Language of document : ECLI:EU:T:2017:912

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BET 365 – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Prova – Użu tat-trade mark għal diversi finijiet – Artikolu 7(3) u Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑304/16,

bet365 Group Ltd, stabbilita fi Stoke-on-Trent (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, QC, kif ukoll minn R. Black u J. Bickle, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Robert Hansen, residenti f’München (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Pütz-Poulalion, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-21 ta’ Marzu 2016 (Każ R 3243/2014–5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn R. Hansen u bet365 Group,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2016,

wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti, bet365 Group Ltd, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, issostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BET 365.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, wara l-limitazzjoni li seħħet matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, jaqgħu fil-klassijiet 9, 28, 35, 36, 38, 41 u 42, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Softwer; softwer għal servizzi ta’ imħatri, ta’ logħob jew ta’ logħob tal-flus u għall-ġestjoni ta’ databases; pubblikazzjonijiet elettroniċi; logħbiet tal-kompjuter; logħbiet elettroniċi u tal-kompjuter interattivi; softwer u programmi tal-kompjuter għad-distribuzzjoni lil, u għall-użu minn, utenti ta’ servizzi ta’ imħatri u ta’ logħob; programmi ta’ logħbiet tal-kompjuter mniżżla mill-internet [softwer]; softwer ta’ logħbiet tal-kompjuter; programmi tal-kompjuter għal logħbiet; softwer imniżżel mill-internet; diski kumpatti u DVD; apparati tal-logħob intiżi li jintużaw ma’ riċevituri tat-televiżjoni; softwer għat-tniżżil, għat-trażmissjoni, għar-riċezzjoni, għall-editjar, għall-estrazzjoni, għad-deċifrar, għall-qari, għall-ħażna u għall-organizzazzjoni ta’ data, inkluża data awdjo u vidjo”;

–        klassi 28: “Logħbiet, ġugarelli; apparati tal-logħob (għajr dawk intiżi li jintużaw ma’ riċevituri tat-televiżjoni); logħbiet li jinvolvu logħob tal-flus”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; servizzi klerikali; servizzi tal-ipproċessar ta’ data online”;

–        klassi 36: “Servizzi finanzjarji; servizzi finanzjarji konnessi mal-imħatri, mal-logħob, mal-logħob tal-flus, mal-lotteriji jew mat-teħid ta’ imħatri; provvista ta’ informazzjoni finanzjarja relatata mas-servizzi ta’ imħatri, logħob tal-ażżard, logħob tal-flus, lotteriji u tiġrijiet taż-żwiemel; informazzjoni, konsulenza u assistenza għas-servizzi kollha ċċitati iktar ’il fuq”;

–        klassi 38: “Provvista ta’ aċċess għal sistemi b’netwerk ta’ utenti multipli li jippermettu li jingħata aċċess għal informazzjoni u servizzi fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri fuq l-internet, għal netwerks globali oħra jew permezz tat-telefon (inklużi t-telefoni ċellulari); servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet; trażmissjoni ta’ programmi tar-radju u televiżivi; servizzi ta’ tqassim ta’ data; xandir dirett ta’ programmi televiżivi u tar-radju; servizz ta’ vidjo online, provvista ta’ xandir dirett ta’ manifestazzjonijiet kulturali, rikreattivi u sportivi; provvista ta’ servizzi ta’ forum ta’ diskussjoni fuq l-internet; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ forums online; servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ komunikazzjoni; trażmissjoni ta’ ħsejjes u/jew ta’ stampi; trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna tal-kompjuter; servizzi ta’ posta elettronika; servizzi ta’ telekomunikazzjoni relatati mal-internet jew permezz tat-telefon inklużi t-telefoni ċellulari; telekomunikazzjonijiet ta’ informazzjoni (inklużi l-paġni ta’ siti elettroniċi); provvista ta’ kollegamenti ta’ telekomunikazzjoni lejn databases tal-kompjuter u siti elettroniċi fuq l-internet jew permezz tat-telefon inklużi t-telefoni ċellulari; telekomunikazzjonijiet; servizzi ta’ informazzjoni fattwali marbuta mat-telekomunikazzjonijiet”;

–        klassi 41: “Provvista ta’ servizzi ta’ imħatri, ta’ logħob tal-flus u ta’ logħob permezz ta’ siti fiżiċi u elettroniċi u ta’ ċentri telefoniċi; servizzi ta’ imħatri, ta’ lotterija jew ta’ teħid ta’ imħatri; servizzi ta’ imħatri, logħob tal-ażżard, logħob tal-flus, lotteriji jew tiġrijiet taż-żwiemel b’karta tal-kreditu; organizzazzjoni u tmexxija ta’ lotteriji; servizzi ta’ imħatri, ta’ logħob tal-flus u ta’ lotterija elettroniċi pprovduti bl-internet, b’netwerk tal-kompjuter globali, ipprovduti online permezz ta’ database ta’ netwerks tal-kompjuter, ipprovduti bit-telefon, inkluż b’telefon ċellulari, jew permezz ta’ stazzjoni televiżiv, inkluż stazzjoni televiżiv imxandar b’mezzi terrestri, bis-satellita jew bil-kejbil; logħob u logħob tal-flus interattiv tal-powker, tat-tombla u ta’ ħila, inkluż f’format ta’ logħob b’ġugatur wieħed jew iktar; preżentazzjoni u produzzjoni ta’ kompetizzjonijiet, kampjonati u logħob tal-powker u tat-tombla; divertiment, attivitajiet sportivi u kulturali; organizzazzjonijiet u tmexxija ta’ kompetizzjonijiet; servizzi ta’ logħob mill-bogħod ipprovduti permezz ta’ telekomunikazzjonijiet; informazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-flus ipprovduta online minn database tal-kompjuter jew permezz tal-internet; servizzi ta’ logħob għall-finijiet ta’ divertiment; servizzi ta’ logħob elettroniku pprovduti permezz tal-internet; organizzazzjoni ta’ logħbiet, servizzi ta’ logħob online; servizzi ta’ tħaddim ta’ logħob tal-kompjuter tat-tombla u ta’ logħob ta’ ħila; informazzjoni fil-qasam tad-divertiment ipprovduta online minn database tal-kompjuter jew mill-internet; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza dwar is-servizzi kollha ċċitati iktar ’il fuq; servizzi ta’ informazzjoni fattwali fil-qasam tal-isport”;

