Language of document : ECLI:EU:T:2004:118

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

29 ta’ April 2004 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordju – Suq ta’ l-elettrodi tal-grafita – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq – Kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Applikabbiltà – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti – Ċirkustanzi attenwanti – Kapaċità li wieħed iħallas – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Metodi ta’ ħlas”

 Fil-Kawżi magħquda T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T‑252/01,

Tokai Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun), irrappreżentata, inizjalment minn G. Van Gerven, T. Franchoo u M. De Grave, u sussegwentement minn G. Van Gerven u T. Franchoo, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

SGL Carbon AG, stabbilita f’Wiesbaden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann, F. Wiemer u C. Canenbley, avukati,

Nippon Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun), irrappreżentata minn H. Gilliams, avukat,

Showa Denko KK, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun), irrappreżentata minn M. Dolmans, P. Werdmuller, avukati, u J. Temple-Lang, solicitor,

GrafTech International Ltd, li kienet UCAR International Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn K. Lasok, QC, u B. Hartnett, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

SEC Corp., stabbilita f’Amagasaki, Hyogo (il-Ġappun), irrappreżentata minn K. Platteau, avukat,

The Carbide/Graphite GroupInc., stabbilita f’Pittsburgh (l-Istati Uniti), irrappreżentata, inizjalment, minn M. Seimetz u J. Brücher, u sussegwentement minn P. Grund, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls u P. Hellström, u, fil-Kawża T-246/01, minn W. Wils, bħala aġenti, assistiti, fil-Kawża T-239/01, minn H.-J. Freund, avukat, u fil-Kawżi T-244/01, T-246/01, T‑251/01 u T-252/01, minn J. Flynn u C. Kilroy, barristers, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Każ COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

komposta minn N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċedura

1        Permezz tad-Deċiżjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Każ COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi differenti f’sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, skond l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), fis-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita.

2        L-elettrodi tal-grafita jintużaw prinċipalment għall-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-produzzjoni ta’ azzar permezz ta’ dawn il-fran tikkonsisti essenzjalment fi proċess ta’ riċiklaġġ li permezz tiegħu l-iskart ta’ l-azzar huwa kkonvertit f’azzar ġdid, kuntrarjament għall-proċedura klassika tal-produzzjoni minn minerali tal-ħadid fi fran sħan ħafna bl-ossiġenu. Disa’ elettrodi, miġbura f’kolonni ta’ tlieta, jintużaw fil-forn elettriku biex jiddewweb ir-ruttam. Minħabba l-intensità tal-proċess ta’ fużjoni, il-konsum ta’ elettrodi jammonta għal madwar unità waħda kull tmien sigħat. Iż-żmien mitlub għall-produzzjoni ta’ elettrodu huwa ta’ madwar xahrejn. L-ebda prodott ma huwa sostitwibbli għall-elettrodi ta’ grafita fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni.

3        Id-domanda għal elettrodi tal-grafita hija direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-klijenti prinċipali huma l-produtturi ta’ l-azzar, li jirrappreżentaw madwar 85 % tad-domanda. Fl-1998, il-produzzjoni dinjija ta’ l-azzar mhux raffinat kienet ta’ 800 miljun tunnellata, li minnhom 280 miljun tunnellata ġew prodotti fi fran b’ark elettriku. Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-produzzjoni fi fran b’ark elettriku saret iktar importanti (35 % tal-produzzjoni dinjija fl-1998, meta mqabbla ma’ 18 % 20 sena ilu).

4        Il-prezz ta’ l-elettrodi tal-grafita huwa ffissat fil-munita nazzjonali bit-tunnellata. Fl-1998, il-prezz kien ta’ 5 600 mark Ġermaniż (DEM) (madwar EUR 2 863) it-tunnellata. Għall-elettrodi ta’ dimensjoni kbira, il-prezz jiżdied bi 15 sa 30 %.

5        Fis-snin 80, titjib teknoloġiku ppermetta tnaqqis sostanzjali tal-konsum ta’ l-elettrodi għal kull tunnellata ta’ azzar prodott. L-industrija ta’ l-azzar ukoll għaddiet minn proċess importanti ta’ ristrutturazzjoni matul dan il-perijodu. It-tnaqqis fid-domanda għall-elettrodi ta lok għal proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-industrija dinjija ta’ l-elettrodi. Numru ta’ fabbriki ngħalqu.

6        Fl-2001, disa’ produtturi tal-Punent fornew is-suq Ewropew b’elettrodi tal-grafita: SGL Carbon AG (iktar ’il quddiem “SGL”), stabbilita fil-Ġermanja, u UCAR International Inc. (iktar ’il quddiem “UCAR”), stabbilita fl-Istati Uniti, li flimkien issodisfaw iktar minn [...] (1) tad-domanda, l-iżgħar żewġ produtturi Ewropej, VAW Aluminium AG (iktar ’il quddiem “VAW”) u Conradty, stabbiliti fil-Ġermanja, li flimkien għandhom madwar [...] % tas-suq. The Carbide/Graphite Group Inc. (iktar ’il quddiem “C/G”), b’sehem ta’ madwar 7 %, forniet lis-suq Ewropew mill-Istati Uniti. Il-produtturi Ġappuniżi Showa Denko KK (iktar ’il quddiem “SDK”), Tokai Carbon Co. Ltd. (iktar ’il quddiem “Tokai”), Nippon Carbon Co. Ltd. (iktar ’il quddiem “Nippon”) u SEC Corp. (iktar ’il quddiem “SEC”) flimkien kellhom sehem ta’ bejn 3 u 4 % tas-suq Ewropew.

7        Fil-5 ta’ Ġunju 1997, uffiċjali tal-Kummissjoni għamlu verifiki simultanji għall‑għarrieda fl-uffiċċji ta’ SGL, Conradty u VAW fil-Ġermanja kif ukoll ta’ UCAR fi Franza, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

8        Fl-istess ġurnata, aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) ipproċedew, fl-Istati Uniti, għal perkwiżizzjonijiet fl-uffiċċji ta’ numru ta’ produtturi. Wara dawn il-perkwiżizzjonijiet, inbdew proċeduri kriminali kontra SGL, SDK, Tokai u UCAR għal akkordju illegali. L-akkużati kollha ddikjaraw ruħhom ħatja ta’ l-akkużi kontrihom u aċċettaw li jħallsu multi, ffisati għal 135 miljun dollaru Amerikan (USD) għal SGL, USD 110 miljuni għal UCAR, USD 32.5 miljun għal SDK u USD 6 miljuni għal Tokai, waqt li C/G ibbenefikat minn amnestija. Iktar tard, SEC u Nippon ukoll iddikjaraw ruħhom ħatja u aċċettaw li jħallsu l-multi ffissati, ta’ USD 4.8 miljuni u USD 2.5 miljuni rispettivament.

9        F’Jannar 2000, il-kumpannija Ġappuniża Mitsubishi Corp., li kellha 50 % tal-kapital ta’ UCAR bejn l-1991 u l-1995, ukoll instabet ħatja ta’ reat kriminali fl-Istati Uniti. Fi Frar 2001, Mitsubishi nstabet ħatja li ffaċilitat u appoġġat l-akkordju illegali bejn produtturi ta’ elettrodi tal-grafita. Hija weħlet multa ta’ USD 134 miljun.

10      Inbdew proċeduri għal danni tripli (triple damages) kontra SGL, UCAR, C/G u SDK fl-Istati Uniti, f’isem grupp ta’ xerrejja.

11      Fil-Kanada, UCAR ġiet ikkundannata, f’Marzu 1999, għal multa ta’ 11‑il miljun dollaru Kanadiż (CAD) għal ksur kriminali tal-liġi Kanadiża dwar il-kompetizzjoni. F’Lulju 2000, SGL iddikjarat ruħha ħatja ta’ l-akkużi miġjuba kontriha u aċċettat li tħallas multa ta’ CAD 12.5-il miljun għall-istess ksur. Infetħu proċeduri ċivili kontra SGL, UCAR, C/G u SDK minn produtturi ta’ l-azzar fil-Kanada f’Ġunju 1998 għal akkordju illegali.

12      Il-Kummissjoni bagħtet, fl-24 ta’ Jannar 2000, dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-impriżi inkriminati. Il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni, fit-18 ta’ Lulju 2001, tad-Deċiżjoni, li takkuża lill-impriżi rikorrenti u lil VAW li pproċedew, fuq livell dinji, għall-iffissar ta’ prezzijiet kif ukoll għal tqassim tas-swieq nazzjonali u reġjonali tal-prodott in kwistjoni skond il-prinċipju ta’ “produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: UCAR u SGL inżammu responsabbli, l-ewwel waħda, għall-Istati Uniti u għal ċerti partijiet ta’ l-Ewropa, u t-tieni waħda, għall-kumplament ta’ l-Ewropa; SDK, Tokai, Nippon u SEC inżammu responsabbli għall-Ġappun u għal ċerti partijiet tal-Lvant Imbiegħed, waqt li C/G, li hija attiva fis-suq Amerikan u dak Ewropew, essenzjalment illimitat ruħha li ssegwi l-prezzijiet iffissati minn UCAR u SGL.

13      Dejjem skond id-Deċiżjoni, il-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordji kienu dawn li ġejjin:– il-prezzijiet ta’ l-elettrodi tal-grafita kellhom ikunu iffissati fuq livell dinji;– id-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ kull kumpannija kellhom jittieħdu esklużivament mill-President jew mid-Diretturi Ġenerali;– il-“produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kellu jiffissa l-prezz tas-suq fit-“territorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tiegħu u l-produtturi l-oħrajn kellhom “isegwuh” [traduzzjoni mhux uffiċjali];– f’dak li jirrigwarda s-swieq “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri s-swieq li fihom l-ebda produttur “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kien preżenti, il-prezzijiet kellhom jiġu ffissati bi ftehim;– il-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kellhom jeżerċitaw l-ebda kompetizzjoni aggressiva u kellhom jirtiraw mis-swieq “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-oħrajn;– il-kapaċità ma kellhiex tiżdied (il-produtturi Ġappuniżi suppost kellhom inaqqsu tagħhom);– l-ebda trasferiment ta’ teknoloġija ma kellu jseħħ barra miċ-ċirku tal-produtturi li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-kartell.

14      Id-Deċiżjoni tkompli billi turi li dawn il-prinċipji bażiċi ġew implementati permezz ta’ laqgħat ta’ l-akkordju li saru fuq livelli differenti: laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], laqgħat “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], laqgħat tal-grupp tal-produtturi Ewropej (mingħajr l-impriżi Ġappuniżi), laqgħat nazzjonali jew reġjonali ddedikati għal swieq speċifiċi u kuntatti bilaterali bejn l-impriżi.

15      Fir-rigward tat-tul ta’ l-akkordju, l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni jiffissa l-bidu tal-ksur għax-xahar ta’ Mejju 1992 għall-impriżi kollha inkriminati, bl-eċċezzjoni ta’ C/G li għaliha ttieħed ix-xahar ta’ Jannar 1993. Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, ittieħdu dawn id-dati: Marzu 1998 għal SGL u UCAR, Frar 1998 għal Tokai, Nippon u SEC, April 1997 għal SDK, it-tmiem ta’ l-1996 għal VAW u Novembru 1996 għal C/G.

16      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjonijiet legali li jinsabu fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi inkriminati multi li l-ammont tagħhom kien ikkalkolat skond il-metodoloġija spjegata fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) kif ukoll tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

17      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni jimponi dawn il-multi: EUR 80.2 miljun;

UCAR: EUR 50.4 miljun; EUR 11.6-il miljun; EUR 17.4-il miljun;

Tokai: EUR 24.5 miljun;

Nippon: EUR 12.2-il miljun; EUR 12.2-il miljun; EUR 10.3 miljuni.

18      L-Artikolu 4 tad-dispożittiv jordna lill-impriżi kkonċernati jħallsu l-multi fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni, u fin-nuqqas tiġi applikata rata ta’ interessi ta’ 8.04 %.

19      Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lid-diversi rikorrenti bejn l-24 u t-30 ta’ Lulju 2001.

20      Din intbagħtet lir-rikorrenti b’ittra ta’ kopertura, tat-23 ta’ Lulju 2001, li tindika l-ammont tal-multa imposta u l-kundizzjonijiet tal-ħlas (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ Lulju”). Din l-ittra kienet tippreċiża li wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħlas indikat fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ser tipproċedi biex tirkupra l-ammonti in kwistjoni; madankollu, fl-ipoteżi li jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ebda miżura eżekuttiva ma kellha tittieħed, sakemm jitħallsu l-interessi bir-rata ta’ 6,04 % u tingħata garanzija bankarja.

21      L-ittra ta’ Lulju ġiet innotifikata lil SGL fl-24 ta’ Lulju u lil UCAR fis-26 ta’ Lulju 2001. Bi tweġiba għal osservazzjonijiet ifformulati minn UCAR dwar il-kundizzjonijiet tal-ħlas, il-Kummissjoni weġbitha b’ittra tad-9 ta’ Awwissu 2001 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ Awwissu”), li tirrifjuta li taċċetta, minn naħa waħda, proposta ta’ ħlas li ma tirrigwardax il-multa kollha u li ma tqisx l-interessi dovuti u, min-naħa l-oħra, garanzija fuq l-assi ta’ UCAR bil-għan li jiġi ggarantit il-ħlas tal-multa. L-ittra ta’ Awwissu ġiet innotifikata lil UCAR fl-10 ta’ Awwissu 2001.

22      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’rikorsi separati ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bejn l-1 u d-9 ta’ Ottubru 2001, l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni ta’ VAW, ippreżentaw dawn ir-rikorsi.

23      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tagħmel ċerti domandi lill-partijiet. Il-partijiet irrispondew fiż-żmien stabbilit. Sussegwentement, wara li l-partijiet instegmħu jittrattaw dwar dan il-punt, il-President tat-Tieni Awla, b’digriet tal-5 ta’ Ġunju 2003, għaqqad is-seba’ kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, huwa ta trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ ċerti dokumenti tal-proċess. Matul is-seduta tat-3 ta’ Lulju 2003, il-partijiet, bl-eċċezzjoni ta’ C/G li ma pparteċipatx fis-seduta, instemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

24      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Settembru 2003, GrafTech International Ltd (li kienet UCAR) ressqet talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni u għall-għoti ta’ miżuri proviżorji dwar il-metodi ta’ ħlas tal-multa tagħha previsti fl-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu (Kawża T-246/01 R). Wara l-irtirar tat-talba għal miżuri proviżorji minn GrafTech, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’digriet ta’ l-24 ta’ Marzu 2004, iddeċieda li l-Kawża T-246/01 R għandha tiġi mħassra mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza u kkundanna lil GrafTech biex tbati l-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Tokai (T-236/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla l-Artikolu 3 (u, jekk meħtieġ, l-Artikolu 4) tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jimponi fuqha multa ta’ EUR 24.5 miljun, jew, fuq bażi sussidjarja, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      SGL (T-239/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla d-Deċiżjoni, in kwantu din tikkonċernaha; fuq bażi sussidjarja, tnaqqas, b’mod xieraq, l-ammont tal-multa imposta; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Nippon (T-244/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jikkonstata li hija pparteċipat fi ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE matul il-perijodu bejn Mejju 1992 u Marzu 1993; tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jimponi fuqha multa ta’ EUR 12.2-il miljun; fuq bażi sussidjarja, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      SDK (T-245/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla l-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni; fuq bażi sussidjarja, tnaqqas l-ammont tal-multa għal EUR 2.5 miljuni jew għal kull ammont ieħor li l-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li huwa raġonevoli; tistieden lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d-dokumenti kollha li juru l-kalkolu tal-multa imposta; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      UCAR (T-246/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tordna l-miżuri struttorji li jidhrilha li huma meħtieġa; tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jimponi fuqha multa, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tagħha; tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jikkonċernaha, jew, sussidjarjament, timmodifika l-kundizzjonijiet tal-ħlas applikabbli għall-multa dovuta skond l-istipulazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 50 tar-rikors; tannulla l-ittra ta’ Lulju jew, sussidjarjament, timmodifika l-kundizzjonijiet imsemmija fiha skond l-istipulazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 50 tar-rikors; tannulla l-ittra ta’ Awwissu, jew sussidjarjament, timmodifika l-kundizzjonijiet imsemmija fiha skond l-istipulazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 50 tar-rikors; tordna kull miżura oħra li tista’ tirriżulta li hija ġusta; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      SEC (T-251/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, in kwantu dan jimponi fuqha multa ta’ EUR 12.2‑il miljun; fuq bażi sussidjarja, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      C/G (T-252/01) titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla d-Deċiżjoni, in kwantu din timponi multa fuqha; fuq bażi sussidjarja, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Fil-Kawżi T-236/01, T-239/01, T-245/01, T-251/01 u T-252/01, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tiċħad ir-rikors bħala infondat; tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Fil-Kawżi T-244/01 u T-246/01, hija titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tiċħad ir-rikors bħala infondat; iżżid il-multa; tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Fil-biċċa l-kbira tal-kawżi, ir-rikorrenti qed jitolbu biss, essenzjalment, kanċellazzjoni jew tnaqqis ta’ l-ammont tal-multi imposti billi jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli tqis multi diġà imposti f’pajjiżi oħrajn u applikat ħażin il-Linji gwida u l-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni, mingħajr ma jikkontestaw il-materja tal-fatti kkonstatati fid-Deċiżjoni. Madankollu, ċerti rikorsi jitolbu, barra minn hekk, l-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha u huma bbażati fuq motivi bbażati fuq l-illegalità tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha u/jew fuq motivi bbażati fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Finalment, fiż-żewġ kawżi, il-metodi ta’ ħlas tal-multi imposti huma kkontestati.

35      B’hekk għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha jew ta’ ċerti konstatazzjonijiet ta’ fatti li jinsabu fiha. Sussegwentement, ser jiġu eżaminati t-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jew għat-tnaqqis tal-multi ffissati skond il-Linji gwida u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Finalment, ser jiġu eżaminati l-ilmenti dwar il-metodi ta’ ħlas tal-multi.

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha jew ta’ ċerti konstatazzjonijiet fattwali

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha

a)     Kawża T-239/01

36      SGL hija l-unika rikorrenti li titlob formalment, fuq bażi prinċipali, l-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha, sa fejn din tikkonċernaha. Il-motivi mressqa in sostenn tat-talbiet tagħha huma bbażati fuq diversi difetti proċedurali.

 Fuq l-allegat rifjut ta’ aċċess sħiħ għall-fajl

37      SGL takkuża lill-Kummissjoni li rriffjutat li tagħtiha aċċess għad-dokumenti interni tagħha u li ma tatha ebda lista u ebda sintesi mhux kunfidenzjali ta’ l-imsemmija dokumenti u lanqas tad-dokumenti tagħha li fihom sigrieti kummerċjali jew elementi kunfidenzjali. Minħabba dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, hija ma setgħetx tara l-kuntatti kollha li saru bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati l-oħrajn fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom. Konsegwentement, hija ssostni li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata.

38      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija obbligata, sabiex l-impriżi in kwistjoni jkunu jistgħu jiddefendu rwieħhom utilment kontra l-ilmenti fformulati kontrihom fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, tagħtihom aċċess għall-fajl kollu ta’ l-investigazzjoni, ħlief għad-dokumenti li fihom sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra jew informazzjoni oħra kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 170, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      In kwantu SGL issostni, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni kien imissha bagħtitilha ta’ mill-inqas lista jew sintesi mhux kunfidenzjali tad-dokumenti tagħha li fihom elementi sigrieti jew kunfidenzjali, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma fformulatx talba f’dan is-sens. Fil-fatt, l-ittra tagħha tad-9 ta’ Marzu 2000 u t-tweġiba tagħha ta’ l-4 ta’ April 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jirrreferu biss għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni; fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Marzu, SGL saħansitra rrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet ipprovditilha lista tad-dokumenti li jistgħu jiġu kkonsultati. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata trendi aċċessibbli, fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-listi u s-sunti in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, iktar ’il quddiem is-“sentenza Siment”, punt 383).

40      Fir-rigward tat-talba għal aċċess għad-dokumenti interni, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata trendi aċċessibbli (sentenza LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 170), għandu jiġi mfakkar li dik ir-restrizzjoni ta’ aċċess hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni fil-qasam tat-trażżin tal-ksur tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni; id-dokumenti interni jistgħu jkunu aċċessibbli biss jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ jirrikjedu hekk, fuq il-bażi ta’ provi serji li għandhom jiġu prodotti mill-parti kkonċernata (ara s-sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 420, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, meta sostniet, b’mod ġenerali, li mid-dokumenti interni tal-Kummissjoni jista’ jirriżulta li hija ġiet sfavorita meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha, SGL ma pproduċietx provi serji li jindikaw ċirkustanzi li jeżiġu li hija jkollha aċċess għad-dokumenti in kwistjoni.

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet kontradetta minn SGL fuq dan il-punt, li d-dokumenti dwar il-kooperazzjoni ta’ l-impriżi ma kinux jagħmlu parti mill-fajl intern tagħha, iżda kienu inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni li l-impriżi kellhom aċċess għalih. Finalment, kif jirriżulta mid-diversi ilmenti kontra l-kalkolu tal-multa tagħha (ara l-punti 384 et sequitur iktar ’il quddiem), SGL effettivament għamlet paragun bejn il-kooperazzjoni tagħha u dik tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, li jikkonferma l-argument tal-Kummissjoni.

42      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma żvelatx id-dokumenti interni tagħha lil SGL u li naqset milli tibgħatilha lista jew sintesi mhux kunfidenzjali ta’ l-imsemmija dokumenti.

43      Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar in-natura allegatament mhux definittiva tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet

44      SGL issostni li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ l-24 ta’ Jannar 2000 ma kinitx definittiva. Effettivament, għalkemm il-Kummissjoni kienet ikkonstatat, b’ittra ta’ l-4 ta’ Mejju 2000, li t-tweġibiet ta’ ċerti impriżi għal dik il-komunikazzjoni kienu jinkludu impreċiżjonijiet u kontradizzjonijiet, hija naqset milli tissostitwiha qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. SGL b’hekk ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt tagħha li tiġi mismugħa dwar ir-riżultat definittiv ta’ l-investigazzjoni.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkomunika lill-partijiet ikkonċernati, wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, dokumenti ġodda li fil-fehma tagħha jkunu jsostnu l-argument tagħha, kemm-il darba hija tagħti lill-impriżi ż-żmien meħtieġ biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett (ara s-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 190, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tammetti li ċerti tweġibiet għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fihom kontradizzjonijiet u inkriminazzjonijiet fir-rigward ta’ impriżi oħrajn. Għal din ir-raġuni, hija kienet tat aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawk it-tweġibiet u ppermettiet lill-impriżi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward matul is-seduta tal-25 ta’ Mejju 2000. Madankollu hija ma siltet ebda konklużjoni minnhom.

47      Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu effettivament l-aġir li l-Kummissjoni qed takkużahom bih. Dak ir-rekwiżit huwa osservat meta d-deċiżjoni finali ma tpoġġix fuq il-persuni kkonċernati responsabbiltà għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fid‑dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tqis biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, iktar ’il quddiem is-“sentenza FETTCSA”, punt 109). Issa, f’din il-kawża, xejn ma jżomm lil SGL milli tqabbel id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet mat-test tad-Deċiżjoni biex tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha fuq ilmenti ġodda, li ma kinux jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li fuqhom SGL ma setgħetx tikkummenta qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Madankollu, SGL ma tinvokax tali diverġenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni.

48      Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tippermetti lill-impriżi jikkummentaw speċifikament fuq l-osservazzjonijiet li jsiru fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. F’din il-kawża, SGL ma takkużax lill-Kummissjoni li kisret id-dritt għal smigħ tagħha fuq dan il-punt preċiż. Hija tilmenta biss dwar in-natura purament orali ta’ l-osservazzjonijiet aċċettati mill-Kummissjoni, mingħajr ma turi madankollu li hija setgħet tiddefendi l-pożizzjoni tagħha b’mod effettiv biss permezz ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

49      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar ir-rapport allegatament illegali ta’ l-uffiċjal tas-seduta

50      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fit-28 ta’ Mejju 2001, l-uffiċjal tas-seduta ppreżenta, skond l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2001/462/KE, KEFA tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 151), rapport finali li jgħid hekk:

“L-abbozz ta’ deċiżjoni ma jagħtix lok għal osservazzjonijiet partikolari dwar id-dritt għal smigħ. L-impriżi kkonċernati ma qajmu ebda problema proċedurali. Fl-abbozz ta’ deċiżjoni ma hemm ebda ilment li dwaru l-impriżi kkonċernati ma setgħux jieħdu pożizzjoni minn qabel.”

51      F’dan il-kuntest, SGL issostni li l-uffiċjal tas-seduta b’mod żbaljat ikkonstata li hija ma kienet qajmet ebda problema proċedurali. Id-Deċiżjoni stess kienet tirrikonoxxi li SGL ilmentat dwar aċċess inkomplet għall-fajl. Bi ksur ta’ l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2001/462, l-uffiċjal tas-seduta ma tax il-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba għal aċċess għall-fajl li saret minn SGL fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Fir-rapport finali tiegħu b’hekk kien hemm żbalji li setgħu jinfluwenzaw, għad-detriment ta’ SGL, id-deliberazzjonijiet tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni. L-uffiċjal tas-seduta lanqas ma indirizza l-kwistjoni tat-tweġibiet ta’ ċerti impriżi għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li kien fihom kontradizzjonijiet u inkriminazzjonijiet li fir-rigward tagħhom SGL ma setgħetx tesprimi ruħha oralment matul is-seduta. Għalkemm SGL kienet iddenunzjat dan il-mod ta’ proċedura, ir-rapport ta’ l-uffiċjal tas-seduta ma jsemmix dan id-difett proċedurali.

52      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond il-premessi 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni 2001/462, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżgura li d-dritt, tal-persuni kkonċernati minn proċedura ta’ kompetizzjoni, għal smigħ  matul dik il-proċedura kollha jkun iggarantit; hija għandha tafda t-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi f’dan il-qasam lil persuna indipendenti, li jkollha l-integrità meħtieġa biex tikkontribwixxi għall-oġġettività, it-trasparenza u l-effettività ta’ dawk il-proċeduri. Skond l-Artikoli 15 u 16(1) ta’ l-imsemmija deċiżjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jagħmel rapport finali dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ, li għandu jeżamina wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-ilmenti li dwarhom il-partijiet kellhom l-okkażjoni jesprimu l-pożizzjoni tagħhom u li għandu jinhemeż ma’ l-abbozz tad-deċiżjoni mogħti lill-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li, meta din tieħu deċiżjoni dwar xi każ individwali, hija tkun mgħarrfa “bl-informazzjoni rilevanti kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar il-kors tal-proċedura u r-rispett tad-dritt għal smigħ.

53      Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-uffiċjal tas-seduta ma għandux il-kompitu li jiġbor l-ilmenti kollha ta’ natura proċedurali li jiġu mqajma mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva. Huwa għandu jikkomunika lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni biss l-ilmenti rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva. B’hekk, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, iż-żewġ motivi mqajma minn SGL fir-rigward ta’ l-aċċess tagħha għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u tal-kwistjoni tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma humiex fondati. Għaldaqstant, fil-kwalità tiegħu bħala uffiċjal oġġettiv u indipendenti, l-uffiċjal tas-seduta ma kienx obbligat li jikkomunika lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni dawk iż-żewġ ilmenti irrilevanti.

54      Għaldaqstant, dan il-motiv lanqas ma jista’ jiġi aċċettat.

55      Minn dan isegwi li ebda wieħed mill-motivi li permezz tagħhom SGL issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b’difetti tal-forom proċedurali ma jista’ jiġi aċċettat.

b)     Kawża T-246/01

56      Mingħajr ma tippreżenta konklużjonijiet formali dwar l-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha, UCAR sostniet, fir-rikors tagħha, li d-Deċiżjoni kellha tiġi “annullata fit-totalità tagħha jew parzjalment”. Effettivament, hija ssostni li peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx ir‑rwol li kellhom Mitsubishi u Union Carbide, il-kumpanniji parent tagħha bejn l-1992 u l-1995, fil-ħolqien ta’ l-akkordju u matul il-perijodu inizjali tal-funzjonament tagħha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tagħmel investigazzjoni imparzjali u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fir-replika tagħha, madankollu, UCAR ippreċiżat li hija ma kinitx qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, iżda l-kanċellazzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha permezz ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni. Skond UCAR, is-silta mir-rikors tagħha msemmija hawn fuq ġiet ippreżentata biss f’dan l-aħħar kuntest.

57      Il-Qorti tal-Prim’Istanza minn dan tikkonkludi li r-rikors ippreżentat minn UCAR ma huwiex intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha. L-ilment li l-Kummissjoni naqset milli tqis ir‑rwol ta’ Mitsubishi u Union Carbide fil-parteċipazzjoni ta’ UCAR fl-akkordju b’hekk ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-motivi mqajma minn UCAR kontra l-kalkolu tal-multa tagħha.

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni u ta’ ċerti konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fiha

a)     Fuq il-motiv, fil-Kawża T-239/01, ibbażat fuq konstatazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ sistema ċentrali ta’ sorveljanza

58      Fil-kuntest tal-grupp tal-motivi bbażati fuq il-kalkolu żbaljat tal-multa tagħha, SGL takkuża lill-Kummissjoni li għamlet diskriminazzjoni kontriha meta mqabbla ma’ SDK billi naqqset il-multa imposta fuq dik l-impriża abbażi li hija kienet żvelat l-eżistenza u l-funzjonament ta’ sistema ċentrali ta’ sorveljanza (Central Monitoring System, iktar ’il quddiem is-“CMS”) implementata fil-kuntest ta’ l-akkordju. SGL issostni li dik is-sistema qatt ma ġiet applikata. Hija informat lill-Kummissjoni dwar dan fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

59      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li SGL issostni, fir-rikors tagħha, li hija espressament astjeniet, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, milli tikkontesta l-fatti kif kienu ġew ippreżentati mill-Kummissjoni. F’dik it-tweġiba, SGL madankollu kkoreġiet ċerti konstatazzjonijiet fattwali; fir-rigward tas-CMS, hija kienet irrilevat li “s-sistema ċentrali ta’ sorveljanza qatt […] ma ġiet implementata”.

60      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, minkejja t-tweġiba ta’ SGL fuq dan il-punt, qieset li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti b’mod partikolari fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll u fl-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ kartell (premessa 2). Hija ddeskriviet id-dettalji tas-CMS (premessi 72, 73, 91 u 92), billi rrilevat li l-argument ta’ SGL kien kontradett mill-provi ddokumentati u mid-dikjarazzjonijiet ta’ produtturi oħrajn bħal Tokai u UCAR. It-tweġiba tal-Kummissjoni tirreferi għal dawk is-siltiet mid-Deċiżjoni, waqt li r-replika ta’ SGL sempliċement issostni li s-CMS ma kinitx ġiet implementata.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-fatt li SGL sempliċement tenniet, f’termini ġeneriċi, affermazzjoni mhux issostanzjata dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni tas-CMS ma huwiex biżżejjed biex jiġu kkontestati b’mod validu l-konstatazzjonijiet fattwali fis-sens kuntrarju li jinsabu fid-Deċiżjoni.

62      Il-motiv kontra l-konstatazzjonijiet fattwali dwar l-applikazzjoni tas-CMS b’hekk għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq il-motiv li jallega, fil-Kawża T-236/01, konstatazzjoni żbaljata li l-akkordju kien fuq skala dinjija

63      Fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Tokai fuq skala dinjija, din tal-aħħar ssostni li s-suq ġeografiku ta’ l-elettrodi tal-grafita ma huwiex ta’ skala dinjija. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx analizzat is-suq ġeografiku kkonċernat kif suppost. Effettivament, fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-4 ta’ Jannar 1991 (Mitsubishi/UCAR, IVM024), adottata skond ir-regolament dwar il-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li s-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita kien suq ta’ dimensjoni Komunitarja.

64      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar id-dikjarazzjoni espressa li saret minn Tokai stess fir-rikors tagħha fejn qalet li r-rikors tagħha ma kienx intiż biex jikkontesta l-materja tal-fatti msemmija fid-Deċiżjoni. Issa, il-konstatazzjonijiet fattwali li abbażi tagħhom l-akkordju ħoloq kartell fis-suq dinji ta’ l-elettrodi tal-grafita jinsabu kemm fid-Deċiżjoni (ara, pereżempju, il-premessi 14 sa 18, 46, 47, 49, 51, 71, 72 u 73) kif ukoll fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punti 33, 34, 35, 37, 39, 59, 60 u 61). Minn dan jirriżulta li l-essenza proprja ta’ l-akkordju kienet tikkonsisti, skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, fl-istrutturar tas-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita fid-dinja abbażi ta’ sistema ta’ tliet “pilastri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: SGL tirrappreżenta lill-Ewropa, UCAR tirrappreżenta lill-Istati Uniti u SDK, Tokai, Nippon u SEC jirrappreżentaw lill-Ġappun (premessa 47 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, fost il-prinċipji kardinali ta’ l-akkordju li ġew identifikati mill-Kummissjoni kien hemm dak ta’ “produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li kellu jiffissa l-prezzijiet fit-territorju tiegħu, waqt li l-produtturi l-oħrajn kellhom isegwuh (ara l-punti 12 u 13 iktar ’il fuq), waqt li kien ippreċiżat li l-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kellhom jirtiraw mis-swieq “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-oħrajn (premessa 50 tad-Deċiżjoni). Finalment, il-Kummissjoni semmiet l-eżempju tal-kumpannija Amerikana C/G li, mingħajr ma kellha ebda sit ta’ produzzjoni barra mill-Istati Uniti, irnexxielha tikseb sehem mis-suq ta’ madwar 7 % fl-Ewropa u tbigħ kważi terz tal-produzzjoni tagħha fiż-ŻEE (premessi 16, 30 u 85 tad-Deċiżjoni), fatt li l-Kummissjoni qieset bħala indikazzjoni ċara ta’ l-eżistenza ta’ suq fuq skala dinjija u li juri li anki produttur “mhux domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] seta’ jfixkel il-funzjonament ta’ l-akkordju.

65      Issa, dan il-motiv huwa manifestament inkompatibbli mar-rikonoxximent, minn Tokai, tad-dettalji fattwali li għadhom kemm ġew ippreżentati u li Tokai ma kkontestatx validament, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Meta jitpoġġa fil-kuntest tal-motivi l-oħrajn ibbażati fuq kalkolu żbaljat tal-multi, il-motiv huwa iktar indirizzat lejn l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ l-impatt reali ta’ l-aġir ta’ Tokai fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Effettivament, Tokai b’mod partikolari tenfasizza, fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, dwar l-aġir passiv tagħha u dwar in-nuqqas ta’ interess ekonomiku min-naħa tagħha li tbiegħ il-prodott in kwistjoni fis-suq Ewropew. Il-portata reali tal-motiv b’hekk tikkonsisti f’allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tqis, fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq Tokai, ir‑rwol purament passiv ta’ din ta’ l-aħħar.

66      Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mir-referiment ta’ Tokai għad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Jannar 1991 (Mitsubishi/UCAR, IVM024) fejn il-Kummissjoni qieset, fir-rigward tal-konċentrazzjoni bejn impriżi, li s-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita kellu dimensjoni Komunitarja. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li dik id-deċiżjoni ġiet adottata f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-kawża u li din tmur lura għal żmien qabel l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’din il-kawża u qabel il-perijodu tal-ksur stabbilit fid-Deċiżjoni. Issa, kienet speċifikament l-iskoperta, sa mill-1997, tal-kartell li fih ipparteċipat Tokai li ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata li l-membri tal-kartell kienu qasmu s-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita fuq skala dinjija. Ir-referiment għad-deċiżjoni ta’ l-1991 b’hekk hija irrilevanti.

67      Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud in kwantu dan jikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali dwar in-natura dinjija tas-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita.

c)     Fuq il-motiv, fil-Kawża T-239/01, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

68      Fil-kuntest tal-grupp ta’ motivi li jallegaw kalkolu żbaljat tal-multa tagħha, SGL takkuża lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li stabbilixxiet, mingħajr ebda prova, tul wisq twil għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur: hija ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat, b’mod żbaljat, li SGL kienet kompliet bil-ksur wara l-verifiki li saru f’Ġunju 1997, u dan sa Frar/Marzu 1998. Għaldaqstant, il-kalkolu tal-multa tagħha huwa żbaljat in kwantu dan jinkludi żieda għal dak il-perijodu. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset l-allegata kontinwazzjoni tal-ksur wara l-verifiki bħala ċirkustanza aggravanti għad-detriment ta’ SGL. F’dan il-kuntest, SGL tallega li l-laqgħat li saru fi ħdan l-akkordju matul il-perijodu in kwistjoni ma kinux jirrigwardaw is-suq Ewropew, iżda biss is-swieq Ażjatiċi, li dwarhom hija kienet diġà informat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li l-provi invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-argument tagħha ma humiex kredibbli.

69      SGL tikkontesta, fit-tieni lok, il-konstatazzjoni żbaljata fil-premessa 57 tad-Deċiżjoni, li abbażi tagħha l-grupp Ewropew ta’ l-akkordju reġa’ ltaqa’ sa mill-“1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tal-fehma li ma jistax jiġi eskluż li dan l-iżball seta’ kellu riperkussjonijiet negattivi għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multa tagħha. Barra minn hekk, fil-premessa 124 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni affermat li jeżistu indikazzjonijiet li jippermettu li hija tikkonkludi li l-ksur kien għadu ma ntemmx sa l-2001. SGL titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jekk iċ-ċifra żbaljata ta’ l-1999 intbagħtitx lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. 

70      Fir-rigward ta’ l-ewwel parti tal-motiv imqajjem minn SGL, għandhom jiġu mfakkra l-kronoloġija u l-kontenut preċiż ta’ l-osservazzjonijiet ifformulati minn SGL bi tweġiba għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

71      Fl-ewwel lok, kien bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni li SGL, b’memorandum tat-8 ta’ Ġunju 1999, iddikjarat li l-produtturi l-iktar importanti ta’ l-elettrodi tal-grafita, fosthom SGL u UCAR, ikkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-snin 1992 “sa l-1998”. Sussegwentement, hija elenkat il-laqgħat li seħħew fi ħdan l-akkordju. Fir-rigward tal-laqgħat li saru wara x-xahar ta’ Ġunju 1997, hija semmiet, kull darba f’sentenza waħda, laqgħa li saret f’Lulju 1997 fil-Malażja, laqgħa f’Novembru 1997 f’Ħong Kong u laqgħa fi Frar 1998 f’Bangkok, waqt li rrilevat li dawk il-laqgħat kienu jirrigwardaws uġġetti speċifikament Ażjatiċi.

