Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo, Spanja) – Club de Variedades Vegetales Protegidas vs Adolfo Juan Martínez Sanchís

(Kawża C-176/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 13(2) u (3) – Effetti tal-protezzjoni – Sistema ta’ protezzjoni mifruxa fuq numru ta’ stadji – Żergħa ta’ kostitwenti tal-varjetajiet u ħsad tal-frott tagħhom – Distinzjoni bejn l-atti magħmula fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet u dawk magħmula fuq il-materjal maħsud – Kunċett ta’ “użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” – Artikolu 95 – Drittijiet provviżorji)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Club de Variedades Vegetales Protegidas

Konvenut: Adolfo Juan Martínez Sanchís

Dispożittiv

L-Artikolu 13(2)(a) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività li ta’ żergħa ta’ varjetà protetta u ta’ ħsad tal-frott tagħha, li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni, tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat mal-imsemmija varjetà ta’ pjanti sa fejn jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frott ta’ varjetà ta’ pjanti li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni ma jistax jitqies li inkiseb permezz ta’ “l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” ta’ din il-varjetà ta’ pjanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa lil operatur agrikolu minn mixtla matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-imsemmija varjetà ta’ pjanti u l-għoti ta’ dan id-dritt. Meta, wara l-għoti ta’ din il-protezzjoni, l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dan id-dritt, dan tal-aħħar jista’ jinvoka d-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 13(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-imsemmi frott, bil-kundizzjoni li d-detentur ta’ din il-varjetà ma setax raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta ma’ dawn l-istess kostitwenti tal-varjetajiet.

____________

1     ĠU C 211, 18.6.2018