–        klassi 42: “Ipprogrammar ta’ kompjuters, servizzi ta’ konsulenza, ta’ assistenza u ta’ disinn, kiri u leasing ta’ softwer, ta’ programmi tal-kompjuter”.

4        L-eżaminatur informa lir-rikorrenti li kellu l-intenzjoni li jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għar-raġuni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati għall-konsumatur medju anglofonu, sa fejn l-element “bet” kien jirreferi għall-imħatri u l-element “365” għan-numru ta’ ġranet fis-sena, li kien ifisser li t-trade mark kienet tkopri offerta ta’ mħatri matul is-sena kollha. Din għalhekk waqgħet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001], li jipprevedi li t-trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-prodotti jew tas-servizzi ma għandhomx jiġu rreġistrati. L-eżaminatur żied li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa wkoll minn karattru distintiv, liema fatt ġigħelha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001], li jipprekludi wkoll fuq din il-bażi r-reġistrazzjoni tagħha.

5        Ir-rikorrenti kkontestat l-evalwazzjoni preliminari tal-eżaminatur, iżda sostniet ukoll li t-trade mark ippreżentata kienet kisbet, fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru distintiv permezz tal-użu, liema fatt, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001], kellu f’kull każ jippermetti li din tiġi rreġistrata. Insostenn tal-argument tagħha f’dan is-sens, ir-rikorrenti pproduċiet dikjarazzjoni tad-direttur ġenerali tagħha, is-Sur C., kif ukoll dikjarazzjoni tas-Sur H., direttur ġenerali tar-Remote Gambling Association, liema assoċjazzjoni tiġbor flimkien operaturi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ mħatri. Dawn id-dikjarazzjonijiet, flimkien mal-annessi, huma intiżi li jiġi stabbilit il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha ishma sinjifikattivi mis-suq, li tintwera l-portata ġeografika u l-anzjanità tal-użu tagħha kif ukoll l-investimenti magħmula sabiex din tiġi promossa, li jintwera li l-użu tagħha kien ġie rrikonoxxut mill-industrija u mill-kummerċ u li kienet ir-rikorrenti biss li użatha għall-prodotti u għas-servizzi koperti.

6        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2008, l-eżaminatur ammetta li l-elementi pprovduti mir-rikorrenti juru l-kisba mit-trade mark ippreżentata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. F’dan ir-rigward, huwa osserva li d-dokumenti prodotti kienu juru li l-element “bet365” kien intuża f’varji kuntesti u stili u li d-dikjarazzjoni tas-Sur C. kienet turi li dan intuża b’mod kostanti u b’mod iktar u iktar sinjifikattiv mill-1991, billi r-rikorrenti issa tittratta iktar minn żewġ miljuni ta’ mħatri fil-ġimgħa u hija s-16-il kumpannija privata tar-Renju Unit. L-artikli fl-istampa indikaw ukoll, b’mod partikolari, li t-trade mark kienet intużat bħala trade mark kummerċjali fil-konfront tal-pubbliku għall-prodotti u għas-servizzi ta’ mħatri sportivi u ta’ logħob tal-flus bl-internet fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Intwera wkoll li hija kienet is-suġġett ta’ promozzjoni ta’ reklamar fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fl-Irlanda u fir-Renju Unit, iżda wkoll fil-gazzetti fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja u fl-Isvezja, fejn il-baġit għar-reklamar kien żdied, bejn l-2001 u l-2007, minn 48 000 sa 6 000 000 lira sterlina (GBP).

7        It-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet għalhekk ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2008/041, tat-13 ta’ Ottubru 2008. Fl-assenza ta’ osservazzjonijiet minn terzi, iżda wara oppożizzjoni miċħuda, din ġiet irreġistrata fil-15 ta’ Frar 2012 għall-prodotti u għas-servizzi mitluba enumerati fil-punt 3 iktar ’il fuq, li jaqgħu fil-klassijiet 9, 28, 35, 36, 38, 41 u 42. Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2012/034, tat-17 ta’ Frar 2012.

8        Fid-19 ta’ Ġunju 2013, l-intervenjent, Robert Hansen, wara li ppreżenta fit-18 ta’ Frar 2013 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali b365, li kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni li rnexxiet tar-rikorrenti, ippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark BET 365, billi sostna li din kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li hija kienet tkopri u li ma kinitx distintiva.