72      Fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ l-24 ta’ Jannar 2000 stabbilixxiet li l-ksur li bih ġiet akkużata SGL kien dam sa Marzu 1998, waqt li ppreċiżat, minn naħa waħda, li l-laqgħat f’Ħong Kong u f’Bangkok kienu jirrigwardaw l-aġġornament tat-tabelli tas-CMS dwar il-volumi tal-bejgħ għar-reġjuni kollha u s-swieq kollha u, min-naħa l-oħra, li SGL u UCAR kienu informaw lill-membri Ġappuniżi bl-akkordju dwar il-prezzijiet ġodda fl-Ewropa (punti 78 u 79). Skond id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, kien hemm ukoll kuntatti bilaterali bejn SGL u UCAR, ta’ mill-inqas sa Marzu 1998 (punt 80). Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-konstatazzjonijiet kienu bbażati fuq dikjarazzjoni ta’ l-eks direttur tal-bejgħ għall-Ewropea ta’ UCAR, [...]. Finalment, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tinkludi lista voluminuża ta’ dokumenti annessi, użati bħala provi, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ [...].

73      Fit-tielet lok, it-tweġiba ta’ SGL ta’ l-4 ta’ April 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, wara li kkonfermat li l-fatti li taw lok għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma kinux fil-prinċipju (“grundsätzlich”) qed jiġu kkontestati, kienet limitata għal referiment għall-memorandum tat-8 ta’ Ġunju 1999, waqt li baqgħet siekta dwar il-konstatazzjonijiet il-ġodda u l-provi ddokumentati dwar il-perijodu ta’ ksur in kwistjoni li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. B’mod partikolari, hija ma kkontestatx id-dikjarazzjoni ta’ [...], minkejja li SGL kellha aċċess għal dik id-dikjarazzjoni.

74      Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, SGL ma żiedet xejn sostanzjali ma’ l-argumenti tagħha ta’ qabel il-kawża. Hija sempliċement sostniet li l-valur tad-dikjarazzjoni ta’ [...] kellu jiġi nettament irrelativizzat fir-rigward taċ-ċirkustanzi prevalenti meta din saret. Din ir-rimarka tirrigwarda l-fatt, iddikjarat mill-Kummissjoni, li UCAR, wara li keċċiet lil [...], issuġġettat kwalunkwe soluzzjoni bonarja tal-kwistjoni ta’ tkeċċija minn din ta’ l-aħħar għall-kundizzjoni li huwa jaċċetta li jikkoopera mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tagħha.

75      Madankollu, it-test tad-dikjarazzjoni supplimentari (supplemental statement) ta’ [...], li fuqu b’mod partikolari l-Kummissjoni bbażat ruħha, ma jinkludi xejn li jista’ jiġġustifika s-suspetti ta’ SGL: il-fatti li jsemmi huma konkreti u ma fihomx kontradizzjonijiet; [...] isemmi l-ismijiet ta’ diversi rappreżentanti ta’ membri oħrajn ta’ l-akkordju, fosthom [...] ta’ SGL u [...] ta’ UCAR, b’mod li l-verità tad-dikjarazzjonijiet tiegħu setgħet tiġi vverifikata mix-xhieda ta’ dawk il-persuni. Madankollu, SGL ma talbitx li jitħarrku bħala xhieda; hija lanqas ma kkuntattjat lill-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, biex tibgħatilha kontrodikjarazzjonijiet, pereżempju, min-naħa ta’ l-ex direttur tal-bejgħ tagħha, [...]. Finalment, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ [...], li ntbagħtet ukoll lill-Kummissjoni fuq talba ta’ UCAR, li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ma kinux intiżi biex jiskulpaw lil UCAR għad-detriment ta’ membri oħrajn ta’ l-akkordju, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni favorevoli tal-kwistjoni tiegħu ma’ UCAR. Effettivament, [...] jindika li l-azzjonijiet illeċiti tiegħu kienu magħrufa mis-superjuri tiegħu fl-impriżi u kienu ġew approvati minn dawn ta’ l-aħħar.

76      Minn dan isegwi li SGL ma rnexxilhiex tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, li l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu bejn Ġunju 1997 sa Marzu 1998 (premessi 91 sa 93 tad-Deċiżjoni) kienu żbaljati. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

77      Fir-rigward tat-tieni parti, indirizzata kontra l-premessa 57 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ammettiet li l-frażi li tinsab fil-verżjoni Ġermaniża li ġiet innotifikata tad-Deċiżjoni, li abbażi tagħha laqgħat tal-grupp Ewropew fi ħdan l-akkordju saru “sa mill-1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija żball tipografiku. In-natura evidenti ta’ dak l-iżball tirriżulta, minn naħa, minn tqabbil bejn il-verżjoni Ingliża tad-Deċiżjoni, li hija test ieħor awtentiku (minbarra t-test Ġermaniż), li tirreferi korrettament għall-“1992” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Ġermaniża tal-premessa 57 (bid-data żbaljata ta’ 1999) fiha nfisha ma tinftihemx: effettivament, skond UCAR, il-laqgħat in kwistjoni waqfu “wara madwar sena” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (jiġifieri fl-2000, jekk wieħed isegwi l-loġika tat-test żbaljat), peress li l-produtturi Ewropej dehrilhom, dejjem skond UCAR, li ma kienx għad hemm bżonn li jiltaqgħu matul is-sena “1993” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa ċar li din is-sentenza tagħmel sens biss jekk is-sena ta’ referenza tkun l-1992.

78      Finalment u b’mod speċjali, l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 3, 114 u 155 tad-Deċiżjoni jsemmu b’mod ċar ix-xahar ta’ Marzu 1998 bħala t-tmiem tal-ksur imwettaq minn SGL. Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mill-premessa 124 tad-Deċiżjoni, li abbażi tagħha l-ksur lanqas ma ntemm fl-2001. Effettivament, dik is-silta, mhux talli ma tbiddilx il-konstatazzjonijiet fattwali dwar it-tul tal-ksur, iżda tiġġustifika l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, li jordna – bħala prekawzjoni – lill-impriżi kkonċernati jtemmu minnufih il-ksur in kwistjoni, jekk kienu għadhom ma għamlux dan.

79      Minħabba n-natura manifesta tiegħu, l-iżball tipografiku ma setax jippreġudika l-interessi ta’ SGL fir-rigward ta’ l-iffissar tal-multa tagħha: il-Kapitolu “Tul tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinsab fil-parti tad-Deċiżjoni ddedikata għall-iffissar tal-multi, jindika x-xhur ta’ “Frar/Marzu 1998” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala t-tmiem tal-ksur imwettaq minn SGL, UCAR, Tokai, Nippon u SEC (premessa 155).

80      Għaldaqstant, tali ksur ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-konstatazzjonijiet fattwali dwar it-tul tal-ksur imwettaq minn SGL. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura proposta minn SGL.

81      Iż-żewġ partijiet tal-motiv imqajjem minn SGL b’hekk għandhom jiġu miċħuda.

d)     Fuq il-motivi bbażati, fil-Kawża T-244/01, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-ksur matul il-perijodu bejn Mejju 1992 sa Marzu 1993, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt

 L-argumenti tal-partijiet

82      In sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, Nippon issostni li l-oneru tal-prova jinsab fuq il-Kummissjoni meta hija tadotta deċiżjoni li takkuża lil impriża li kisret id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Hija tgħid li f’din il-kawża, il-konstatazzjoni fid-Deċiżjoni li tgħid li Nippon ħadet sehem fil-ksur bejn Mejju 1992 u Marzu 1993, ma hijiex issostanzjata minn provi suffiċjenti u konklużivi. Effettivament, in kwantu l-Kummissjoni ssostni li Nippon ħadet sehem f’laqgħat li saru matul dak il-perijodu, l-affermazzjoni tagħha ma hijiex ippruvata. Hija ssostni li l-akkuża tal-Kummissjoni hija bbażata għal kollox fuq dikjarazzjonijiet li saru minn ċerti kompetituri ta’ Nippon (SDK, UCAR u SGL) bl-għan uniku li jibbenefikaw minn applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tagħti valur probatorju lil dikjarazzjonijiet li l-affidabbiltà tagħhom hija limitata.

83      Fir-rigward ta’ l-ewwel laqgħa “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li saret f’Londra fil-21 ta’ Mejju 1992, Nippon issostni li l-konstatazzjoni fid-Deċiżjoni li tgħid li Tokai kienet tirrappreżenta l-interessi tar-rikorrenti, ma hija ssostanzjata b’ebda prova. Fis-sentenza Siment (punt 39 iktar ’il fuq, punti 2773 sa 2782), il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet li, billi ma wrietx li parti kienet tat struzzjonijiet biex tiġi rrappreżentata matul laqgħa, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi li dik il-parti effettivament kienet preżenti, jew irrappreżentata, u li kienet aċċettat il-ftehim konkluż matul dik il-laqgħa. Skond ir-rikorrenti, tali raġunament għandu jiġi applikat ukoll f’din il-kawża. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova li turi li r-rikorrenti effettivament tat struzzjoni lil Tokai biex tirrappreżentaha matul dik il-laqgħa.

84      In kwantu l-Kummissjoni tinvoka dikjarazzjoni ta’ SDK fir-rigward ta’ laqgħa li apparentament saret fil-kuntest ta’ kuntatti preliminari qabel il-laqgħa tal-21 ta’ Mejju 1992, Nippon ma tistax tifhem kif ir-referiment għal laqgħa li saret qabel il-ħolqien ta’ l-akkordju setgħet eventwalment tipprova l-affermazzjoni tagħha. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li saret minn SFL, din hija fformulata f’termini ġenerali, mingħajr ma hija kkwalifikata b’ebda mod, u tikkostitwixxi ammissjoni ġeneralizzata minn SGL tal-parteċipazzjoni tagħha fl-allegat ksur mill-1992 sa l-1998. Dik id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-parteċipazzjoni ta’ Nippon fid-diversi laqgħat li saru matul il-perijodu in kwistjoni. Lanqas ma ssemmi li l-interessi tar-rikorrenti kienu rrappreżentati minn Tokai.

85      Nippon tgħid ukoll li d-dikjarazzjonijiet impreċiżi li saru minn UCAR, li abbażi tagħhom kienu preżenti għall-imsemmija laqgħa “ċerti kompetituri Ġappuniżi” u “diversi kompetituri Ġappuniżi” ma jistgħux iservu bħala bażi għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet preċiżament Nippon li kienet irrappreżentata minn impriża speċifika li attendiet dik il-laqgħa.

86      Fir-rigward tal-laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-25 ta’ Mejju u tad-19 ta’ Settembru 1992, Nippon tafferma li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-preżenza tagħha matul dawk il-laqgħat huma bbażati għal kollox fuq dikjarazzjonijiet impreċiżi u inkoerenti, li saru mill-kompetituri tar-rikorrenti. Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova fattwali jew dokumentata f’dan ir-rigward.

87      B’mod iktar partikolari, hija ssostni li fir-rigward tal-laqgħa li saret f’Zurich fil-25 ta’ Mejju 1992, l-allegata preżenza ta’ Nippon kienet ibbażata biss fuq dikjarazzjoni ta’ SDK li ssostni li “rappreżentanti ta’ Nippon” kienu preżenti għal-laqgħa, mingħajr ma tindika min, fil-fatt, irrappreżentaha f’dik l-okkażjoni. Min-naħa l-oħra, fid-dikjarazzjonijiet tagħha dwar kumpanniji oħrajn, SDK ipprovdiet dik l-informazzjoni fid-dettall. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ UCAR, din b’ebda mod ma ssemmi l-laqgħa ta’ Zurich. Dik ta’ SGL ma ssemmix il-preżenza ta’ Nippon matul dik il-laqgħa.

88      Fir-rigward tal-laqgħa li saret f’Lugano fid-19 ta’ Settembru 1992, l-allegata preżenza ta’ Nippon kienet, għal darb’oħra, ibbażata għal kollox fuq dikjarazzjoni waħda, ifformulata minn SGL. Dik id-dikjarazzjoni tikkontradixxi dawk ta’ SDK u UCAR, li ma jsemmux il-laqgħa f’Lugano.

89      In kwantu d-Deċiżjoni tallega li n-noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi, ipprovduti minn Nippon, jistabbilixxu l-preżenza tagħha fil-laqgħat in kwistjoni (premessa 48), din ta’ l-aħħar tfakkar li bagħtet dawk in-noti lill-Kummissjoni wara talba formali għall-informazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Madankollu il-Kummissjoni ma kellhiex setgħa li tiġbor informazzjoni barra mit-territorju tal-Komunità. B’hekk, dik l-informazzjoni nġabret illegalment u ma tistax tintuża bħala bażi sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Nippon fl-allegat ksur. Fi kwalunkwe każ, it-talba indirizzata lil Nippon f’din il-kawża ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti preskritti mir-Regolament Nru 17, peress li l-Kummissjoni ma semmietx is-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 15(1)(b), kif jeħtieġ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 17. Finalment, in-noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi in kwistjoni ma jurux il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-laqgħat li saru bejn Mejju 1992 u Marzu 1993.

90      Nippon tafferma li qatt ma ammettiet, fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, il-preżenza tagħha f’xi waħda mil-laqgħat organizzati matul il-perijodu minn Mejju 1992 sa Marzu 1993. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-ittri tagħha tat-30 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Mejju 2000, ifformulati bi tweġiba għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, kellhom jinqraw fil-kuntest ta’ l-ittra tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1998.

91      Permezz ta’ din l-aħħar ittra, Nippon irrispondiet għal talba fformulata mill-Kummissjoni bil-għan li tkun taf jekk kinitx ipparteċipat fil-laqgħat organizzati mill-akkordju. It-tweġiba kienet ċara u ddettaljata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-perijodi indikati mill-Kummissjoni. Nippon ma semmiet l-ebda laqgħa matul il-perijodu minn Mejju 1992 sa Marzu 1993, minkejja li l-Kummissjoni indagat espressament dwar dak il-perijodu.

92      Nippon tammetti li rrikonoxxiet, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2000, li l-amministraturi jew l-uffiċjali tagħha pparteċipaw “diversi drabi” f’laqgħat internazzjonali bejn kompetituri u li ddikjarat li ma kinitx ser tiddiskuti l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat. Madankollu dik id-dikjarazzjoni ta’ natura ġenerali ma tistax tiġi interpretata bħala ammissjoni li timplika l-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-laqgħat kollha, b’mod partikolari dawk li saru matul il-perijodu bejn Mejju 1992 u Marzu 1993.

93      Fl-ittra sussegwenti tagħha tas-17 ta’ Mejju 2000, Nippon kienet ikkjarifikat li hija ma kinitx qed tikkontesta “essenzjalment” il-fatti li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Dik l-ittra ma timplikax li Nippon kienet ipparteċipat fil-laqgħat kollha. Għall-kuntrarju, hija tirreferi espressament għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1998 u b’hekk ittenni li Nippon kienet involuta biss f’numru ta’ laqgħat.

94      Nippon tgħid ukoll li d-Deċiżjoni ma hijiex immotivata b’mod xieraq fuq dan il-punt. Effettivament, anki jekk wieħed jassumi li l-parteċipazzjoni tagħha matul dak il-perijodu huwa stabbilit, il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġuni għalfejn żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multa hija ġġustifikata, meta jitqies il-fatt li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti kienet ukoll suġġetta għal żieda minħabba li allegatament il-ksur kompla wara l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni tibqa’ ma tispjegax ir-raġuni għal dik iż-żieda doppja.

95      Fir-rigward tat-talbiet tal-Kummissjoni biex il-Qorti tal-Prim’Istanza żżid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, din ta’ l-aħħar hija tal-fehma li din hija talba mhux propizja u infondata.

96      Il-Kummissjoni tenfasizza li Nippon f’ebda mument qabel il-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat organizzati bejn Mejju 1992 u Marzu 1993. Għall-kuntrarju, hija invokat in-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tagħha tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-allegazzjonijiet tagħha, sabiex tikseb tnaqqis tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-laqgħat in kwistjoni hija ppruvata mid-dikjarazzjonijiet ta’ SDK u SGL.

97      Il-Kummissjoni tammetti li hija ma kellhiex noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi ta’ Nippon li jkopru l-perijodu in kwistjoni. Madankollu, fir-rigward tal-provi msemmija hawn fuq, ma kienx neċessarju li tirrikorri għal dawk in-noti.

98      Finalment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza żżid, permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multa imposta fuq Nippon. Effettivament, għall-kuntrarju tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Nippon fil-preżent tikkontesta l-konstatazzjonijiet dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha. Skond il-Kummissjoni, iż-żieda fil-multa għandha tkun ta’ mill-inqas ugwali għat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lil Nippon abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

99      Għandu jiġi mfakkar, fuq bażi preliminari, li fid-Deċiżjoni (premessa 113), il-Kummissjoni llimitat l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll tat-tul meqjus għall-kalkolu tal-multi, għall-perijodu li jibda f’Mejju 1992, id-data ta’ l-ewwel laqgħa “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’Londra, li matulha ġew adottati l-prinċipji bażiċi li kellhom jirregolaw il-kartellizzazzjoni tas-suq. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li Nippon ma pparteċipatx f’dik il-laqgħa ma huwiex importanti peress li hija kienet irrappreżentata minn Tokai u peress li hija stess kienet preżenti għall-ewwel laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li saret biss erbat ijiem wara.

100    Sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ dan il-motiv fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, għandha tiġi mfakkra, mill-ġdid, il-kronoloġija tad-diversi stadji tal-proċedura amministrattiva u jiġi analizzat il-kontenut, minn naħa, tad-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tad-dikjarazzjonijiet li saru minn Nippon.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, Nippon, b’ittra tat-18 ta’ Diċembru 1998, ipprovdiet informazzjoni dwar il-vjaġġi tad-Direttur Ġenerali tagħha [...], u ta’ ċerti maniġers oħrajn tagħha. Huwa minnu li dik l-ittra ma ssemmi ebda moviment matul il-perijodu in kwistjoni.

102    Fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ l-24 ta’ Jannar 2000 issemmi, fil-punti 36, 37, 39, 40 u 101, b’riferiment għad-dikjarazzjonijiet ta’ SGL, SDK u UCAR: li l-parteċipanti fl-ewwel laqgħa “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-21 ta’ Mejju 1992 f’Londra, kienu SGL, UCAR, Mitsubishi, SDK u Tokai, “b’dik ta’ l-aħħar tirrappreżenta wkoll l-interessi ta’ Nippon u SEC” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li r-regoli bażiċi ta’ l-akkordju ġew stabbiliti matul dik il-laqgħa; li dik il-laqgħa ġiet segwita kważi immedjatament minn laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], f’Zurich, fil-25 ta’ Mejju 1992, li fiha pparteċipaw rappreżentanti mill-impriżi kollha destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, inkluża Nippon, u li matulha ġie eżaminat is-suq dinji ta’ l-elettrodi tal-grafita reġjun b’reġjun (il-Lvant Imbiegħed, il-Lvant Nofsani u l-Afrika, l-Ewropa tal-punent, l-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina u l-Amerika ta’ Fuq) u ġew attribwiti ishma mis-suq; li Nippon u SEC ma jistgħux jargumentaw li huma kienu assenti mil-laqgħa tal-21 ta’ Mejju 1992, peress li huma kienu t-tnejn rappreżentati minn Tokai u peress li huma stess ipparteċipaw fl-ewwel laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li saret biss erbat ijiem wara; li saret it-tieni laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’Lugano, fid-19 ta’ Settembru 1992, “fil-preżenza ta’ produtturi Ġappuniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li matulha, minn naħa, ġew ikkomunikati l-prezzijiet minimi għas-suq Ewropew lil dawk il-produtturi u, min-naħa l-oħra, ġew iffissati volumi kif ukoll kwoti għal kull reġjun.

103    Fit-tielet lok, it-tweġiba ta’ Nippon għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ġiet ifformulata fit-30 ta’ Marzu 2000, mingħajr ma Nippon ma kienet ikkonsultat il-fajl ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni minkejja li din ta’ l-aħħar kienet tat aċċess għal dak il-fajl, bejn l-14 u t-23 ta’ Frar 2000 (premessa 38 tad-Deċiżjoni); Nippon lanqas ma pparteċipat fis-seduta organizzata fil-25 ta’ Mejju 2000 mill-Kummissjoni (premessa 40 tad-Deċiżjoni). F’dik it-tweġiba, Nippon tammetti li r-rappreżentanti tagħha pparteċipaw “diversi drabi” f’laqgħat internazzjonali bejn kompetituri u tiddikjara li, “fir-rigward tal-fażi inizjali [ta’ l-akkordju]”, hija ma pparteċipatx f’kull okkażjoni minkejja li kienet mistiedna. Sussegwentement, hija tenfasizza li “fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”, hija “ma tikkontestax mil-lat fattwali il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat”, u li hija toffri lill-Kummissjoni l-kooperazzjoni tagħha sa l-ogħla grad possibbli.

104    Fir-raba’ lok, l-ittra sussegwenti tas-17 ta’ Mejju 2000, li permezz tagħha Nippon titlob l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tfakkar, billi tirreferi għall-punt 6 tat-tweġiba tat-30 ta’ Marzu 2000, li Nippon “essenzjalment ma tikkontestax il-veraċità tal-fatti kkonstatati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”. Bħala eżempju tal-kooperazzjoni sħiħa tagħha mal-Kummissjoni, hija ssemmi, b’mod partikolari, l-ittra tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1998 waqt li tirrileva li fiha jissemmew il-laqgħat kollha li fihom ħadu sehem ir-rappreżentanti tagħha. Finalment, hija indikat espressament li hija temmet il-ksur wara Frar 1998.

105    Il-provi dokumentati li għadhom kemm issemmew fil-qosor ma humiex ta’ tali natura li jissostanzjaw l-argument ta’ Nippon. Effettivament, għalkemm huwa minnu li Nippon ma affermatx, fuq l-inizjattiva tagħha stess (ittra tat-18 ta’ Diċembru 1998), li pparteċipat fil-laqgħat organizzati matul il-perijodu rilevanti, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet sussegwenti kienet tinkludi indikazzjonijiet ferm konkreti li jikkonċernaw, rispettivament, il-parteċipazzjoni tagħha u r-rappreżentazzjoni tagħha, minn Tokai, matul dawk il-laqgħat waqt li tippreċiża, barra minn hekk, li l-kwistjonijiet kruċjali għall-funzjonament ta’ l-akkordju ġew diskussi f’dawk l-okkażjonijiet. Dawk l-indikazzjonijiet kienu bbażati fuq dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħrajn għajr Nippon. Din ta’ l-aħħar b’hekk kellha raġonevolment tikkonkludi, minn qari tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni tat iktar importanza u kredibbiltà lil dawk id-dikjarazzjonijiet milli lill-ittra ta’ Nippon tat-18 ta’ Diċembru 1998.

106    F’dawk iċ-ċirkustanzi, jekk Nippon ma aċċettatx la l-affermazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni jew ir-rappreżentanza tagħha fil-laqgħat organizzati matul il-perijodu rilevanti, kif imsemmi fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u lanqas is-sinjifikat u l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ SGL, SDK u UCAR li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-affermazzjonijiet tagħha, hija kien imissha kkontestathom fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Biss kontestazzjoni konkreta, magħmula f’dak l-istadju tal-proċedura amministrattiva, kienet tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà tapprofondixxi l-investigazzjoni tagħha u tipprova tipproduċi provi addizzjonali.

107    L-ittri ta’ Nippon tat-30 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Mejju 2000 ma fihom ebda kontestazzjoni kontra l-affermazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Għall-kuntrarju, fit-tama li tikseb tnaqqis tal-multa, Nippon tenfasizza r-rieda tagħha li tikkoopera u tiddikjara li hija ma kinitx qed tikkontesta l-materja tal-fatti kkonstatati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. L-unika rimarka konkreta dwar it-tul taż-żmien tal-ksur tirrigwarda l-fażi finali, jiġifieri l-waqfien ta’ kull attività ta’ ksur wara Frar 1998. Meta jitpoġġa f’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni fir-rigward ta’ l-ewwel għaxar xhur tal-ksur – flimkien man-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn Nippon tal-fajl ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-assenza tagħha mis-seduta organizzata mill-Kummissjoni – jista’ raġonevolment jiġi interpretat minn din ta’ l-aħħar fis-sens li Nippon, fil-kuntest tal-kooperazzjoni li offriet lill-Kummissjoni, kien beħsiebha tiffaċilita x-xogħol ta’ din ta’ l-aħħar biex tistabbilixxi t-tul tal-ksur, billi taċċetta l-konstatazzjonijiet dwar il-bidu ta’ dak il-perijodu u billi tagħti dettalji biss dwar it-tmiem tiegħu.

108    Fir-rigward tal-punt jekk Nippon tistax tmur lura minn kelmtha dwar dik il-kooperazzjoni u targumenta, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ma kinitx ipparteċipat fil-ksur bejn Mejju 1992 u Marzu 1993, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ ammissjoni espliċita min-naħa ta’ l-impriża implikata, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-fatti, u l-impriża tibqa’ libera li tiżviluppa, fi żmien xieraq u b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, il-motivi kollha ta’ difiża li huma utli għaliha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punt 37). Minn dan jirriżulta li, min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm ammissjoni tal-fatti mill-impriża in kwistjoni: meta hija tkun ammettiet espliċitament, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-materja tal-fatti li bihom tkun ġiet akkużata mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, dawk il-fatti għandhom jitqiesu bħala stabbiliti, u fil-prinċipju l-impriża b’hekk ma tibqax f’pożizzjoni li tikkontestahom fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

109    F’din il-kawża, madankollu, il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fl-akkordju, bejn Mejju 1992 u Marzu 1993, ġiet dedotta mill-Kummissjoni mhux minn dikjarazzjoni ċara u preċiża ta’ Nippon, li tirrigwarda espressament dak il-perijodu, iżda minn firxa ta’ provi fosthom l-aġir oġġettiv tagħha fil-konfront tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u d-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni pjuttost ġenerali. F’dawk iċ-ċirkustanzi, Nippon ma tistax tiġi mwaqqfa milli targumenta, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dik il-firxa ta’ provi ġiet interpretata b’mod żbaljat bħala prova tal-parteċipazzjoni tagħha matul il-perijodu msemmi hawn fuq.

110    Madankollu, dik il-kontestazzjoni tardiva ma tistax tiġi aċċettata fil-merti. Effettivament, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li Nippon, meta ffaċċjata bl-elementi ta’ prova ppreżentati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ma kkontestatx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-perijodu rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet sempliċement tfakkar, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa l-aġir ta’ Nippon matul il-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija provi li jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-dikjarazzjonijiet ta’ SGL, SDK u UCAR. Dawk id-dikjarazzjonijiet – li, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ġew ippreżentati mill-Kummissjoni f’verżjoni sintesizzata – jippermettu li tiġi stabbilita, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fl-akkordju matul il-perijodu rilevanti.

111    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tipproduċi provi ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li twieġeb għall-argumenti mqajma għall-ewwel darba minn Nippon quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bil-għan li tikkontesta l-kredibbiltà tal-provi msemmija hawn fuq. B’mod partikolari, l-argumenti ta’ Nippon dwar in-noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi tagħha setgħu jitqiesu bħala irrilevanti. Il-kompitu tal-Kummissjoni, li kien li tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu ksur, u li ġie ffaċilitat matul il-proċedura amministrattiva permezz ta’ l-aġir u d-dikjarazzjonijiet ta’ Nippon, oġġettivament ma sarx iktar diffiċli minħabba l-kontestazzjoni ulterjuri ta’ Nippon quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

112    Madankollu ma jistax jintesa l-fatt li l-Kummissjoni, kontra kull aspettattiva li hija setgħet raġonevolment tibbaża fuq il-kooperazzjoni oġġettiva ta’ Nippon matul il-proċedura amministrattiva, kienet obbligata telabora u tippreżenta difiża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra l-kontestazzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu ksur li fir-rigward tagħhom hija ġustament kienet qieset li Nippon ma kinitx qed tikkontestahom. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li għandha tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 billi żżid il-multa imposta fuq Nippon b’2 punti perċentwali (ara l-punt 457 iktar ’il quddiem).

113    Din il-konklużjoni ma tmurx kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (T-354/94, Ġabra p. II-843, punt 85). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fuq rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja wara appell, li r-riskju li impriża li tkun ibbenefikat minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa, bħala kumpens għall-kooperazzjoni tagħha, sussegwentement tippreżenta rikors ta’ annullament kontra d-deċiżjoni li tissanzjonaha għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza jew mill-Qorti tal-Ġustizzja hija konsegwenza normali ta’ l-eżerċizzju tal-mezzi ta’ rikors previsti mit-Trattat; għaldaqstant, is-sempliċi fatt li dik l-impriża tkun rebħet ġudizzjarjament ma jistax jiġġustifika evalwazzjoni ġdida tad-daqs tat-tnaqqis mogħti lilha. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (T-354/94, Ġabra p. II-2111), li kienet suġġetta għal appell, ma kinitx iddeċidiet dwar in-natura propizja jew le tat-tnaqqis tal-multa mogħti abbażi tal-kooperazzjoni mill-impriża u, barra minn hekk, li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925), li annullat parzjalment dik is-sentenza lanqas ma kienet indirizzat il-problema ta’ dak it-tnaqqis tal-multa. Meta titqies dik is-sitwazzjoni proċedurali partikolari, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat, fis-sentenza msemmija hawn fuq tat-28 ta’ Frar 2002, li tipproċedi għal “evalwazzjoni ġdida tad-daqs tat-tnaqqis […] mogħti” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Prim’Istanza f’ebda ċirkustanza ma tista’, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq impriża li, wara li tkun ibbenefikat minn tnaqqis tal-multa talli ma kkontestatx il-materja tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, tikkontesta l-materjalità ta’ dawk l-istess fatti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

114    In kwantu Nippon targumenta wkoll li l-premessa 48 tad-Deċiżjoni tallega b’mod żbaljat li n-noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġi tagħha jistabbilixxu l-preżenza tagħha fil-laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali], biżżejjed li jiġi mfakkar it-test ta’ l-imsemmija premessa, li abbażi tiegħu l-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħat tar-rappreżentanti ta’ Tokai, Nippon u SEC hija “jew rikonoxxuta minn dawn ta’ l-aħħar jew attestata min-noti tal-vjaġġi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Peress li Nippon irrikonoxxiet oġġettivament li pparteċipat fl-akkordju għat-tul tiegħu kollu, dik is-silta ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni riedet tibbaża l-parteċipazzjoni fil-ksur, preċiżament bejn Mejju 1992 u Marzu 1993, tal-kumpannija Nippon biss fuq in-noti ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar ta’ din ta’ l-aħħar.

115    Finalment, l-ilment dwar nuqqas ta’ motivazzjoni la huwa indirizzat kontra d-Deċiżjoni fit-totalità tagħha u lanqas kontra l-konstatazzjoni fattwali dwar il-perijodu ta’ parteċipazzjoni msemmi iktar ’il fuq. Dan jirrigwarda biss iż-żieda b’55 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Nippon. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jassumi li dak l-ilment huwa fondat, dan ma jwassalx għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha jew tal-konstatazzjoni fattwali in kwistjoni, iżda biss għar-riforma tagħha in kwantu din tipprovdi għal żieda ta’ 55 %.

116    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi bbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-ksur matul il-perijodu bejn Mejju 1992 sa Marzu 1993, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

117    L-eżami ta’ l-ewwel grupp ta’ motivi żvela li ebda element imqajjem mir-rikorrenti ma jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha u lanqas l-annullament tal-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu f’din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament totali tad-Deċiżjoni jew għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tagħha għandhom jiġu miċħuda kollha.

118    L-eżami sussegwenti tat-talbiet u tal-motivi intiżi kontra l-iffissar tal-multi ser iqis il-konstatazzjonijiet fattwali kollha msemmija. 

B –  Fuq it-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jew għat-tnaqqis tal-multi imposti

1.     Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet u tal-obbligu tal-Kummissjoni li tqis is-sanzjonijiet imposti qabel kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt

a)     L-argumenti tal-partijiet

119    Ir-rikorrenti kollha, ħlief C/G, isostnu li, permezz tar-rifjut tagħha li tnaqqas mill-multi ffissati mid-Deċiżjoni l-ammont tal-multi diġà imposti fl-Istati Uniti u fil-Kanada kif ukoll dak tad-danni u l-interessi punittivi diġà mħallsa f’dawk il-pajjiżi, il-Kummissjoni kisret ir-regola li tipprojbixxi l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-istess ksur. Dik ir-regola hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekwità u proporzjonalità kkristallizzati fid-dritt kostituzzjonali tal-Komunità; din ġiet ikkonfermata mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1), u mill-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (il-Lussemburgu). Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif interpretata, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tad-29 ta’ Mejju 2001, Fischer vs L-Awstrija.

120    Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281), il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tqis sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jekk il-fatti sostnuti kontra l-impriża rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u minn dawn l-awtoritajiet, min-naħa l-oħra, huma identiċi. Dan huwa proprju l-każ f’din il-kawża, peress li, bil-kontra tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, l-akkordju ssanzjonat mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi kien l-istess, fir-rigward tas-suġġett, tal-post u tat-tul tiegħu, għal dak issanzjonat mill-Kummissjoni.

121    Barra minn hekk, in-nuqqas li jitqies il-prinċipju ta’ imputazzjoni jmur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1, punt 11), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Sotralentz vs Il-Kummissjoni (T-149/89, Ġabra p. II-1127, punt 29), u ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 96), li jistabbilixxu li r-rekwiżit ġenerali ta’ ekwità jimplika li, meta jiġi ffissat l-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni hija obbligata tqis sanzjonijiet li diġà tkun ġarrbet l-istess impriża għall-istess fatt.

122    F’dan il-kuntest, SGL tikkuntesta l-evalwazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni, li abbażi tagħa l-multi imposti mill-Istati Uniti u mill-Kanada kienu qiesu biss l-effetti anti‑kompetittivi ta’ l-akkordju fil-kuntest ta’ dawn il-qrati (premessi 179 u 180 tad-Deċiżjoni). Biex tistabbilixxi li fatti identiċi ġew issanzjonati fl-Istati Uniti u fl-Ewropa, SGL tirreferi għall-konstatazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni. B’hekk, il-premessi 14, 17, 18, 71 sa 73, 106 u 149 ta’ din ta’ l-aħħar juru li l-Kummissjoni b’mod ġenerali rrikonoxxiet li l-ksur kien ikkostitwit minn ftehim fuq livell dinji, ibbażat fuq proġett globali, li fih ipparteċipaw l-impriżi kkonċernati. Il-Kummissjoni ma affermatx li l-fatti li għalihom hija imponiet multa kienu jikkostitwixxu avvenimenti separabbli mill-fatti diġà ssanzjonati fl-Istati Uniti. Fir-rigward ta’ l-ilment sostantiv li għalih tirreferi s-sanzjoni imposta mill-Istati Uniti fuq ir-rikorrenti, wieħed jista’ jaqra fit-tranżazzjoni (plea agreement), li ġiet ikkonfermata ġudizzjarjament, li l-ftehim dwar il-prezzijiet u l-kwoti kkonċernati saru “fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħrajn”, u dan bejn l-1992 u Ġunju 1997.

123    SGL tgħid ukoll li s-sanzjoni ta’ USD 135 miljun li ġiet imposta fuqha fl-Istati Uniti diġà taqbeż il-limitu massimu tas-sanzjonijiet (10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji) previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi sanzjoni addizzjonali ta’ EUR 80.2 miljun.

124    SGL tenfasizza, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, billi ma qisitx is-sanzjonijiet diġà imposti f’pajjiżi oħrajn, naqset milli tqis id-dikjarazzjoni ta’ l-ex Direttur Ġenerali tad-direttorat ġenerali tal-kompetizzjoni, Alexander Schaub, li matul intervista ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, kien wiegħed li, fil-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni kienet ser tqis is-sanzjonijiet imposti fl-Istati Uniti.

125    Ir-rikorrenti huma tal-fehma, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet billi qieset id-dħul mill-bejgħ tagħhom fuq livell dinji, li jinkludi d-dħul mill-bejgħ miksub fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Effettivament, dak id-dħul mill-bejgħ kien diġà tqies mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi biex jiffissaw il-multi tagħhom. Sabiex tiġi evitata sanzjoni doppja, il-Kummissjoni kien imissha, skond ir-rikorrenti, qieset biss il-parti tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-bejgħ ta’ elettrodi tal-grafita fl-Ewropa.

126    Huma jgħidu wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tqis l-effett dissważiv tal-multi diġà imposti. Effettivament, hija naqset milli tqis, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, il-fatt li r-rikorrenti kienu diġà ġew ikkundannati, f’pajjiżi terzi, għal multi u għal danni ta’ ammont suffiċjenti biex jiġu dissważi milli jikkommettu ksur ġdid tal-liġi tal-kompetizzjoni. B’hekk, ir-rikorrenti kienu diġà ġew issanzjonati b’mod suffiċjenti.

127    Finalment, Tokai u Nippon jakkużaw lill-Kummissjoni li ma mmotivatx id-Deċiżjoni b’mod suffiċjenti fuq dan il-punt. Minn naħa hija naqset milli twieġeb għall-argument ta’ Tokai dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem ippreżentat fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, liema argument enfasizza l-ħtieġa ta’ “lokalizzazzjoni territorjali” adegwata għall-kalkolu tal-multa. Min-naħa l-oħra, skond Nippon, l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ta’ importanza partikolari f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni imponiet multi kkalkolati skond id-dħul mill-bejgħ dinji, metodu li jikkostitwixxi stadju ġdid fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

128    Il-Kummissjoni tgħid, essenzjalment, li l-multi imposti mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi jissanzjonaw biss il-ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom u li huma ma għandhomx kompetenza biex jissanzjonaw il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Il-fatt li diversi awtoritajiet kellhom jeżaminaw l-istess fatti ma huwiex rilevanti, peress li l-istess fatt jista’ jikkostitwixxi ksur taħt diversi sistemi ġuridiċi.

129    Fir-rigward tan-natura dissważiva tal-multi, il-Kummissjoni tfakkar li l-kriterju prinċipali għall-finijiet tal-kalkolu ta’ multa huwa l-gravità tal-ksur. Ma hemm ebda raġuni biex wieħed jikkonkludi li l-multi kellhom jitnaqqsu għaliex ir-rikorrenti diġà kellhom diżinċentiv biżżejjed minħabba s-sanzjonijiet imposti f’ġurisdizzjonijiet oħrajn. Ir-rikorrenti ġew issanzjonati għaliex ma osservawx ir-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji billi kkommettew ksur fl-Ewropa. Dawk ir-regoli tal-kompetizzjoni kellhom jittieħdu b’serjetà daqs dawk ta’ ġurisdizzjonijiet oħrajn sabiex jinkiseb l-effett dissważiv mixtieq.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

130    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-KEDB, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-imħallef għandu jiżgura l-osservanza tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni CEEA, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 172, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, iktar ’il quddiem is-“sentenza LVM”, punt 59, kif ukoll is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 3).

