fir-rigward tal-aġiri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fir-rigward tal-makkinarju preżunt konformi ma dawn ir-rekwiżiti, għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma vverifikatx jekk il-miżuri adottati mill-awtoritajiet kompetenti f’dan il-każ kinux ġew adottati b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, jew jekk kienx għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni jekk twettaqx tali investigazzjoni.

Fit-tieni lok, l-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 ma huwiex dak li jagħti lill-Kummissjoni l-oneru li tinvestiga, taħt l-aspetti kollha tagħha, il-legalità tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jikkonstataw li makkinarju jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni. Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali li għandhom iwettqu tali kontroll, kif dan jirriżulta mill-premessa 25 tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva. Fit-tielet lok, għalkemm l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42 jillimita ruħu li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tqis jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri humiex iġġustifikati jew le, l-istruttura ġenerali tal-imsemmi artikolu timplika li dan l-obbligu għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-obbligi li l-Artikolu 11(1) u (2) tal-istess direttiva jimponi, minn qabel, fuq l-awtoritajiet nazzjonali.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 114(1) TFUE, li jawtorizza lill-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi klawżoli ta’ salvagwardja bħal dawk stabbiliti bl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 u li jagħmel riferiment għar-raġunijiet previsti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, ma jagħmilx riferiment għat-tieni sentenza ta’ dan tal-aħħar, li tipprevedi li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu ġġustifikati minn tali raġunijiet ma għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huwa differenti mill-paragrafi (4) sa (6) tal-istess artikolu, dwar id-dispożizzjonijiet li Stat Membru jista’ jintroduċi jew iżomm wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni skont il-paragrafu 1.

(ara l-punti 98-105)

11.    Kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju kollu, inkluż il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ att tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tad-dispożizzjonijiet tiegħu, iżda wkoll l-istruttura ġenerali u l-kuntest tagħhom kif ukoll l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti.

Fir-rigward tad-Direttiva 2006/42, dwar il-makkinarju, il-fatt li Stat Membru jkun jista’ juża l-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva fir-rigward ta’ makkinarju li jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni, filwaqt li jastjeni ruħu milli jissuġġetta lill-makkinarju paragunabbli għall-istess trattament, ikun, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, imur kontra mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda wkoll kontra l-għan tal-imsemmija direttiva, li hija, b’mod partikolari, intiża li tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom il-makkinarju jitqiegħed fis-suq intern u jiċċirkola liberament, filwaqt li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-makkinarju, kif ukoll kontra l-istruttura ġenerali tad-dispożittiv stabbilit sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali.

(ara l-punti 108, 109)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 116)