9        Matul il-proċedura kontradittorja sussegwenti, ir-rikorrenti ppreżentat dikjarazzjonijiet ġodda tas-Sur C. u tas-Sur H., tat-2 ta’ Jannar 2014 (flimkien ma’ 34 anness) u tal-20 ta’ Diċembru 2013 (flimkien ma’ anness) rispettivament. Għalkemm hija kompliet tiddefendi l-idea li t-trade mark ikkontestata fiha nnifisha ma kinitx deskrittiva u kienet distintiva, hija ddikjarat ukoll li, mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fl-2007, u, b’mod partikolari, sad-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fl-2013, l-użu tagħha bħala trade mark li jagħtiha karattru distintiv ġie msaħħaħ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rriproduċiet, billi taġġornahom, l-elementi li hija kienet invokat preċedentement, intiżi li jiġi stabbilit il-fatt li t-trade mark ikkontestata kellha ishma sinjifikattivi mis-suq, li tiġi stabbilita l-portata ġeografika u l-anzjanità tal-użu tagħha, li jiġu enfasizzati l-investimenti magħmula sabiex din tiġi promossa, kif ukoll li jintwera li l-użu tagħha kien ġie rrikonoxxut mill-industrija u mill-kummerċ u li hija biss kienet użatha għall-prodotti u għas-servizzi koperti.

10      Min-naħa tiegħu, l-intervenjent ikkontesta b’mod partikolari r-rilevanza tal-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi li l-użu tat-trade mark ikkontestata kien taha karattru distintiv. Huwa sostna b’mod partikolari li r-rikorrenti kienet topera partikolarment fl-Irlanda u fir-Renju Unit u li l-element “bet365” kien jintuża minnha biss bħala l-isem tal-kumpannija u bħala l-isem tad-domain tal-internet sabiex tiggwida l-klijenti tagħha lejn is-sit tal-internet tagħha, iżda mhux sabiex tidentifika s-servizzi per se offerti lil dawn il-klijenti, liema servizzi huma identifikati permezz ta’ sinjali oħra, bl-unika eċċezzjoni tal-logħba bet365 bingo.

11      Wara li rċeviet osservazzjonijiet komplementari tar-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2014. Għalkemm hija kkonfermat li fiha nnifisha t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, għall-inqas f’parti kbira tal-Unjoni, u li inizjalment din ma kinitx distintiva, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ammettiet li din it-trade mark kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu. Essenzjalment, hija enfasizzat li r-rikorrenti kienet uriet żvilupp importanti tal-attivitajiet tagħha taħt l-isem BET 365 u li l-intervenjent ma kkontestax l-użu ta’ dan l-isem mir-rikorrenti bħala l-isem tal-kumpannija jew bħala parti mill-isem tad-domain tas-sit tal-internet tagħha. Issa, għalkemm, teoretikament, tista’ ssir distinzjoni bejn l-użu tat-terminu bħala trade mark għall-prodotti u għas-servizzi u l-użu bħala l-isem tal-kumpannija, tali distinzjoni tista’ tisparixxi għal dak li jirrigwarda l-pubbliku meta l-istess terminu jintuża għaż-żewġ għanijiet. F’dan il-każ, huwa improbabbli ħafna li l-konsumatur medju jagħmel tali distinzjoni meta juża s-sit tal-internet tar-rikorrenti sabiex jilgħab jew jagħmel imħatri, minkejja li l-varji logħbiet jew imħatri proposti għandhom ismijiet speċifiċi differenti. Huwa, b’mod partikolari, improbabbli ħafna li l-konsumatur medju jkollu dubju dwar il-fatt li dawn il-logħbiet u dawn l-imħatri huma proposti mir-rikorrenti, identifikata permezz tat-trade mark ikkontestata, iktar u iktar għaliex din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ kampanji promozzjonali kbar u ssemmiet f’varji okkażjonijiet fl-istampa.

12      L-intervenjent ippreżenta appell quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fejn talab mill-ġdid li tingħata dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade mark ikkontestata. Essenzjalment, huwa kkritika l-fatt li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni setgħet tiddeduċi l-eżistenza ta’ użu li ta lit-trade mark ikkontestata karattru distintiv li jippermetti li tiġi identifikata, fl-Unjoni kollha, l-oriġini kummerċjali tal-varji prodotti u servizzi koperti mill-fatt li l-element “bet365” jissemma fl-estratti tal-istampa fl-Irlanda u fir-Renju Unit (fl-opinjoni tiegħu għall-identifikazzjoni tar-rikorrenti jew tal-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri proposti minnha) kif ukoll mill-użu ta’ dan l-element għall-isem tad-domain tas-sit tal-internet tar-rikorrenti u f’tarf il-paġni tagħha.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell billi kkonferma l-karattru deskrittiv u intrinsikament mhux distintiv tat-trade mark ikkontestata għall-parti anglofona tal-pubbliku kkonċernat u billi ċaħad l-affermazzjoni li din kisbet, permezz tal-użu, karattru distintiv f’parti sostanzjali tat-territorju rilevanti li fih hija kienet intrinsikament nieqsa minn tali karattru, jiġifieri, fl-opinjoni tiegħu, fid-dawl tad-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, L-Isvezja u r-Renju Unit (punti 52 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda t-territorju rilevanti).

14      Essenzjalment, il-Bord tal-Appell indika li l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu kienet tirrikjedi l-prova li għall-inqas parti sinjifikattiva mill-pubbliku rilevanti kien jipperċepixxi s-sinjal inkwistjoni bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Issa, għalkemm ir-rikorrenti kienet tat prova suffiċjenti tas-suċċess kummerċjali, hija xorta waħda ma stabbilixxietx ir-rabta bejn dan is-suċċess jew l-azzjonijiet ta’ reklamar tagħha u l-perċezzjoni li l-pubbliku għandu tat-trade mark ikkontestata.