131    Fil-qasam tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi ssanzjonata jew akkużata mill-ġdid mill-Kummissjoni minħabba aġir anti-kompettitiv li fir-rigward tiegħu hija diġà ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ma tistax tiġi kkontestata iktar.

132    Il-ġurisprudenza ammettiet ukoll il-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet, waħda Komunitarja, l-oħra nazzjonali, wara li jkun hemm proċeduri paralleli, li jsegwu finijiet distinti, li l-ammissibbiltà tagħhom tirriżulta mis-sistema partikolari ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-akkordji. Madankollu, rekwiżit ġenerali ta’ ekwità jimplika li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis sanzjonijiet li diġà jkunu ġew imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt, meta dawn ikunu sanzjonijiet imposti għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta’ Stat Membru u, konsegwentement, imwettqa fit-territorju tal-Komunità (sentenza Walt Wilhelm et, punt 121 iktar ’il fuq, punt 11, u s-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 3; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 191, u s-sentenza Sotralentz vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 29).

133    In kwantu r-rikorrenti jallegaw li, billi imponiet multa fuqhom għall-parteċipazzjoni f’akkordju diġà ssanzjonat mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li abbażi tiegħu ma tistax tiġi imposta sanzjoni oħra fuq l-istess persuna għall-istess ksur, għandu jiġi mfakkar li l-qorti Komunitarja rrikonoxxiet li impriża tista’ validament tkun is-suġġett ta’ żewġ proċeduri paralleli għall-istess ksur, u għalhekk ta’ sanzjoni doppja, waħda mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, u l-oħra Komunitarja. Dik il-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet hija ġġustifikata mill-fatt li l-imsemmija proċeduri għandhom għanijiet distinti (sentenzi Walt Wilhelm et, punt 121 iktar ’il fuq, punt 11; Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 191, u Sotralentz vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 29).

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ne bis in idem,a fortiori ma japplikax għal każ bħal dan, li fih il-proċeduri mressqa u s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi, min-naħa l-oħra, ma jsegwux, kif wieħed isib, l-istess għanijiet. Waqt li l-ewwel każ jirrigwarda ż-żamma ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE, il-protezzjoni mfittxija fit-tieni każ tikkonċerna s-suq Amerikan jew Kanadiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il-Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punti 52 u 53). Effettivament, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta mhux biss għall-identiċità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur u tal-persuni ssanzjonati, iżda wkoll ta’ l-unità ta’ l-interess ġuridiku protett (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-11 ta’ Frar 2003, Italcementi vs Il-Kummissjoni, C-213/00 P, Ġabra p. I-123, punt 89).

135    Din il-konklużjoni hija appoġġata mill-portata tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. Mill-formulazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu jirriżulta li dak il-prinċipju għandu biss l-għan li jipprojbixxi lil qorti ta’ Stat li tisma’ kawża dwar ksur, jew li tissanzjona dak il-ksur, li fir-rigward tiegħu l-persuna akkużata tkun diġà ġiet illiberata jew misjuba ħatja f’dak l-istess Stat. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprojbixxix li persuna tiġi pproċessata jew punita iktar minn darba għall-istess fatt f’żewġ Stati differenti, jew iktar. Għaldaqstant, is-sentenza Fischer vs L-Awstrija, invokata minn SGL ma hijiex rilevanti għal dan il-każ, peress li ngħatat skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB u tirrigwarda żewġ kundanni li ngħataw fi ħdan l-istess pajjiż.

136    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-rikorrenti ma invokaw ebda konvenzjoni jew regola tad-dritt internazzjonali pubbliku li tipprojbixxi lil awtoritajiet jew lil qrati ta’ Stati differenti milli jipproċedu kontra u jikkundannaw lil persuna għall-istess fatti. Tali projbizzjoni llum il-ġurnata tista’ tirriżulta biss minn kooperazzjoni internazzjonali ferm stretta li twassal għall-adozzjoni ta’ regoli komuni bħal dawk li jinsabu fil-konvenzjoni li tapplika l-ftehim ta’ Schengen imsemmija iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma eċċepewx li jeżisti xi test konvenzjonali li jorbot lill-Komunità u lil Stati terzi bħall-Istati Uniti jew il-Kanada u li jipprevedi tali projbizzjoni.

137    Huwa minnu li l-Artikolu 50 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali msemmija hawn fuq jipprevedi li l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li fir-rigward tiegħu hija tkun diġà ġiet illiberata jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza kriminali definittiva skond il-liġi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan it-test huwa intiż li japplika biss fit-territorju ta’ l-Unjoni u jiddelimita espressament il-portata tad-dritt iddefinit fl-Artikolu 50 tiegħu għall-każijiet fejn id-deċiżjoni ta’ liberazzjoni jew kundanna in kwistjoni tkun ingħatat fi ħdan dak it-territorju.

138    Minn dan isegwi li, in kwantu r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem abbażi li l-akkordju in kwistjoni kien ukoll is-suġġett ta’ kundanna li ngħatat ’il barra mit-territorju Komunitarju, jew li l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni qieset id-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-Istati Uniti u fil-Kanada li diġà kien tqies mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi sabiex jiffissaw il-multi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

139    Safejn ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni interpretat ħażin is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, li abbażi tagħha l-Kummissjoni hija obbligata tqis sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jekk il-fatti li l-Kummissjoni tallega kontra l-impriża rikorrenti, minn naħa, u minn dawn l-awtoritajiet, min-naħa l-oħra, huma identiċi, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 3 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dan li ġej:

“[...] fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni tistax ukoll tkun obbligata tqis sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz, din il-kwistjoni jkollha tiġi deċiża biss jekk il-fatti allegati f’din il-kawża kontra r-rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani, min-naħa l-oħra, ikunu identiċi.”

140    Jirriżulta b’mod ċar minn din is-silta li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux talli ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu tqis sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz f’każ li l-fatti allegati kontra impriża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda talli l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-identiċità tal-fatti allegati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ Stat terz kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-istħarriġ imsemmi iktar ’il fuq.

141    Barra minn dan, huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li tirriżulta, minn naħa, mill-interdipendenza stretta tas-swieq nazzjonali ta’ l-Istati Membri u tas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, mis-sistema partikolari tat-tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri dwar akkordji fl-istess territorju, dak tas-suq komuni, li l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ammettiet il-possibbiltà ta’ prosekuzzjoni doppja, iddeċidiet, fir-riġward ta’ l-eventwali sanzjoni doppja li tirriżulta minn dan, li huwa meħtieġ li titqies l-ewwel deċiżjoni repressiva, skond il-ħtiġijiet ta’ ekwità (sentenza Wilhelm et, punt 279 iktar ’il fuq, punt 11, u konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Mayras fis-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar ’il fuq, Ġabra p. 1293, 1301 sa 1303).

142    Issa, sitwazzjoni bħal din ma teżistix f’dan il-każ. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ dispożizzjoni konvenzjonali espressa li tipprevedi l-obbligu li l-Kummissjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, tqis sanzjonijiet diġà imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt minn awtoritajiet jew qrati ta’ Stat terz, bħall-Istati Uniti jew il-Kanada, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jilmentaw li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, interpretat ħażin dan l-allegat obbligu.

143    Fi kwalunkwe każ, anki jekk nassumu li jista’ jiġi dedott, a contrario, mis-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni hija obbligata tqis sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz fl-ipoteżi fejn il-fatti stabbiliti kontra l-impriża in kwistjoni minn dik l-istituzzjoni jew mill-imsemmija awtoritajiet huma identiċi, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm is-sentenza mogħtija kontra SGL fl-Istati Uniti ssemmi l-fatt li l-akkordju dwar l-elettrodi tal-grafita kellu l-għan li jirrestrinġi l-produzzjoni u li jżid il-prezzijiet tal-prodott “fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħrajn”, ma huwiex stabbilit li l-kundanna mogħtija fl-Istati Uniti kienet tirrigwarda applikazzjonijiet jew effetti ta’ l-akkordju apparti dawk fl-Istati Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 6) u b’mod partikolari fiż-ŻEE, estensjoni li, barra minn hekk, tidħol fuq il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni. Din l-aħħar osservazzjoni tiswa wkoll għall-kundanna imposta fuq il-Kanada.

144    Fir-rigward ta’ l-effett dissważiv tal-multi diġà imposti, għandu jiġi enfasizzat li, skond il-ġurisprudenza, il-poter tal‑Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, deliberatament jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad‑dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE, jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il‑missjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni tinkludi d‑dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida l-aġir ta’ l-impriżi f’dan is-sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105).

145    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-poter li tiddeċiedi l-livell ta’ l-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta l‑ksur ta’ tip partikolari jkun għadu relattivament frekwenti, minkejja li l-illegalità tiegħu tkun ilha li ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li xi wħud mill-impriżi kkonċernati jistgħu jagħmlu minn dan il‑ksur (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 108).

146    Ir-rikorrenti ma jistgħux jargumentaw validament li ebda dissważjoni ma kienet meħtieġa fil-konfront tagħhom minħabba li huma kienu diġà ġew ikkundannati għall-istess fatti minn qrati ta’ Stati terzi. Effettivament, dak l-argument tar-rikorrenti huwa ripetizzjoni ta’ dak dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, li ġie miċħud iktar ’il fuq.

147    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt tapplika meta tistabbilixxi l-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza, min-naħa ta’ l-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE. Isegwi li n-natura dissważiva ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji la tista’ tiġi ddeterminata biss abbażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża kkundannata, u lanqas abbażi tal-osservanza, min-naħa tagħha, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti f’pajjiżi terzi barra miż-ŻEE.

148    Għaldaqstant huwa permissibbli li l-Kummissjoni timponi fuq SGL multa ta’ livell suffiċjentement dissważiv fil-limiti ffissati mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mingħajr ma għandha għalfejn tqis is-sanzjonijiet Amerikani u Kanadiżi għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dawk il-limiti.

149    Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni awtriċi ta’ l-att, b’tali mod li tippermetti lil dawk ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u b’tali mod li l-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Ottubru 1999, Swedish Match Philippines vs Il-Kunsill, T-171/97, Ġabra p. II-3241, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2001, UK Coal vs Il‑Kummissjoni, T-12/99 u T-63/99, Ġabra p. II-2153, punt 196).

150    F’dan il-każ, il-premessi 179 sa 183 tad-Deċiżjoni espressament ċaħdu l-argument żviluppat minn SGL matul il-proċedura amministrattiva bil-għan li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Il-Kummissjoni b’hekk iddikjarat li, fil-fehma tagħha, dak il-prinċipju ma kienx applikabbli fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi. Anki jekk wieħed jassumi li dawk il-premessi ma adottawx pożizzjoni dwar argument speċifiku ppreżentat minn Tokai (ara l-punt 127 iktar ’il fuq) u li l-approċċ tal-Kummissjoni effettivament ikkostitwixxa stadju ġdid fil-prattika deċiżjonali tagħha, xejn ma jżomm lir-rikorrenti milli jiddefendu b’mod effettiv l-interessi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza billi jqajmu l-motivi u l-argumenti kollha li jidhrilhom li huma rilevanti sabiex jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi tiddeċiedi fuq id-diversi aspetti tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

151    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet u ta’ l-obbligu għall-Kummissjoni li tqis is-sanzjonijiet imposti preċedentement kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt għandhom jiġu miċħuda.

152    Fir-rigward ta’ l-ilment speċifiku li sar minn SGL, li abbażi tiegħu d-Direttur Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni kien wegħidha li s-sanzjonijiet Amerikani kienu ser jiġu meqjusa fil-kalkolu tal-multa imposta mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħha. Dan il-prinċipju huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja nisslet fih aspettattivi fondati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van der Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products vs Il‑Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 26), filwaqt li għandu jiġi indikat li ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju jekk ma jkunux ingħatawlha, min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T-203/97, RecFP p. I-A-129, II-705, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il‑Kummissjoni, T-290/97, Ġabra p. II-15, punt 59).

153    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni ġiet adottata mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kolleġjalità stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 308, p. 26), u mhux minn Direttur Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 104). Barra minn hekk, SGL ma setgħetx raġonevolment tippretendi li d-deċiżjoni li timponi multa fuqha biex tissanzjona l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju attiv, fuq skala dinjija, fis-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita, tista’ tkun suġġetta għal delega, bħala “miżura ta’ ġestjoni jew amministrazzjoni” fis-sens ta’ l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura, lid-Direttur Ġenerali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, id-Direttur Ġenerali bl-ebda mod ma seta’ ta lil SGL “assigurazzjonijiet preċiżi li joriġinaw minn sors awtorizzat u affidabbli” fir-rigward ta’ l-imputazzjoni tas-sanzjonijiet li kienu ġew imposti fuqha fl-Istati Uniti u fil-Kanada, peress li l-kompetenza tiegħu hija limitata għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-kulleġġ li kien liberu li jaċċetta jew jiċħad dawk il-proposti.

154    Barra minn hekk, jidher li SGL stess iddubitat in-natura preċiża ta’ l-assigurazzjonijiet allegatament mogħtija mis-Sur Schaub fl-1 ta’ Diċembru 1998. Effettivament, fit-tweġiba tagħha ta’ l-4 ta’ April 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, SGL ma tinvokax dawk l-assigurazzjonijiet, iżda għall-kuntrarju takkuża lill-Kummissjoni li ma rrilevatx jekk, u sa liema grad, hija kienet ser tqis, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, is-sanzjonijiet diġà imposti fl-Istati Uniti. Fi kwalunkwe każ, SGL ma allegatx li kienet imħajra mill-allegata wegħda tas-Sur Schaub biex tikkoopera mal-Kummissjoni u biex tammetti l-materja tal-fatti allegati.

155    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ imputazzjoni tas-sanzjoni imposta fuq SGL fl-Istati Uniti, ma jistax jiġi aċċettat.

2.     Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Linji gwida, fuq l-illegalità ta’ dawn ta’ l-aħħar u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt

a)     Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest ġuridiku li fih jidħlu l-multi imposti fuq ir-rikorrenti

156    Skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, “Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi […] multi minn 1000 sa 1000000 [euro], jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza [...], dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1) [...] tat-Trattat”. Fl-istess dispożizzjoni, huwa previst li “[f]l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur”.

157    Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127) li hi, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat, fl-1998, il-Linji gwida tagħha. Dan huwa strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ livell ogħla, il-kriterji li hija tixtieq tapplika fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-poter tagħha ta’ evalwazzjoni; minn dan tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ dan il-poter (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89), safejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57).

158    F’din il-kawża, skond il-premessi 126 sa 144 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multi fuq ir-rikorrenti kollha minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 81(1) KE u fl-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Minn dawn il-premessi jirriżulta li l-multi ġew imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni − minkejja li d-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għal-Linji gwida − iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida.

159    Skond dak il-metodu, il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, ammont bażiku ddeterminat skond il-gravità tal-ksur. L‑evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur għandha tqis in‑natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il‑kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, “ksur serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u “ksur serju ħafna”, li fir-rigward tiegħu l‑ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti jmur lil hinn minn EUR 20 miljun (l‑ewwel sat-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, l‑iskala tas-sanzjonijiet previsti tippermetti, skond il-Linji gwida, li ssir differenza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal‑punt 1 A). Barra minn hekk huwa neċessarju li titqies il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawk li wettqu l‑ksur li jikkawżaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal‑multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A).

160    F’kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ ksur iddefiniti b’dan il-mod, jista’ jkun neċessarju, skond il-Kummissjoni, li, f’ċerti każijiet jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall‑ammonti ddeterminati sabiex jitqies il-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il‑kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità kunsidereveoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta’ l-istess tip, u għalhekk li l-punt ta’ tluq ta’ l-ammont bażiku jiġi adattat skond in-natura speċifika ta’ kull impriża (iktar ’il quddiem l-“ammont ta’ tluq”) (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

161    Rigward il-fattur relatat mat-tul tal-ksur, il-Linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn ksur għal żmien qasir (ġeneralment inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont stabbilit fuq il-bażi tal-gravità ma għandux jiżdied, ksur ta’ żmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied sa 50 %, u ksur ta’ żmien twil (ġeneralment iktar minn 5 snin), li fir-rigward tiegħu l-imsemmi ammont jista’ jiżdied kull sena b’10 % (l-ewwel sat-tielet inċiżi ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B).

162    Sussegwentement, il-Linji gwida jiċċitaw, bħala eżempju, lista ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jistgħu jitqiesu sabiex jiżdied jew jitnaqqas l-ammont bażiku.

163    Finalment, il-Linji gwida jippreċiżaw li r-riżultat finali tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa skond din l-iskema (ammont bażiku aġġustat fuq il-bażi ta’ perċentwali ta’ aggravazzjoni jew mitigazzjoni) f’ebda każ ma jista’ jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ l-impriżi, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [punt 5(a)]. Barra minn hekk, il-Linji gwida jipprovdu li għandhom jitqiesu, skond iċ-ċirkustanzi u wara li jkunu saru l-kalkoli hawn fuq deskritti, ċerti fatturi oġġettivi bħall-kuntest ekonomiku speċifiku, il-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju possibbilment miksub mill-awturi tal-ksur, il-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi in kwistjoni kif ukoll il-kapaċità reali tagħhom li jħallsu f’kuntest soċjali partikolari, sabiex jiġi aġġustat finalment l-ammont tal-multi previst [punt 5(b)].

164    Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi evalwat jekk, kif jallegaw ir-rikorrenti, il-multi imposti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni humiex eċċessivi u ġewx iddeterminati abbażi ta’ metodoloġija żbaljata.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali meta tiffissa l-ammont ta’ kull multa, mingħajr ma hija obbligata tapplika formola matematika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59), il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu tiddeċiedi, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, b’ġurisdizzjoni sħiħa skond l-Artikolu 229 KE dwar ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiffissa multa u, konsegwentement, tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tagħha tan-natura proporzjonata tal-multa tista’, indipendentement minn żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti li jistgħu jsiru mill-Kummissjoni, tiġġustifika l-produzzjoni u t-tiqjis ta’ informazzjoni addizzjonali li ma tkunx imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 55).

b)     Fuq l-ammonti ta’ tluq adottati fid-Deċiżjoni skond il-gravità tal-ksur

 Sintesi tad-Deċiżjoni

166    Fil-premessi 129 sa 154 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont ta’ tluq ta’ kull multa skond il-gravità tal-ksur. F’dan il-kuntest, hija qieset: in-natura tal-ksur (tqassim tas-swieq u ffissar tal-prezzijiet f’settur importanti ta’ l-industrija), billi qieset li dan kien ksur serju ħafna ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE; l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita fiż-ŻEE, billi qieset li mhux biss kien hemm qbil dwar il-prezzijiet, iżda li dawn kienu wkoll ġew imħabbra u implementati, waqt li ppreċiżat li l-prezzijiet applikati (b’mod partikolari ż-żidiet fil-prezzijiet) fil-biċċa l-kbira segwew dawk deċiżi mill-kartell għal sitt snin; id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni, waqt li rrilevat li l-akkordju kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha.

167    Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi kkonċernati kienu kkommettew “ksur serju ħafna”.

168    Sussegwentement, sabiex titqies il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull impriża li tikkawża preġudizzju sinjifikattiv għall-kompetizzjoni u fid-dawl tad-disparità kbira fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat trattament differenzjat. Għal dan il-għan, hija qasmet l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji miksub minn kull waħda mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Il-paragun kien ibbażat fuq id-data relatata mad-dħul mill-bejgħ relatat mal-prodott in kwistjoni fl-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri l-1998, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni.

169    Fuq id-database li tinsab f’dik it-tabella, SGL u UCAR, iż-żewġ produtturi ewlenin ta’ elettrodi tal-grafita fuq livell dinji u fuq livell taż-ŻEE, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija (ammont ta’ tluq ta’ EUR 40 miljun). C/G, SDK u Tokai, b’ishma mis-suq ferm iżgħar fuq livell dinji (bejn 5 u 10 %), ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija (ammont ta’ tluq ta’ EUR 16-il miljun). VAW, SEC u Nippon, li l-ishma mis-suq dinji tagħhom kienu inqas minn 5 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (ammont ta’ tluq ta’ EUR 8 miljuni).

170    Finalment, sabiex tqis id-daqs u r-riżorsi globali ta’ VAW u SDK, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ 1.25 għall-ammont ta’ tluq ta’ VAW biex laħqet EUR 10 miljuni, u koeffiċjent ta’ 25 għal dak ta’ SDK – meqjusa mid-Deċiżjoni bħala l-ikbar waħda fil-wisa’ fost l-impriżi kkonċernati – biex laħqet EUR 40 miljun.

 L-argumenti tal-partijiet

171    SGL topponi l-applikabbiltà tal-Linji gwida billi ssostni li l-metodu tal-kalkolu li huma jiddefinixxu jitbiegħed kompletament mill-metodu preċedenti billi jinjora l-proporzjonalità mad-dħul mill-bejgħ. Sanzjoni proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ biss hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Inkella, impriżi bħal SGL li jiksbu d-dħul mill-bejgħ tagħhom prinċipalment permezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ikunu żvantaġġati fil-konfront ta’ l-impriżi li jiksbu l-parti l-kbira tad-dħul mill-bejgħ tagħhom permezz ta’ prodotti oħrajn.

172    UCAR, min-naħa l-oħra, tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset id-dħul mill-bejgħ dinji bħala kriterju ta’ l-importanza relattiva ta’ l-impriżi kkonċernati. Dak il-metodu ssanzjona lil UCAR, kumpannija Amerikana, minħabba l-fatt li l-livell ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħha fl-Istati Uniti kien neċessarjament rifless fid-dħul mill-bejgħ dinji tagħha.

173    SGL tiddenunzja, sussegwentement, nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ l-istabbiliment tat-tliet kategoriji li fihom ġew ikklassifikati l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-għażla ta’ l-ammonti u tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni. L-ammonti hekk stabbiliti huma arbitrarji, waqt li d-Deċiżjoni ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriżi kkonċernati jew fuq id-dħul mill-bejgħ tagħhom miksub bil-prodott in kwistjoni. Barra minn hekk, l-ammont ta’ tluq ferm għoli ta’ EUR 40 miljun, iffissat għal SGL minħabba l-gravità tal-ksur, huwa inkompatibbli mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

174    Il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-akkordju konkretament ikkawża żieda reali fil-prezzijiet. Hija ma qisitx il-fatt li hemm spjegazzjoni alternattiva għaż-żidiet fil-prezzijiet li seħħew bejn l-1992 u l-1996: matul il-kriżi strutturali li kien hemm fil-bidu tas-snin 90, il-prezzijiet kienu nettament inqas mill-ispejjeż tal-bejgħ bl-imnut; iż-żidiet sussegwenti b’hekk kienu neċessarji għas-sopravivenza tas-settur u għall-finanzjament tat-titjib fil-kwalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi (premessa 139 tad-Deċiżjoni) li huwa diffiċli li wieħed ikun jaf jekk u sa liema grad il-prezzijiet kienu ser ikunu differenti fin-nuqqas ta’ l-akkordju. 

175    SGL tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni ġġustifikat l-ammonti ta’ tluq kunsiderevoli biss bil-ħtieġa li jiġi żgurat “effett dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 146, 148 u 152 tad-Deċiżjoni). B’hekk, hija ma qisitx il-fatt li l-prinċipju ta’ ekwità jitlob li jitqiesu wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull impriża, bħall-aspetti ta’ prevenzjoni speċifika u ta’ proporzjonalità.

176    L-erba’ rikorrenti Ġappuniżi u C/G, li għalihom iż-ŻEE ma kinitx is-“suq domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom, isostnu li l-Kummissjoni, minflok ma tat importanza sproporzjonata lid-dħul mill-bejgħ u lill-ishma mis-suq dinji għall-prodott in kwistjoni, kien imissha bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq fiż-ŻEE. Tali metodu biss kien, minn naħa, josserva l-kompetenza territorjali limitata tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi mkejla l-kapaċità reali ta’ kull impriża li tagħmel dannu serjament lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

177    L-ishma mis-suq fiż-ŻEE ta’ Tokai [... %], ta’ Nippon [… %], ta’ SDK [... %], ta’ SEC [... %] u ta’ C/G [... %] kienu biss marġinali meta mqabbla ma’ dawk ta’ SGL u UCAR; il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet Ewropej ta’ l-akkordju kienu biss purament passivi. F’dan il-kuntest, huma jagħmlu diversi paraguni bejn l-ammonti ta’ tluq, ta’ bażi u finali tal-multi tagħhom maċ-ċifri korrispondenti tal-mexxejja SGL u UCAR u bejn id-diversi dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati bil-għan li juru n-natura eċċessiva tas-sanzjonijiet tagħhom meta mqabbla mal-preżenza ekonomika tagħhom fiż-ŻEE. Barra minn hekk, huma jqabblu l-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni ma’ dak, allegatament iktar ekwu, ta’ l-awtoritajiet Amerikani.

178    Huma jippreċiżaw li l-preżenza marġinali u passiva tagħhom fis-suq taż-ŻEE ma tirriżultax mill-effetti ta’ l-akkordju, iżda hija l-konsegwenza ta’ deċiżjonijiet awtonomi li huma ħadu, żmien twil qabel il-bidu tal-perijodu ta’ ksur, fl-interess ekonomiku proprju tagħhom. Il-Kummissjoni ma pproduċietx prova li huma astjenew milli jbigħu l-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE preċiżament minħabba l-akkordju. B’mod partikolari, hija ma stabbilixxietx li l-ishma mis-suq tagħhom jew il-bejgħ tagħhom fiż-ŻEE, fin-nuqqas ta’ l-akkordju, kienu ser ikunu nettament akbar.

179    Tokai, Nippon, SEC u C/G jiddikjaraw ukoll li, anki jekk wieħed isegwi l-loġika tal-Kummissjoni u jaċċetta li l-ammont ta’ tluq tagħhom ikun ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji miksub fl-1998 bil-prodott in kwistjoni, il-klassifikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni fit-tliet kategoriji msemmija hawn fuq u l-iffissar taċ-ċifri korrispondenti (EUR 40 miljun, 16‑il miljun u 8 miljuni) imorru kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali. Effettivament, l-ammont ta’ tluq tagħhom huwa proporzjonalment, jiġifieri meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq fuq livell dinji, ferm ogħla minn dak ta’ SGL, UCAR u SDK.

180    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni individwali tagħha fil-ksur, C/G tiddikjara wkoll li s-sitwazzjoni tagħha hija distinta fuq diversi punti minn dik tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju. F’dan ir-rigward, hija tinvoka, minbarra r‑rwol marġinali tagħha, diversi elementi li minnhom hija tiddeduċi li l-aġir tagħha ma setax jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”.

181    SDK tikkritika lill-Kummissjoni li għamlet inflazzjoni artifiċjali tal-multa tagħha bl-applikazzjoni supplimentari ta’ fattur ta’ dissważjoni ta’ 2.5, li żied l-ammont ta’ tluq tagħha b’EUR 24 miljun. Dak il-fattur la ġie applikat għall-mexxejja ta’ l-akkordju, la għall-membri ta’ l-akkordju li kellhom ishma mis-suq akbar fiż-ŻEE, u lanqas għal dawk li ostakolaw l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u li komplew bil-ksur anki wara dik l-investigazzjoni. Din b’hekk hija sanzjoni doppja diskriminatorja u sproporzjonata biss kontra l-kumpannija SDK, waqt li l-multiplikatur applikat għal VAW tela’ biss għal 1.25 u żied l-ammont għal dik il-kumpannija biss b’EUR 2 miljuni.

182    In kwantu l-Kummissjoni tinvoka d-daqs u r-riżorsi globali tagħha (premessi 152 sa 154 tad-Deċiżjoni), SDK tirreferi għal rapport ta’ perizja ekonomika biex tafferma li s-saħħa ekonomika ma tiddependix mid-daqs per se. Minn naħa, kumpanniji kbar b’inqas ishma mis-suq f’suq rilevanti, bħal SDK, ma jidderivaw ebda saħħa mill-preżenza tagħhom fi swieq oħrajn li ma jkollhom ebda konnessjoni mas-suq rilevanti. Min-naħa l-oħra, konglomerat kbir b’qagħda finanzjarja dgħajfa ma jistax jitqies bħala ekonomikament b’saħħtu minħabba d-daqs tiegħu biss. Impriża li jkollha sehem mis-suq limitat fir-rigward tal-prodott in kwistjoni lanqas ma tibbenefika minn akkordju għas-sempliċi fatt li tkun tbigħ ukoll prodotti mingħajr ebda konnessjoni ma’ l-akkordju u li b’hekk ma jkunux affettwati. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li hemm lok li jiġi applikat fattur ta’ dissważjoni, dan għandu jiddependi mis-sitwazzjoni fis-suq taż-ŻEE, fejn SDK għandha biss pożizzjoni marġinali, u jqis biss il-probabbiltà li jiġi skopert l-akkordju u l-profitti antiċipati tal-membri ta’ dan ta’ l-aħħar.

183    Skond SDK, l-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ 2.5 lanqas ma jista’ jiġi rrikonċiljat mad-diversi deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Din ta’ l-aħħar b’hekk tittratta kawżi differenti b’mod inkoerenti. Finalment, SDK issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura in kwantu ma ġietx mismugħa fir-rigward tar-raġunijiet u l-kriterji ta’ l-għażla ta’ multiplikatur ta’ 2.5.

184    Ir-rikorrenti Ġappuniżi kollha jilmentaw dwar motivazzjoni insuffiċjenti fuq id-diversi punti li għadhom kemm ġew sintesizzati.

185    Skond il-Kummissjoni, mill-motivi mogħtija fid-Deċiżjoni u mill-ġurisprudenza jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi ma huwa fondat.

186    Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tqassim ta’ l-impriżi fi tliet kategoriji u l-iffissar ta’ ammonti ta’ tluq, il-Kummissjoni tikkontesta li hija bbażat ruħha esklużivament fuq id-dħul mill-bejgħ dinji miksub mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Il-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multi kien il-gravità tal-ksur (natura u effett kif ukoll id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni). Id-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq fuq livell dinji servew biss bħala bażi biex tiġi stabbilita l-importanza relattiva fiż-ŻEE ta’ l-impriżi involuti fl-akkordju. L-approċċ tal-Kummissjoni b’hekk qies diversi elementi u bl-ebda mod ma jikkostitwixxi kalkolu sempliċi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ.

187    Fir-rigward tal-multiplikatur ta’ 2.5 applikat għall-ammont ta’ tluq iffissat għal SDK, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li dak l-aġġustament kien intiż li jkollu effett dissważiv addizzjonali. Għall-kuntrarju, il-fattur ta’ aġġustament sempliċement jirrikonoxxi l-fatt li riżorsi finanzjarji differenti jeħtieġu multi differenti jekk dawn ikunu intiżi li jipproduċu effett dissważiv ekwivalenti. Dan jimplika trattament differenzjat tal-membri ta’ l-akkordju. Fil-każ ta’ konglomerati kbar, bħal dak li minnu tagħmel parti SDK, ma jkunx biżżejjed li jintuża d-dħul mill-bejgħ fis-suq fejn ikun seħħ il-ksur.

188    Fir-rigward taċ-ċifra preċiża ta’ 2.5, il-Kummissjoni tafferma li din ma kinitx ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti. Għall-kuntrarju, dan kien aġġustament ġeneriku li jqis id-daqs ta’ SDK u tar-riżorsi globali tagħha, peress li hija kienet bla dubju l-akbar impriża kkonċernata mid-Deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-applikabbiltà tal-Linji gwida biex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ li għandu jitqies

189    In kwantu SGL teċċepixxi l-inkompatibbiltà tal-Linji gwida mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, li kienet ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ globali, għandu jiġi ppreċiżat li s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni huma ddefiniti mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, li ġie adottat qabel id-data meta seħħ il-ksur. Hekk, kif jirriżulta mill-punti 159 sa 164 iktar ’il fuq, il-metodu ġenerali għall-kalkolu tal-ammont tal-multi stabbilit fil-Linji gwida huwa bbażat fuq iż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu, u josserva l-limitu massimu fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża, stabbilit mill-istess dispożizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt  31).

190    Għaldaqstant, il-Linji gwida ma jmorrux lil hinn mill-kuntest ġuridiku tas-sanzjonijiet kif iddefinit minn dik id-dispożizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 232).

191    Il-bidla li ħolqu l-Linji gwida fir-rigward tal-prattika amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix bidla tal-qafas ġuridiku li jiddetermina l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti, bi ksur tal-prinċipju ġenerali li l-liġijiet ma għandhomx ikunu retroattivi jew ta’ dak ta’ ċertezza legali. Minn naħa, effettivament, il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nfisha bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 17. Min-naħa l-oħra, meta titqies il-margni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 17, l-introduzzjoni minn din ta’ l-aħħar ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, li jista’ jwassal għal żieda fil-livell ġenerali tal-multi, ma tistax titqies bħala aggravazzjoni, b’effett retroattiv, tal-multi kif previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 233 sa 235).

192    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 109). L-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni tirrikjedi, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi skond il-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 236 u 237).

193    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Linji gwida għandu jiġi miċħud.

194    Għaldaqstant, ir-referiment ta’ l-erba’ rikorrenti Ġappuniżi u ta’ C/G għall-metodi tal-kalkolu Amerikani, allegatament iktar ekwi, huwa irrilevanti, peress li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tapplika l-metodu tal-kalkolu stabbilit fil-Linji gwida.

–       Fuq id-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont ta’ tluq

195    In kwantu l-Kummissjoni qed tiġi kkritikata li ma stabbilixxietx id-diversi ammonti ta’ tluq fuq il-bażi jew tad-dħul mill-bejgħ ta’ elettrodi tal-grafita fiż-ŻEE, jew fuq id-dħul mill-bejgħ globali, tal-prodotti kollha flimkien, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-uniku riferiment għad-dħul mill-bejgħ li jinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirrigwarda l-limitu massimu li l-ammont ta’ multa ma jistax jaqbeż u, min-naħa l-oħra, li dan il-limitu għandu jiġi interpretat bħala li huwa relatat mad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 119). Fi ħdan dan il-limitu, il-Kummissjoni tista’, bħala regola, tiffissa l-multa bi tluq mid-dħul mill-bejgħ li tagħżel hi, f’termini taż-żona ġeografika u tal-prodotti kkonċernati (sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 5023) mingħajr ma hija obbligata tuża preċiżament id-dħul mill-bejgħ globali jew dak magħmul fis-suq ġeografiku jew fis-suq tal-prodotti in kwistjoni. Barra minn hekk, għalkemm il-Linji gwida ma jipprevedux il-kalkolu tal-multi skond dħul mill-bejgħ partikolari, dawn lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jitqies, bil-kundizzjoni li l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ma tkunx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

196    F’din il-kawża, għall-kuntrarju ta’ l-argument ta’ SGL, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 149 sa 151 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni għażlet id-dħul mill-bejgħ dinji miksub mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni biex tesprimi, f’termini ta’ ammonti ta’ tluq, in-natura tal-ksur, l-effett reali tiegħu fuq is-suq kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku, waqt li titqies id-disparità kbira fid-daqs bejn il-membri ta’ l-akkordju.

197    Fir-rigward tan-natura instrinsika ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni kienet korretta meta użat dak id-dħul mill-bejgħ, mingħajr ma kkommettiet żball ta’ evalwazzjoni, peress li dan kien jippermetti li titqies “il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi”, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida.

198    Effettivament, skond il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni, l-akkordju kellu dimensjoni dinjija u kien jinvolvi, minbarra l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq skond il-prinċipju ta’ “produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: il-produtturi li ma joriġinawx miż-ŻEE, minflok ma jikkompetu b’mod aggressiv fis-suq taż-ŻEE, kellhom jirtiraw minn dak is-suq li ma kienx is-“suq domestiku tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punti 64 u 67 iktar ’il fuq). Kieku l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont ta’ tluq ta’ Tokai, SDK, Nippon, SEC u C/G fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ żgħir tagħhom fiż-ŻEE għall-prodott in kwistjoni, hija kienet tkun qed tippremjahom talli kkonformaw ma’ wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ l-akkordju u talli aċċettaw li ma jikkompetux fis-suq taż-ŻEE, meta dak l-aġir tagħhom konformi ma’ dan il-prinċipju ta’ l-akkordju ppermetta lill-produtturi “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-Ewropa, jiġifieri b’mod partikolari SGL u UCAR, jiffissaw unilateralment il-prezzijiet fiż-ŻEE. B’dan il-mod, ir-rikorrenti Ġappuniżi u C/G ħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq taż-ŻEE, irrispettivament mid-dħul mill-bejgħ reali tagħhom f’dak is-suq.

199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-akkordju dinji kkonstatat mid-Deċiżjoni kien ta’ preġudizzju għall-konsumaturi fiż-ŻEE peress li b’mod partikolari SGL u UCAR setgħu jżidu l-prezzijiet tagħhom fiż-ŻEE mingħajr ma jkunu mhedda mir-rikorrenti Ġappuniżi u minn C/G, li setgħu jaġixxu bl-istess mod, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ reċiproċità fuq livell dinji, fis-swieq rispettivi tagħhom, jiġifieri fil-Ġappun u l-Lvant Imbiegħed, minn naħa, u fl-Istati Uniti, min-naħa l-oħra. Peress li wieħed mill-għanijiet ta’ l-akkordju kien li jimpedixxi l-forzi kompetittivi tal-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] milli jiġu applikati fiż-ŻEE, il-parteċipazzjoni ta’ dawk il-produtturi kienet neċessarja għall-funzjonament tajjeb ta’ l-akkordju fit-totalità tiegħu, jiġifieri fis-swieq reġjonali l-oħrajn tad-dinja. Għaldaqstant, l-effett reali fuq iż-ŻEE tal-ksur imwettaq mill-membri kollha ta’ l-akkordju, inkluż dak tar-rikorrenti li għalihom iż-ŻEE ma kinitx is-“suq domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jikkonsisti fil-kontribuzzjoni tagħhom għall-effikaċja globali ta’ l-akkordju, peress li kull wieħed mit-tliet “pilastri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – l-Istati Uniti, iż-ŻEE, il-Lvant Imbiegħed/il-Ġappun – kien essenzjali għall-funzjonament effettiv ta’ l-akkordju fuq livell dinji.

200    Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni għandha biss kompetenza li tissanzjona limitata għat-territorju taż-ŻEE ma jipprekludix li hija tqis id-dħul mill-bejgħ dinji miksub mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni, sabiex tevalwa l-kapaċità ekonomika tal-membri ta’ l-akkordju li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE. Il-Kummissjoni tista’ tipproċedi għal dik l-evalwazzjoni fuq l-istess bażi bħal ma hija tqis, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mal-ġurisprudenza relatata miegħu, il-kapaċità finanzjarja ta’ l-impriża ssanzjonata billi tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tagħha.

201    Huwa minnu li ġurisprudenza stabbilita sew topponi li tingħata importanza differenti lil wieħed jew lill-ieħor mid-dħul mill-bejgħ differenti meta mqabbla ma’ l-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni b’tali mod li l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali, b’mod partikolari meta l-merkanziji kkonċernati jirrappreżentaw biss frazzjoni żgħira ta’ dak id-dħul mill-bejgħ (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 120 u 121, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punt 94). B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat, fis-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx qieset il-fatt li d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti kkonċernati bil-ksur kien relattivament żgħir meta mqabbel ma’ dak tal-bejgħ kollu magħmul mill-impriża in kwistjoni.

202    L-erba’ rikorrenti Ġappuniżi u C/G jinvokaw dik il-ġurisprudenza waqt li jirreferu għall-preżenza żgħira tagħhom fiż-ŻEE. Madankollu, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, tirrigwarda l-iffissar ta’ l-ammont finali tal-multa u mhux, bħal f’din il-kawża, l-ammont ta’ tluq stabbilit fir-rigward tal-gravità tal-ksur. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma bbażatx l-ammont finali tal-multi biss fuq id-dħul mill-bejgħ globali, iżda hija qieset serje sħiħa ta’ elementi oħrajn minbarra d-dħul mill-bejgħ u, fir-rigward ta’ l-ammont ta’ tluq, fil-fatt preċiżament ma kienx id-dħul mill-bejgħ globali li tqies. Il-ġurisprudenza invokata b’hekk ma hijiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 156). 

203    In kwantu C/G issostni wkoll li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “serja ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minħabba l-partikolarità tas-sitwazzjoni tagħha fiż-ŻEE, biżżejjed li jiġi rrilevat li d-data speċifika li tappartjeni għal impriża partikolari tista’ ċertament tikkostitwixxi ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (punti 2 u 3 tal-Linji gwida) jew tiġġustifika l-aġġustament finali tal-multa [punt 5(b) tal-Linji gwida]. Madankollu meta l-Kummissjoni tibbaża fuq l-impatt tal-ksur sabiex tevalwa l-gravità tiegħu, skond l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, l-effetti li għandhom jitqiesu huma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li fih ipparteċipaw l-impriżi kollha (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 152), b’tali mod li teħid f’kunsiderazzjoni ta’ aġir individwali jew ta’ data speċifika dwar kull impriża ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. L-elementi partikolari mqajma minn C/G b’hekk huma irrilevanti f’dan il-kuntest.

204    Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq nuqqas li jitqies id-dħul mill-bejgħ sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ tluq għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-impatt reali ta’ l-akkordju fuq iż-żidiet fil-prezz u fuq l-ishma mis-suq ta’ ċerti membri ta’ l-akkordju

205    In kwantu r-rikorrenti Ġappuniżi u C/G isostnu li l-aġir illeċitu tagħhom ma kellux “impatt reali” fiż-ŻEE, fis-sens ta’ l-aħħar subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, minħabba li l-astensjoni tagħhom milli jbiegħu l-prodott in kwistjoni kienet ibbażata fuq deċiżjonijiet awtonomi li ttieħdu qabel l-akkordju, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jinjora n-natura intrinsika ta’ l-akkordju ta’ tqassim tas-swieq fuq livell dinji, minn naħa, u l-fatt li r-rikorrenti ma kkontestawx validament il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni fuq dan il-punt, min-naħa l-oħra.

206    Effettivament, ir-rikorrenti aċċettaw il-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordju li l-prezzijiet tal-prodott in kwistjoni kellhom jiġu ffissati fuq livell dinji u li l-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kellhom jirtiraw ruħhom mis-swieq irriżervati għall-produtturi “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 50 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li dawk il-prinċipji bażiċi kienu ġew implementati mid-diversi laqgħat ta’ l-akkordju (premessi 51 sa 93 tad-Deċiżjoni), mingħajr ma dawk il-konstatazzjonijiet ma ġew ikkontestati validament mir-rikorrenti msemmija hawn fuq.

207    Fir-rigward ta’ l-impatt konkret ta’ l-aġir illeċitu ta’ kull impriża fuq is-suq u l-kompetizzjoni, dak l-impatt għandu jitqies, b’mod konformi ma’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, “fejn dan jista’ jkun ikkalkolat”. F’din il-kawża, l-aġir mhux aggressiv fiż-ŻEE tal-ħames rikorrenti msemmija hawn fuq jikkorrispondi lealment mal-prinċipji u mal-funzjonament tajjeb ta’ l-akkordju. Għalhekk huwa diffiċli li jiġi “ikkalkolat” safejn l-impatt konkret tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ aggressjoni min-naħa tagħhom fis-suq taż-ŻEE, jeċċedi l-livell purament kuntrattwali, jiġifieri l-impenn tagħhom li jibqgħu passivi.

208    Biex jiġi kkontestat validament l-impatt konkret tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati “spjegazzjonijiet alternattivi” għall-aġir li huwa konformi ma’ l-akkordji illeċiti, jiġifieri deċiżjoniet awtonomi allegatament meħuda fl-interess ekonomiku ta’ l-impriżi. Effettivament, il-kunċett ta’ “spjegazzjonijiet alternattivi” jista’ jservi biss biex jeskludi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, meta aġir parallel u passiv ikun jista’ jiġi spjegat minn raġunijiet oħrajn plawżibbli apparti kollużjoni bejn l-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 75, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata). F’din il-kawża, l-aġir illeċitu tal-ħames rikorrenti msemmija hawn fuq, mhux talli ma jikkostitwixxix sempliċi aġir parallel, iżda jikkorrispondi preċiżament ma’ l-akkordji ta’ kollużjoni li tagħhom huma la jikkontestaw l-eżistenza u lanqas il-kontenut.

209    Barra minn hekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, l-għan ta’ l-akkordju kien li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq dinji b’mod li jkunu jistgħu jsiru żidiet miftiehma fil-prezzijiet. Billi aċċettaw li joqogħdu ’il bogħod mis-suq taż-ŻEE, il-ħames rikorrenti msemmija hawn fuq taw kontribut importanti għall-istabbiltà tas-suq dinji, bl-effett li saret ħsara serja lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Il-kumpens għall-protezzjoni ggarantita minn SGL u UCAR lil dawk ir-rikorrenti fis-swieq “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom kien il-wegħda tagħhom li jibqgħu ’l barra miż-ŻEE. Kieku dik il-wegħda ma kellhiex valur, ma kienx ikun neċessarju għal dawk ir-rikorrenti li jipparteċipaw fl-akkordju.

210    Finalment, skond il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni, l-akkordju in kwistjoni ma kienx akkordju Ewropew li fih assoċjaw ruħhom xi parteċipanti Ġappuniżi u Amerikani, iżda kien akkordju attiv fuq livell dinji. Biex jiġi eskluż ir-riskju ta’ tfixkil għall-funzjonament tajjeb ta’ l-akkordju, kull parti tat impenn li tirrispetta l-ishma mis-suq akkwistati f’livell dinji, minkejja xejriet u żviluppi futuri, u b’hekk tiżgura żidiet regolari fil-prezzijiet f’kull reġjun tad-dinja, żidiet li, fin-nuqqas tal-prinċipju tal-produttur “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], seta’ jinkoraġġixxi l-aċċess ta’ produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għal reġjuni kkaratterizzati mill-preżenza ta’ produtturi “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

211    Ir-referiment tar-rikorrenti għad-deċiżjonijiet awtonomi tagħhom, meħuda fl-interess ekonomiku tagħhom, li jikkonċentraw fuq is-suq “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] rispettiv tagħhom b’hekk hija irrilevanti. Effettivament, iċ-ċirkustanzi li ddeterminaw tali deċiżjonijiet jistgħu jinbidlu f’kull mument, b’mod li l-impenn li wieħed jibqa’ barra minn reġjun li, f’mument partikolari, ma jirrappreżentax interess ekonomiku jżomm il-valur tiegħu. Barra minn hekk, għalkemm huwa dejjem diffiċli li wieħed jimmaġina xi żviluppi seta’ kien hemm f’suq partikolari fin-nuqqas ta’ l-akkordju attiv f’dak is-suq, tali pronjożi huma partikolarment problematiċi fl-ipoteżi ta’ tqassim tas-swieq skond il-prinċipju tal-produttur “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jobbliga lill-membri ta’ l-akkordju li jibqgħu passivi f’ċerti reġjuni ġeografiċi.

212    Fi kwalunkwe każ, ma huwiex biżżejjed li wieħed isaqsi, f’tali ipoteżi, dwar l-ishma mis-suq li l-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] setgħu raġonevolment jiksbu, fin-nuqqas ta’ l-akkordju, f’suq irriżervat għal membru ieħor ta’ l-akkordju. Effettivament, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas taċ-ċertezza mogħtija mill-akkordju, il-produttur “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], taħt is-sempliċi theddida ta’ aċċess minn produtturi oħrajn għal dak is-suq, kien ipprattika prezzijiet pjuttost baxxi sabiex dawk il-produtturi l-oħrajn jagħżlu li jibqgħu barra mis-suq in kwistjoni, mingħajr ma jakkwistaw lanqas parti żgħira mis-suq. F’dik is-sitwazzjoni, il-kompetizzjoni ħielsa kienet tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, f’termini ta’ tnaqqis fil-prezzijiet, mingħajr ma jkun hemm ebda bidla fl-ishma mis-suq.

213    Il-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet ġustament li l-aġir passiv fiż-ŻEE tal-ħames rikorrenti in kwistjoni kien il-konsegwenza reali ta’ l-akkordju, b’mod li dawk ir-rikorrenti kienu, huma wkoll, ipparteċipaw fi “ksur serju ħafna”.

214    L-istess jgħodd għaż-żidiet fil-prezz ikkawżati mill-akkordju bejn l-1992 u l-1996. In kwantu SGL tinvoka “spjegazzjonijiet alternattivi” f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar, mill-ġdid, li dan il-każ ma jikkonċernax sempliċi “aġir parallel”. Barra minn hekk, il-premessi 136 u 137 tad-Deċiżjoni jissintetizzaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet ta’ mira u ż-żidiet effettivi tal-prezzijiet b’applikazzjoni tal-prinċipju bażiku ta’ l-akkordju, li abbażi tiegħu l-prezzijiet ta’ l-elettrodi tal-grafita kienu ffissati fuq livell dinji (premessi 50 u 61 sa 70 tad-Deċiżjoni). Minn dan jirriżulta li l-prezzijiet miftiehma matul il-laqgħat tal-kartell ġew imposti progressivament fuq ix-xerrejja u żdiedu b’madwar 50 % bejn l-1992 u l-1996. Dawk il-konstatazzjonijiet konkreti u ssostanzjati ma ġewx ikkontestati minn SGL. Il-Kummissjoni b’hekk stabbilixxiet validament konnessjoni bejn iż-żieda fil-prezzijiet u l-applikazzjoni ta’ l-akkordji illeċiti mit-tmien membri ta’ l-akkordju li kienu jikkontrollaw kważi 90 % tas-suq dinji ta’ l-elettrodi tal-grafita (premessa 135 tad-Deċiżjoni) u li kienu ftiehmu dwar il-prezzijiet għal perijodu ta’ bejn ħames u sitt snin (premessa 3 tad-Deċiżjoni), li jaqsmu s-swieq u li jieħdu serje sħiħa ta’ miżuri relatati (premessa 2 tad-Deċiżjoni).

215    Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq nuqqas li jitqies l-impatt reali ta’ l-akkordju fuq iż-żidiet fil-prezz u fuq l-ishma mis-suq ta’ ċerti membri ta’ l-akkordju ma jistgħux jiġu aċċettati.

–       Fuq it-tqassim tal-membri ta’ l-akkordju fi tliet kategoriji u fuq l-iffissar ta’ l-ammonti ta’ tluq rispettivi

216    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq in-natura arbitrarja u eċċessiva ta’ l-ammonti ta’ tluq u, b’mod partikolari, ta’ l-ammont ta’ EUR 40 miljun iffissat għal SGL, minħabba li dak l-ammont għoli ma huwiex kompatibbli mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir ta’ l-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 127). Il-fatt li fil-passat, il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li, f’kull mument, tgħolli dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 109) u sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II-1373, punt 179) (ara l-punti 191 u 192 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-ilment dwar il-bdil tal-prassi fir-rigward tal-livell ta’ l-ammonti bażiċi għandu jiġi miċħud.

217    Fir-rigward tat-tqassim tal-membri ta’ l-akkordju f’kategoriji differenti, li rriżulta fl-adozzjoni ta’ rata fissa għall-ammont bażiku ffissat għall-impriżi fi ħdan l-istess kategorija, għandu jiġi osservat li tali approċċ tal-Kummissjoni, anki jekk hija waslet sabiex injorat id-differenzi ta’ daqs bejn impriżi ta’ l-istess kategorija, ma jistax, bħala prinċipju, ikun ikkundannat. Fil-fatt, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżgura, fil-każ fejn multi huma imposti fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (ara s-sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 385 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Il-Kummissjoni b’hekk ma kkommettietx żball ta’ fatt jew ta’ liġi meta pproċediet, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, għat-tqassim tar-rikorrenti f’kategoriji.

219    Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li tali tqassim skond kategoriji għandu josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali li abbażi tiegħu huwa pprojbit li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 406). F’din l-istess perspettiva, il-Linji gwida jipprevedu, fis-sitt paragrafu tal-punt 1 A tagħhom, li differenza “konsiderabbli” fid-daqs ta’ l-impriżi li jikkommettu ksur ta’ l-istess natura hi, b’mod partikolari, ta’ natura li tiġġustifika li ssir distinzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, ta’ l-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward ta’ l-elementi meqjusa biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 106).

220    Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tqassam l-impriżi kkonċernati f’kategoriji għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, id-determinazzjoni tal-livelli għal kull waħda mill-kategoriji identifikati b’dan il-mod għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 416, u s-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 298).

221    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, meta stabbilixxiet fl-introduzzjoni tal-Linji gwida tagħha li d-diskrezzjoni li hija għandha fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi għandha ssegwi “politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni”, impenjat ruħha li tibbaża ruħha fuq dawk il-prinċipji meta hija tistabbilixxi l-ammont tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

222    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, l-iffissar tal-livelli li jisseparaw it-tliet kategoriji identifikati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tabella li tinsab fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni (ara punt 168 iktar ’il fuq) huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

223    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 148 sa 151 tad-Deċiżjoni li, biex tifforma t-tliet kategoriji u biex tiffissa l-ammonti ta’ tluq differenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterju wieħed, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq konkreti li l-membri ta’ l-akkordju kisbu bil-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fis-suq dinji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni rreferiet għad-dħul mill-bejgħ għas-sena 1998 u għall-iżviluppi fl-ishma mis-suq bejn l-1992 u l-1998, kif jinsabu fit-tabella msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, jidher li l-metodu aritmetiku applikat kien jikkonsisti f’li tipproċedi f’passi ta’ madwar [...] % ta’ ishma mis-suq, b’kull pass jikkorrispondi għal ammont ta’ madwar EUR 8 miljuni. B’hekk, SGL u UCAR, b’sehem mis-suq ta’ madwar [...], ġew assenjati ammont ta’ tluq ta’ [...] 40 miljun kull wieħed. VAW, SEC u Nippon, li s-sehem mis-suq tagħhom ma kienx jilħaq il-5 %, ġew assenjati 8 miljuni kull wieħed, waqt li l-ammont assenjat lil SDK, C/G u Tokai, b’sehem mis-suq ta’ bejn 5 u 10 %, tela’ għal 16-il miljun kull wieħed.

224    Fir-rigward tal-punt ta’ tluq ta’ dan il-metodu, jiġifieri l-għażla ta’ passi ta’ EUR 8 miljuni, biex tasal għal ċifra massima preċiża ta’ EUR 40 miljun assenjata lil SGL u UCAR, huwa minnu li l-Kummissjoni ma tagħti ebda indikazzjoni fid-Deċiżjoni għal liema raġunijiet hija għażlet iċ-ċifra preċiża ta’ EUR 40 miljun għall-impriżi kklassifikati fl-ewwel kategorija. Madankollu din l-għażla tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan il-qasam.

225    Effettivament, il-Linji gwida jippermettu li jiġi ffissat ammont sa EUR 20 miljun għal ksur “serju ħafna”. L-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet minn dejjem kienu meqjusa li jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u għalhekk jistgħu, fihom infushom, jiġu kkwalifikati bħala “serj[i] ħafna” (sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 262). Dan b’hekk huwa doppjament veru għall-akkordju f’din il-kawża li kien kartell kemm fir-rigward tal-prezzijiet kif ukoll fir-rigward tat-tqassim tas-swieq li kien jirrigwarda t-territorju kollu tas-suq komuni u taż-ŻEE. 

226    Għandu jingħad ukoll li d-dħul mill-bejgħ rilevanti għal SGL u UCAR jammonta, rispettivament, għal EUR [...] miljun u [...] miljun, waqt li l-ishma mis-suq tagħhom ivarjaw, rispettivament, bejn [...] u [...] % u bejn [...] u [...] %. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dawn iż-żewġ impriżi kellhom jitpoġġew fl-istess kategorija, koerenti ma’ dħul mill-bejgħ medju ta’ EUR [...] miljun u sehem mis-suq medju ta’ madwar [...] %.

227    Peress li r-regolarità ta’ l-ewwel kategorija u ta’ l-ammont ta’ tluq rilevanti ġiet b’hekk stabbilita, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni kategorija, komposta minn SDK, C/G u Tokai, ġietx ikkostitwita b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat. F’dan ir-rigward, jirriżulta li l-metodu aritmetiku applikat mill-Kummissjoni jwassal għal riżultat koerenti f’dak li jirrigwarda SDK, li d-dħul mill-bejgħ u s‑sehem mis-suq rilevanti tagħhom jammontaw, rispettivament, għal EUR [...] miljun u għal madwar [...] %. Ir-relazzjoni bejn SDK, minn naħa, u l-kategorija komposta minn SGL u UCAR, min-naħa l-oħra, b’hekk tista’ b’mod approssimattiv tiġi kkalkolata għal 1: 2.5, li jiġġustifika l-iffissar ta’ ammont ta’ tluq ta’ EUR 16-il miljun fir-rigward ta’ SDK (40: 2.5).

228    Min-naħa l-oħra, il-fatt li SDK u Tokai ġew ikklassifikati fl-istess kategorija, meta d-dħul mill-bejgħ u s-sehem mis-suq ta’ din ta’ l-aħħar jammontaw biss, rispettivament, għal EUR [...] miljun u għal madwar [...] %, jiġifieri n-nofs tad-data rilevanti ta’ SDK, jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi aċċettat mill-aspett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, b’mod speċjali peress li d-differenza fid-daqs bejn Tokai u SDK, li jappartjenu għall-istess kategorija, hija akbar minn dik bejn Tokai u Nippon (dħul mill-bejgħ: EUR [...] miljun u sehem mis-suq: madwar [...] %), li jaqgħu taħt żewġ kategoriji differenti. Għall-kuntrarju ta’ l-argument tal-Kummissjoni, tali klassifikazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala koerenti (ara, f’dan is-sens, sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punti 415, 422 u 426).

229    Sabiex jiġi vverifikat jekk l-approċċ tal-Kummissjoni huwiex oġġettivament iġġustifikat, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni, wara li rreferiet għad-dħul mill-bejgħ dinji miksub minn kull impriża mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fl-1998 u mill-ishma mis-suq fuq skala dinjija (premessi 149 u 150), sempliċement indikat li “C/G, SDK u Tokai, li l-ishma mis-suq tagħhom kienu ferm iżgħar fuq livell dinji (bejn 5 u 10 %) [minn dawk ta’ SGL u UCAR], jaqgħu taħt it-tieni kategorija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 150). Din is-silta ma tagħti ebda raġuni speċifika li tippermetti lill-Kummissjoni, minkejja l-proporzjonijiet fid-daqs imsemmija hawn fuq, tikkategorizza lil Tokai speċifikament ma’ SDK u mhux ma’ Nippon.

230    Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni argumentat li, billi stabbilixxiet it-tliet kategoriji u ffissat l-ammonti ta’ tluq differenti, hija mxiet ma’ ordnijiet ta’ kobor iktar milli ma’ formoli aritmetiċi, peress li multa għandha tkun proporzjonata mhux mad-dħul mill-bejgħ ta’ impriża partikolari, iżda mal-gravità u t-tul tal-ksur. Fi kwalunkwe każ, l-akkordju fit-totalità tiegħu kellu impatt kunsiderevoli fiż-ŻEE, b’mod li anki parteċipant b’sehem mis-suq modest seta’ jagħti kontribut sinjifikattiv għal dak ir-riżultat. Is-sehem mis-suq u d-dħul mill-bejgħ b’hekk mhux neċessarjament jirriflettu l-impatt sħiħ fuq il-kompetizzjoni ta’ kull membru ta’ l-akkordju. Finalment, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom; konsegwentement, jekk issir tali distinzjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma applikatx proporzjon strett bejn id-dħul mill-bejgħ relattivi.

231    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Effettivament, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika għal din il-każ partikolari l-metodu ta’ divrenzjar stabbilit fil-Linji gwida, hija kienet obbligata tikkonforma ruħha miegħu, u fejn titbiegħed minnu fuq xi punt partikolari hija kienet obbligata li tagħti r-raġunijiet għal dan (sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 271). Peress li l-membri ta’ l-akkordju, skond id-Deċiżjoni, ġew ikklassifikati f’kategoriji unikament fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax tmur lura, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq il-metodu ta’ divrenzjar tagħha stess billi ssostni li kienet biss kwistjoni ta’ ordnijiet ta’ kobor pjuttost vagi u li la s-sehem mis-suq u lanqas id-dħul mill-bejgħ ma jirriflettu neċessarjament l-impatt ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni ma hemm ebda element konkret li jispjega għalfejn dan l-aħħar argument jiġġustifika li Tokai tiġi kkategorizzata preċiżament ma’ SDK u mhux ma’ Nippon.

232    Waqt li huwa minnu li l-Kummissjoni tista’ tqis għadd ta’ fatturi biex tiddetermina l-ammont finali ta’ multa u li hija ma hijiex obbligata tapplika formoli matematiċi għal dan il-għan, xorta jibqa’ l-fatt li, meta hija jidhrilha li huwa opportun u ġust li jintużaw, f’ċertu stadju ta’ l-eżerċizzju, kalkoli matematiċi, hija għandha tapplika l-metodu tagħha stess b’mod korrett, koerenti u, b’mod partikolari, nondiskriminatorju. Ladarba hija tiddeċiedi b’mod volontarju li tapplika tali metodu aritmetiku, il-Kummissjoni hija marbuta mar-regoli intrinsiċi tiegħu, ħlief jekk ikun hemm ġustifikazzjoni espliċita, fir-rigward tal-membri kollha ta’ l-istess akkordju.

233    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-klassifikazzjoni ta’ Tokai fl-istess kategorija bħal SDK ma tistax tiġi aċċettata. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li huwa ċertament xieraq li tinżamm il-loġika ġenerali tal-Kummissjoni u li tinżamm il-kategorizzazzjoni tal-membri ta’ l-akkordju. Madankollu, għandha titneħħa t-tieni kategorija, u SDK u Tokai għandhom jitpoġġew mill-bidu f’żewġ kategoriji differenti, biex b’hekk SDK tibqa’ bl-ammont ta’ tluq ta’ EUR 16-il miljun attribwit mill-Kummissjoni, waqt li Tokai tingħata ammont ta’ tluq ta’ EUR 8 miljuni.

234    Għaldaqstant, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar iż-żewġ motivi supplimentari mqajma minn Tokai biex jinkiseb ammont ta’ tluq ta’ EUR 8 miljuni, motivi li kienu bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tat ebda indikazzjoni valida dwar id-daqs tas-suq in kwistjoni u li hija kienet injorat li s-sehem mis-suq ta’ Tokai kien kemmxejn taħt il-limitu ta’ 5 %.

235    Dejjem fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma, fit-tieni lok, li C/G, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR [...] miljun u sehem mis-suq ta’ madwar [...] %, tinsab tant qrib Tokai, f’termini ta’ daqs fis-suq dinji rilevanti, li għandha titpoġġa fl-isess kategorija bħal din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, l-ammont ta’ tluq għal C/G għandu jkun iffissat ukoll għal EUR 8 miljuni.

236    Fir-rigward tat-tielet kategorija l-qadima, komposta minn Nippon, SEC u VAW, jidher li din hija koerenti biżżejjed mill-aspett tad-differenza fid-daqs kemm bejn it-tliet impriżi kkonċernati kif ukoll fir-rigward tal-impriżi tal-kategorija li jmiss (Tokai u C/G). Għaldaqstant dik il-kategorija ta’ l-iżgħar impriżi għandha tinżamm kif inhi.

237    Madankollu, id-dħul mill-bejgħ medju (EUR [...] miljun) u s-sehem mis-suq medju (madwar [...] %) ta’ dik il-kategorija jammontaw biss għal nofs id-data medja li tikkorrispondi għall-kategorija li jmiss, komposta minn Tokai u C/G, u wieħed minn għaxra tad-data ta’ l-ewwel kategorija, komposta minn SGL u UCAR. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont ta’ tluq għal kull waħda mir-rikorrenti, Nippon u SEC, għandu jiġi ffissat għal EUR 4 miljuni.

–       Fuq il-“fattur ta’ dissważjoni” applikat fid-Deċiżjoni

238    Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-allegazzjoni ta’ SGL, li abbażi tagħha l-Kummissjoni, minflok ma kkunsidrat iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ l-impriża, ippruvat biss timponi fuqha effett ta’ dissważjoni, hija infondata. Effettivament, il-Kummissjoni semmiet il-livell suffiċjentement dissważiv ta’ l-ammonti ta’ tluq biss meta fakkret ir-regoli ġenerali tal-kalkolu (premessi 146 u 148 tad-Deċiżjoni). L-adattament konkret ta’ dawk l-ammonti, bil-għan li jingħataw effett dissważiv speċifiku, sar biss fir-rigward ta’ VAW u SDK (premessi 152 sa 154 tad-Deċiżjoni), waqt li SGL ma kinitx suġġetta għal tali adattament.

239    Fir-rigward ta’ l-ilment imqajjem minn SDK, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, meta tikkalkola l-multa ta’ impriża, tista’ tqis, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u s-saħħa ekonomika tagħha (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 120, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p. II-3859, punti 89 u 90). Minbarra dan, fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċità finanzjarja tal-membri ta’ akkordju, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ir-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 85 u 86), u fis-sentenza tagħha ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (punt 153 iktar ’il fuq, punti 154, 155 u 162 sa 167), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet ukoll il-legalità tal-prinċipju ta’ multiplikatur preċiżament ta’ 2.5 waqt li enfasizzat li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tqis l-effett suffiċjentement dissważiv tal-multa imposta.

240    F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ SDK għandu jiġi miċħud. Effettivament, fil-punt 110 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kellha l-intenzjoni “tiffissa l-multi f’livell suffiċjentement għoli biex ikollhom effett dissważiv”. SDK, bla dubju ta’ xejn kienet konxja mit-test ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mid-dħul mill-bejgħ globali kbir tagħha. Barra minn hekk, SDK setgħet tiddeduċi mid-Deċiżjoni 1999/60/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KE [IV/35.691/E-4 – Pajpijiet pre-insulati (ĠU 1999, L 24, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-pajpijiet pre‑insulati”)], fejn kien ġiet applikat multiplikatur preċiżament ta’ 2.5 għall-kumpannija Asea Brown Boveri, li ma kienx eskluż li l-Kummissjoni kienet ser tapplika wkoll fil-konfront tagħha multiplikatur f’dik il-medda. B’hekk ma kien hemm xejn li jżomm lil SDK milli tirreferi, matul il-proċedura amministrattiva, għad-daqs u r-riżorsi finanzjarji tagħha u li tesprimi ruħha dwar l-effett dissważiv tas-sanzjoni li l-Kummissjoni kienet ser timponi fuqha.

241    Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 239 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni b’hekk setgħet ġustament tistabbilixxi li SDK, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali enormi tagħha meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, setgħet timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa biex tħallas il-multa tagħha, li kien jiġġustifika, mil-lat ta’ effett dissważiv suffiċjenti għal din ta’ l-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur. Ebda wieħed mill-argumenti mqajma f’sens kuntrarju minn SDK ma jista’ jiġi aċċettat.

242    Effettivament, fl-ewwel lok, filwaqt li huwa minnu li s-sempliċi daqs ta’ impriża ma huwiex awtomatikament sinonimu mal-qawwa finanzjarja tagħha, dik il-konstatazzjoni ġenerali ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li SDK, għall-kuntrarju tar-rikorrenti l-oħrajn, ma allegatx l-inkapaċità finanzjarja tagħha biex tħallas il-multa imposta. Fit-tieni lok, billi ssostni li multa ġusta għandha tfittex biss li tikkumpensa d-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni libera u li huwa neċessarju, f’dan ir-rigward, li tiġi evalwata l-probabbiltà li jiġi skopert l-akkordju kif ukoll il-profitti miksuba mill-membri ta’ l-akkordju, SDK tinvoka parametri ipotetiċi u wisq inċerti għal evalwazzjoni tar-riżorsi finanzjarji effettivi ta’ impriża.

243    Fi kwalunkwe każ, dak l-argument ta’ SDK ma huwiex ta’ natura li jinvalida r-regola li abbażi tagħha ksur imwettaq minn impriża li għandha riżorsi finanzjarji sostanzjali jista’, bħala regola, jiġi ssanzjonat b’multa proporzjonalment iktar għolja minn dik imposta fuq impriża li wettqet l-istess ksur iżda li ma għandhiex tali riżorsi. Finalment, fir-rigward tar-referiment għal impriżi oħrajn li, għalkemm kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet kumparabbli għal dik ta’ SDK, kienu ġew issanzjonati inqas serjament, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, kemm-il darba tirrispetta l-limitu massimu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ma hijiex obbligata li tibqa’ ssegwi prassi partikolari fir-rigward ta’ l-iffissar tal-livell tal-multi.

244    Peress li b’hekk ġiet irrikonoxxuta l-possibbiltà ta’ l-impożizzjoni ta’ multiplikatur għal SDK, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċifra ta’ 2.5 hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.

245    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku punt ta’ referiment fid-Deċiżjoni, li jippermetti li tiġi eżaminata l-fondatezza taċ-ċifra ta’ 2.5 applikata għal SDK, huwa l-paragun tagħha ma’ dik ta’ 1.25 applikata għal VAW, u dan fir-rigward taċ-ċifri u l-motivi li jinsabu fil-premessi 30 u 152 sa 154 tad-Deċiżjoni (ara l-punti 168 u 170 iktar ’il fuq).

246    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet li huwa ġust, fil-każ ta’ VAW, li jiżdied l-ammont ta’ tluq “sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi finanzjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-impriża. Madankollu, peress li d-dħul mill-bejgħ u l-ishma mis-suq relatati mal-bejgħ tal-prodott fuq skala dinjija bejn l-1992 u l-1998 kienu ġew eżawriti għall-finijiet tad-distinzjoni bejn il-membri ta’ l-akkordju abbażi tal-gravità tal-ksur u peress li ċ-ċifri relatati mas-suq taż-ŻEE huma irrilevanti f’dan il-kuntest, l-uniku element li jista’ jiġġustifika tali konstatazzjoni fir-rigward ta’ VAW huwa d-dħul mill-bejgħ dinji totali tagħha miksub fl-2000 li, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni, huwa tliet darbiet ikbar minn dak ta’ SGL. Fir-rigward tal-fattur ta’ 1.25 iffissat għal VAW, jidher b’mod ċar li l-multiplikazzjoni biċ-ċifra 1 kellha effett totalment newtrali, u li l-uniku effett multiplikatur reali kien introdott miċ-ċifra ta’ 0.25 miżjuda maċ-ċifra 1.

247    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ SDK, id-Deċiżjoni tiddikjara li din hija “bla dubju l-ikbar waħda fost l-impriżi kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li hija r-raġuni għalfejn fir-rigward tal-ammont ta’ tluq tagħha kellu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 2.5 (premessa 154). L-uniku element li jiġġustifika dik id-deskrizzjoni ta’ SDK huwa d-dħul mill-bejgħ dinji totali tagħha miksub fl-2000, li huwa d-doppju ta’ dak ta’ VAW u sitt darbiet iktar minn dak ta’ SGL. Skond il-loġika li segwiet il-Kummissjoni stess fil-każ ta’ VAW, b’hekk l-ammont ta’ tluq ta’ SDK għandu jiġi aġġustat bid-doppju taż-żieda reali applikata għal VAW, biex jitqies il-fatt li d-daqs u r-riżorsi globali tagħha huma d-doppju. L-uniku multiplikatur li jissodisfa dan il-kriterju huwa dak ta’ 0.5 (2 x 0.25) miżjud maċ-ċifra 1.

248    Ebda wieħed mill-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’sens kuntrarju ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni. Minn naħa, fid-Deċiżjoni ma hemm l-ebda konstatazzjoni, għajr dawk dwar id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriża, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ multiplikatur ogħla minn 1.5 għal SDK. B’mod partikolari, hija ma tispjegax għalfejn iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti jeħtieġu l-applikazzjoni għal SDK ta’ multiplikatur sitt darbiet ikbar minn dak applikat għal VAW, minkejja li d-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħha għal dik l-operazzjoni huwa biss darbtejn ikbar minn dak ta’ VAW. In kwantu l-Kummissjoni ddikjarat, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ma bbażatx ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ preċiż ta’ SDK, iżda li hija għamlet sempliċement adattament impreċiż biex tagħti ċerta direzzjoni, biżżejjed li jiġi kkonstatat li dak l-argument huwa kontradett kemm miċ-ċifri kif ukoll mill-motivi mogħtija f’dan ir-rigward fid-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax tiddevja minnhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara punt 232 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, dak l-argument ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ multiplikatur ta’ 2.5.

249    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tal-fehma li l-ammont ta’ tluq iffissat għal SDK għandu jiġi aġġustat b’koeffiċjent ta’ 1.5 biex jintlaħaq l-ammont ta’ EUR 24 miljun.

–       Fuq il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni

250    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni awtriċi ta’ l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet, u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk l-istess motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att in kwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dak l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

251    Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fil-premessi 129 sa 154 tad-Deċiżjoni dwar il-kalkolu tal-multi abbażi tal-gravità tal-ksur, tal-Linji gwida kif ukoll tal-ġurisprudenza u tal-prassi deċiżjonali f’dan il-qasam, li ġew dibattuti mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienu totalment f’pożizzjoni li jqajmu għadd kbir ta’ motivi bbażati fuq l-illegalità fil-mertu fir-rigward ta’ l-elementi ta’ kalkolu tal-gravità tal-ksur. Għalkemm dawn isostnu li wieħed jew ieħor minn dawk l-elementi ma huwiex suffiċjentement immotivat, fl-istess ħin huma jallegaw in-natura żbaljata jew arbitrarja ta’ dak l-element u jippreżentaw id-data li l-Kummissjoni kien imissha, fil-fehma tagħhom, qieset. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinux esposti għal sitwazzjoni li fiha n-nuqqas ta’ motivazzjoni eżawrjenti minn naħa tal-Kummissjoni kienet ċaħdithom minn protezzjoni ġudizzjarja adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UK Coal vs Il-Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 206).

252    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47, u s-sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, punti 76 u 80).

253    Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistgħux jiġu aċċettati.

254    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi mqajma minn SGL u UCAR għandhom jiġu miċħuda, waqt li l-ammonti ta’ tluq tar-rikorrenti l-oħra għandhom ikunu ffissati skond kif ġej: għal Tokai u C/G EUR 8 miljuni kull wieħed, għal SEC u Nippon EUR 4 miljuni kull wieħed u għal SDK EUR 24 miljun.

c)     Fuq l-ammonti bażiċi stabbiliti fid-Deċiżjoni skond it-tul tal-ksur

 Sintesi tad-Deċiżjoni

255    Fil-premessi 155 sa 157 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li SGL, UCAR, Tokai, Nippon u SEC kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE bejn Mejju 1992 u Frar/Marzu 1998. Peress li kienu kkommettew ksur ta’ perijodu twil ta’ ħames snin u disa’ sa għaxar xhur, l-ammonti ta’ tluq tagħhom, ikkalkolati fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur, ġew miżjuda b’55 %. Skond il-Kummissjoni, SDK u VAW ikkommettew ksur ta’ tul medju ta’ erba’ snin u seba’ sa ħdax-il xahar, u l-ammonti ta’ tluq tagħhom, konsegwentement, ġew miżjuda b’45 %. Peress li C/G ikkommettiet ksur ta’ tul medju ta’ tliet snin u għaxar xhur, l-ammont ta’ tluq tagħha ġie miżjud b’35 %.

 Il-Kawża T-239/01

256    SGL issostni li ż-żieda ta’ l-ammont ta’ tluq tagħha b’55 % għal perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin u għaxar xhur tmur kontra d-Deċiżjoni tal-pajpijiet pre-insulati (iċċitata fil-punt 240 iktar ’il fuq) fejn il-Kummissjoni applikat biss żieda ta’ 40 % għal perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin.

257    SGL tiddikjara wkoll li l-kartelli dwar kwoti, li huma kkwalifikati bħala “ksur serju ħafna” fil-Linji gwida, normalment idumu għal diversi snin. Din in-natura tipikament fit-tul hija inerenti għall-ksur ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, kartell dwar kwoti li, min-natura tiegħu stess, huwa ta’ natura fit-tul ma jistax, fir-rigward tat-tul tiegħu, jiġi ttrattat bl-istess mod bħal ksur li, bħal pereżempju abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, huwa fih innifsu “serju ħafna” f’każ li dan jitwettaq għal żmien qasir. It-tul ta’ kartell dwar kwoti b’hekk jista’ jitqies legalment biss meta dan ikun nettament iżjed mit-tul tipiku għal dak it-tip ta’ ksur. Fuq dan il-punt, SGL tikkontesta l-legalità tal-Linji gwida in kwantu dawn jipprevedu t-tul ta’ ksur bl-istess mod irrispettivament min-natura tal-ksur.

258    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, fl-ewwel lok, li l-motiv imqajjem minn SGL kontra l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur ġie miċħud iktar ’il fuq (punti 71 sa 77).