15      F’dan ir-rigward, kien hemm nuqqas ta’ provi diretti suffiċjenti (b’mod partikolari, punti 66 sa 68, 71 u 73 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar preċiż, il-Bord tal-Appell indika li l-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex turi li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu kienu prinċipalment artikli tal-istampa li ma jirrigwardawx, fil-maġġoranza tagħhom, it-territorju rilevanti u li t-trade mark li tissemma fl-artikoli redatti bl-Ingliż, li ma għandhomx data, kienet tikkorrispondi fil-fatt għal tliet rappreżentazzjonijiet figurattivi u ta’ kulur li fihom l-element “bet365” irreġistrati barra minn hekk mir-rikorrenti, iżda ma kinitx tikkorrispondi għat-trade mark ikkontestata (punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Bord tal-Appell ammetta li l-provi prodotti mir-rikorrenti kienu jikkonsistu wkoll f’reklami mxandra fuq it-televiżjoni fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit, f’reklami mxandra fuq ir-radju fir-Renju Unit, li fl-opinjoni tiegħu jirreferi madankollu għal-logħba bet365 bingo u mhux għat-trade mark ikkontestata, f’billboards imqiegħda f’grounds tal-isports f’varji postijiet tal-Unjoni fejn jintlagħbu logħbiet tal-futbol imxandra fuq it-televiżjoni fl-Isvezja u fir-Renju Unit, fi provi marbuta mal-isponsorizzazzjoni ta’ tiġrijiet taż-żwiemel, prinċipalment fir-Renju Unit, u mal-isponsorizzazzjoni tal-klabb tal-futbol Stoke City FC u f’ammonti investiti fir-reklamar. Filwaqt li enfasizza li l-provi prodotti jikkonċernaw prinċipalment ir-Renju Unit u mhux il-pajjiżi l-oħra tat-territorju rilevanti, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa madankollu li dawn kienu adegwati għal dak li jirrigwarda l-perijodu li matulu l-eżami kellu jsir (punti 57 sa 63 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell irrikonoxxa wkoll li r-rikorrenti kienet ikkonvinċietu dwar is-suċċess kummerċjali tagħha, b’iktar minn 21 miljun klijent f’200 pajjiż, u, b’mod partikolari, li s-sehem tas-suq tas-sit tal-internet tagħha għal dak li jirrigwarda l-imħatri kien impressjonanti (punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Madankollu, il-Bord tal-Appell esprima dubju dwar il-fatt li s-suċċess tar-rikorrenti kien juri l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata. Hekk kif sostna l-intervenjent, il-provi prodotti mir-rikorrenti jirrigwardaw l-użu tal-element “bet365” sabiex tirreferi għaliha nnifisha jew sabiex tirreferi għas-sit tal-internet tagħha, iżda ma jirrigwardawx l-użu tiegħu bħala trade mark għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi rreġistrati (punti 68 u 69 kif ukoll 77 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell enfasizza li d-dħul mill-bejgħ, l-investimenti fir-reklamar u l-provi l-oħra prodotti mir-rikorrenti ma kinux applikabbli għall-prodotti u għas-servizzi kollha li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata u li, konsegwentement, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit kif il-konsumatur jipperċepixxi l-imsemmija trade mark għal dawn il-varji prodotti u servizzi. B’mod partikolari, l-ebda stħarriġ ta’ opinjoni u l-ebda evalwazzjoni ta’ kamra tal-kummerċ, ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi jew ta’ kompetituri ma tagħti xi indikazzjoni f’dan ir-rigward u l-provi prodotti jikkonċernaw biss is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, li tirrigwarda per se l-imħatri u l-logħob tal-flus (punti 70 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell żied li n-numru ta’ tfittxijiet fuq l-internet ta’ terminu ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan sar distintiv, għaliex tali informazzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni “dwar il-kriterji ddefiniti upstream sabiex tiġi evalwata l-intensità tal-użu tiegħu u r-rikonoxximent tiegħu bħala sinjal distintiv mill-pubbliku rilevanti” (punt 78 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata jindika, fl-aħħar nett, li “r-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata fost il-konsumaturi ma ntwerietx mill-provi prodotti”.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk sostnuti minnha.

19      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnu.

 Id-dritt

21      Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, sostnut minn varji sensiliet ta’ argumenti. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ma evalwax b’mod korrett il-provi dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-portata territorjali ta’ dan l-użu. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax b’mod adegwat il-provi prodotti mis-Sur H., id-direttur ġenerali tar-Remote Gambling Association. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-provi prodotti ma jurux l-użu tat-trade mark ikkontestata jew l-użu tagħha bħala trade mark kummerċjali. Ir-raba’ u l-ħames nett, il-Bord tal-Appell issanzjona b’mod żbaljat ir-rikorrenti għall-assenza ta’ stħarriġ ta’ opinjoni u ta’ provi li joriġinaw minn kamra tal-kummerċ fost il-provi tal-użu li hija kienet ipproduċiet.

22      Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax, fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-karattru intrinsikament deskrittiv u mhux distintiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi kollha li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar il-kisba, minn din it-trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu.

23      Barra minn hekk, għandu jiġi rrikonoxxut li l-uniku motiv tar-rikorrenti, anki jekk isemmi biss espliċitament ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jirrigwarda b’mod partikolari r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li fihom innifishom ikunu deskrittivi u mhux distintivi, iżda li jkunu kisbu karattru distintiv permezz tal-użu fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom, ikopri wkoll ksur tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001], applikabbli għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħal dawk f’dan il-każ, li jipprevedi li trade mark li fiha nnifisha tkun deskrittiva u mhux distintiva u li tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax madankollu tiġi ddikjarata invalida jekk, bl-użu li jkun sar minnha, hija tkun kisbet wara r-reġistrazzjoni tagħha karattru distintiv għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata. Fil-fatt, hekk kif ġie essenzjalment enfasizzat fis-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS) (T‑476/15, appell pendenti, EU:T:2016:568, punt 64), il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal raġunijiet assoluti previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 jirreferu direttament għar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-istess regolament kif ukoll għall-eċċezzjoni ta’ kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu li timmitigahom, fejn l-unika differenza sostantiva eventwali bejn iż-żewġ proċedimenti tirrigwarda l-mument li fih għandha tiġi evalwata l-kisba ta’ tali karattru distintiv. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services vs EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ ċikkulata sħiħa) (T‑112/13, mhux ippubblikata, appell pendenti, EU:T:2016:735, punt 117), il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal raġunijiet assoluti għal rifjut, il-proprjetarju tat-trade mark li ġiet ikkontestata seta’ jew jagħti prova li hija kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, jew inkella jagħti prova li hija kienet kisbet dan il-karattru bejn ir-reġistrazzjoni tagħha u d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità.

24      F’dan il-każ, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punti 22 u 23 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed, fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li d-deċiżjoni tingħata billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fid-data tat-tressiq tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jiġifieri fid-19 ta’ Ġunju 2013, kif sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Hekk kif huwa enfasizzat f’ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan l-istess regolament [li sar l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament 2017/1001] ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din tkun kisbet, għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, f’din l-ipoteżi l-fatt li t-trade mark inkwistjoni hija effettivament ipperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ prodott jew ta’ servizz huwa r-riżultat ta’ sforz ekonomiku tal-applikant tat-trade mark. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li jiġu skartati l-kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżiġu li, fl-assenza ta’ tali sforz, it-trade marks koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw liberament bil-għan li jiġi evitat li jinħoloq vantaġġ kompetittiv illeġittimu favur operatur ekonomiku wieħed [ara s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2016, Coca-Cola vs UASI (Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi), T‑411/14, EU:T:2016:94, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal dak li jirrigwarda trade mark li tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda li tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu wara r-reġistrazzjoni tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(2) tal-istess regolament.

26      Għal dak li jirrigwarda t-territorju li fuqu l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu għandu jiġi stabbilit sabiex jiġu applikati l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament [li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001], it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju, li jimplika li hija tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha. Mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sabiex sinjal jiġi rreġistrat għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2017/1001], l-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tal-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill‑Unjoni [sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Ford Motor vs UASI (OPTIONS), T‑91/99, EU:T:2000:95, punti 23 sa 25]. Konsegwentement, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-kisba permezz tal-użu ta’ karattru distintiv fit-territorju kollu, li fuqu t-trade mark kienet nieqsa ab initio minn tali karattru, fejn dan it-territorju jista’ jkun ikkostitwit, skont il-każ, minn Stat Membru wieħed [sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 83; ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2016, Työhönvalmennus Valma vs UASI (Forma ta’ kaxxa tal-logħob li fiha blokok tal-injam), T‑363/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:149, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċiatat]. Madankollu, ġie deċiż li jkun eċċessiv li jintalab li l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tiġi prodotta għal kull Stat Membru kkonċernat meħud individwalment (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, C‑98/11 P, EU:C:2012:307, punt 62). F’dan ir-rigward, l-estrapolazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu f’ċerti Stati Membri għal Stati Membri oħra ma tistax tiġi eskluża, sakemm elementi oġġettivi u kredibbli jippermettu li jiġi konkluż li dawn is-swieq huma paragunabbli għal dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata mill-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2016, Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi, T‑411/14, EU:T:2016:94, punt 80).

27      Ir-rikonoxximent tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li għall-inqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku relevanti tidentifika, permezz tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tista’ titqies bħala ssodisfatta ma jistgħux jiġu stabbiliti unikament abbażi ta’ data ġenerali u astratta. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħas-sehem li t-trade mark għandha mis-suq, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul tal-użu ta’ din it-trade mark, il-kobor tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromoviha, il-proporzjon tal-oqsma kkonċernati li jidentifikaw il-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari permezz tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra [ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2010, Schunk vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ parti ta’ ċokk ta’ torn), T‑7/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:153, punti 39 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Frar 2016, Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi, T‑411/14, EU:T:2016:94, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, inkluż dak miksub permezz tal-użu, għandu jiġi evalwat ukoll fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun intalbet jew inkisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2010, Rappreżentazzjoni ta’ parti ta’ ċokk ta’ torn, T‑7/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:153, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Frar 2016, Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi, T‑411/14, EU:T:2016:94, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma tistax tiġi prodotta permezz ta’ data iżolata bħas-sempliċi produzzjoni tal-ammonti ta’ bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati u tal-materjal ta’ reklamar. Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li s-sinjal ikun intuża fit-territorju tal-Unjoni għal xi żmien ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-pubbliku li għalih huma intiżi l-prodotti jew mis-servizzi inkwistjoni jipperċepih bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs UASI (Nisġa ta’ wiċċ tal-ħġieġ), T‑141/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:273, punti 41 u 42, u tal-24 ta’ Frar 2016, Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi, T‑411/14, EU:T:2016:94, punt 72].