259    Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi espressament li għandhom jitqiesu, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ l-ammenda, “kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur”. Fid-dawl ta’ dan it-test, anki fuq l-assunzjoni li l-kartelli dwar kwoti huma intrinsikament ikkonċepiti sabiex idumu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi mwaqqfa milli tikkunsidra t-tul effettiv tagħhom f’kull każ partikolari. Biżżejjed wieħed jaħseb fl-akkordji li, minkejja li jkunu pproġettati għal żmien twil, huma skoperti mill-Kummissjoni jew iddenunzjati minn parteċipant wara żmien qasir ta’ funzjonament effettiv. L-effett dannuż tagħhom huwa neċessarjament inqas milli fl-ipoteżi fejn ikollhom tul twil ta’ funzjonament effettiv. Għaldaqstant, huwa importanti li dejjem issir distinzjoni bejn it-tul ta’ ksur u l-gravità tiegħu kif tirriżulta min-natura proprja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 283).

260    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet awtorizzata tipprovdi, fit-tielet paragrafu tal-punt 1 B tal-Linji gwida, li ż-żieda għall-ksur ta’ tul twil kienet ser tkun imsaħħa b’mod kunsiderevoli meta mqabbla mal-prassi preċedenti bil-għan li tissanzjona realment ir-restrizzjonijiet “li kellhom impatt negattiv fuq konsumaturi għal perijodu twil”.

261    Għaldaqstant, ma hemmx raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma setgħetx tqis il-Linji gwida biex iżżid b’55 %, abbażi tat-tul tal-ksur ta’ ħames snin u disa’ xhur, l-ammont ta’ tluq ikkalkolat fil-każ ta’ SGL. 

262    Dan it-tnaqqis ma jitpoġġiex f’dubju mid-Deċiżjoni tal-pajpijiet pre-insulati, fejn il-Kummissjoni applikat biss żieda ta’ 40 % għal perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin. Effettivament, dak il-każ kien jinvolvi l-għoti ta’ piż partikolari li kien espressament iġġustifikat miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża: sa mill-bidu tal-perijodu tal-ksur, l-arranġamnti ta’ kollużjoni kienu inkompleti jew kellhom effett limitat; sussegwentement, kienu ġew sospiżi għal ċertu perijodu u kienu laħqu l-iktar forma komputa tagħhom biss wara bosta snin (premessa 170 tad-Deċiżjoni tal‑pajpijiet pre-insulati). Issa, is-sitwazzjoni ta’ SGL ma hijiex ikkaratterizzata minn tali ċirkustanzi speċifiċi.

263    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur stabbilit fir-rigward ta’ SGL għandu jiġi miċħud.

 Kawża T-246/01

–       L-argumenti tal-partijiet

264    Fir-rigward tal-perijodu finali tal-funzjonament ta’ l-akkordju, UCAR tafferma li pprovdiet, hija stess, il-provi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur wara l-verifiki għall‑għarrieda li saru mill-Kummissjoni f’Ġunju 1997, b’mod partikolari l-provi li ppermettew lil din ta’ l-aħħar tistabbilixxi l-laqgħat ta’ l-akkordju ta’ Novembru 1997 u tat-13 ta’ Frar 1998 kif ukoll iż-żamma ta’ kuntatti bilaterali sa Marzu 1998. Skond l-abbozz tagħha ta’ komunikazzjoni ġdida dwar il-kooperazzjoni, ippubblikata fl-2001, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża dik l-informazzjoni biex iżżid il-multa tagħha b’55 %. Effettivament, f’dak l-abbozz, il-Kummissjoni kienet issuġġeriet li, meta impriża tipproduċi provi fuq fatti li jkunu ġew injorati qabel mill-Kummissjoni u li jkollhom impatt dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-ksur preżunt, il-Kummissjoni ma tqisx dawk l-elementi biex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża li tkun ipproduċiethom. Dan huwa approċċ xieraq li l-Kummissjoni kien imissha segwiet. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqisha bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

265    UCAR tikkonkludi li l-provi tal-partiċipazzjoni tagħha fl-akkordju wara l-laqgħa ta’ April 1997 ma kellhomx jitqiesu, fatt li jnaqqas it-tul tal-ksur tagħha għal erba’ snin u ħdax-il xahar. L-ammont ta’ tluq tagħha b’hekk kellu jiżdied b’massimu ta’ 45 % minħabba t-tul.

266    Fir-rigward tal-perijodu inizjali ta’ l-akkordju (1992 sa 1995), UCAR tenfasizza li l-Kummissjoni kien imissiha imponiet multa fuq Mitsubishi u Union Carbide, il-kumpanniji parent tagħha, u mhux fuq UCAR. Effettivament, dawk il-kumpanniji kellhom il-kontroll ta’ UCAR u kellhom rwol importanti billi għamlu l-ewwel kuntatti bejn il-kompetituri u ffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ UCAR fl-akkordju. UCAR tippreċiża li, mil-lat ġuridiku, Mitsubishi u Union Carbide kkontrollawha sa l-1995. Fil-kuntest ta’ rikapitalizzazzjoni li saret f’Jannar 1995, Mitsubishi u Union Carbide letteralment “żarmawha” u tefgħuha fi stat ta’ dejn. Il-Kummissjoni qatt ma investigat ir-rwol ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni ma kien hemm ebda motivazzjoni dwar il-problema tal-kontroll eżerċitat minn Mitsubishi u minn Union Carbide fuq UCAR matul il-perijodu in kwistjoni.

267    UCAR tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni kien imissha qieset li, wara d-data tal-verifiki tagħha għall‑għarrieda, il-bord tad-diretturi ta’ UCAR ipprova, permezz ta’ investigazzjoni interna sistematika u intensiva, jiskopri attivament u jtemm kull kuntatt illegali mal-kompetituri.

268    Fir-rigward tal-perijodu finali ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni tenfasizza li l-politika l-ġdida tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni kienet għadha ma ġietx adottata fid-data tad-Deċiżjoni. B’hekk, UCAR ma setgħetx tibbaża aspettattivi leġittimi fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet ser tapplika dik il-politika. Il-fatt li l-Kummissjoni ntebħet li l-politika tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni setgħet tiġi mmodifikata u mtejba ma jipprekludihiex milli tapplika, fl-intervall, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ. B’hekk qabel l-adozzjoni formali ta’ l-abbozz irrivedut tagħha msemmi minn UCAR, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tqis dak l-abbozz.

269    Il-kwistjonijiet imqajma minn UCAR fir-rigward tar-rwol ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide ma ssemmewx la fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas f’xi mument matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Sal-preżentata tar-rikors tagħha, hija aġixxiet b’mod daqs li kieku rrikonoxxiet bis-sħiħ li kienet kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni u li kien jistħoqqilha multa; hija ma sostnietx li ma kellhiex tiġi ssanzjonata għall-ksur imwettaq qabel l-1995 minħabba li l-aġir tagħha kellu jiġi attribwit lil Mitsubishi u lil Union Carbide.

270    Anki fl-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Frar 2001, li magħha ġie mehmuż ir-rendikont tal-proċeduri kontra Mitsubishi fl-Istati Uniti, UCAR ma ressqet ebda argument ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, anki f’dak iż-żmien, minkejja li kellha l-provi kollha rilevanti, hija ma allegatx li r-rwol ta’ Mitsubishi kellu l-iċken effett fuq il-fatti kkonstatati fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. L-ittra kkonċentrat iktar fuq il-kwistjoni tal-kapaċità reali ta’ UCAR li tħallas.

271    Fir-rigward ta’ Union Carbide, UCAR f’ebda mument ma sostniet li dik il-kumpannija kienet ipparteċipat direttament fil-ksur. Anki quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Union Carbide ma ġietx implikata b’mod ċar, ħlief fir-rigward tal-vantaġġi finanzjarji li dik il-kumpannija allegatament kisbet mill-akkordju.

272    Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-multi, kellha żżid il-multa imposta fuq UCAR għal dak il-bdil fil-perspettiva li l-Kummissjoni tikkwalifika bħala inaċċettabbli min-naħa ta’ impriża li bbenefikat minn tnaqqis sostanzjali fil-multa skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni minħabba li ma kkontestatx l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

273    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq il-perijodu finali ta’ l-akkordju, dan huwa bbażat esklużivament fuq l-abbozz ta’ komunikazzjoni ġdida dwar il-kooperazzjoni li, fid-data meta ġiet adottata d-Deċiżjoni (it-18 ta’ Lulju 2001), lanqas ma kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali; effettivament, dak l-abbozz kien deher biss fil-Ġurnal Uffiċjali tal-21 ta’ Lulju 2001 (ĠU C 205, p. 18). Fir-rigward tal-“Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell”, li fl-aħħar paragrafu tal-punt 23 tiegħu, inkorpora l-abbozz invokat minn UCAR, dan ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali biss fid-19 ta’ Frar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) u skond il-punt 28 tiegħu, jissostitwixxi l-Komunikazzjoni l-qadima dwar il-kooperazzjoni ta’ l-1996 biss wara l-14 ta’ Frar 2002. F’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li l-Kummissjoni ma għamlet ebda żball meta astjeniet milli tapplika l-politika l-ġdida dwar il-kooperazzjoni, invokata minn UCAR, fil-kuntest tad-Deċiżjoni.

274    In kwantu UCAR issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma hijiex prekluża milli tqis il-komunikazzjoni l-ġdida dwar il-kooperazzjoni ta’ l-2002 bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ekwità, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament tista’, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tqisha bħala element ta’ informazzjoni addizzjonali li ma kienx imsemmi fid-Deċiżjoni (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 55). Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhirlha, madankollu, li ma għandhiex teżerċita s-setgħa tagħha fis-sens ta’ tnaqqis tar-rata applikata għal UCAR abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

275    Effettivament, mir-risposti għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u mid-dibattiti matul is-seduta jirriżulta li l-partijiet jaqblu li l-provi li UCAR kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni jkopru biss il-perijodu minn nofs Novembru 1997 sa Marzu 1998. Anki jekk it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ UCAR fil-ksur kien imnaqqas bil-perijodu minn Mejju 1992 sa nofs Novembru 1997, dan xorta waħda kien jikkonsisti f’parteċipazzjoni fi ksur għal żmien twil, jiġifieri ħames snin u nofs, li fir-rigward tiegħu l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B tal-Linji gwida jippermetti li jiġi ffissat ammont addizzjonali ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ 55 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà qieset il-provi kollha prodotti minn UCAR, li ppermettewlha tistabbilixxi “ċerti aspetti importanti tal-kawża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi applikat fir-rigward tagħha tnaqqis ta’ 40 % tal-multa, abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessi 200 sa 202 tad-Deċiżjoni), li jirrappreżenta – flimkien mat-tnaqqis ta’ 70 % mogħti lil SDK talli pproduċiet l-ewwel provi dwar l-akkordju fit-totalità tiegħu (premessa 217 tad-Deċiżjoni) – it-tieni l-ikbar tnaqqis mit-tnaqqis kollu mogħti fuq din il-bażi.

276    Il-prinċipju ta’ ekwità b’hekk ma jitlob ebda korrezzjoni, għall-perijodu finali ta’ l-akkordju, tar-rata ta’ 55 % applikata fir-rigward ta’ UCAR abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

277    Fir-rigward tal-miżuri li l-bord tad-diretturi ta’ UCAR ħa sa minn meta saru l-verifiki tal-Kummissjoni bil-għan li jwaqqaf il-ksur, biżżejjed li jiġi rrilevat li l-isforzi intiżi biex jitwaqqaf ksur ma jistgħux jiġu assimilati awtomatikament mal-waqfien definittiv tiegħu. Huwa fatt li UCAR ma kkontestatx il-konstatazzjoni fattwali tal-Kummissjoni, li abbażi tagħha hija kienet ipparteċipat fl-akkordju bejn l-1997 u l-1998. Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni fuq impriża meta din tkun ikkommettiet ksur tippreżumi biss l-azzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ persuna li ġeneralment tkun awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 97). L-azzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ UCAR b’hekk hija irrilevanti għall-finijiet tat-teħid f’kunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur.

278    Fir-rigward ta’ l-ilment dwar il-perijodu inizjali ta’ l-akkordju (1992 sa 1995), li matulu UCAR kienet tinsab taħt il-kontroll ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide, huwa kostanti li UCAR ipparteċipat minn Mejju 1992 sa Marzu 1998, bħala “UCAR International Inc.”, fl-akkordju in kwistjoni. Il-Kummissjoni imponiet multa fuq din il-kumpannija UCAR International Inc., u mhux fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li allegatament influwenzawha. Għaldaqstant, hija ma kinitx obbligata tqis il-bidliet li setgħu saru, matul il-perijodu tal-ksur, fil-kompożizzjoni tal-proprjetarji ġuridiċi jew ekonomiċi tal-kumpannija.

279    Il-fatt li UCAR setgħet iffurmat unità ekonomika ma’ Mitsubishi u/jew Union Carbide, b’mod li hija ma setgħetx tieħu deċiżjonijiet awtonomi, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta, ma għandu ebda rwol f’dan il-kuntest. Dan il-fatt kien ikun rilevanti biss f’każ illi l-Kummissjoni  kienet użat il-fakultà tagħha li tissanzjona lill-kumpannija parent ta’ UCAR għall-aġir ta’ din ta’ l-aħħar, kif hija barra minn hekk għamlet fil-każ ta’ VAW (premessi 117 sa 123 tad-Deċiżjoni), billi tinvoka s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (punt 113 iktar ’il fuq, punti 26 sa 29). F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ma hijiex jekk l-aġir ta’ UCAR setax jiġi imputat lil xi ħadd ieħor (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, iktar ’il quddiem is-“sentenza Krupp”, punt 189), peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza biss lill-kumpannija UCAR.

280    Din il-kawża lanqas ma tikkonċerna l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn suċċessjoni ekonomika fil-kontroll ta’ impriża, meta jkun neċessarju li jiġi stabbilit min huwa responabbli għall-aġir ta’ l-impriża, jiġifieri ċ-ċessjonant jew iċ-ċessjonarju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija, wara appell u rinviju, fil-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punti 60 u 70; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punti 101 sa 108). Effettivament, waqt li huwa minnu li l-applikazzjoni tar-regola ġurisprudenzjali li abbażi tagħha “bħala regol[a] ġenerali hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi l-impriża fil-mument li twetaq il-ksur li għandha titqies responsabbli għal dak il-ksur, u dan anki jekk, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur, it-tmexxija ta’ l-impriża tkun tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra” (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103), tista’ tkun diffiċli f’ċerti ċirkustanzi, f’dan il-każ, il-Kummissjoni imponiet biss multa fuq UCAR u b’hekk ma kinitx meħtieġa teżamina l-kwistjonijiet ta’ l-operat u tal-kontroll ta’ UCAR.

281    Fi kwalunkwe każ, ir-regola ġurisprudenzjali li għadha kemm issemmiet għandha tiġi interpretata fis-sens li impriża – jiġifieri entità ekonomika li tikkonsisti f’elementi personali, tanġibbli u intanġibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1962, Mannesmann vs L-Awtorità Għolja, 19/61, Ġabra p. 675, 705 u 706) – hija amministrata mill-korpi previsti mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha u kull deċiżjoni li timponi multa fuqha tista’ tiġi indirizzata lill-amministrazzjoni kif ipprovdut fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ l-impriża (il-bord tad-diretturi, il-kumitat ta’ amministrazzjoni, id-direttur, il-ġestjonarju, eċċ), anki jekk il-konsegwenzi finanzjarji huma finalment sostnuti mill-proprjetarji tagħha. Din ir-regola ma tkunx osservata jekk il-Kummissjoni tkun mistennija, meta tkun affrontata b’aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ impriża, tivverifika dejjem min hu l-proprjetarju li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża, biex b’hekk hija tkun tista’ tissanzjona biss lil dan il-proprjetarju.

282    Waqt li UCAR tallega li ġiet “żarmata” minn Mitsubishi u Union Carbide, li kienu s-sidien tagħha, biex b’hekk hija kellha inċentiv biex toħloq l-akkordju li fir-rigward tiegħu issa qed tiġi ssanzjonata, il-Kummissjoni ġustament iddikjarat li s-soluzzjoni għal dak il-kunflitt għandha tinstab fir-relazzjonijiet bejn Mitsubishi u Union Carbide, minn naħa, u UCAR kif ukoll il-proprjetarji attwali tagħha, min-naħa l-oħra, u mhux fil-livell ta’ l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni. B’hekk, anki kieku Mitsubishi u Union Carbide kienu realment użaw lil UCAR bħala strument intiż biex jinkisbu profitti mill-attivitajiet ta’ l-akkordju in kwistjoni, il-Kummissjoni kienet awtorizzata timponi multa biss fuq dak l-istrument, waqt li UCAR u/jew il-proprjetarji tagħha huma liberi li jippreżentaw rikors għad-danni kontra Mitsubishi u Union Carbide. Barra minn hekk, UCAR effettivament ħadet passi kontra Mitsubishi u Union Carbide fl-Istati Uniti biex tirkupra l-fondi li allegatament ittiħdulha (premessa 42 tad-Deċiżjoni).

283    In kwantu UCAR tallega wkoll li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat ir‑rwol ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide fil-ħolqien ta’ l-akkordju, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, anki kieku s-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku ieħor li ma kienx destinatarju tad-Deċiżjoni kienet analoga għal dik ta’ UCAR, tali konstatazzjoni ma tippermettix li UCAR ma tinstabx ħatja tal-ksur, peress li dak il-ksur kien ġie stabbilit korrettament fuq il-bażi ta’ provi ddokumentati. UCAR, minħabba l-fatt li kisret l-Artikolu 81 KE, ma tistax tevita kull sanzjoni għar-raġuni li operaturi ekonomiċi oħrajn bħal Mitsubishi u Union Carbide ma ngħatawx multa, meta, bħal f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ma tkunx tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punti 146 u 197; sentenza Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, punti 156 u 157, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T-17/99, Ġabra p. II-1647, punt 101).

284    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Mitsubishi ġiet ikkundannata, fi Frar 2001, fl-Istati Uniti talli ffaċilitat u appoġġat akkordju bejn produtturi ta’ l-elettrodi tal-grafita u weħlet multa ta’ USD 134 miljun (premessa 42 tad-Deċiżjoni) huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kalkolu tal-multa imposta fuq UCAR. Lanqas ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx ġiet informata fi żmien utli dwar l-involviment ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide fl-akkordju u jekk UCAR kinitx effettivament ikkontrollata minn Mitsubishi jew minn Union Carbide.

285    Finalment, peress li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tissanzjona lill-impriża li pparteċipat direttament fil-ksur in kwistjoni, jiġifieri UCAR, hija ma kinitx obbligata tiġġustifika din l-għażla billi tagħti r-raġunijiet għalfejn hija ma ssanzjonatx lil Mitsubishi u lil Union Carbide. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skond l-Artikolu 253 KE.

286    Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jiġu aċċettati t-talbiet tal-Kummissjoni biex tiżdied il-multa imposta fuq UCAR.

287    Effettivament, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tressaq iktar provi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ UCAR fil-ksur stabbilit fid-Deċiżjoni. Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tar‑rwol li kellhom Mitsubishi u Union Carbide bejn l-1992 u l-1995, hija setgħet tillimita ruħha li tippreżenta l-argumenti ġuridiċi li għadhom kemm issemmew.

288    Barra minn hekk, kien fi Frar u f’April 2001, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, li UCAR kienet bagħtet lill-Kummissjoni provi dwar il-parteċipazzjoni, b’mod partikolari, ta’ Mitsubishi fl-akkordju li kien is-suġġett ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Deċiżjoni ssemmi wkoll l-affermazzjoni ta’ UCAR li dawk li qabel kienu l-kumpanniji parent tagħha, jiġifieri Union Carbide u Mitsubishi, ibbenefikaw mill-akkordju (premessa 204). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi affermat li UCAR ikkontestat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-materja tal-fatti dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt E(4) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għall-kuntrarju, UCAR ikkwalifikat mill-ġdid ġuridikament il-provi ddokumentati li hija kienet diġà poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

289    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi mqajma minn SGL u UCAR għandhom jiġu miċħuda.

290    Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra li l-ammonti ta’ tluq tagħhom għall-gravità tal-ksur ġew imnaqqsa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tara ebda raġuni biex titbiegħed mir-rati applikati mill-Kummissjoni abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi ffissati fil-premessa 158 tad-Deċiżjoni għandhom jiġu kkoreġuti skond kif ġej: Tokai = 12.4; Nippon = 6.2; SEC = 6.2; SDK = 34.8; C/G = 10.8.

d)     Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

 Sintesi tad-Deċiżjoni

291    Fil-każ ta’ SGL, UCAR, Tokai, SEC u Nippon, il-Kummissjoni kkonstatat li l-gravità tal-ksur kienet imsaħħa mill-fatt li huma kienu ssoktaw b’dak il-ksur flagranti u indiskutibbli wara l-verifiki li saru mill-Kummissjoni. Ġiet ikkonstatata ċirkustanza aggravanti oħra fir-rigward ta’ SGL u UCAR minħabba l-fatt li huma kienu ż-żewġ mexxejja u l-provokaturi ta’ l-akkordju. Finalment, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala ċirkustanza aggravanti t-tentattiv ta’ SGL li tostakola l-proċedura tal-Kummissjoni billi avżat lill-impriżi l-oħra bl-imminenza tal-verifiki. Il-Kummissjoni b’hekk ipproċediet għal żieda ta’ l-ammont bażiku b’85 % għal SGL, b’60 % għal UCAR u b’10 % għal Tokai, SEC u Nippon (premessi 160, 164, 187, 192, 209 u 210 tad-Deċiżjoni).

 Il-Kawżi T-244/01 u T-251/01

292    Nippon u SEC jikkritikaw lill-Kummissjoni li żiedet il-multa tagħhom b’10 % minħabba li allegatament issoktaw bil-ksur wara l-verifiki li saru f’Ġunju 1997. Madankollu, b’ittra tal-15 ta’ Diċembru 1997 indirizzata lill-produtturi Ġappuniżi, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li dawn ta’ l-aħħar ma kinux ikkonċernati direttament mill-akkordju in kwistjoni. Kien biss sentejn wara, permezz tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni informathom bis-suspetti tagħha li huma setgħu kienu involuti fl-akkordju. Nippon u SEC b’hekk isostnu li huma kellhom aspettattivi leġittimi li ma kinux ser jiġu ssanzjonati għall-perijodu ta’ wara l-verifiki ta’ Ġunju 1997, u li l-Kummissjoni ma tistax issostni li huma kien imisshom waqfu mill-ksur wara verifiki li ma kinux jikkonċernawhom. Nippon u SEC jallegaw, barra minn hekk, nuqqas ta’ motivazzjoni, in kwantu d-Deċiżjoni tibqa’ siekta dwar il-kwistjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħhom.

293    SEC tiddikjara wkoll li ż-żieda ta’ l-ammont ta’ tluq tagħha b’55 %, minħabba t-tul tal-ksur, diġà kienet tkopri l-perijodu konsekuttiv għal dawk il-verifiki. Permezz taż-żieda addizzjonali ta’ 10 %, hija b’hekk ġiet issanzonata darbtejn għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul dak il-perijodu.

294    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li huwa kostanti li Nippon u SEC ippartiċipaw fil-ksur sa Frar 1998. Permezz ta’ l-ittra msemmija iktar ’il fuq tal-15 ta’ Diċembru 1997, huma ġew informati li l-Kummissjoni kienet qed tinvestiga l-akkordju mingħajr ma kienet konxja, f’dik id-data, li huma wkoll kienu qegħdin jipparteċipaw fih direttament. L-ittra in kwistjoni b’hekk ma għandhiex titqies li ħolqot aspettattivi fondati għal Nippon u SEC, u wisq inqas li pprovdiet assigurazzjonijiet preċiżi, li huma ma kinux ser jiġu ssanzjonati (ara l-punt 152 iktar ’il fuq). Għall-kuntrarju, Nippon u SEC kien imisshom stennew li l-Kummissjoni, malli tiskopri l-involviment tagħhom fl-akkordju, kienet ser tissanzjonahom għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur waqt li tqis, b’mod partikolari, il-fatt li huma ma kinux waqfu mill-ksur meta huma ġew avżati bil-fatt li l-Kummissjoni kienet qed tinvestiga l-akkordju.

295    Din b’hekk ma hijiex kwistjoni ta’ sanzjoni doppja ta’ SEC għall-perijodu in kwistjoni. Iż-żieda ta’ 55 % tikkonċerna biss it-tul tal-ksur in kwistjoni, waqt li dik ta’ 10 % hija intiża li tissanzjona l-enerġija addizzjonali li SEC użat biex tkompli bil-ksur minkejja li kienet ġiet informata li l-Kummissjoni kienet fetħet investigazzjoni dwar dak il-ksur.

296    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx motivazzjoni speċifika fid-Deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-possibbiltà li Nippon u SEC seta’ kellhom aspettattivi leġittimi, wisq inqas peress li dak is-silenzju tad-Deċiżjoni ma żammx lir-rikorrenti milli jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar dan il-punt.

297    Għaldaqstant, il-motivi mqajma minn Nippon u SEC ma jistgħux jiġu aċċettati.

 Il-Kawżi T-239/01 u T-246/01

298    UCAR issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti l-issoktar tal-ksur wara l-verifiki tagħha ta’ Ġunju 1997, peress li l-bord tad-diretturi ta’ UCAR għamel sforzi intensivi biex iwaqqaf kull attività ta’ kollużjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx iżżommha responsabbli talli ħalqet u implementat l-akkordju, minħabba l-fatt li Mitsubishi u Union Carbide kienu l-provokaturi veri ta’ l-akkordju. Finalment, SGL kienet l-uniku mexxej veru ta’ l-akkordju. In kwantu il-Kummissjoni tipprova tattribwixxi dan ir‑rwol ukoll lil UCAR, hija ma hijiex intitolata tibbaża ruħha fuq avvenimenti li ġraw qabel il-bidu tal-perijodu rilevanti, jiġifieri qabel Mejju 1992.

299    SGL tenfasizza li ż-żieda ta’ l-ammont bażiku tagħha b’85 % għal ċirkustanzi aggravanti hija totalment sproporzjonata u inkompatibbli mal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fejn qatt ma kien hemm żieda daqstant eżorbitanti. Hija tippreċiża li, fl-ewwel lok, ebda żieda ma kienet possibbli abbażi ta’ l-allegat issoktar tal-ksur wara l-verifiki ta’ Ġunju 1997, peress li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fit-tieni lok, il-fatt li SGL wissiet lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju dwar l-imminenza ta’ dawk il-verifiki lanqas ma jista’ jiġi ssanzjonat b’żieda fil-multa. Effettivament, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 jippermetti li jiġu imposti multi biss għal ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jew għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet u obbligi imposti mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 17. It-twissijiet in kwistjoni ma jikkostitwixxux tali ksur tal-liġi.

300    Dawk it-twissijiet lanqas ma huma koperti mil-Linji gwida, li t-tieni inċiż tal-punt 2 tagħhom jipprevedi żieda biss għal tentattivi ta’ ostakolazzjoni “waqt li tkun qed tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha”. It-twissijiet intbagħtu qabel ma bdiet l-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, saret diskriminazzjoni kontra SGL meta mqabbla ma’ UCAR. Effettivament, din ta’ l-aħħar saħansitra qerdet id-dokumenti li kellha f’idejha, u l-Kummissjoni ma ssanzjonathiex abbażi ta’ ċirkustanza aggravanti. Skond SGL, tali qerda ta’ dokumenti hija iktar serja mit-twissijiet orali dwar il-verifiki li kienu ser isiru.

301    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, meta jitwettaq ksur minn numru ta’ impriżi, ikun jeħtieġ, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, li jiġu stabbiliti r‑rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 264). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r‑rwol ta’ “mexxejja” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, safejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45).

302    B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji gwida jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fosthom “rwol ta’ mexxej fil-, jew provokatur tal-ksur”.

303    F’din il-kawża, matul il-proċedura amministrattiva SGL u UCAR kienu diġà akkużaw lil xulxin li kienu l-mexxeja u l-provakaturi ta’ l-akkordju (premessi 161 u 188 tad-Deċiżjoni). Madankollu, jidher li l-Kummissjoni stabbilixxiet fid-Deċiżjoni, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, li SGL u UCAR kienu, bejn wieħed u ieħor fi grad ugwali, iż-żewġ muturi konġunti tal-kartell li, sa mill-ewwel kuntatti fl-1991, kienu fformulaw il-prinċipji fundamentali tiegħu u organizzaw l-ewwel laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’Mejju 1992 (premessi 44 sa 51 tad-Deċiżjoni).

304    F’dan il-kuntest, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli tqis l-istadji preparatorji fil-ħolqien strictu sensu ta’ l-akkordju, għall-finijiet li tikkonstata s-sitwazzjoni ekonomika li kienet teżisti qabel u li tispjega l-ħolqien ta’ l-akkordju, jew għall-fini li tistabbilixxi u tevalwa r‑rwol rispettiv li l-membri ta’ l-akkordju kellhom fit-tnissil, il-ħolqien u l-implementazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, huwa fuq l-istess bażi li l-Kummissjoni tista’ tqis il-fażi sussegwenti għall-perijodu tal-ksur strictu sensu, sabiex tevalwa, abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jew ta’ ċirkustanzi attenwanti possibbli, il-kollaborazzjoni effettiva ta’ l-impriżi fid-denunzja ta’ l-akkordju tagħhom.

305    Skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tmexxija konġunta ta’ l-akkordju minn SGL u UCAR kienet tidher ukoll fir-rigward ta’ l-iffissar tal-prezzijiet fiż-ŻEE, is-suq “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom, fis-sens li SGL ħadet l-inizjattiva għaż-żidiet fil-prezzijiet fl-Iskandinavja u fil-Ġermanja, waqt li UCAR kienet għamlet l-istess fi Franza u fir-Renju Unit, waqt li t-tnejn li huma kienu ħadu l-inizjattiva flimkien fl-Italja u fi Spanja (premessi 62 u 66 tad-Deċiżjoni).

306    Dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati validament la minn UCAR u lanqas minn SGL.

307    UCAR ittenni l-argument tagħha bbażat fuq r‑rwol ta’ Mitsubishi u Union Carbide billi tafferma li dawk iż-żewġ kumpanniji kienu, fil-verità, il-provokaturi – u, sa l-1995, il-mexxejja – tal-kartell. Fuq dan il-punt, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li Mitsubishi u Union Carbide ma humiex fost l-impriżi li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju ġiet ikkonstatata u ssanzjonata mill-Kummissjoni u li dawn ma humiex involuti fil-kawżi relatati quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-referiment għal Mitsubishi u Union Carbide b’hekk ma jistax jinvalida l-evalwazzjoni li abbażi tagħha SGL u UCAR kienu, fost il-membri ta’ l-akkordju identifikati mill-Kummissjoni, il-provokaturi u l-mexxejja.

308    Fir-rigward tar-referiment ta’ UCAR għall-isforzi li saru mill-bord tad-diretturi tagħha sabiex jitwaqqaf il-ksur, huwa wkoll biżżejjed li jsir referiment għal dak li ntqal iktar ’il fuq dwar is-suġġett tat-tul tal-ksur: dawk l-isforzi ma setgħux iwaqqfu lil UCAR, irrappreżentata minn persuni awtorizzati biex jaġixxu f’isem l-impriża, milli effettivament tissokta bil-ksur wara l-verifiki ta’ Ġunju 1997.

309    Fir-rigward ta’ l-argument ta’ SGL li ż-żieda ta’ 85 % kienet eċċessiva u ogħla minn dik ġeneralment applikata f’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, dan ma jindikax ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma hijiex marbuta tapplika, f’dan ir-rigward, formula matematika preċiża (sentenza Martinelli vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 59). Il-fatt li r‑rwol ta’ provokatur li tkun żvolġiet kumpannija f’kawżi oħrajn ikun ġie ssanzjonat b’rata ta’ żieda partikolari ma jfissirx li dik ir-rata ma tista’ qatt tiġi miżjuda fil-futur, irrispettivament miċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 106 u 109).

310    Anki mill-aspett tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’hekk ma jidhirx sproporzjonat jew diskriminatorju li tiġi applikata żieda ta’ 50 % għal SGL għar‑rwol tagħha ta’ mexxejja (bħall-50 % applikata għal UCAR), żieda ta’ 10 % talli ssoktat bil-ksur wara Ġunju 1997 (bħall-10 % applikati għal UCAR, SEC, Nippon u Tokai) u żieda ta’ 25 % għall-fatt li wissiet lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju dwar l-imminenza tal-verifiki tal-Kummissjoni.

311    Fuq dawn l-aħħar żewġ punti, għandu jiġi mfakkar li l-motiv imqajjem minn SGL kontra l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, b’mod partikolari l-fatt li l-ksur kompla wara l-verifiki, ġie miċħud (ara l-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq). Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament tat iż-żieda ta’ 10 % abbażi tal-fatt li l-ksur kien kompla.

312    Il-fatt li SGL wissiet lill-impriżi l-oħrajn dwar l-imminenza ta’ dawk il-verifiki jista’ wkoll jiġi kkwalifikat, ġustament, bħala ċirkustanza aggravanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Sarrió vs Il-Kummissjoni, T-334/94, Ġabra p. II-1439, punt 320). Għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijiet ta’ SGL, dan ma huwiex ksur speċifiku u awtonomu, mhux previst fit-Trattat u fir-Regolament Nru 17, iżda aġir li jsaħħaħ il-gravità tal-ksur inizjali. Permezz ta’ dawk it-twissijiet indirizzati lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, SGL effettivament riedet taħbi l-eżistenza ta’ l-akkordju u żżommu għaddej, objettiv li nkiseb b’suċċess sa Marzu 1998.

313    F’dan il-kuntest, ir-referiment ta’ SGL għall-Artikolu 15(1)(ċ), tar-Regolament Nru 17 – li minnu hija tiddeduċi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li jissanzjona biss l-ostruzzjonijiet kontra verifiki li l-Kummissjoni tkun diġà bdiet, u mhux l-aġir qabel l-investigazzjoni tagħha – ma hijiex rilevanti. Effettivament, id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tqis dawk l-ostruzzjonijiet bħala ksur awtonomu, indipendenti minn jekk ikunx jeżisti kartell, li jispjega, barra minn hekk, is-sanzjoni relattivament klementi ta’ bejn EUR 100 u 5 000 prevista f’dan is-sens. F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, it-twissijiet mogħtija minn SGL huma intiżi li jiżguraw l-issoktar ta’ kartell li fir-rigward tiegħu hemm qbil li kien jikkostitwixxi ksur flagranti u indiskutibbli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

314    It-teħid f’kunsiderazzjoni ta’ l-imsemmija twissijiet bħala ċirkustanza aggravanti lanqas ma jmur kontra l-punt 2 tal-Linji gwida. Effettivament, minn sempliċi qari tat-test (“bħal” u “ċirkustanzi oħra”) jirriżulta li l-lista taċ-ċirkustanzi aggravanti elenkati ma hijiex eżawrjenti.

315    Finalment, l-invokazzjoni minn SGL tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ UCAR – li l-qerda min-naħa tagħha tad-dokumenti li kellha f’idejha ma tqisitx bħala ċirkustanza aggravanti – ma hijiex ta’ tali natura li timmodifika l-kwalifikazzjoni tat-twissijiet imsemmija hawn fuq bħala ċirkustanza aggravanti. Effettivament, billi kienu indirizzati lil impriżi oħrajn, dawk it-twissijiet marru lil hinn mill-isfera purament interna ta’ SGL u kienu intiżi biex ifixklu l-investigazzjoni tal-Kummissjoni fit-totalità tagħha, bil-għan li l-akkordju jkun jista’ jibqa’ għaddej, waqt li UCAR kienet qerdet id-dokumenti tagħha bil-għan li tevita li jiġi skopert l-involviment tagħha fl-akkordju. Dawn huma żewġ tipi ta’ aġir differenti, raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ttrattat sitwazzjonijiet kumparabbli b’mod differenti.

316    Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni ffavorixxiet inkorrettament lil UCAR billi ma żiditx il-multa tagħha, in-natura aggravanti ta’ l-aġir ta’ SGL ma hijiex affettwata. Għaldaqstant, SGL ma tistax titlob leġittimament iż-żieda tal-multa imposta fuq UCAR u lanqas tinvoka għall-vantaġġ tagħha kwalunkwe illegalità li twettqet favur UCAR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 160).

317    Matul is-seduta, SGL sostniet ukoll li l-fatt li hija wissiet lil impriżi oħrajn bl-imminenza tal-verifiki in kwistjoni ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ċirkustanza aggravanti peress li l-punt tat-tluq ta’ dawk it-twissijiet kienet il-Kummissjoni nfisha. SGL b’hekk tirreferi għall-iżvelar, minn UCAR, ta’ informazzjoni li ħarbet mis-servizzi tal-Kummissjoni, li wieħed mill-uffiċjali tagħha, imsemmi b’ismu, apparentament informa lil SGL dwar il-verifiki għall‑għarrieda imminenti li kienu ser isiru fl-uffiċċji tal-membri ta’ l-akkordju. F’dan ir-rigward, huwa evidenti li dik l-informazzjoni, jekk kienet korretta, ma tistax tiġi imputata lill-Kummissjoni bħala espressjoni tal-politika uffiċjali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan huwa aġir frodulenti minn uffiċjal intiż biex jappoġġja l-funzjonament tal-kartell. Għaldaqstant, SGL ma tistax tinvoka validament dak l-aġir bil-għan li timminimizza l-gravità ta’ l-aġir tagħha.

318    Peress li l-motivi kollha mqajma minn Nippon, SEC, UCAR u SGL għandhom jiġu miċħuda, ir-rati applikati mill-Kummissjoni għall-ammonti bażiċi ffissati għal dawk ir-rikorrenti ser jinżammu.

319    Fir-rigward tar-rikorrenti li l-ammonti speċifiċi tagħhom ġew immodifikati abbażi tat-tul tal-ksur, għandhom jiġu stabbiliti, sabiex jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi aggravanti stabbiliti mill-Kummissjoni, dawn iċ-ċifri : Tokai = 13.64 ; Nippon = 6.82 ; SEC = 6.82.

e)     Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 Sintesi tad-Deċiżjoni

320    Il-Kummissjoni kkunsidrat li ebda ċirkustanza attenwanti ma kienet tiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammont bażiku fil-każijiet ta’ SGL, UCAR, Tokai, SEC, Nippon u SDK. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ C/G, hija pproċediet għal tnaqqis ta’ 40 % minħabba r‑rwol purament passiv ta’ l-impriża u l-fatt li parzjalment ma applikatx l-akkordji illeċiti (premessi 165, 166, 193 sa 198, 211 sa 215 u 234 sa 238 tad-Deċiżjoni).