30      F’dan ir-rigward, il-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi prodotta permezz tal-“użu tat-trade mark bħala trade mark”, jiġifieri l-użu tat-trade mark għall-finijiet tal-identifikazzjoni mill-oqsma kkonċernati tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark bħala li joriġinaw mill-impriża li tużaha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punti 26 u 29).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-uniku motiv tar-rikors għandu jiġi evalwat, wara li jingħataw madankollu numru ta’ kjarifiki għal dak li jirrigwarda, minn naħa, it-territorju rilevanti u, min-naħa l-oħra, il-varji prodotti u servizzi kkonċernati.

32      Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata l-karattru deskrittiv u l-assenza ta’ karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell indika li, fir-rigward tat-tifsira tal-element “bet” bl-Ingliż, il-karattru deskrittiv u l-assenza ta’ karattru distintiv intrinsiku kienu stabbiliti għall-konsumaturi anglofoni tal-Unjoni, mingħajr ma jispeċifika liema pajjiżi kienu kkonċernati (punti 16 u 32). Madankollu, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tittratta l-eżami tal-kisba, jew le, mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, il-Bord tal-Appell qies li t-territorju rilevanti kkonċernat, evalwat fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-2007, kien jinkludi d-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, fejn l-Ingliż huwa mitkellem jew jinftiehem sew (punti 52 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-EUIPO u l-intervenjent, fir-risposti, isostnu li d-delimitazzjoni tat-territorju rilevanti kellha tkun ikbar. Għaldaqstant, l-EUIPO jsostni li l-prova tal-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu kellha tiġi estiża għall-Istati Membri kollha li fihom il-pubbliku rilevanti għandu għall-inqas għarfien passiv tal-Ingliż. L-intervenjent isostni min-naħa tiegħu li l-maġġoranza tal-konsumaturi tal-Unjoni għandhom, għall-inqas, għarfien elementari tal-Ingliż u li, konsegwentement, l-analiżi tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu kellha tkopri l-Istati Membri kollha.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, essenzjalment, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tittratta din il-kwistjoni, li l-eżami tal-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu kellu jiġi llimitat għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li fihom il-parti l-kbira tal-konsumaturi jitkellmu jew jifhmu bl-Ingliż u, għalhekk, setgħu jifhmu s-sinjifikat tal-espressjoni “bet365”. L-argumenti żviluppati mill-EUIPO u mill-intervenjent dwar dan il-punt ma jistgħux jiġu milqugħa peress li dawn iwasslu sabiex jitqies, b’mod żbaljat, li tali komprensjoni ta’ din l-espressjoni teżisti wkoll fil-parti l-kbira tal-pubbliku rilevanti f’pajjiżi li fihom l-Ingliż ma huwiex mitkellem jew ma jinftehimx sew mill-konsumaturi.

34      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li l-Bord tal-Appell enfasizza, fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-adeżjoni mal-Komunità Ewropea tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, fl-1 ta’ Mejju 2004. Filwaqt li kkunsidra l-fatt li l-Ingliż huwa mitkellem jew jinftiehem sew f’dan iż-żewġ Stat Membri, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li dawn jiġu inklużi fit-territorju rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. Huwa bbaża dan l-approċċ fuq l-Artikolu 165(4)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 209(4)(a) tar-Regolament 2017/1001], billi qies li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li trade mark tal-Unjoni Ewropea ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament jekk ir-raġunijiet għall-invalidità kienu saru applikabbli biss minħabba l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid.

35      Issa, din l-analiżi dwar ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, huwa minnu li mill-Artikolu 165(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 [fejn l-Artikolu 165(1) sar l-Artikolu 209(1) tar-Regolament 2017/1001] jirriżulta li l-prova tal-karattru distintiv miksub bl-użu għandha tiġi estiża biss għal dawk l-Istati li kienu membri tal-Unjoni fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata [ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Consolidated Artists vs UASI – Body Cosmetics International (MANGO), T‑761/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:91, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan jirriżulta mill-fatt li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 165(4)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika għat-trade marks koperti mill-Artikolu 165(1) tal-imsemmi regolament, jiġifieri t-trade marks irreġistrati jew ippreżentati skont ir-Regolament Nru 207/2009 qabel id-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, f’dan il-każ, dan il-prinċipju ma japplikax għal dak li jirrigwarda l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, peress li dawn iż-żewġ Stati kienu diġà membri tal-Komunità Ewropea fit-23 ta’ Mejju 2007, f’liema data r-rikorrenti talbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

36      Għal dak li jirrigwarda l-varji prodotti u servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, hekk kif il-Bord tal-Appell osserva fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr kontestazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi tal-kisba permezz tal-użu ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu il-klassijiet 9, 28, 35, 36, 38 u 42. Issa, anki jekk numru ta’ dawn il-prodotti jew servizzi għandhom rabta mas-servizzi ta’ mħatri u ta’ logħob tal-flus li jaqgħu fil-klassi 41 elenkati fir-reġistrazzjoni, fl-assenza ta’ kull prova intiża li turi li għall-inqas l-imsemmija trade mark intużat għal dawn il-prodotti jew servizzi, ma jistax jiġi previst li jiġu estiżi għal xi wieħed minn dawn il-prodotti jew servizzi l-evalwazzjonijiet magħmula iktar ’il quddiem għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ mħatri u ta’ logħob tal-flus imsemmija iktar ’il fuq li fil-rigward tagħhom, għall-kuntrarju, ġew prodotti provi intiżi li juru l-kisba permezz tal-użu ta’ karattru distintiv ta’ din it-trade mark. F’dawn iċ-ċirkustanzi, diġà jidher li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi annullata sa fejn hija tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi elenkati fir-reġistrazzjoni inkwistjoni, li jaqgħu fil-klassijiet 9, 28, 35, 36, 38 u 42, u l-analiżi sussegwenti tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda biss, konsegwentement, is-servizzi ta’ mħatri u ta’ logħob tal-flus li jaqgħu fil-klassi 41 elenkati f’din ir-reġistrazzjoni.

37      Il-prinċipji mfakkra fil-punti 25 sa 30 iktar ’il fuq iwasslu sabiex jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk, indipendentement mill-portata tat-territorju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, ċerti provi prodotti mir-rikorrenti huma, jew ma humiex, ta’ natura li jgħinu sabiex juru l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata. F’dan il-każ, ser jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti humiex jew le suffiċjenti, fid-dawl tas-sustanza tagħhom, sabiex jiġi konkluż li l-eventwali żbalji ta’ liġi jew ta’ klassifikazzjoni ġuridika li l-Bord tal-Appell seta’ wettaq u li jirrigwardawha jikkompromettu bħala tali l-konklużjoni tiegħu dwar l-assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata.

38      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, tqum l-ewwel nett il-kwistjoni dwar il-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq l-użu ta’ trade marks figurattivi jew ta’ trade marks komposti minn varji elementi verbali li jikkostitwixxu trade mark verbali, f’dan il-każ it-trade mark ikkontestata, sabiex tintwera l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ta’ din tal-aħħar. Fil-punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrisponda fin-negattiv f’dan ir-rigward, billi indika li ċerti dokumenti prodotti mir-rikorrenti kienu jirrigwardaw sinjali figurattivi u ta’ kulur irreġistrati minnha jew it-trade mark bet365 Bingo u mhux it-trade mark ikkontestata. Ir-rikorrenti tikkritika din il-pożizzjoni fil-kuntest tat-tielet sensiela ta’ argumenti identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq billi tikkontesta li l-użu ta’ forom figurattivi jew “estiżi” tat-trade mark ikkontestata ma jikkostitwixxix użu tagħha.

39      Il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell tinjora l-fatt li ġie deċiż, hekk kif tenfasizza b’mod korrett ir-rikorrenti u kif jammetti l-EUIPO fir-risposta, li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ma kinitx timplika neċessarjament li din kienet is-suġġett ta’ użu indipendenti, iżda segħet tirriżulta mill-użu tagħha bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata jew mill-użu tagħha flimkien ma’ trade mark oħra rreġistrata, bil-kundizzjoni li, fiż-żewġ każijiet, l-użu mwettaq iwassal lill-oqsma kkonċernati sabiex jipperċepixxu li l-prodotti jew is-servizzi li huma koperti biss bit-trade mark ineżami joriġinaw mill-impriża partikolari li tużaha bħala parti minn trade mark oħra jew flimkien ma’ trade mark oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punti 27 sa 32, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, pointi 64 u 66). F’dan il-każ, numru ta’ provi prodotti mir-rikorrenti fihom l-element verbali “bet365”, li jikkostitwixxi t-trade mark ikkontestata, użat waħdu, flimkien ma’ tipografiji u kuluri differenti, jew bħala parti ta’ kliem jew ta’ rappreżentazzjonijiet figurattivi bħal “bet365 bingo” u “bet365.com”, jew li jinkludu rappreżentazzjonijiet li jassoċjaw l-imsemmi element verbali ma’ kuluri, ma’ grafiki jew ma’ elementi figurattivi partikolari u bi sfond ikkulurit, li jikkostitwixxu trade marks oħra tar-rikorrenti (ara pereżempju r-rappreżentazzjonijiet riprodotti fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn it-tipi ta’ użu tal-element “bet365” ma għandhomx jitqiesu li ma humiex ta’ natura li jgħinu sabiex tintwera l-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, iktar u iktar għaliex din tal-aħħar hija trade mark verbali li, min-natura tagħha stess, ir-rappreżentazzjonijiet u t-tipi ta’ użu kollha tagħha ma jistgħux jiġu previsti, sa fejn dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-użu tas-sinjal ikkontestat bħala trade mark, hekk kif ser jiġi vverifikat. Pereżempju, diffiċilment jiġi kkontestat li użu bħala trade mark tat-trade mark figurattiva kkostitwita mill-element “bet365” bil-kulur fuq sfond ta’ kulur differenti jippermetti lill-pubbliku, jekk jistabbilixxi r-rabta bejn din it-trade mark figurattiva u l-prodotti u s-servizzi tar-rikorrenti, jistabbilixxi l-istess rabta bejn, minn naħa, it-trade mark ikkontestata użata għall-istess finijiet u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija prodotti jew servizzi.

40      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li jirrigwardaw trade marks figurattivi jew trade marks komposti minn varji elementi verbali li jikkostitwixxu t-trade mark ikkontestata sabiex jevalwa l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ta’ din tal-aħħar.

41      Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni, ukoll fir-rigward tat-tielet sensiela ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti u identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-fatt li r-rikorrenti tuża wkoll l-element verbali “bet365” bħala parti mill-isem tas-sit tal-internet tagħha li huwa aċċessibbli fl-indirizz “www.bet365.com” u dwar il-portata li għandha tingħata lill-provi li hija pproduċiet dwar l-użu tas-sit tal-internet tagħha jew li jirriżultaw minnu. B’mod partikolari, fil-punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li “l-użu tat-trade mark inkwistjoni bħala isem ta’ domain […] ma [kienx] jirrappreżenta użu tat-trade mark bħala trade mark li tidentifika jew tiddistingwixxi l-prodotti u [s-]servizzi tal-proprjetarju”. Ir-rikorrenti tammetti li s-sempliċi użu tat-trade mark ikkontestata bħala isem ta’ domain tal-internet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-użu tagħha bħala trade mark, iżda ssostni li, f’dan il-każ, hija pproduċiet diversi provi tal-użu tat-trade mark tagħha li jippermetti li tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tas-servizzi tagħha ta’ mħatri u ta’ logħob tal-flus proposti fuq l-internet.