 Il-Kawżi T-236/01, T-239/01, T-244/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01

–       L-argumenti tal-partijiet

321    C/G hija tal-fehma li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis ferm akbar mill-40 % mogħti mill-Kummissjoni. Hija tenfasizza r‑rwol marġinali u passiv tagħha fl-akkordju. Hija tgħid li kellha biss kuntatti bilaterali ma’ SGL u ma ġietx mistiedna għal-laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u lanqas għal-laqgħat lokali; ħadd ma kien informaha dwar il-kontenut ta’ dawk il-laqgħat. Ħadd mill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju ma kien semmieha li pparteċipat fil-ksur. Barra minn hekk, hija la pparteċipat fis-sistema ċentrali ta’ sorveljanza maħluqa biex jiġi implementat l-akkordju u lanqas fis-sistema ta’ l-ismijiet ikkodifikati mfassla biex tinħeba l-identità tal-membri ta’ l-akkordju. L-iffissar tal-prezzijiet tagħha kien irriżervat – għall-kuntrarju ta’ wieħed mill-prinċipji ta’ l-akkordju – għall-ogħla livell tal-ġerarkija fi ħdan l-impriża. Sussegwentement, hija aġixxiet b’mod direttament kuntrarju għal prinċipju fundamentali ieħor ta’ l-akkordju billi żiedet il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha u l-bejgħ tagħha fis-suq taż-ŻEE.

322    C/G tafferma, barra minn hekk, li fl-1994 biegħet it-teknoloġija tal-manifattura tagħha lil produttur Ċiniż għal USD 4 miljuni. Dak it-trasferiment ta’ teknoloġija, b’mod kuntrarju għall-interessi ta’ l-akkordju, ikkawża tant preokkupazzjoni għal SGL li din ta’ l-aħħar ilmentat ma’ C/G. Finalment, hija temmet, fuq l-inizjattiva tagħha stess, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ l-akkordju, qabel ma l-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni tagħha. C/G tiddikjara wkoll li hija aġixxiet taħt il-pressjoni ekonomika kkawżata mis-sitwazzjoni speċifika tagħha bħala produttur li kien jiddependi mill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju u invokat, barra minn hekk, il-kapaċità strutturali żejda ta’ l-industrija ta’ l-elettrodi tal-grafita fis-snin 70 u 80 li wasslet għal tnaqqis kunsiderevoli fil-prezzijiet.

323    Fuq dan l-aħħar punt, SGL tippreċiża li l-kriżi strutturali tas-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita hija kumparabbli għal dik li kien hemm fis-settur ta’ l-azzar fil-bidu tas-snin 90 u li affettwat bl-istess mod lill-produtturi ta’ l-azzar u lil dawk ta’ l-elettrodi tal-grafita. Fid-deċiżjonijiet tagħha ‘Tubi u pajpijiet ta’ l-azzar mingħajr saldatura’, tat-8 ta’ Diċembru 1999 u ‘Ħlas addizzjonali fuq il-liga’, tal-21 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni kkwalifikat dik il-kriżi bħala ċirkustanza attenwanti. Dik il-kwalifikazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata f’din il-kawża meta titqies l-istess kriżi ekonomika.

324    UCAR tirreferi wkoll għas-sitwazzjoni ekonomika diżastruża tas-settur u tfakkar li kemm il-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, kif ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza qiesu li tali sitwazzjoni tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. UCAR tikkunsidra, barra minn hekk, li l-investigazzjoni interna eżemplari tagħha intiża biex jiġi skopert il-ksur u biex dan jitwaqqaf kemm jista’ jkun malajr kien jistħoqqilha li tiġi rrikonoxxuta bħala ċirkustanza attenwanti. F’dan il-kuntest, C/G tinvoka, min-naħa tagħha, l-istabbiliment ta’ programm intiż biex il-politika kummerċjali tagħha tinġieb konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni.

325    UCAR tiddikjara wkoll li l-akkordju in kwistjoni ma taha ebda vantaġġ finanzjarju minħabba l-fatt li Mitsubishi u Union Carbide “ħadu” il-profitti kollha miksuba mill-akkordju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kien imissha qieset is-somom kunsiderevoli li UCAR ħallset lill-klijenti tagħha fl-Istati Uniti, bħala kumpens għad-danni, għall-prezzijiet miżjuda artifiċjalment matul il-perijodu tal-ksur.

326    Nippon, SEC u Tokai jenfasizzaw ir‑rwol passiv tagħhom fil-kuntest ta’ l-akkordju. Nippon tfakkar li ma pparteċipatx fl-ewwel laqgħat ta’ l-akkordju li matulhom ġew iffissati l-prinċipji fundamentali tat-tqassim tas-swieq; anki matul il-laqgħat l-oħrajn li hija effettivament ipparteċipat fihom, hija baqgħet purament passiva. SEC tenfasizza, min-naħa tagħha, li qatt ma pparteċipat, min-naħa tagħha, f’xi laqgħa “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; f’dak il-livell, hija kienet irrappreżentata biss, f’żewġ okkażjonijiet, minn Tokai. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala attiv biss ir‑rwol ta’ Tokai u SDK, u mhux dak ta’ SEC (premessa 212 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, fil-każ individwali ta’ SEC, l-iżgħar impriża Ġappuniża, ma kien hemm ebda rabta ta’ kawżalità bejn l-akkordju dinji u l-astensjoni minn aġir fiż-ŻEE. Tokai tallega li hija ma kinitx involuta attivament fl-akkordji ta’ kollużjoni dwar is-suq Ewropew u li hija ma kienet ħadet sehem f’ebda waħda mil-laqgħat tal-grupp Ewropew. Matul il-laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fihom hija pparteċipat, ma ġie konkluż ebda ftehim dwar il-prezzijiet Ewropej.

327    Nippon u Tokai huma tal-fehma, b’mod partikolari, li huma kien imisshom ġew ittrattati bl-istess mod bħal C/G minħabba l-fatt li huma, bl-istess mod bħal C/G, ma naqqsux il-volum tal-bejgħ tagħhom fiż-ŻEE u b’hekk astjenew milli japplikaw għal kollox l-akkordji tal-kartell.

328    Finalment, Nippon, SEC u Tokai jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma spjegatx, fid-Deċiżjoni, ir-raġunijiet għalfejn hija ma sabet ebda ċirkustanza attenwanti fir-rigward tagħhom. Huma jsostnu li hija b’hekk kisret l-Artikolu 253 KE.

329    Il-Kummissjoni topponi dawn il-motivi u l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

330    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, r-“rwol esklussivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jista’, jekk jiġi stabbilit, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

331    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw r‑rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ titqies in-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji ta’ l-akkordju (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 343) kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 264). Fi kwalunkwe każ, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ din il-kawża.

332    Fir-rigward ta’ l-aġir ta’ C/G, id-Deċiżjoni tissodisfa dawk il-kriterji. Kif jirriżulta mill-premessi tagħha 81 sa 86 u 234 sa 238, il-Kummissjoni evalwat b’mod suffiċjenti u kkumpensat bi tnaqqis tal-multa b’40 % r‑rwol passiv li kellha C/G fi ħdan l-akkordju, mingħajr ma hija obbligata tagħtiha rata ta’ tnaqqis ogħla. Effettivament, skond il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, C/G – għalkemm ma pparteċipatx fil-laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-akkordju – madankollu kellha kuntatti bilaterali mal-membri l-oħrajn tal-kartell u bbenefikat mill-informazzjoni li hija kisbet mingħandhom dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-“produtturi domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fir-rigward ta’ l-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan l-akkordju. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha, C/G iddikjarat espressament li hija la kienet qed tikkontesta l-eżistenza ta’ l-akkordju u lanqas il-parteċipazzjoni tagħha f’dan ta’ l-aħħar. Dik il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-prezzijiet ta’ C/G ma ġewx iffissati fl-ogħla livell tal-ġerarkija tagħha; meta jitqies li C/G kellha rwol passiv u li kienet “issegwi lill-oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-livell ġerarkiku fejn ġew ikkalkolati l-prezzijiet tagħha, li kienu sempliċement isegwu l-prezzijiet iffissati mill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, ma huwiex rilevanti.

333    Fir-rigward tar-rwol ta’ Tokai, SEC u Nippon, il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddisingwi bejn r‑rwol li kellha C/G, peress li dawk il-produtturi Ġappuniżi effettivament ipparteċipaw f’għadd kbir ta’ laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 49 sa 56 tad-Deċiżjoni). Il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar dik il-parteċipazzjoni ma ġewx ikkontestati minn SEC jew minn Tokai, minkejja li l-kontestazzjoni ta’ Nippon kontra l-konstatazzjonijiet dwar il-perijodu minn Mejju 1992 sa Marzu 1993 ġiet miċħuda (ara l-punti 100 sa 116 iktar ’il fuq). Meta impriża tkun ipparteċipat, anki mingħajr ma kellha rwol attiv, f’laqgħa waħda jew iktar bi skop anti‑kompetittiv, hija għandha titqies li pparteċipat fl-akkordju sakemm ma tagħtix prova li ddistanzjat ruħha apertament mill-ftehim illeċitu (sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 3199, u l-ġurisprudenza ċċitata). Tokai, SEC u Nippon ma jallegawx li huma opponew apertament għall-ħolqien u l-implementazzjoni ta’ l-akkordju in kwistjoni.

334    Bħala eżempji, matul il-laqgħa “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] f’Zurich, is-suq dinji tal-grafita ġie eżaminat reġjun b’reġjun, inkluż il-Lvant Imbiegħed, u ġew attribwiti wkoll ishma mis-suq lill-produtturi Ġappuniżi. Matul il-laqgħa fi Vjenna, il-partċipanti, għal darb’oħra, ipproċedew għal skambju ta’ informazzjoni dwar is-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita reġjun b’reġjun (premessi 51, 53 u 71 tad-Deċiżjoni).

335    In-natura mhux passiva ta’ l-aġir ta’ SEC u ta’ Nippon ma hijiex iddubitata mill-fatt li huma kienu rrappreżentati minn Tokai, f’waħda miż-żewġ laqgħat: huma mhux talli ma opponewx tali “interferenza inopportuna” fil-politika kummerċjali tagħhom, iżda pjuttost aċċettaw dik ir-rappreżentanza u wrew l-adeżjoni tagħhom ma’ l-akkordju billi pparteċipaw, irrappreżentati mill-impjegati tagħhom, f’laqgħat oħrajn li kienu jolqtu l-interessi tagħhom, li evidentement ma kienx il-każ tal-laqgħat tal-grupp Ewropew kompost minn produtturi “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] responsabbli għaż-ŻEE, raġuni għalfejn kien suffiċjenti li jiġu informati l-membri Ġappuniżi ta’ l-akkordju dwar il-prezzijiet Ewropej iffissati matul dawk il-laqgħat. Fir-rigward tan-natura dinjija tal-kartell, li jagħti lill-produtturi Ġappuniżi r‑rwol li jiftiehmu dwar is-suq “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tagħhom fl-Ażja, il-Kummissjoni b’hekk setgħet, ġustament, tikkunsidra li huma ma kellhomx rwol passiv fil-ksur. F’dawk iċ-ċirkustanzi, hija ma kinitx obbligata tagħti, fid-Deċiżjoni, ir-raġunijiet għalfejn hija ma kienet qed tagħtihom ebda ċirkustanza attenwanti fuq din il-bażi.

336    Għall-kuntrarju ta’ l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza tat-tnaqqis tal-multa ta’ C/G minħabba l-fatt li hija parzjalment ma applikatx l-akkordji illeċiti, il-Kummissjoni qieset b’mod suffiċjenti l-fatt li C/G kienet żiedet il-bejgħ tagħha fis-suq taż-ŻEE, biex b’hekk kisret il-prinċipju bażiku tal-kartell li kien jikkonsisti fir-restrizzjoni tal-bejgħ fis-swieq “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 235 tad-Deċiżjoni). B’dan il-mod, hija ma kinitx obbligata li tqis, fuq bażi supplimentari, iż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ C/G. Minn naħa, effettivament, il-Kummissjoni ddikjarat fit-tweġiba tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt fir-replika ta’ C/G, li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ din ta’ l-aħħar baqgħet essenzjalment l-istess matul il-perijodu tal-ksur stabbilit kontra tagħha (1993 sa 1996). Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi stmat li ż-żieda fil-bejgħ Ewropew tirrifletti b’mod suffiċjenti, fir-rigward tas-suq taż-ŻEE, kull żieda li seta’ kien hemm fil-kapaċità ta’ produzzjoni.

337    F’dan il-kuntest, Nippon u Tokai jinvokaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi jsostnu li huma jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal C/G, li kienet ġiet “ikkumpensata” talli żiedet il-volum tal-bejgħ tagħha fiż-ŻEE.

338    L-argument ta’ Nippon għandu jiġi miċħud in kwantu r-rikorrenti ssostni biss li hija “ma naqqsitx il-volum tal-bejgħ tagħha fi ħdan iż-ŻEE”, mingħajr ma pprovdiet ebda ċifri. Il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tagħmel distinzjoni bejn l-affermazzjoni mhux issostanzjata ta’ Nippon li żammet il-volum tal-bejgħ u l-fatt mhux ikkontestat li C/G kienet iktar milli rduppjat il-bejgħ tagħha bejn l-1993 u l-1996.

339    Fir-rigward tal-każ ta’ Tokai, li tafferma li stabbilixxiet ruħha, fl-1996, fis-suq Ġermaniż, wieħed mis-swieq “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ SGL u UCAR, u li żiedet b’erba’ darbiet il-bejgħ tagħha fiż-ŻEE bejn l-1992 u l-1997 (minn 200 tunnellata fl-1992 sa 900 tunnellata fl-1997), għandu jiġi kkonstatat li Tokai, għall-kuntrarju ta’ C/G, kisbet biss sehem mis-suq minimu fiż-ŻEE, jiġifieri inqas minn 2 %, filwaqt li dak ta’ C/G tela’ għal kważi 8 %. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tagħmel żball ta’ evalwazzjoni u mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tikkunsidra ġustament li, għalkemm Tokai parzjalment ma applikatx dawk l-akkordji illeċiti, dak in-nuqqas ta’ applikazzjoni baqa’ taħt il-limitu ta’ effikaċja raġonevoli fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jidhrilhiex li għandha tiġi mmodifikata dik l-evalwazzjoni, anki fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

340    L-istess jgħodd fir-rigward ta’ l-argument ta’ C/G li hija biegħet, fl-1994, it-teknoloġija tal-manifattura tagħha lil produttur Ċiniż għal USD 4 miljuni, u dan kontra wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-kartell (l-aħħar inċiż tal-premessa 50 tad-Deċiżjoni). Effettivament, id-dettalji ta’ dak it-trasferiment ta’ teknoloġija ma ngħatawx minn C/G matul il-proċedura amministrattiva – id-dikjarazzjoni korporattiva tagħha tal-11 ta’ Ottubru 1999 u t-tweġiba tagħha tas-6 ta’ April 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jinkludu biss sentenza waħda f’dan is-sens – b’mod illi l-Kummissjoni ma għamlet ebda żball meta rrifjutat li tqisu fid-Deċiżjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tara ebda raġuni biex timmodifika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, lanqas fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, u dan wisq inqas peress li l-fabbrika ppjanata fiċ-Ċina qatt ma nbniet.

341    Finalment, il-fatt li C/G temmet volontarjament il-ksur qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni tqies b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur stabbilit kontra C/G (premessa 157 tad-Deċiżjoni). C/G ma tistax, b’mod partikolari, tinvoka t-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, peress li l-waqfien ta’ l-aġir antikompetittiv tagħha ma kienx instigat mill-interventi tal-Kummissjoni.

342    Fir-rigward ta’ l-argumenti l-oħrajn intiżi biex jinkiseb tnaqqis fil-multa għal ċirkustanzi attenwanti, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda kollha.

343    Fl-ewwel lok, il-fatt li C/G u UCAR stabbilixxew, wara l-investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni, rispettivament programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u investigazzjoni interna bil-għan li jintemm il-ksur, ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni qieset fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha tali miżuri bħala ċirkustanzi attenwanti, ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess f’kull każ (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 357, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punti 417 u 419). Dan huwa wisq iktar il-każ meta l-ksur in kwistjoni jkun jikkostitwixxi, bħal f’din il-kawża, ksur manifest ta’ l-Artikolu 81(1)(a) u (ċ), KE. Barra minn hekk, in kwantu l-investigazzjoni interna ta’ UCAR għenet il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar qieset dak il-fatt billi naqqset il-multa b’40 % abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni.

344    Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-argument ta’ C/G dwar il-pressjoni ekonomika li kien hemm kontra tagħha, l-uniku dettall mogħti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jirrigwarda l-kuntatti li hija kellha ma’ SGL fl-1996 (premessa 82 tad-Deċiżjoni), jiġifieri wara l-implementazzjoni ta’ l-akkordju. B’hekk huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li C/G iddeċidiet liberament li tikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-membri ta’ l-akkordju fir-rigward tal-prezz. Hija ma allegatx li saret pressjoni kontriha biex taderixxi ma’ l-akkordju; barra minn hekk, anki kieku dan kien il-każ, hija setgħet tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, minflok ma tingħaqad ma’ l-akkordju. L-argument b’hekk ma jistax jiġi aċċettat.

345    L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, ir-referiment ta’ C/G, SGL u ta’ UCAR għall-kriżi strutturali tas-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni (T-16/99, Ġabra p. II-1633, punti 319 u 320), mogħtija fil-każ tal-pajpijiet pre-insulati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tqis bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat ukoll li mhux għaliex il-Kummissjoni kienet qieset, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti, li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II-1021, punt 372). Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, il-kartelli jibdew meta settur jiffaċċja diffikultajiet. Li kieku kellu jiġi aċċettat ir-raġunament tar-rikorrenti, il-multa jkollha tiġi mnaqqsa sistematikament kważi fil-każijiet kollha. Huwa għaldaqstant inutli li jiġi vverifikat ulterjorment jekk il-fatti ta’ dan il-każ u dawk li taw lok għal deċiżjonijiet oħra, li fihom ġiet ikkunsidrata kriżi strutturali bħala ċirkustanza attenwanti, setgħux verament jiġu pparagunati.

346    Fir-raba’ lok, u sussidjarjament, l-argument ta’ SGL li jikkonkludi l-eżistenza ta’ kriżi li taffettwa b’mod partikolari lill-manifatturi ta’ l-elettrodi tal-grafita minħabba kriżi li għaddiet minnha l-industrija tat-tubi ta’ l-azzar, ma huwiex konvinċenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, li l-volum ta’ azzar prodott fi fran ta’ l-elettriku żdied minn 196 miljun tunnellata fl-1987 għal 270 miljun tunnellata fl-1997 (premessa 9 tad-Deċiżjoni). Minn dan jista’ jiġi dedott li t-tnaqqis li seta’ kien hemm fil-produzzjoni globali ta’ l-azzar ma affettwax primarjament il-produzzjoni ta’ l-azzar bl-elettriku, iżda dik tax-xogħol tradizzjonali ta’ l-azzar (premessi 4, 5, 9 u 10 tad-Deċiżjoni).

347    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-vantaġġ ekonomiku li nkiseb mill-akkordju biss mill-kumpanniji Mitsubishi u Union Carbide, u mhux minn UCAR, il-fatt li kumpannija ma tkunx ibbenefikat minn ksur ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, għaliex inkella tintilef in-natura dissważiva tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punti 340 sa 342, u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku lanqas ma jillimita l-gravità tal-ksur imwettaq. Barra minn hekk, jekk UCAR tikkritika l-aġir ta’ Mitsubishi u ta’ Union Carbide, hija għandha tieħu azzjoni kontra dawk il-kumpanniji biex tasserixxi d-drittijiet tagħha, kif diġà għamlet bl-introduzzjoni ta’ ilment fl-Istati Uniti.

348    In kwantu UCAR tinvoka, finalment, it-transazzjonijiet taħt id-dritt ċivili konklużi fl-Istati Uniti u fil-Kanada, dawn ta’ l-aħħar ma jbiddlu xejn mill-gravità tal-ksur imwettaq u b’hekk ma jistgħux jitqiesu bħala ċirkustanzi attenwanti. Għalkemm il-Kummissjoni qieset, fid-Deċiżjoni tal-pajpijiet pre-insulati, il-kumpens imħallas lil kompetitur li l-eliminazzjoni tiegħu mis-suq Komunitarju kienet tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ l-akkordju, dak il-kompetitur kien stabbilit fil-Komunità u b’hekk kien wieħed mill-operaturi ekonomiċi protetti mid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Dak il-fatt ma jobbligax lill-Kummissjoni tqis, favur UCAR, il-kumpens għad-danni mogħti lill-klijenti fl-Istati Uniti u fil-Kanada għat-telf imġarrab f’dawk is-swieq. It-transazzjonijiet in kwistjoni ma għandhom ebda effett fuq il-ksur imwettaq minn UCAR fiż-ŻEE.

349    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-motivi u l-argumenti mqajma minn Tokai, C/G, SGL, Nippon, UCAR u SEC għandhom jiġu miċħuda.

f)     Fuq il-limitu massimu tal-multi u fuq il-kapaċità ta’ ċerti rikorrenti li jħallsu fis-sens tal-punt 5 tal-Linji gwida

 Il-Kawżi T-239/01 u T-245/01

350    Waqt li jfakkru li l-multa bażika kkalkolata għal UCAR ġiet imnaqqsa bi 15.2 % biex jiġi osservat il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ UCAR (premessa 199 tad-Deċiżjoni), SDK u SGL jakkużaw lill-Kummissjoni li ħalliet lil UCAR tibbenefika minn dan l-aġġustament mill-ġdid qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u b’hekk fi stadju intermedjarju fil-proċess tagħha ta’ l-iffissar tal-multi, u mhux fit-tmiem ta’ dak il-proċess. Madankollu, il-multi imposti fuq parteċipanti oħrajn fl-akkordju ma ġewx imnaqqsa b’dak il-mod. SDK u SGL jilmentaw dwar dak it-trattament mhux ugwali u jitolbu l-istess tnaqqis fil-multa tagħhom sabiex tinżamm relazzjoni koerenti u proporzjonata mal-multa ta’ UCAR.

351    SDK tiddikjara li hija ġiet issanzjonata b’mod eċċessiv minħabba l-fatt li d-dħul mill-bejgħ globali tagħha jaqbeż sew dak relatat mal-bejgħ ta’ l-elettrodi tal-grafita; hija b’hekk ġiet issanzjonata peress li hija għandha numru ħafna akbar ta’ attivitajiet oħrajn li ma jikkonċernawx il-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Kieku l-attività ta’ SDK fil-qasam ta’ l-elettrodi tal-grafita kien jikkostitwixxi impriża distinta, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % kienet tnaqqas il-multa finali għal EUR 6.6 miljuni.

352    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni, billi applikat għal UCAR il-limitu massimu ta’ 10 % mhux għar-“riżultat finali tal-kalkolu tal-multa” iżda fi stadju preċedenti, jiġifieri qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ma osservatx it-test tal-punt 5(a) tal-Linji gwida. Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika f’dan il-każ il-metodu stabbilit fil-Linji gwida, hija kienet obbligata tikkonforma miegħu fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, u kienet obbligata tispjega speċifikament ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, fejn applikabbli, devjazzjonijiet fuq punt speċifiku (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq u s-sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 271).

353    Il-premessa 199 tad-Deċiżjoni, in kwantu tirreferi biss għal-limitu massimu tal-multi previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ma tagħtix spjegazzjoni speċifika dwar ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ddevjat mil-Linji gwida. Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija applikat tnaqqis ta’ 15.2 % favur UCAR mhux għaliex dehrilha li l-ksur imwettaq minn din ta’ l-aħħar kien jistħoqqlu sanzjoni iżgħar minn dik tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, iżda għaliex riedet tqis il-fatt li, fil-każ biss ta’ UCAR, l-ammont bażiku ffissat qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kien jaqbeż il-limitu massimu previst b’EUR 15.1-il miljun, jiġifieri bi 15.2 %. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li kellha tantiċipa l-applikazzjoni ta’ dak il-limitu biex tiżgura li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tkun tista’ tipproduċi l-effett sħiħ utli tagħha: jekk l-ammont bażiku jkun bil-wisq ikbar mil-limitu ta’ 10 % qabel l-applikazzjoni ta' l-imsemmija komunikazzjoni mingħajr ma dan il-limitu jkun jista’ jiġi applikat immedjatament, l-inċentiv għall-impriża kkonċernata biex tikkoopera mal-Kummissjoni jkun wisq iżgħar, ladarba l-multa finali terġa’ tinġieb għal 10 % f’kull każ, bi jew mingħajr kooperazzjoni.

354    Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li dik l-ispjegazzjoni tiġġustifika l-approċċ magħżul mill-Kummissjoni fil-każ ta’ UCAR. Il-motivazzjoni f’dak ir-rigward ma għandhiex tinsab fid-Deċiżjoni nfisha, in kwantu l-approċċ in kwistjoni ma affettwax b’mod negattiv lill-impriża kkonċernata, jiġifieri lil UCAR. Anki jekk l-imsemmija miżura favorevoli għal UCAR kienet illegali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, SDK u SGL ma jistgħux jinvokaw dik l-illegalità li saret favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 160).

355    Fi kwalunkwe każ, huwa kostanti li SDK u SGL ma kinux f’sitwazzjoni kumparabbli għal dik ta’ UCAR f’termini ta’ dħul mill-bejgħ globali, peress li l-ammont bażiku ffissat għalihom ma qabiżx il-limitu massimu qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, huma ma jistgħux isostnu validament li l-Kummissjoni kienet obbligata, skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tagħtihom l-istess tnaqqis bħal dak applikat favur UCAR. Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq ksur ta’ dan il-prinċipju għandhom jiġu miċħuda.

356    L-istess jgħodd fir-rigward tal-motiv imqajjem minn SDK li abbażi tiegħu l-multa tagħha kellha titnaqqas b’mod kunsiderevoli kieku l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-elettrodi tal-grafita kienu jikkostitwixxu impriża distinta. Dak il-motiv huwa bbażat fuq spekulazzjonijiet totalment estraneji għall-istatus ġuridiku reali tal-kumpannija li l-Kummissjoni kellha tqis meta applikat, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita sew (ara, pereżempju, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 118 u 119, u s-sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 5022), il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali (għall-prodotti kollha) ta’ SDK. Jekk SDK għażlet struttura “unitarja” vertikali għall-kumpannija tagħha, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla għajr li tieħu nota ta’ dak il-fatt u tassumi li dik l-istruttura kienet fl-interess ekonomiku ta’ SDK. Barra minn hekk, f’dan l-istadju, ma hemmx mod kif wieħed jista’ jkun jaf x’kienu ser ikunu l-istatus preċiż u l-pożizzjoni ta’ “impriża distinta” fi ħdan il-grupp SDK. Dak il-motiv b’hekk għandu jiġi miċħud ukoll.

 Il-Kawżi T-239/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01

–       L-argumenti tal-partijiet

357    SEC targumenta li l-multa tagħha tikkorrispondi għal 11.3 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha miksub fl-1999 u b’hekk taqbeż il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

358    SGL hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tikkalkola l-multa tagħha fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha miksub fl-2000. Dik iċ-ċifra żdiedet għal EUR 180 miljun wara l-akkwist, f’Jannar ta’ l-2000, ta’ kumpannija oħra. Is-sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 5045, topponi li titqies żieda fid-dħul mill-bejgħ li sseħħ wara t-tmiem tal-ksur (Marzu 1998). F’dan il-kuntest, SGL tilmenta mit-tul eżaġeratament twil tal-proċedura amministrattiva; id-dewmien li kien hemm għamel ħsara lill-interessi finanzjarji tagħha, peress li d-dħul mill-bejgħ tagħha għall-1999 kien inqas minn dak għas-sena 2000.

359    SGL tiddikjara wkoll li l-limitu massimu ta’ 10 % huwa assolut fis-sens li dan lanqas ma jista’ jinqabeż mill-ammonti “intermedjarji” (ta’ tluq u bażiċi) iffissati mill-Kummissjoni matul il-proċess ta’ kalkolu tagħha. Ir-raġunament kuntrarju msemmi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, b’hekk huwa żbaljat.

360    SGL tikkritika lill-Kummissjoni, finalment, li ma qisitx il-qagħda finanzjarja tagħha, li kienet ferm diffiċli. Hija ssostni li dik l-ommissjoni tmur kontra l-punt 5(b) tal-Linji gwida.

361    UCAR u C/G jinvokaw ukoll l-inkapaċità tagħhom li jħallsu l-multa. Huma jisħqu dwar il-qagħda diffiċli tas-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita u l-pożizzjoni finanzjarja prekarja tagħhom.

362    F’dan il-kuntest, UCAR tfakkar id-dejn kbir li Mitsubishi u Union Carbide ikkaġunawlha fil-kuntest tar-ristrutturar tagħha fl-1995. Hija tirreferi, barra minn hekk, għall-multi kbar li ġew imposti fuqha mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi. Issa UCAR ma għadx għandha l-possibbiltà li tkompli tissellef iktar flus, peress li l-linji ta’ kreditu tagħha ġew iffriżati. UCAR tfakkar li l-Kummissjoni konsistentement qieset, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-profittabbiltà tad-destinatarji tad-deċiżjoniet tagħha, jew meta tiffissa l-ammont tal-multi, jew meta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-ħlas. F’din il-kawża, hija marret kontra l-prassi amministrattiva tagħha stess.

363    C/G tiddikjara wkoll li d-diffikultajiet finanzjarji tagħha obbligawha titlob, ftit wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fl-Istati Uniti.

364    Il-Kummissjoni topponi l-motivi u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

365    Fir-rigward tal-motiv imqajjem minn SEC, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa relatat mas-sena finanzjarja ta’ qabel id-data tad-Deċiżjoni, jiġifieri, f’din il-kawża, is-sena 2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, punt 85, u s-sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 506). SEC tammetti espressament li, għas-sena 2000, dak il-limitu kien irrispettat fil-każ tagħha. Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

366    In kwantu SGL issostni li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkalkola l-multa bażika tagħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tagħha għas-sena finanzjarja 1999, peress li dik iċ-ċifra kienet kunsiderevolment inqas minn dik għas-sena finanzjarja 2000, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multi kien id-dħul mill-bejgħ fuq bażi dinjija miksub fl-1998 mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni u l-ishma mis-suq ta’ l-impriżi kkonċernati bejn l-1992 u l-1998 (premessi 30, 149 u 150 tad-Deċiżjoni). Dawk iċ-ċifri la huma relatati mas-sena finanzjarja 1999 u lanqas mas-sena finanzjarja 2000. L-argument ta’ SGL b’hekk huwa irrilevanti.

367    Sussegwentement, hija ġurisprudenza stabbilita li l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriża kkonċernata, billi dan id-dħul mill-bejgħ biss jagħti indikazzjoni ta’ l-importanza u ta’ l-influwenza ta’ din l-impriża fuq is-suq (ara s-sentenza Siment, punt 39 iktar ’il fuq, punt 5022, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija biss il-multa finalment imposta li għandha titnaqqas mil-limitu msemmi hawn fuq, b’mod konformi ma’ l-imsemmi Artikolu 15; dik id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lill-Kummissjoni li tirreferi, matul il-kalkolu tagħha, għal ammont intermedjarju akbar minn dak il-limitu, kemm-il darba l-multa finalment imposta ma taqbżux (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punti 287 u 288). Fil-każ ta’ SGL, il-multa finali ta’ EUR 80.2 miljun hija inqas mil-limitu ta’ 10 % kemm fir-rigward tas-sena finanzjarja 1999 (EUR 980 miljun) kif ukoll tas-sena finanzjarja 2000 (EUR 1 262 miljun). L-argumenti li SGL tidderiva mit-tul wisq twil tal-proċedura amministrattiva u mis-sentenza Siment (punt 5045) b’hekk ma humiex rilevanti.

368    Il-kritika fformulata fir-rigward tas-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, ma hijiex fondata. Jekk SGL qed tirreferi għad-dritt kriminali, li ma jippermettix lill-qorti taqbeż il-livell massimu previst għal reat partikolari, għandu jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tiffissa sanzjonijiet amministrattivi, minimi jew massimi, għad-diversi kategoriji ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni b’hekk hija libera li tiddetermina l-ammont tal-multi li jissanzjonaw dak il-ksur skond il-gravità u t-tul ta’ dan ta’ l-aħħar. L-uniku limitu massimu fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni jirrigwarda l-kapaċità finanzjarja ta’ l-impriża kkonċernata f’termini tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli taqbeż, permezz ta’ operazzjonijiet ta’ kalkolu purament intermedjarji relatati mal-gravità u t-tul tal-ksur, il-limitu massimu ta’ 10 % imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

369    Fir-rigward tas-sitwazzjoni diffiċli tas-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita, dan ma huwiex kuntest ekonomiku “speċifiku” fis-sens tal-punt 5(b) tal-Linji gwida. Kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-akkordji jitwieldu b’mod partikolari f’mument meta settur ikun għaddej minn diffikultajiet. Jekk dik il-konstatazzjoni ma tkunx iġġustifikat l-għoti ta’ ċirkustanza attenwanti (ara l-punt 345 iktar ’il fuq), lanqas ma tista’ tiġġustifika tnaqqis ta’ multa f’dan il-kuntest.

370    L-istess jgħodd fir-rigward tal-qagħda finanzjarja prekarja ta’ SGL, UCAR u C/G. Effettivament, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, li tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 308 ; sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 280 iktar ’il fuq, punt 596, u s-sentenza FETTCSA, punt 47 iktar ’il fuq, punt 351, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha li kellhom jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet finanzjarji ta’ impriża partikolari ma jfissirx li hija obbligata tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni oħra (sentenza FETTCSA, punti 353 u 354).

371    Din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi ddubitata mill-punt 5(b) tal-Linji gwida, li abbażi tiegħu l-kapaċità reali ta’ impriża li tħallas għandha tiġi kkunsidrata. Fil-fatt din il-kapaċità tapplika biss fil-“kuntest soċjali speċifiku” tagħha, ikkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta’ multa jkollu, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorament tas-setturi ekonomiċi upstream u downstream ta’ l-impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi evalwat dan il-“kuntest soċjali speċifiku”.

372    Barra minn hekk, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità Komunitarja tipprovoka l-falliment jew l-istralċ ta’ impriża determinata, minnu nnifsu ma huwiex ipprojbit mid-dritt Komunitarju (ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14, u tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 38). Fil-fatt, l-istralċ ta’ impriża taħt il-forma ġuridika tagħha in kwistjoni, għalkemm jista’ jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-propjetarji, azzjonisti jew detenturi ta’ ishma, ma jfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom.

373    Matul is-seduta, SGL sostniet li n-nuqqas mill-Kummissjoni li tikkunsidra l-qagħda finanzjarja ħażina ta’ l-impriża jmur kontra l-prassi reċenti tal-Kummissjoni li, fid-Deċiżjoni tagħha C (2002) 5083 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-2/37.667 – Grafiti speċjali), espressament naqqset il-multa imposta fuq SGL minħabba l-qagħda finanzjarja serja ta’ l-impriża. Skond SGL, l-istess tnaqqis kellu jingħata f’din il-kawża.

374    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed josserva li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2002 qieset kemm il-qagħda finanzjarja ta’ SGL kif ukoll il-fatt li multa kunsiderevoli kienet diġà ġiet imposta fuq l-impriża għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell dwar is-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita, minkejja li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li “f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma jidhirx neċessarju, biex tiġi żgurata disważjoni effettiva, li jiġi impost l-ammont sħiħ tal-multa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 558). SGL b’hekk ma tistax tinvoka dik il-karatteristika tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2002 u takkuża lill-Kummissjoni bi żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni talli naqset, f’dan il-kuntest fejn ma teżistix dik il-karatteristika, milli tiddevja mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 370 iktar ’il fuq.

375    In kwantu C/G telenka wkoll l-iżvantaġġi ekonomiċi tagħha li l-Kummissjoni kellha tqis, jiġifieri n-nuqqas ta’ sit ta’ produzzjoni barra mill-Istati Uniti u l-inkapaċità li toffri servizzi tekniċi ta’ livell għoli, l-ispejjeż tax-xogħol għoljin tagħha, il-kwalità ħażina tal-prodotti tagħha u l-integrazzjoni vertikali tal-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha, il-Kummissjoni rrilevat, ġustament, li dawn l-inkonvenjenzi kienu riflessi fid-dħul mill-bejgħ u, għaldaqstant, fil-klassifikazzjoni ta’ C/G f’kategorija li għaliha ġie ffissat ammont ta’ tluq iktar baxx minn dak ta’ SGL u UCAR. Barra minn hekk, in kwantu C/G, minkejja d-diffikultajiet tagħha, setgħet iżżid il-volum tal-bejgħ tagħha fl-Ewropa, hija ngħatat tnaqqis sostanzjali fil-multa, abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti. Għaldaqstant, ebda tnaqqis tal-multa addizzjonali ma huwa ġġustifikat f’dan il-kuntest.

376    Ir-referimenti ta’ UCAR għas-sanzjonijiet li ġew imposti fuqha fl-Istati Uniti u fil-Kanada kif ukoll għall-aġir dannuż ta’ Mitsubishi u Union Carbide sempliċement itennu, f’dan il-kuntest, motivi li diġà ġew miċħuda iktar ’il fuq. Għaldaqstant biżżejjed jiġi mfakkar li UCAR ma wrietx li hija kienet tinsab f’“kuntest soċjali speċifiku” li kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrenunzja, ta’ mill-inqas parzjalment, li timponi multa fuqha. Fir-rigward ta’ l-aġir ta’ Mitsubishi u Union Carbide, li ma ġewx identifikati u ssanzjonati fid-Deċiżjoni bħala awturi tal-ksur, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni li tnaqqas, fuq dik il-bażi, il-multa ta’ UCAR li r‑rwol tagħha bħala awtriċi tal-ksur ġie kkonstatat, biex b’hekk hija tiffranka li jkollha tippreżenta rikors għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti għad-dannu finanzjarju li allegatament soffriet minħabba l-aġir ta’ dawk iż-żewġ kumpanniji.

377    Peress li ebda wieħed mill-motivi u l-argumenti mqajma f’dan il-kuntest ma ġie aċċettat, l-ammonti bażiċi kif stabbiliti s’issa mhux ser jiġu mmodifikati.

3.     Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

378    SGL, UCAR u C/G isostnu li l-Kummissjoni ma naqqsitx il-multi tagħhom biżżejjed skond il-punt D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

379    Skont il-punt D, “[m]eta impriża tikkoopera mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija [fil-punti] B u C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-ammont li kien jiġi impost fuqha li kieku hija ma kkooperatx” (punt 1), u “[d]an ikun b’mod partikolari l-każ fejn: qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq; wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 2).

380    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-każ ta’ SGL (premessi 169 u 172 sa 175), UCAR (premessi 200 sa 202) u C/G (premessi 239 u 240).

a)     Il-Kawża T-239/01

 Sintesi tad-Deċiżjoni

381    Il-Kummissjoni naqqset il-multa ta’ SGL bi 30 % peress li SGL kienet ikkooperat fi stadju bikri tal-proċedura (premessi 167 sa 169 u 175). Madankollu SGL ma kkooperatx realment wara l-ewwel kuntatti li saru f’April 1998, tant illi l-Kummissjoni kellha tibgħatilha nota ta’ talba formali għall-informazzjoni u nota ta’ tfakkir fejn hija rriżervat id-dritt li tadotta deċiżjoni formali abbażi ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Bi tweġiba, SGL bagħtet dikjarazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell fit-8 ta’ Ġunju 1999 (premessa 173). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kellha tkun spontanja u mhux issir fil-kuntest ta’ meta hija teżerċita s-setgħa ta’ investigazzjoni tagħha. Għaldaqstant, parti sostanzjali tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 1999 fil-fatt kienet tikkostitwixxi t-tweġiba ta’ SGL għat-talba formali għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Tqieset biss bħala kontribuzzjoni spontanja fis-sens tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni l-informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li kien mitlub abbażi ta’ l-Artikolu 11 (premessa 174).

 L-argumenti tal-partijiet

382    SGL issostni li hija ma kinitx obbligata twieġeb għal ċerti mistoqsijiet fit-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li, altrimenti, hija kienet tkun obbligata tinkrimina lilha nfisha. Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999, hija madankollu tat tweġibiet kompleti u preċiżi. Meta titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza Funke tal-25 ta’ Frar 1993, Serje A Nru 256/A, § 44), SGL kienet saħansitra awtorizzata topponi li tagħti kwalunkwe kontribuzzjoni attiva biex tiġi stabbilita l-ħtija tagħha. In kwantu kkunsidrat b’mod żbaljat li SGL kienet obbligata twieġeb għall-mistoqsijiet kollha, il-Kummissjoni ssottovalutat il-kooperazzjoni volontarja tagħha.

383    SGL tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni kellha tqis ukoll it-tweġiba tagħha tat-30 ta’ Lulju 1997 għal talba għal informazzjoni. Permezz ta’ dik it-tweġiba, SGL ikkonfermat li avżat lil terzi dwar il-verifika imminenti mill-Kummissjoni. Dik it-talba għal informazzjoni kellha l-għan li tikseb l-ammissjoni ta’ SGL dwar ksur, b’mod li SGL f’ebda każ ma kienet obbligata twieġeb. L-ammissjoni volontarja tagħha b’hekk kien imissha ġiet riflessa fil-forma ta’ tnaqqis akbar tal-multa.

384    SGL hija tal-fehma li d-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999 saret fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva bħall-kooperazzjoni ta’ SDK u UCAR. Hija ppreżentat il-fatti b’mod dettaljat daqs dawk il-kumpanniji, u l-portata u l-kontenut tal-informazzjoni kienu oġġettivament ekwivalenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħti lill-kooperazzjoni mogħtija minn SGL valur iktar limitat minn dik li kienet ingħatat qabel minn SDK u UCAR (sentenza Krupp, punt 279 iktar ’il fuq, punti 237 et sequitur).

385    SGL tallega, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ddiskriminat kontriha meta mqabbla ma’ UCAR, C/G u SDK.

386    Fl-ewwel lok, il-fatt li naqqset il-multa imposta fuq UCAR b’40 % waqt li l-multa ta’ SGL tnaqqset biss bi 30 % jikkostitwixxi trattament mhux ugwali, peress li l-kooperazzjoni min-naħa ta’ UCAR ma kinitx sostanzjalment akbar mill-kooperazzjoni tagħha. Sa mill-bidu, hija informat lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tikkollabora kemm jista’ jkun malajr, waqt li enfasizzat li l-proċeduri kriminali paralleli li kienu jinsabu għaddejjin kontriha fl-Istati Uniti kienu qed iwaqqafuha milli tikkomunika bil-miktub id-dettalji fattwali kollha dwar l-akkordju. Hija kellha tistenna l-konklużjoni ta’ transazzjoni ġudizzjarja (plea agreement) f’Mejju  1999 biex tkun tista’ tibgħat lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999. UCAR u SDK ukoll stennew il-konklużjoni ta’ dawk it-transazzjonijiet ġudizzjarji qabel ma bagħtu l-informazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. SGL ma setgħetx tiġi żvantaġġata mill-fatt li SDK u UCAR kienu f’pożizzjoni li jikkonkludu t-transazzjonijiet ġudizzjarji tagħhom qabel, peress li SGL ma kellha ebda influwenza fuq l-aġir tal-awtoritajiet Amerikani. SGL tiddikjara wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kollaboraturi ta’ UCAR mibgħuta lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 1999 ma jistgħux jitqiesu bħala kooperazzjoni ta’ l-impriża, peress li l-impriża nfisha biss tista’ tkun ikkonċernata mill-proċedura u tkun intitolata għal kumpens abbażi tal-kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-valur tal-kooperazzjoni ta’ UCAR kien iktar baxx mill-valur li l-Kummissjoni attribwitilha.

387    Fit-tieni lok, it-tnaqqis tal-multa b’40 % mogħti lil C/G kien jirrifletti żball ta’ evalwazzjoni in kwantu n-nuqqas ta’ applikazzjoni parzjali minn C/G ta’ l-akkordji illeċiti ġie kkunsidrat li jiġġustifika tali tnaqqis. Effettivament, l-aġir ta’ C/G kien kumparabbli għal dak tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju.

388    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkommettiet trattament mhux ugwali għad-detriment ta’ SGL meta naqqset b’70 %, skond il-punt C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-ammont tal-multa imposta fuq SDK. Id-Deċiżjoni ma indikatx jekk il-kundizzjonijiet ta’ dik il-komunikazzjoni kinux effettivament sodisfatti fil-każ ta’ SDK u ma kinux fil-każ ta’ SGL. Fi kwalunkwe każ, il-kontribut ta’ SDK ma jiġġustifikax it-trattament favorevoli mogħti lil dik l-impriża.

389    Il-Kummissjoni tirribatti li l-biċċa l-kbira tal-elementi ppreżentati minn SGL biex turi kemm kienet kbira l-kooperazzjoni tagħha huma indikazzjonijiet li hija kellha l-obbligu li tipprovdi b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, jiġifieri d-dati, il-postijiet, il-parteċipanti u l-proċeduri tal-preparazzjoni u tal-organizzazzjoni tal-laqgħat mal-kompetituri, iċ-ċifri u l-kunsinni ta’ elettrodi tal-grafita fil-Komunità u t-tabelli dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet. Għaldaqstant, dawk l-indikazzjonijiet kollha kellhom jiġu injorati matul l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Anki jekk wieħed jassumi li SGL ma kinitx obbligata tipprovdi ċerta informazzjoni mitluba fil-31 ta’ Marzu 1999, il-kontribut tagħha ma għandux jiġi ssopravalutat. Effettivament, il-Kummissjoni diġà kellha, fit-8 ta’ Ġunju 1999, meta rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ SGL, il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni rilevanti bis-saħħa tal-kooperazzjoni ta’ SDK u ta’ żewġ kollaboraturi f’pożizzjoni għolja ta’ UCAR. Fi kwalunkwe każ, SGL ma ħaditx l-inizjattiva li tikkoopera, iżda llimitat ruħha li twieġeb għal talba għal informazzjoni.

390    Ir-referiment ta’ SGL għas-sentenza Krupp (punt 279 iktar ’il fuq) huwa irrilevanti, peress li l-kronoloġija tat-tweġbiet mogħtija fil-kawża Krupp qablet ma’ l-ordni li fiha l-Kummissjoni kienet interrogat lill-impriżi kkonċernati; skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li waħda minn dawk l-impriżi rrikonoxxiet il-fatti li bihom ġiet akkużata billi wieġbet l-ewwel waħda għall-mistoqsijiet li sarulha ma jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva għal trattament differenzjat. F’din il-kawża, għall-kuntrarju, l-ordni li fihom waslu d-dokumenti għand il-Kummissjoni ma hijiex spjegata bl-ordni li fiha hija interrogat lil SGL, SDK u UCAR.

391    Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li SGL tatha tweġiba mhux kompluta għall-mistoqsija dwar liema kienu l-kumpanniji informati minn SGL dwar l-imminenza tal-verifiki min-naħa tal-Kummissjoni: SGL ma qalitx li kienet avżat ukoll lil UCAR. Hija setgħet perfettament tinforma lill-Kummissjoni li kienet avżat lil tliet impriżi, mingħajr ma tammetti fl-istess ħin l-eżistenza ta’ ksur. Effettivament, il-fatt li wieħed javża lil impriżi oħrajn li jkunu ser isiru verifiki ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur ta’ l-Artikolu 81 KE.

392    In kwantu SGL takkużaha li ddiskriminat kontriha meta mqabbla ma’ UCAR, C/G u SDK, il-Kummissjoni tirrispondi li UCAR kkontribwiet iktar għall-konstatazzjoni tal-ksur minn SGL. Rigward ir‑rwol ta’ C/G, il-Kummissjoni tenfasizza li n-natura passiva ta’ l-aġir ta’ C/G u ż-żieda fil-bejgħ tagħha fl-Ewropa ssarrfulha fi tnaqqis tal-multa ta’ 40 % abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti. Is-sitwazzjoni ta’ C/G u dik ta’ SGL b’hekk ma humiex kumparabbli. L-istess jgħodd għall-paragun ma’ SDK. Għall-kuntrarju ta’ SGL, SDK ibbenefikat mill-applikazzjoni tal-punt C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li kienet l-ewwel kumpannija li realment ipproduċiet provi deċiżivi biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ l-akkordju u rtirat mill-kartell f’April  1997.

393    Il-Kummissjoni tirrileva li SGL ma kkontestatx, matul il-proċedura amministrattiva, l-ilment li hija ssoktat bil-ksur wara l-verifiki u li dak in-nuqqas ta’ kontestazzjoni fattwali ġie kkunsidrat għall-finijiet tat-tnaqqis tal-multa tagħha bi 30 %. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, SGL ċaħdet għall-ewwel darba li kienet issoktat bil-ksur wara dawk il-verifiki. B’dan il-mod, hija rrestrinġiet a posteriori l-portata tal-kooperazzjoni tagħha. Għaldaqstant, tnaqqis addizzjonali tal-multa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, ma tkunx propizja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

394    Fir-rigward ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ma tistax tinjora dan il-prinċipju, li jinkiser meta sitwazzjonijiet simili jkunu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jkunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Krupp, punt 279 iktar ’il fuq, punt 237, u s-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 240, u l-ġurisprudenza ċċitata).

395    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li SDK u C/G ma jinsabux f’sitwazzjoni kumparabbli għal dik ta’ SGL.

396    Effettivament, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-Deċiżjoni, li C/G ma pparteċipatx fil-laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u lanqas fil-laqgħat “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li hija kkuntentat ruħha li ssegwi l-prezzijiet iffissati mill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju u li, bi ksur ta’ wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordju (dak tal-“produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), żiedet il-bejgħ tagħha fl-Ewropa. SGL la kkontestat dawk il-konstatazzjonijiet ta’ fatt (premessi 81 sa 86 tad-Deċiżjoni) u lanqas ma allegat li aġixxiet b’mod kumparabbli mal-mod kif aġixxiet C/G, hekk kif għadu kif ġie deskritt.

397    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ SDK li għaliha ġie applikat il-punt C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li bbenefikat minn tnaqqis tal-multa ta’ 70 %, SGL ma ssostnix li hija wkoll kien imissha bbenefikat mill-imsemmi punt C ; hija sempliċement tafferma li d-Deċiżjoni ma indikatx għalfejn il-kundizzjonijiet tal-punt C kienu sodisfatti fil-każ ta’ SDK u ma kinux fil-każ ta’ SGL. Kif intqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat validament li SGL kienet waħda mill-provokaturi u l-mexxejja ta’ l-akkordju; barra minn hekk, SGL lanqas ma tallega li hija kienet l-ewwel impriża li pprovdiet provi determinanti biex tiġi ppruvata l-eżistenza tal-kartell. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B(b) u (e), moqrija flimkien mal-punt C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma ġewx sodisfatti minn SGL. Din ta’ l-aħħar b’hekk ma tistax tibbenefika minn tnaqqis fil-multa prevista fl-imsemmi punt C, b’mod illi l-argument tagħha dwar SDK huwa irrilevanti.

398    Huwa daqstant irrilevanti l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kontribut ta’ SDK – bl-istess mod bħal dak ta’ UCAR – fir-realtà kien ta’ valur iktar baxx minn dak stabbilit mill-Kummissjoni u ma kienx jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa li ngħata. Effettivament, in kwantu qed tipprova tnaqqas il-valur tal-kooperazzjoni ta’ l-impriżi l-oħrajn, SGL mhux qed issostni li l-kooperazzjoni tagħha stess kellha l-istess valur bħal dik mogħtija minn impriża oħra u li b’hekk timmerita l-istess tnaqqis bħal dak mogħti lil din ta’ l-aħħar, iżda qed tikkontesta t-trattament allegatament wisq favorevoli, u b’hekk illegali, mogħti lil dawk l-impriżi. Dak l-argument b’hekk ma jistax iwassal biex hija tingħata tnaqqis akbar.

399    Rigward il-punt jekk il-kooperazzjoni mogħtija minn SGL, li ġiet ikkumpensata bi tnaqqis ta’ 30 %, kinitx oġġettivament ta’ valur kumparabbli għal dik mogħtija minn UCAR, li ġiet ikkumpensata bi tnaqqis ta’ 40 %, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li SGL u UCAR, it-tnejn li huma, fil-kwalità tagħhom ta’ provokaturi u mexxejja ta’ l-akkordju, ipprovdew provi informattivi u dettaljati li ffaċilitaw b’mod sinjifikattiv il-ħidma tal-Kummissjoni, waqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-parti sostanzjali tal-kooperazzjoni ta’ SGL ġiet ipprovduta xi ftit xhur iktar tard minn dik taż-żewġ kollaboraturi ta’ UCAR, [...] u [...], li kienu ġew imħeġġa minn UCAR biex jibagħtu l-istqarrijiet tagħhom lill-Kummissjoni b’tali mod li hija ġustament setgħet tattribwixxi dik il-kooperazzjoni lill-impriża UCAR innifisha.

400    F’dan il-kuntest, SGL ma tistax issostni utilment li l-kooperazzjoni tagħha ġiet “imdewma” permezz tal-proċeduri paralleli fl-Istati Uniti. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni (premessa 172 tad-Deċiżjoni), kienet SGL li ħadet ir-riskju li tistenna l-għeluq tal-proċedura Amerikana, bit-tama li tikseb sanzjoni iktar klementi fl-Amerka, qabel ma’ tikkollabora mal-Kummissjoni, b’mod illi setgħet tistenna li din ta’ l-aħħar kienet ser tkun diġà ġiet informata mill-impriżi l-oħrajn u li l-kontribut ta’ SGL b’hekk tilef il-valur informattiv tiegħu.

401    Għalhekk, hemm lok li jingħad li r-raġuni essenzjali għaliex il-Kummissjoni tat lil SGL tnaqqis ta’ 30 % biss tal-multa tidher fil-premessa 174 tad-Deċiżjoni: skond il-Kummissjoni, impriża jistħoqqilha biss tnaqqis fil-multa jekk il-kooperazzjoni tagħha tkun “spontanja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ma taqax fil-kuntest ta’ l-“eżerċizzju ta’ poter ta’ investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; peress li “parti sostanzjali ta’ l-informazzjoni mogħtija [minn SGL] fil-fatt tammonta għat-tweġiba ta’ SGL għat-talba formali tal-Kummissjoni għal informazzjoni, [ġiet] ikkunsidrata bħala kontribuzzjoni spontanja skond il-Komunikazzjoni biss l-informazzjoni kontenuta fid-dikjarazzjoni li marret lil hinn minn dik meħtieġa skond l-Artikolu 11” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minbarra dan, SGL bagħtet id-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999 wara li ntbagħtet nota ta’ tfakkir li fiha l-Kummissjoni żammet id-dritt li tadotta deċiżjoni formali skond l-Artikolu 11(5) (premessa 173 tad-Deċiżjoni). Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punti 27, 28 u 32 sa 35), il-Kummissjoni ma tatx rikumpens għall-informazzjoni li hija qieset li SGL kellha, f’kull każ, tagħtiha sabiex twieġeb għal talba għal informazzjoni jew għal deċiżjoni li tordna, taħt it-theddida ta’ sanzjonijiet, il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni mitluba.

402    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jingħad li d-dritt għal silenzju assolut, invokat minn SGL sabiex issostni li hija ma kellha twieġeb għal ebda talba għal informazzjoni, ma jistax jiġi rikonoxxut. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinżammu d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi xkiel inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dritt għal silenzju jista’ jiġi rikonoxxut biss fejn l-impriża kkonċernata tkun obbligata tagħti tweġibiet li permezz tagħhom hija jkollha tametti l-eżistenza tal-ksur li hija l-Kummissjoni li trid tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 66 u 67).

403    Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija, konsegwentement, intitolata tobbliga lill-impriżi jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex ifornuha, jekk meħtieġ, bid-dokumenti relativi li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir anti-kompetittiv (ara s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, punt 402 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

404    Dan il-poter tal-Kummissjoni li tikseb informazzjoni, ikkonfermat fis-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni u Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, rispettivament, punti 401 u 402 iċċitati iktar ’il fuq, la jmur kontra l-Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75) u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

405    Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (sentenza LVM, punt 130 iktar ’il fuq, punt 274) li, sussegwentement għas-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, punt 401 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-qorti Komunitarja trid tqis, għaddiet minn żviluppi ġodda bis-sentenza Funke, punt 382 iktar ’il fuq, bis-sentenza Saunders vs Ir-Renju Unit tas-17 ta’ Diċembru 1996 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 1996-VI, p. 2044, § 69, 71 u 76) u bis-sentenza J. B. vs L-Isvizzera tat-3 ta’ Mejju 2001 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2001-III, p. 455, § 64 sa 71), fis-sentenza LVM, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalbitx il-ġurisprudenza tagħha.

406    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li persuna tkun obbligata twieġeb għal mistoqsijiet purament fattwali magħmula mill-Kummissjoni u li tissodisfa t-talbiet tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti ma jiksirx il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll dak ta’ dritt għal smigħ xieraq, li jagħtu, fil-qasam tad-dritt tal-liġi tal-kompetizzjoni, protezzjoni ekwivalenti għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Xejn fil-fatt ma jwaqqaf lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni milli juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja, li l-fatti esposti fit-tweġibiet tiegħu jew id-dokumenti kkomunikati għandhom tifsira oħra minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 402 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

407    Imbagħad, fir-rigward ta’ kif SGL kienet obbligata twieġeb, skond il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għat-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999, hemm lok li jingħad li, minbarra l-mistoqsijiet purament fattwali u t-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti, il-Kummissjoni talbet li jiġu deskritti s-suġġett u l-mod kif komplew bosta laqgħat li attendiet għalihom SGL kif ukoll ir-riżultati/konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta kien ċar li l-Kummissjoni kienet tissospetta li l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li l-kompetizzjoni tiġi restritta. Minn dan jirriżulta li talba bħal din kienet ta’ tip li tobbliga lil SGL tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

408    L-istess japplika għat-talbiet sabiex jinkisbu l-protokolli ta’ l-imsemmija laqgħat, id-dokumenti ta’ ħidma u d-dokumenti ta’ preparazzjoni relattivi, in-noti miktubin bl-id dwarhom, in-noti u l-konklużjonijiet li jittrattaw dawn il-laqgħat, id-dokumenti ta’ ippjanar u ta’ diskussjoni kif ukoll il-proġetti ta’ implementazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezz li saru bejn l-1992 u l-1998.

409    Peress li SGL ma kinitx marbuta twieġeb għal dawn it-tip ta’ mistoqsijiet li jidhru fit-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999, il-fatt li hija xorta waħda tat informazzjoni fuq dawn il-punti għandu jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni volontarja ta’ l-impriża li tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

410    Dik il-konklużjoni ma tistax tiġi affettwata mill-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni in kwistjoni ma ġietx mogħtija spontanjament, iżda bħala tweġiba għal talba għal informazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ma jeħtieġx att spontanju, meħud biss bl-inizjattiva ta’ l-impriża kkonċernata, iżda jeżiġi sempliċiment informazzjoni li tikkontribwixxi “għal konferma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-eżistenza ta’ ksur imwettaq. Minbarra dan, anki l-punt C, li jittratta tnaqqis ta’ multa akbar minn dak previst fil-punt D, jippermetti li tiġi rrikompensata kooperazzjoni mogħtija “wara li l-Kummissjoni tkun wettqet investigazzjoni ordnata b’deċiżjoni fil-konfront ta’ l-impriżi li jkunu ħadu sehem fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, il-fatt li talba għal informazzjoni ġiet indirizzata lil SGL, skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, ma jistax ikun determinanti sabiex jimminimizza l-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża, skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, speċjalment peress li talba għal informazzjoni hija miżura inqas restrittiva minn investigazzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ deċiżjoni.

411    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni injorat l-importanza tal-kooperazzjoni ta’ SGL f’dan il-kuntest.

412    Safejn il-Kummissjoni tikkritika lil SGL li tatha tweġiba mhux kompleta għall-mistoqsija dwar liema impriżi SGL kienet informat dwar l-investigazzjoni imminenti tal-Kummissjoni f’Ġunju 1997, huwa minnu li, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 1997, SGL ammettiet biss li kienet informat lil VAW u lil impriża oħra, mingħajr ma indikat li hija kienet informat ukoll lil UCAR. Madankollu, il-Kummissjoni stess sostniet li t-twissija mogħtija minn SGL iggravat il-ksur, tat lok għal multa fejn l-effett dissważiv kien iktar mis-soltu u kienet tiġġustifika li tkun meqjusa bħala ċirkustanza aggravanti, peress li l-aġir ta’ SGL kien ħoloq il-kundizzjonijiet neċessarji għaż-żamma tal-kartell fis-seħħ u għat-titwil ta’ l-effetti danneġġanti tiegħu. Għalhekk jirriżulta li SGL ma kinitx marbuta tindika lill-Kummissjoni li hija kienet avżat impriżi oħra. Fil-fatt, din l-informazzjoni setgħet taggrava s-sanzjoni li l-Kummissjoni kienet ser timponi fuq SGL. Għalhekk fuq dan il-punt ukoll, il-Kummissjoni injorat l-aġir ta’ SGL meta kkritikatha li fornitha bi tweġiba mhux kompleta.

413    Finalment, jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-ebda waħda mill-impriżi implikati, inkluża SGL, ma kkontestat il-materja tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha (premessa 41). Għalkemm il-premessa 168 essenzjalment tirriproduċi t-test sħiħ tal-punt D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u għalkemm il-Kummissjoni, espliċitament, tat lil Tokai, SEC u Nippon tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ 10% abbażi ta’ l-imsemmi tieni inċiż tal-punt D(2), talli ma kkontestawx il-fatti (premessi 219 u 222), hija astjeniet milli tapplika din id-dispożizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u naqqset l-ammont tal-multa ta’ din ta’ l-aħħar biss abbażi tat-tieni inċiż tal-punt D(2) (premessa 175).

414    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni pprovat tispjega din l-ommissjoni billi semmiet li, meta l-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kienet limitata għal nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, hija tat tnaqqis biss abbażi ta’ din it-tip ta’ kooperazzjoni u rreferiet espressament għat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li, għall-impriżi li kkooperaw ukoll skond l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri SGL, UCAR, VAW u C/G, hija tat biss tnaqqis wieħed li jgħaqqad flimkien iż-żewġ tipi ta’ kooperazzjoni; dak it-tnaqqis uniku kien ibbażat esklużivament, u b’mod żbaljat, fuq l-ewwel inċiż. Fi kwalunkwe każ, mill-kuntest tad-Deċiżjoni jirriżulta b'mod ċar li l-għoti tat-tnaqqis lil SGL kien ibbażat kemm fuq l-għoti ta’ informazzjoni u dokumenti kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tagħha.

415    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tat din l-ispjegazzjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li ma tidher imkien fid-Deċiżjoni adottata mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni. L-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tar-rikorrenti kellha tidher fil-premessi li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kif din ta’ l-aħħar ġiet espressament imsemmija – barra fil-premessa 184 li tirrigwarda d-deskrizzjoni ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva – fil-premessi 219 u 222 fir-rigward ta’ Tokai, SEC u Nippon (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ABB Asean Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 244). Fid-dawl tas-silta tad-Deċiżjoni li tirrigwarda lil SGL, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax ma tikkonkludix li l-Kummissjoni ma tatx lill-impriża l-benefiċċju previst mit-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, minkejja l-fatt li SGL issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni.

416    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni naqset milli tqis, fuq diversi punti, l-importanza tal-kooperazzjoni mogħtija minn SGL qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li għandha titnaqqas, fuq din il-bażi, il-multa imposta fuq SGL b’10 %, minbarra t-30 % diġà mogħtija mill-Kummissjoni.

417    In kwantu l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex ma tapplikax dak it-tnaqqis abbażi li SGL ikkontestat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-materja tal-fatti li hija kienet ammettiet qabel matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li SGL effettivament tilmenta li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-issoktar tal-ksur wara Ġunju 1997. Il-konstatazzjonijiet relatati tal-Kummissjoni kienu essenzjalment ibbażati fuq l-aġir oġġettiv ta’ l-impriża matul il-proċedura amministrattiva u fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni pjuttost ġenerali. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, SGL essenzjalment illimitat ruħha targumenta li l-Kummissjoni ħadet żball dwar is-sens ta’ l-agir u tad-dikjarazzjonijiet tagħha. Biex tiċħad dak l-ilment, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha tfakkar dak l-aġir u d-dikjarazzjonijiet ta’ SGL kif ukoll il-kronoloġija ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva (ara l-punti 71 sa 77 iktar ’il fuq). Il-kompitu tal-Kummissjoni, li kien li tistabbilixxi l-fatti illeċiti, li kien iffaċilitat matul il-proċedura amministrattiva bl-aġir u d-dikjarazzjonijiet ta’ SGL, oġġettivament ma sarx iktar diffiċli minħabba l-kontestazzjoni ulterjuri ppreżentata minn SGL quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

418    Madankollu ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-Kummissjoni, kontra kull aspettattiva li hija setgħet raġonevolment tibbaża fuq il-kooperazzjoni oġġettiva ta’ SGL matul il-proċedura amministrattiva, kienet obbligata telabora u tippreżenta difiża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mmirata lejn il-kontestazzjoni tal-fatti illeċiti li hija kienet ġustament ikkunsidrat li SGL ma kinitx qed tikkontesta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 billi tnaqqas it-tnaqqis tal-multa mogħti lil SGL b’2 punti perċentwali. Dak it-tnaqqis fil-multa b’hekk jammonta biss għal 8 %.

419    Kif ġie deċiż fil-punt 113 iktar ’il fuq, dik il-konklużjoni ma hijiex inkonsistenti mas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni.

420    Minn dan isegwi li l-ammont finali tal-multa imposta fuq SGL għandu jitnaqqas għal EUR 69.114 miljun.

b)     Il-Kawża T-246/01

 Sintesi tad-Deċiżjoni

421    Il-Kummissjoni naqqset il-multa b’40 % peress li UCAR – għalkemm ma kinitx l-ewwel kumpannija li pproduċitilha provi determinanti – ikkontribwiet sostanzjalment għall-istabbiliment ta’ ċerti aspetti importanti fil-kawża u kienet l-ewwel kumpannija li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kuntatti illeċiti mal-kompetituri, bi tweġiba għal talba formali għal informazzjoni (premessi 200 sa 202).

 L-argumenti tal-partijiet

422    UCAR issostni li t-tnaqqis tal-multa b’40% mogħti lilha mill-Kummissjoni ma huwiex suffiċjenti meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 30 % mogħti lil SGL u dak ta’ 70 % mogħti lil SDK. Minħabba l-fatt li UCAR ikkooperat kemm jista’ jkun mal-Kummissjoni, hija kellha dritt għall-ogħla tnaqqis possibbli. Effettivament, UCAR ipprovdiet informazzjoni deċiżiva sabiex ikun jista’ jinftiehem il-funzjonament ta’ l-akkordju. Bis-saħħa ta’ dak li żvelat SDK, il-Kummissjoni ċertament kellha l-prova li kien hemm akkordju. Madankollu UCAR ipprovdiet il-provi li mlew l-għadd kbir ta’ lakuni fl-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni.

423    UCAR tikkritika lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, talli ma qisitx l-investigazzjoni interna indipendenti u profonda li saret mill-bord tad-diretturi tagħha bil-għan li jiġu stabbiliti u kkomunikati lill-Kummissjoni l-fatti kollha rilevanti. Dik l-investigazzjoni kienet deċiżiva, peress li d-Direttur Ġenerali tagħha u d-direttur tal-bejgħ għall-Ewropa kienu direttament involuti fl-akkordju u kellhom il-mezzi biex iwaqqfu l-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni.

424    Fit-tieni lok, UCAR ikkomunikat l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kummissjoni immedjament wara li saret taf bil-ksur imwettaq minnha. Hija ħadmet mal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tar-redazzjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Effettivament, UCAR esprimiet ir-riluttanza tagħha li tibgħat lill-Kummissjoni dokumenti bil-miktub, għaliex kien hemm riskju li dawk id-dokumenti jintużaw fil-proċeduri paralleli miftuħa kontra UCAR fl-Istati Uniti. UCAR b’hekk ipproponiet lill-Kummissjoni li tagħtiha l-informazzjoni verbalment. F’Ġunju 1998, il-Kummissjoni bagħtitilha talba għal informazzjoni strutturata bi qbil ma’ UCAR sabiex tikkorrispondi ma’ l-informazzjoni diġà pprovduta lill-Kummissjoni. Wara t-tmiem tal-proċeduri miftuħa fl-Istati Uniti, UCAR bagħtet volontarjament l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kummissjoni f’Ġunju 1999.

425    UCAR tfakkar, fit-tielet lok, li informat lill-Kummissjoni li t-twissija dwar il-verifiki għall‑għarrieda tagħha kienet oriġinat minn kuntatti bejn SGL u uffiċjal tal-Kummissjoni msemmi b’ismu. L-investigazzjoni li saret fil-konfront ta’ dak l-uffiċjal wasslet għal proċeduri kriminali. UCAR tiddikjara wkoll li l-kooperazzjoni tagħha fir-rigward tat-twissija kontra dawk il-verifiki għall‑għarrieda kellha rwol importanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq minn SGL.

426    Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis tal-multa b’40 % mogħti lil UCAR jibqa’ fi ħdan il-medda ta’ bejn 10 u 50 % prevista mill-punt D(1) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. UCAR ma wrietx li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest fuq dan il-punt. Il-kooperazzjoni mogħtija minn UCAR kienet rikonoxxuta b’mod suffiċjenti fid-Deċiżjoni, iżda ġie ppreċiżat li l-informazzjoni li ngħatat purament verbalment ma setgħetx tintuża bħala prova affidabbli.

427    Fir-rigward tar‑rwol ta’ UCAR fir-rigward ta’ l-iskoperta ta’ informazzjoni li setgħet ħarbet mis-servizzi tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar issostni li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti ta’ l-assistenza mogħtija. Minn naħa, UCAR informatha li SGL kienet avżat lill-impriżi l-oħrajn; dan il-fatt kien rilevanti għall-ksur in kwistjoni u l-Kummissjoni qisitu bħala ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq SGL, waqt li dik il-kooperazzjoni ta’ UCAR tqieset fil-kuntest tat-tnaqqis tal-multa tagħha b’40 %. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-possibbiltà li seta’ kien involut uffiċjal tal-Kummissjoni ma kinitx rilevanti għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-ksur imwettaq minn UCAR fil-kuntest ta’ din il-proċedura, peress li dik l-informazzjoni ma għenitx lill-Kummissjoni biex timplika lill-membri ta’ l-akkordju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

428    In kwantu UCAR issostni li t-tnaqqis tal-multa tagħha ma kienx biżżejjed meta mqabbel ma’ dak mogħti lil SGL u SDK, dak l-argument ma huwiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Effettivament, SDK ibbenefikat minn tnaqqis fil-multa skond il-punt C tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Is-sitwazzjoni tagħha b’hekk ma hijiex kumparabbli ma’ dik ta’ UCAR li bbenefikat mill-punt D u li ma tallegax li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt C. Rigward SGL, UCAR ma wrietx, fid-dettall, li l-kooperazzjoni tagħha, ikkumpensata bi tnaqqis ta’ 40 %, kienet ta’ valur ferm ogħla minn dik ta’ SGL, li ġiet ikkumpensata bi tnaqqis ta’ 30 %. Għal dak li jirrigwarda r-referiment ta’ UCAR għall-proċedura parallela fl-Istati Uniti, din ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-valur tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva quddiemha (ara l-punt 400 iktar ’il fuq).

429    L-argument ta’ UCAR dwar l-investigazzjoni interna tal-bord tad-diretturi tagħha lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. In kwantu dik l-investigazzjoni hija riflessa fil-kooperazzjoni ta’ UCAR, il-Kummissjoni qisitha billi naqqset il-multa b’40 %. Il-fatt li għamlet investigazzjoni interna ma jiġġustifikax, fih innifsu, żieda ta’ dik ir-rata. Effettivament, ma għandux jintesa li, b’mod parallel ma’ dik l-investigazzjoni, rappreżentanti oħrajn ta’ UCAR issoktaw bil-ksur, f’isem l-impriża, anki wara l-verifiki għall‑għarrieda tal-Kummissjoni.

430    Fir-rigward tal-kuntatti verbali bejn UCAR u l-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ippreċiżat, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-informazzjoni orali pprovduta minn UCAR fil-25 ta’ Marzu, fit-2 ta’ April u fil-11 ta’ Ġunju 1998 kienet ġiet irrapportata fid-dettall, f’noti interni miktuba minn uffiċjali tal-Kummissjoni. Dawn in-noti ma jagħmlux parti mill-fajl tal-investigazzjoni tal-każ. Effettivament, f’dak iż-żmien, UCAR ma xtaqitx li l-informazzjoni li hija kienet ipprovdiet verbalment tintuża bħala prova. Il-Kummissjoni ddeduċiet li dik l-informazzjoni verbali ma kinitx tikkostitwixxi provi validi fis-sens ta’ l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, raġuni għalfejn UCAR ma ngħatatx tnaqqis speċifiku tal-multa talli pprovdiet dik l-informazzjoni verbali.

431    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Minn naħa, effettivament, id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tipprovdi li mhux biss “dokumenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda wkoll “informazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jistgħu jiġu meqjusa bħala “ provi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq. Minn dan isegwi li l-imsemmija informazzjoni mhux neċessarjament trid tingħata f’forma ta’ dokument. Min-naħa l-oħra, l-utilità prattika ta’ informazzjoni verbali hija inkontestabbli meta din tippermetti lill-Kummissjoni, pereżempju, issib provi diretti tal-ksur jew meta tħeġġeġ lill-Kummissjoni, minħabba l-preċiżjoni tagħha, tissokta b’investigazzjoni li, fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti disponibbli f’dak il-mument, hija kienet ser tabbanduna mingħajr dik l-informazzjoni.

432    F’din il-kawża, kif jirriżulta min-noti interni msemmija hawn fuq, UCAR kienet ipprovdiet verbalment, b’mod partikolari, l-ismijiet ta’ l-impriżi l-oħrajn membri ta’ l-akkordju, l-ismijiet ta’ diversi rappreżentanti ta’ dawk il-membri, l-ismijiet kodiċi użati biex jinħbew il-kuntatti (ara l-premessa 59 tad-Deċiżjoni) kif ukoll id-dati u l-postijiet tal-laqgħat, inklużi l-parteċipanti, organizzati fil-kuntest ta’ l-akkordju. Dawk l-indikazzjonijiet kienu diġà ppermettew lill-Kummissjoni tindirizza talbiet għal informazzjoni lill-impriżi identifikati minn UCAR, billi talbithom jikkonfermaw jekk ir-rappreżentanti tagħhom imsemmija b’isimhom kinux ipparteċipaw fil-laqgħat imsemmija minn UCAR, u tinformahom li hija diġà kellha sors ta’ informazzjoni ċert, li seta’ jwassal lill-impriżi destinatarji biex jikkooperaw mal-Kummissjoni sa minn dak l-istadju bikri ta’ l-investigazzjoni.

433    Peress li l-informazzjoni verbali pprovduta minn UCAR ġiet ikkonfermata ulterjorment mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub mogħtija mill-impriża nfisha jew fuq l-inizjattiva tagħha stess (dikjarazzjonijiet ta’ [...] u [...]), jidher li UCAR ipprovdiet il-kooperazzjoni tagħha f’żewġ stadji: fl-ewwel lok, fil-kuntest ta’ diversi komunikazzjonijiet verbali, u sussegwentement permezz tal-komunikazzjoni ta’ provi dokumentati. Billi naqset milli tqis l-informazzjoni verbali pprovduta minn UCAR f’Marzu, f’April u f’Ġunju 1998, il-Kummissjoni b’hekk ma qisitx l-importanza tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża.

434    Fir-rigward tar‑rwol ta’ UCAR fl-iżvelar ta’ informazzjoni li setgħet ħarbet mis-servizzi tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ikkonfermat, matul is-seduta, l-opinjoni tagħha li dak l-iżvelar ma għenhiex biex timplika lill-membri ta’ l-akkordju. Hija ssostni li l-uniku għan tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa li tikkumpensa l-produzzjoni ta’ provi li kieku jesponu lill-impriża li tikkoopera għal sanzjoni. Is-sors tat-twissijiet in kwistjoni f’din il-kawża ma kienx jagħmel parti minn ksur li kien ser jesponi lil UCAR għal multa.

435    Dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Effettivament, tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, skond il-każ, ittemmu (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 36). Waqt li huwa minnu li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tipprovdi biss, fil-punt A(3) tagħha, tnaqqis “tal-multa li [l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni] altrimenti kien ser ikollhom iħallsu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dak it-test ma jeħtieġx li kull element ta’ informazzjoni individwali jrid ikun relatat ma’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jista’ jiġi ssanzjonat separatament. Sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, huwa biżżejjed li l-impriża li tkun disposta tikkoopera tesponi ruħha, permezz ta’ l-iżvelar tal-involviment tagħha fi ksur, għal sanzjoni, waqt li t-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-multa li jista’ jingħata, ta’ diversi elementi ta’ informazzjoni jiddependi mill-utilità tagħhom għall-Kummissjoni fil-kompitu tagħha li jikkonsisti f’li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur u li dan jintemm.

436    F’dan l-aħħar rigward, huwa evidenti li uffiċjal żleali tal-Kummissjoni jista’ jagħmel sabotaġġ għall-missjoni ta’ l-istituzzjoni tiegħu billi jagħti appoġġ lill-membri ta’ kartell illeċitu. B’hekk, huwa jista’ jikkomplika kunsiderevolment l-investigazzjoni mmexxija minnha, pereżempju, billi jeqred jew jimmanipula l-provi, billi jinforma lill-membri tal-kartell dwar verifika għall‑għarrieda imminenti u billi jiżvela l-istateġija sħiħa ta’ l-investigazzjoni elaborata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali uffiċjal għandha, fil-prinċipju, titqies bħala li tista’ tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ ksur u f’li dan jintemm. L-utilità ta’ tali informazzjoni hija partikolarment importanti meta din tiġi pprovduta fil-bidu ta’ l-investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni dwar aġir anti‑kompetittiv li jista’ jkun hemm.

437    F’din il-kawża, UCAR ippreżentat, fir-rikors tagħha u fl-Anness 47 tiegħu, id-dettalji fattwali dwar l-informazzjoni li ħarbet mis-servizzi tal-Kummissjoni, billi ppreċiżat b’mod partikolari li hija kienet informat lill-Kummissjoni dwar dan f’Jannar 1999, li l-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda Kontra l-Frodi (OLAF) kien intervjena u li kienet infetħet investigazzjoni kriminali fl-Italja kontra l-uffiċjal inkriminat. Matul il-proċedura bil-miktub kollha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u b’risposta għal domanda bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ma kkontestat ebda wieħed minn dawk l-elementi fattwali. Kien biss matul is-seduta li l-Kummissjoni affermat, għall-ewwel darba, li l-investigazzjoni interna li saret f’dan il-kuntest ma kinitx tat riżultati u li l-uffiċjal iddenunzjat minn UCAR kien għadu qed jaħdem mal-Kummissjoni. B’hekk illum il-ġurnata ma huwiex possibbli li jiġi identifikat uffiċjal bħala responsabbli għall-informazzjoni li ħarbet.

438    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, li ġiet avżata minn UCAR f’Jannar 1999, kien imissha informat lil UCAR sa mhux iktar tard mid-data meta ġiet adottata d-Deċiżjoni dwar jekk kellhiex tqis dak l-element ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tivverifika jekk l-investigazzjoni interna tal-Kummissjoni intiża biex jinqabad l-uffiċjal in kwistjoni saritx kif suppost u jekk wasslitx għal riżultat korrett, hija tista’ tidderiva biss il-konsegwenzi neċessarji ta’ l-aġir proċedurali tal-Kummissjoni: il-kontestazzjoni fattwali ppreżentata għall-ewwel darba matul is-seduta għandha tiġi kkwalifikata bħala eċċezzjoni ġdida u għandha tiġi miċħuda bħala tardiva, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk għandha tibbaża ruħha fuq il-fatti kif ippreżentati minn UCAR u taċċetta li l-informazzjoni dwar l-informazzjoni li ħarbet mis-servizzi tal-Kummissjoni kienet ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni fit-trattament tal-fajl dwar il-kartell attiv fis-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita. Billi naqset milli tikkunsidra dan l-element, il-Kummissjoni b’hekk injorat l-importanza tal-kooperazzjoni mogħtija minn UCAR.

439    L-istess jgħodd fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni applikat għal UCAR biss l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 202 tad-Deċiżjoni), waqt li UCAR ma kkontestatx il-materja tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha (premessa 41 tad-Deċiżjoni) (ara, f’dan is-sens, il-punti 413 sa 415 iktar ’il fuq).

440    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni ma qisitx, fuq diversi punti, l-importanza tal-kooperazzjoni mogħtija minn UCAR qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li, fuq din il-bażi, il-multa imposta fuq UCAR għandha titnaqqas b’10 % flimkien mat-tnaqqis ta’ 40 % diġà mogħti mill-Kummissjoni.

441    Minn dan isegwi li l-ammont finali tal-multa imposta fuq UCAR għandu jiġi ffissat għal EUR 42.05 miljun.

c)     Il-Kawża T-252/01

 Sintesi tad-Deċiżjoni

442    Il-Kummissjoni naqqset il-multa ta’ C/G b’20 % peress li C/G tatha ċerta informazzjoni. C/G madankollu ma għandhiex dritt għal tnaqqis akbar. Għalkemm f’Lulju 1998 hija pprovdiet lill-Kummissjoni b’ċerti dokumenti dwar il-kuntatti bejn il-kompetituri, hija bagħtet dikjarazzjoni korporattiva biss f’Ottubru 1999, fejn hija madankollu baqgħet vaga dwar ir‑rwol tagħha fl-akkordju. Skond il-Kummissjoni, it-tweġiba ta’ l-impriża tal-21 ta’ Lulju 1999 għat-talba formali għal informazzjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 ma tikkostitwixxix kontribuzzjoni spontanja fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessi 239 u 240).

 L-argumenti tal-partijiet

443    C/G takkuża lill-Kummissjoni li kkommettiet żball meta tatha biss tnaqqis ta’ 20 % mill-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħha. Effettivament, C/G ipprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti. Barra minn hekk, hija ma kkontestatx il-materja tal-fatti li l-Kummissjoni stabbilixxiet fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha. Skond C/G, dik il-kooperazzjoni kienet iktar prezzjuża minn dik tad-destinatarji l-oħrajn tad-Deċiżjoni li bbenefikaw minn tnaqqis identiku jew ogħla.

444    C/G tippreċiża li, fir-realtà, il-provi kollha stabbiliti kontriha joriġinaw minnha stess. Mingħajr il-kooperazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx ser tikseb dawk il-provi. In kwantu l-Kummissjoni tafferma li impriżi oħrajn inkriminaw ukoll lil C/G, din ta’ l-aħħar tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ l-impriżi l-oħrajn jikkostitwixxu suppożizzjonijiet purament fraġli u eżitanti.

445    C/G tqabbel, barra minn hekk, is-sitwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ Conradty li, għall-kuntrarju ta’ C/G, irrifjutat li tikkoopera mal-Kummissjoni, iżda din ta’ l-aħħar imponiet multa fuq C/G u mhux fuq Conradty. Finalment, C/G tilmenta li SGL u VAW ibbenefikaw minn tnaqqis ta’, rispettivament, 30 u 20 % għall-kooperazzjoni tagħhom, waqt li SGL kienet wissiet lil VAW, bħal lill-impriżi l-oħrajn, dwar l-imminenza tal-verifiki għall‑għarrieda tal-Kummissjoni. B’hekk ma jkunx loġiku li SGL, il-mexxejja ta’ l-akkordju, tibbenefika minn tnaqqis akbar minnha.

446    Il-Kummissjoni tfakkar li C/G ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 20 % li jinsab fil-medda prevista ta’ bejn 10 u 50 %. L-aspettattivi leġittimi tagħha b’hekk ġew osservati.

447    In kwantu C/G tallega li pproduċiet hija stess il-provi kollha stabbiliti kontriha, il-Kummissjoni tenfasizza li hija diġà kellha provi pprovduti minn SGL, VAW u UCAR, li attestaw ukoll il-parteċipazzjoni ta’ C/G fil-ksur. F’dan il-kuntest, hija tiċċita d-dikjarazzjoni ta’ SGL li fiha r-rendikont dirett ta’ laqgħa bejn SGL u C/G sabiex tiġi diskussa l-problema ta’ “esportazzjonijiet Amerikani li dejjem qed jiżdiedu” lejn is-suq Ewropew. Dik id-dikjarazzjoni ikkorroborat lil dawk ta’ UCAR u ta’ l-impjegati tagħha.

448    Għall-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ C/G, minn naħa, u dik ta’ Conradty, SGL u VAW, min-naħa l-oħra, huma totalment differenti: Conradty ma kkooperatx u l-Kummissjoni ma wasslitx biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. SGL ibbenefikat minn tnaqqis fil-multa peress li pprovdiet informazzjoni prezzjuża dwar il-funzjonament ta’ l-akkordju, waqt li l-kontribut ta’ C/G essenzjalment kien jikkonċerna n-natura tal-parteċipazzjoni tagħha stess. Finalment, C/G kienet l-aħħar impriża li ppreżentat dikjarazzjoni, fi żmien meta kważi l-informazzjoni kollha dwar l-akkordju, b’mod partikolari dik ipprovduta minn SGL u VAW, kienet magħrufa mill-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

449    In kwantu C/G tqabbel is-sitwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ Conradty, biżżejjed jiġi rrilevat li C/G stess irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, waqt li Conradty – bl-istess mod bħal Mitsubishi u Union Carbide – ma ġietx identifikata fid-Deċiżjoni bħala awtriċi tal-ksur u ma tipparteċipax fil-kawżi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-Deċiżjoni. Ir-referiment għal Conradty b’hekk ma jista’ jiġġustifika ebda tnaqqis addizzjonali fil-multa favur C/G.

450    L-argument ibbażat fuq paragun bejn C/G, minn naħa, u SGL u VAW, min-naħa l-oħra, ma huwiex ta’ tali natura li jiġġustifika tali tnaqqis. Effettivament, C/G ma turix li l-kooperazzjoni tagħha ġiet issottovalutata meta mqabbla ma’ dik ta’ dawk iż-żewġ impriżi, iżda sempliċement tiddiprezza l-kooperazzjoni tagħhom.

451    Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni ta’ C/G li l-impriża pproduċiet, hija stess, kważi l-provi kollha stabbiliti kontriha, li l-Kummissjoni kkontestat, irriżulta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-provi invokati mill-Kummissjoni, minbarra dawk prodotti minn C/G stess, kienu jikkonsistu f’żewġ dikjarazzjonijiet ta’ UCAR li abbażi tagħhom“[...] ippreżuma fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet li saru minn [...] [ta’ SGL] li [...] kien qed ikompli bil-kuntatti ma’ … C/G” u “ir-rappreżentant ta’ UCAR… jaħseb li SGL seta’ kellha kuntatti diretti … possibilment ma’ l-aġent Ġermaniż ta’ C/G”, f’dikjarazzjoni ta’ [...] li “assuma li [...] kellu kuntatti ma’ … C/G” u f’dikjarazzjoni ta’ SGL fejn qalet li matul laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta’ SGL u ta’ C/G, li saret fl-ajruport ta’ Frankfurt fil-21 ta’ Novembru 1996, iż-żieda mingħajr waqfien fl-esportazzjonijiet Amerikani lejn l-Ewropa ġiet diskussa u ġiet skambjata informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fis-suq Ewropew.

452    L-unika informazzjoni konkreta li taqbeż il-livell ta’ suppożizzjonijiet puri tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ SGL dwar il-laqgħa tal-21 ta’ Novembru 1996. Madankollu l-parteċipazzjoni ta’ C/G fil-ksur, kif ġiet akkużata fid-Deċiżjoni, saret preċiżament f’Novembru 1996. Minn dan isegwi li C/G, fir-realtà, ipprovdiet il-provi rilevanti kollha dwar in-natura u t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur stabbilit. Billi naqqset il-multa tagħha b’20 % biss, il-Kummissjoni manifestament injorat l-importanza tal-kooperazzjoni volontarja pprovduta minn C/G fuq din il-bażi.

453    L-istess jgħodd fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni applikat għal C/G biss l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 239 tad-Deċiżjoni), minkejja li C/G ma kkontestatx il-materja tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha (premessa 41 tad-Deċiżjoni) (ara, f’dan is-sens, il-punti 413 sa 415 iktar ’il fuq).

454    Finalment, billi kienet tal-fehma li t-tweġiba ta’ C/G għal talba formali għal informazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi kontribut spontanju fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fatt li jnaqqas il-valur tagħha, il-Kummissjoni ssottovalutat ukoll il-kooperazzjoni mogħtija minn C/G (ara, f’dan is-sens, il-punt 410 iktar ’il fuq).

455    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-Kummissjoni injorat, fuq diversi punti, l-importanza tal-kooperazzjoni pprovduta minn C/G qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li għandha titnaqqas, fuq din il-bażi, il-multa imposta fuq C/G b’ 20 % li għandu jiżdied mat-tnaqqis ta’ 20 % diġà mogħti mill-Kummissjoni.

456    Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multa imposta fuq C/G għandu jkun iffissat għal EUR 6.48 miljun.

457    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-ammont finali tal-multi imposti fuq SGL, UCAR u C/G għandu jiġi ffissat, rispettivament, għal EUR 69.114 miljun, EUR 42.05 miljun u EUR 6.48 miljuni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tara ebda raġuni biex tiddevja mir-rati applikati mill-Kummissjoni għar-rikorrenti l-oħrajn abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ Nippon li l-multa tagħha ġiet imnaqqsa mhux b’10 %, iżda minħabba l-kontestazzjoni tardiva tagħha tat-tul tal-ksur (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), biss bi 8 % biex ġiet iffissata għal EUR 6.2744 miljuni.

458    Meta jitqies l-eżami li sar mill-Qorti tal-Prim’Istanza iktar ’il fuq, il-multi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għandhom jiġu mnaqqsa skond kif ġej: il-multa imposta fuq SGL hija mnaqqsa għal EUR 69.114 miljun; il-multa imposta fuq UCAR hija mnaqqsa għal EUR 42.05 miljun; il-multa imposta fuq Tokai hija mnaqqsa għal EUR 12.276 miljun; il-multa imposta fuq SDK hija mnaqqsa għal EUR 10.44 miljun; il-multa imposta fuq C/G hija mnaqqsa għal EUR 6.48 miljuni; il-multa imposta fuq Nippon hija mnaqqsa għal EUR 6.2744 miljuni; il-multa imposta fuq SEC hija mnaqqsa għal EUR 6.138 miljuni.

C –  Fuq it-talbiet, ifformulati fil-Kawżi T-239/01 u T-246/01, intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kif ukoll ta’ l-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu

1.     L-argumenti tal-partijiet

459    SGL titlob l-annullament ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni billi tikkontesta l-legalità tar-rata ta’ interessi u billi tisħaq li din ġiet iffissata mingħajr ebda referiment għal bażi legali. Hija tfakkar li d-Deċiżjoni ntbagħtitilha b’ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2001, fejn il-Kummissjoni informatha li hija kienet qed tipproċedi, wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas, għall-irkupru tal-kreditu tagħha billi tapplika r-rata ta’ interessi ta’ 8.04 %, waqt li tippreċiża li, fl-ipoteżi li l-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija kienet ser tirrinunzja l-irkupru tal-kreditu tagħha għat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji, bil-kundizzjoni li SGL tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi ta’ 6.04 % u tagħti garanzija bankarja. SGL tikkontesta wkoll il-legalità ta’ dik ir-rata ta’ interessi. Hija tal-fehma li d-dritt li jiġu applikati interessi għal pagamenti tardivi huwa intiż biss biex jiġu evitati rikorsi abużivi u biex jiġi żgurat li l-impriżi li jħallsu “tard” ma jiġux vantaġġati. Għalkemm il-Kummissjoni tista’ b’hekk tirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ rati effettivament applikati fil-prattika, ma huwiex iġġustifikat li dawk ir-rati tas-suq jiġu miżjuda għal darb’oħra bi 3.5 punti perċentwali. Din b’hekk hija rata ta’ interessi projbittiva li taġixxi, mingħajr bażi legali, bħala multa supplimentari li tissanzjona l-użu ta’ metodu ta’ protezzjoni legali.

460    UCAR titlob ukoll l-annullament ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni billi ssostni li xejn fid-Deċiżjoni ma jindika li l-kapaċità tagħha li tħallas kienet tqieset, minkejja li hija kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni ddettaljata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha. UCAR tiddikjara li hija la tista’ tħallas il-multa fiż-żmien previst fl-Artikolu 4 u lanqas ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ dewmien fil-ħlas. Il-Kummissjoni ma qisitx il-kapaċità reali ta’ UCAR li tħallas f’kuntest soċjali speċifiku, bi ksur tal-Linji gwida tagħha stess. Fuq bażi sussidjarja, UCAR titlob li l-Artikolu 4 jiġi ssostitwit bl-obbligu għal UCAR li tagħti garanzija fuq l-assi immobbli tagħha li ma humiex ipotekati. Ir-rata ta’ interessi għandha titneħħa, jew titnaqqas b’mod kunsiderevoli.

461    UCAR titlob, barra minn hekk, l-annullament ta’ l-ittra tat-23 ta’ Lulju 2001, li permezz tagħha hija rċeviet id-Deċiżjoni u li fiha ġew indikati l-ammont tal-multa imposta kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ħlas. Hija tikkontesta, b’mod partikolari, il-kundizzjoni li tistipula li, f’każ li l-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma tittieħed ebda miżura eżekuttiva, bil-kundizzjoni li jitħallsu interessi bir-rata ta’ 6.04 % u li tingħata garanzija bankarja.

462    UCAR titlob, finalment, l-annullament ta’ l-ittra tad-9 ta’ Awwissu 2001, li permezz tagħha l-Kummissjoni, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet ifformulati minn UCAR dwar il-kundizzjonijiet tal-ħlas, irrifjutat li taċċetta, minn naħa, proposta ta’ ħlas bin-nifs u, min-naħa l-oħra, ipoteka fuq l-assi ta’ UCAR bħala garanzija għall-ħlas tal-multa.

463    Il-Kummissjoni tirribatti li l-impożizzjoni ta’ żieda ta’ 3.5 % ’il fuq mir-rata ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew hija konformi mal-prassi abitwali tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati manuvri ta’ telf ta’ żmien. Hija ssostni li hija ma hijiex obbligata tqis il-kapaċità ta’ impriża li tħallas biex tiddetermina l-metodu jew it-terminu tal-ħlas tal-multa. Hija lanqas ma kienet obbligata tipprovdi xi ġustifikazzjoni għall-Artikolu 4.

464    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-talbiet għall-annullament ta’ l-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu huma inammissibbli. Fl-ittra tagħha ta’ Lulju, hija kienet għamlet offerta lil UCAR li din ta’ l-aħħar setgħet taċċetta jew tirrifjuta. Dik l-ittra ma pproduċiet ebda effett legali vinkolanti li jippreġudika l-interessi ta’ UCAR. L-ittra ta’ Awwissu lanqas ma kkostitwixxiet att intiż biex jipproduċi effetti legali obbligatorji. Effettivament, ir-rifjut f’dik l-ittra tal-kundizzjonijiet għal ħlas proposti minn UCAR ħalla lil din ta’ l-aħħar eżattament fl-istess sitwazzjoni legali li kienet tinsab fiha qabel dik l-ittra, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha kienet tpoġġiet mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

465    Rigward il-merti, il-Kummissjoni tfakkar li l-ġurisprudenza aċċettat il-prassi tagħha li tikkonsisti f’li tintalab garanzija bankarja li tipproduċi interessi, billi tindika li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li rikorrent jista’ jevita li jagħti garanzija bankarja. UCAR ma tatx prova ta’ l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw eżenzjoni mill-kundizzjoni dwar il-garanzija bankarja. Skond il-Kummissjoni, il-mezz legali xieraq biex tiġi kkontestata l-pożizzjoni tagħha dwar l-għoti ta’ garanzija bankarja hija talba għal miżuri proviżorji abbażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE.

466    UCAR tirribatti li l-ittra ta’ Lulju tistabbilixxi kundizzjonijiet dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni li ma jinsabux f’din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, dik l-ittra għandha tkun suxxettibbli għal stħarriġ ġudizzjarju. L-ittra ta’ Awwissu kien fiha l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk jistgħux jiġu aċċettati ħlasijiet bin-nifs tal-multa u l-għoti ta’ garanzija fuq l-assi tal-kumpannija. L-ittra b’hekk ma kkonfermatx deċiżjoni preċedenti, iżda ddeterminat, għall-ewwel darba, li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma humiex eċċezzjonali sal-punt li jiġġustifikaw kundizzjonijiet għall-ħlas alternattivi.

467    Rigward il-merti, UCAR tikkritika lill-Kummissjoni talli insistiet fuq l-għoti ta’ garanzija bankarja, mingħajr ma eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża kinux tali li garanzija ta’ tip ieħor setgħet titqies bħala xierqa. F’dan il-kuntest, hija tfakkar li għandha assi fi Franza li ma humiex ipotekati lill-banek tagħha u li l-valur tagħhom jaqbeż USD 50 miljun. Il-Kummissjoni sempliċement affermat, fl-ittra tagħha ta’ Awwissu, li hija ma kienet ser tqis ebda proposta oħra ħlief dik tal-ħlas totali tal-multa jew ta’ l-għoti ta’ garanzija bankarja. Hija ma mmotivatx dak ir-rifjut li tqis is-sitwazzjoni partikolari ta’ UCAR. UCAR tiddikjara wkoll li l-għoti ta’ garanzija bankarja, għall-kuntrarju ta’ garanzija in rem, tmur kontra l-faċilitajiet ta’ kreditu prinċipali tagħha kif miftiehma mal-banek li mingħandhom hija tissellef.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

468    Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament ta’ l-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu, għandu jiġi ddefinit, fl-ewwel lok, is-suġġett preċiż ta’ dawk it-talbiet.

469    F’dan ir-rigward, huwa fatt li UCAR, qabel ma rċeviet, fis-26 ta’ Lulju 2001, l-ittra ta’ Lulju u d-Deċiżjoni, ikkuntattjat lill-Kummissjoni bil-għan li tiddiskuti arranġamenti għall-ħlas possibbli fl-ipoteżi li hija tkun suġġetta għal multa, u li l-Kummissjoni rrifjutat il-proposta ta’ diskussjoni f’dak l-istadju. F’dawk iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rikonoxxut li UCAR għandha interess leġittimu li jsir stħarriġ ta’ l-elementi l-ġodda – b’relazzjoni ma’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni – li jinsabu f’dawk l-ittri, jiġifieri l-ammont tar-rata preferenzjali ta’ 6.04 % kif ukoll il-kundizzjonijiet li ppermettewlha tikseb dik ir-rata favorevoli. Dak l-istħarriġ jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax validament tirrifjuta li tagħtiha l-benefiċċju tar-rata ta’ 6.04 % abbażi li UCAR ma tatx garanzija bankarja jew jekk il-Kummissjoni kellhiex taċċetta l-garanzija mogħtija minn UCAR fuq bażi alternattiva.

470    Effettivament, waqt li ma hemm l-ebda dubju li l-legalità tar-rata ta’ 8.04 % imposta mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II-1201, punt 250), UCAR għandha tkun tista’ tikkontesta r-rata ta’ 6.04 %, iffissata fuq bażi alternattiva, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ dik ir-rata, kif ġew stabbiliti fl-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu. F’dak is-sens, hija għandha tkun tista’ tiddenunzja, b’mod partikolari, ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-ipoteżi li l-Kummissjoni tkun irrifjutat li tapplika fir-rigward tagħha rata preferenzjali waqt li tagħtiha lil impriża oħra li tkun tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal UCAR.

471    L-istess jgħodd fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn SGL li, mingħajr ma jattakka formalment l-ittra ta’ Lulju, jikkontesta l-legalità tar-rata ta’ 6.04 % iffissata f’dik l-ittra.

472    Min-naħa l-oħra, huwa fatt ukoll li l-Kummissjoni kienet għadha ma pproċedietx, fid-data tal-preżentata tar-rikors T-246/01, għall-irkupru tal-multa imposta jew għall-infurzar tad-Deċiżjoni permezz ta’ l-Artikolu 256 KE u l-Artikoli 104 sa 110 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, kull talba biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni konkreta ta’ l-arranġamenti għall-ħlas fir-rigward ta’ UCAR (sostituzzjoni ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni bi skeda ta’ ħlas, rata ta’ interessi effettiva, termini tal-ħlas) għandha titqies bħala prematura, peress li wieħed ma setax ikun jaf, fid-data meta ġie ppreżentat ir-rikors, x’kienet ser tkun is-sitwazzjoni ta’ UCAR fl-ipoteżi u fil-mument meta l-Kummissjoni kienet ser tipproċedi għal miżuri ta’ rkupru jew ta’ infurzar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 135). B’mod partikolari, peress li UCAR ma kinitx ressqet dak iż-żmien, taħt theddida ta’ rkupru imminenti, it-talba għal miżuri proviżorji skond l-Aritkoli 242 KE u 104 et sequitur tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi mitluba, fil-kuntest ta’ proċedura oħra, biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-ibbilanċjar tal-interessi involuti jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dawk l-arranġamenti għall-ħlas qabel ma tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali dwar il-legalità tal-multa imposta fuq UCAR, abbażi li dik l-applikazzjoni tipperikola l-eżistenza ta’ l-impriża.

473    It-talbiet ippreżentati f’dan is-sens minn UCAR għandhom, għaldaqstant, jiġu ddikjarati inammissibbli.

474    Rigward il-merti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li la SGL u lanqas UCAR ma qajmu motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

475    Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza ferm stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 141 sa 143; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra p. II-2169, punti 46 sa 49, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 395 u 396), li s-setgħa li għandha l-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jinkludi l-fakultà li tiddetermina d-data li fiha huma dovuti l-multi u dik ta’ meta jibdew jiddekorru l-interessi għad-dewmien fil-ħlas, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tistabbilixxi l-metodi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teħtieġ, jekk ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi fuq il-multi imposti. Fin-nuqqas ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jkunu jistgħu jisiltu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-inkarigu tagħha li tħares l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ interessi għal dewmien fil-ħlas tal-multi hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-Trattat ma jiġix imxejjen minn prattiki implementati unilateralment minn impriżi li jdumu ma jħallsu l-multi li ġew imposti fuqhom u sabiex jiġi eskluż li dawn l-impriżi jkunu vvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jissodisfaw il-ħlas tal-multi tagħhom fl-iskadenza li tkun ġiet mogħtija lilhom.

476    F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet lill-Kummissjoni d-dritt li tiffissa l-interessi għal dewmien fil-ħlas għar-rata tas-suq miżjuda bi 3.5 punti perċentwali (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 475 iktar ’il fuq, punt 54, sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 397, u s-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, punt 470 iktar ’il fuq, punt 250), u, fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, għar-rata tas-suq miżjuda b’1.5 punt perċentwali (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat interessi għal dewmien fil-ħlas ta’ 7.5 %, ta’ 13.25 % u ta’ 13.75 %, filwaqt li ppreċiżat li l-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu punt ta’ referiment li jkun jinsab f’livell ogħla mir-rata proposta mill-persuna medja li ssellef, applikabbli fis-suq, safejn ikun neċessarju sabiex jiġu dissważi atti dilatorji (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 398).

477    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma eċċedietx, f’din il-kawża, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fl-iffissar ta’ rata ta’ interessi għal ħlas tardiv. SGL u UCAR, bħala operaturi ekonomiċi prudenti u informati, tqiesu li kienu konxji mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq. Huma ma setgħux jippretendu li l-Kummissjoni tapplika rati ta’ interessi iktar klementi għalihom. F’dan il-kuntest – li ma jissemmiex fl-Artikoli 242 KE u 256 KE kif ukoll fl-Artikoli 104 sa 110 tar-Regoli tal-Proċedura –, il-Kummissjoni ma kinitx partikolarment obbligata tqis il-qagħda finanzjarja ta’ UCAR (ara l-punti 370 sa 372 u 472 iktar ’il fuq).

478    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ l-obbligu ta’ UCAR li tagħti garanzija bankarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, billi tagħti l-fakultà lil impriża li teżonera ruħha mill-ħlas immedjat tal-multa billi tagħti garanzija bankarja intiża biex tiżgura l-ħlas tal-multa u ta’ l-interessi relatati, il-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-benefiċċju ta’ privileġġ li la jirriżulta mid-dispożizzonijiet tat-Trattat u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 17 (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 475 iktar ’il fuq, punt 82). Dan il-privileġġ huwa miżjud mill-fatt li r-rata ta’ interessi f’każ ta’ għoti ta’ garanzija bankarja hija inqas minn dik mitluba f’każ li ma titħallasx il-multa (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

479    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata taċċetta t-talba ta’ UCAR intiża biex tikseb privileġġ supplimentari, jiġifieri r-rinunzja ta’ l-għoti ta’ garanzija bankarja u l-aċċettazzjoni, minflokha, ta’ garanzija in rem. Effettivament, il-kwalità ta’ garanzija bankarja hija superjuri għal kwalunkwe forma oħra ta’ garanzija peress li, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, huwa biżżejjed li wieħed idur kontra l-bank biex jikseb immedjatament is-somma ggarantita, waqt li l-ksib tal-valur minn garanzija oħra jista’ jirriżulta inċert u jitlob sforzi u żmien addizzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest ieħor, ikkonċediet lill-istituzzjonijiet Komunitarji d-dritt li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ garanzija sempliċi u effikaċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 10). Il-Kummissjoni ma hijiex, hija stess, bank u la għandha l-infrastruttura u lanqas is-servizzi speċjalizzati ta’ bank, li huma neċessarji biex tiġi evalwata l-garanzija in kwistjoni u biex jiġu vverifikati l-proċeduri biex din tiġi eżegwita f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas. Hija b’hekk kienet awtorizzata tirrifjuta, mingħajr motivazzjoni speċifika, li taċċetta l-garanzija in rem offruta minn UCAR.

480    Finalment, fir-rigward ta’ l-allegata impossibbiltà minn UCAR li tikseb garanzija bankarja, għandu jiġi kkonstatat li dik l-affermazzjoni tar-rikorrenti ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi. Effettivament, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda dokument maħruġ mill-banek li sellfuha l-fondi li juru li hija applikat għal garanzija bankarja fir-rigward tal-multa tagħha, waqt li setgħet tkompli tibbenefika mill-ħlasijiet bil-quddiem tal-bank għall-attivitajiet kurrenti tal-kumpannija u li tali applikazzjoni ġiet irrifjutata minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, UCAR ma wrietx li kien impossibbli għaliha li tikseb, fuq il-bażi tal-garanzija in rem offruta lill-Kummissjoni, garanzija bankarja maħruġa minn istituzzjoni finanzjarja apparti l-banek tagħha li jisilfu fondi.

481    Peress li ebda wieħed mill-motivi u argumenti ppreżentati f’dan il-kuntest ma ġie aċċettat, it-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kif ukoll l-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu, in kwantu huma ammissibbli, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

482    Permezz ta’ nota tad-9 ta’ Jannar 2004, GrafTech International Ltd, li kienet UCAR, talbet li l-proċedura orali terġa’ tiġi miftuħa fil-Kawża T-246/01. In sostenn tat-talba tagħha, hija fakkret li kienet invokat, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u matul il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-inkapaċità tagħha li tħallas il-multa minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha, li hija aggravata mis-sanzjonijiet li ġew imposti fuqha mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi. Għalkemm hija b’hekk stabilixxiet l-inkapaċità tagħha li tħallas fis-sens tal-punt 5(b) tal-Linji gwida, il-Kummissjoni rrifjutat li tapplika dik id-dispożizzjoni fir-rigward tagħha abbażi li tnaqqis tal-multa mogħti fuq dik il-bażi kien iwassal biex jingħata vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq. Fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (COMP 38.359 – Prodotti b’bażi ta’ karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi), il-Kummissjoni adottat pożizzjoni radikalment differenti fuq il-kwistjoni tal-kapaċità li wieħed iħallas fis-sens tal-punt 5(b) imsemmi iktar ’il fuq.

483    B’referiment għal stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni maħruġa fl-istess jum, UCAR tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni naqqset bi 33 % l-ammont tal-multa li altrimenti kien ikun impost fuq SGL minħabba l-fatt li dik il-kumpannija kienet diġà suġġetta għal multi għoljin minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’żewġ akkordji preċedenti u minħabba li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli. Għal UCAR, huwa neċessarju li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali f’din il-kawża sabiex il-Kummissjoni tiġi mistiedna tindika jekk hija hux beħsiebha tkompli tirrifjuta t-talba ta’ UCAR u, fl-affermattiv, tispjega kif dak ir-rifjut jista’ jiġi rrikonċiljat ma’ l-approċċ li hija adottat fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2003.

484    Fil-konfront ta’ dan l-argument, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li ma hemmx lok li tordna, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Effettivament, il-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandha setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, hija marbuta li tilqa’ talba għal ftuħ mill-ġdid biss jekk il-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq fatti li jista’ jkollhom influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni u jekk dawn il-fatti ma setgħux jiġu invokati qabel it-tmiem tal-proċedura orali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 127 u 128). Għalkemm UCAR ma setgħetx tibbaża ruħha, matul il-proċedura orali tat-3 ta’ Lulju 2003, fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2003 imsemmija hawn fuq, dik id-deċiżjoni hija irrilevanti f’dan il-kuntest. Effettivament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 370 iktar ’il fuq, ma jeżisti ebda obbligu għall-Kummissjoni, meta jiġi ddeterminat l-ammont ta’ multa, li tqis is-sitwazzjoni finanzjarja negattiva ta’ l-impriża kkonċernata, u dan indipendentement mill-fatt li hija tista’ tiġi mwassla tqis dik is-sitwazzjoni fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kawża partikolari.

485    Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

486    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3), il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom.

487    F’dan il-każ, fil-Kawżi T-239/01 u T-246/01, peress li r-rikorrenti tilfu f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħhom, tkun qed issir evalwazzjoni ekwa taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li SGL tbati seba’ partijiet minn tmienja ta’ l-ispejjeż tagħha u seba’ partijiet minn tmienja ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar tbati parti waħda minn tmien partijiet ta’ l-ispejjeż tagħha u parti waħda minn tmien partijiet ta’ l-ispejjeż sostnuti minn SGL, filwaqt li UCAR tbati erba’ minn ħames partijiet ta’ l-ispejjeż tagħha u erba’ minn ħames partijiet ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar tbati parti waħda minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u parti waħda minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti minn UCAR.

488    Fil-Kawżi T-245/01 u T-252/01, peress li r-rikorrenti rebħu f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħhom, tkun qed issir evalwazzjoni ekwa taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li SDK u C/G ibatu tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħhom u tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

489    Fil-Kawżi T-236/01, T-244/01 u T-251/01, peress li l-partijiet tilfu u rebħu fuq bażi ugwali, tkun qed issir evalwazzjoni ekwa taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li Tokai, Nippon u SEC ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

Fil-Kawża T-236/01, Tokai Carbon vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 12 276 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-kontroparti.

Fil-Kawża T-239/01, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 69 114 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

ir-rikorrenti għandha tbati seba’ partijiet minn tmienja ta' l-ispejjeż tagħha u seba' partijiet minn tmienja ta' l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati parti waħda minn tmienja ta’ l-ispejjeż tagħha u parti waħda minn tmienja ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Fil-Kawża T-244/01, Nippon Carbon vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 6 274 400;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-kontroparti.

Fil-Kawża T-245/01, Showa Denko vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 10 440 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

ir-rikorrenti għandha tbati tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Fil-Kawża T-246/01, GrafTech International, li kienet UCAR International vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 42 050 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

ir-rikorrenti għandha tbati erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati parti waħda minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u parti waħda minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Fil-Kawża T-251/01, SEC Corp. vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 6 138 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-kontroparti.

Fil-Kawża T-252/01, The Carbide/Graphite Group vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 6 480 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

ir-rikorrenti għandha tbati tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u tliet partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, waqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalitŕ tagħha jew ta’ ċerti konstatazzjonijiet fattwali

1.  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fit-totalitŕ tagħha

a)  Kawża T-239/01

Fuq l-allegat rifjut ta’ aċċess sħiħ għall-fajl

Dwar in-natura allegatament mhux definittiva tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet

Dwar ir-rapport allegatament illegali ta’ l-uffiċjal tas-seduta

b)  Kawża T-246/01

2.  Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni u ta’ ċerti konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fiha

a)  Fuq il-motiv, fil-Kawża T-239/01, ibbażat fuq konstatazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ sistema ċentrali ta’ sorveljanza

b)  Fuq il-motiv li jallega, fil-Kawża T-236/01, konstatazzjoni żbaljata li l-akkordju kien fuq skala dinjija

c)  Fuq il-motiv, fil-Kawża T-239/01, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

d)  Fuq il-motivi bbażati, fil-Kawża T-244/01, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, minħabba n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Nippon fil-ksur matul il-perijodu bejn Mejju 1992 sa Marzu 1993, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-talbiet għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jew għat-tnaqqis tal-multi imposti

1.  Fuq il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet u tal-obbligu tal-Kummissjoni li tqis is-sanzjonijiet imposti qabel kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Linji gwida, fuq l-illegalitŕ ta’ dawn ta’ l-aħħar u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt

a)  Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest ġuridiku li fih jidħlu l-multi imposti fuq ir-rikorrenti

b)  Fuq l-ammonti ta’ tluq adottati fid-Deċiżjoni skond il-gravitŕ tal-ksur

Sintesi tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq l-applikabbiltà tal-Linji gwida biex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ li għandu jitqies

–  Fuq id-dħul mill-bejgħ użat mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont ta’ tluq

–  Fuq l-impatt reali ta’ l-akkordju fuq iż-żidiet fil-prezz u fuq l-ishma mis-suq ta’ ċerti membri ta’ l-akkordju

–  Fuq it-tqassim tal-membri ta’ l-akkordju fi tliet kategoriji u fuq l-iffissar ta’ l-ammonti ta’ tluq rispettivi

–  Fuq il-“fattur ta’ dissważjoni” applikat fid-Deċiżjoni

–  Fuq il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni

c)  Fuq l-ammonti bażiċi stabbiliti fid-Deċiżjoni skond it-tul tal-ksur

Sintesi tad-Deċiżjoni

Il-Kawża T-239/01

Kawża T-246/01

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

d)  Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

Sintesi tad-Deċiżjoni

Il-Kawżi T-244/01 u T-251/01

Il-Kawżi T-239/01 u T-246/01

e)  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

Sintesi tad-Deċiżjoni

Il-Kawżi T-236/01, T-239/01, T-244/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

f)  Fuq il-limitu massimu tal-multi u fuq il-kapaċità ta’ ċerti rikorrenti li jħallsu fis-sens tal-punt 5 tal-Linji gwida

Il-Kawżi T-239/01 u T-245/01

Il-Kawżi T-239/01, T-246/01, T-251/01 u T-252/01

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ konformitŕ mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

a)  Il-Kawża T-239/01

Sintesi tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Il-Kawża T-246/01

Sintesi tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  Il-Kawża T-252/01

Sintesi tad-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-talbiet, ifformulati fil-Kawżi T-239/01 u T-246/01, intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kif ukoll ta’ l-ittri ta’ Lulju u ta’ Awwissu

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.


1  – Informazzjoni kunfidenzjali mħassra.