42      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex impossibbli li l-istess element jintuża bħala trade mark kif ukoll fil-kuntest ta’ użu ieħor, pereżempju għall-isem sħiħ tas-sit tal-internet jew għal parti minnu. Madankollu, sinjal li jaqdi funzjonijiet oħra minbarra dik ta’ trade mark huwa distintiv biss, fis-sens tal-Artikolu 7 jew tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk jista’ jiġi pperċepit mal-ewwel daqqa ta’ għajn mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti sabiex jippermettu lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, il-prodotti jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra [sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T‑130/01, EU:T:2002:301, punt 20, u tal-21 ta’ Novembru 2012, Getty Images vs UASI (PHOTOS.COM), T‑338/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:614, punt 58]. Għandu jitfakkar ukoll li l-karattru distintiv ta’ sinjal jista’ jiġi evalwat biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni ntalbet jew ingħatat u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tiegħu (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2002, REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, T‑130/01, EU:T:2002:301, punt 21). Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll kemm fir-rigward tal-karattru distintiv intrinsiku kif ukoll fir-rigward tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu li huma meħieġa alternattivament sabiex trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata validament.

43      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta eskluda, fil-punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu tat-trade mark ikkontestata bħala isem ta’ domain tal-internet seta’ jikkostitwixxi użu tat-trade mark “bħala trade mark”. Kollox jiddependi, fil-fatt, mid-dokumenti u mill-informazzjoni ppreżentati f’dan ir-rigward u minn dak li jistgħu jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu meta jara jew juża l-elementi “bet365” jew “bet365.com” fil-kuntest tal-użu tal-internet.

44      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti hija l-unika persuna li tuża l-element “bet365” għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri, it-tieni nett, hekk kif hija kkonfermat fis-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata, dan l-element jinsab fit-trade marks kollha li hija tuża sabiex tidentifika b’mod ġenerali s-servizzi tagħha, it-tielet nett, is-sit tal-internet tagħha huwa l-mod ewlieni ta’ bejgħ ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri, ir-raba’ nett, f’dan is-settur, ħafna mit-trade marks użati mill-operaturi online huma, bħat-trade mark ikkontestata, intrinsikament deskrittivi u, il-ħames nett, huwa magħruf li l-persuni li jagħmlu l-imħatri u l-ġugaturi huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, klijenti regolari. Barra minn hekk, huwa raġonevoli li jitqies li, ħlief għal dak li jirrigwarda ċerti plajers jew persuni li jagħmlu l-imħatri li ma jkollhomx esperjenza u li jkunu qed iwettqu l-ewwel esperjenzi tagħhom, klijent li jidħol fis-sit tal-internet tar-rikorrenti fl-indirizz “www.bet365.com” ma jagħmilx dan b’kumbinazzjoni u juża t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha bħala mezz kif jidentifika s-servizzi proposti mir-rikorrenti, għad-diferenza tas-servizzi li huma proposti mill-kompetituri tagħha, bl-istess mod kif klijent jidħol f’ħanut li jkollu sinjal li jikkorrispondi għad-ditta tal-prodotti jew tas-servizzi li huwa jkun qed ifittex u li jinbiegħu hemmhekk.

45      Din is-sitwazzjoni ma hijiex analoga għas-sitwazzjonijiet eżaminati fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2009, Schuhpark Fascies vs UASI – Leder & Schuh (jello SCHUHPARK) (T‑183/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:156), u tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE) (T‑382/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:9), invokati fis-seduta mill-EUIPO, li fihom it-twaħħil, fuq il-faċċati ta’ ħwienet, ta’ sinjali li jikkorrispondu għat-trade marks inkwistjoni f’dawk il-kawżi ma kienx juri li dawn it-trade marks kienu wkoll dawk tal-prodotti mibjugħa f’dawn il-ħwienet, f’dak il-każ żraben, li fir-rigward tagħhom kienet ġiet invokata l-kisba minn dawn it-trade marks ta’ karattru distintiv permezz tal-użu.

46      Konsegwentement, fil-kuntest u fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, informazzjoni bħan-numru ta’ konnessjonijiet mas-sit tal-internet tar-rikorrenti, il-klassifikazzjoni tagħha f’termini ta’ żjarat fuq is-sit tal-internet f’varji pajjiżi jew in-numru ta’ drabi li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha kienu s-suġġett ta’ tfittxija fuq magni tat-tiftix tal-internet hija data li tgħin sabiex tintwera l-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. L-istess jista’ japplika għall-estratti tal-paġni tas-sit tal-internet tar-rikorrenti jew ta’ siti oħra tal-internet, f’diversi lingwi, fejn jidhru t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha, sakemm il-portata tal-provi prodotti tista’ turi użu sinjifikattiv tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark.

47      Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li, fil-kawżi li jirrigwardaw siti tal-internet li taw lok għas-sentenzi msemmija mill-EUIPO fir-risposta [sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Fruit of the Loom vs UASI – Blueshore Management (FRUIT), T‑514/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:316, punti 59 sa 67; tal-21 ta’ Novembru 2012, PHOTOS.COM, T‑338/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:614, punti 48 sa 61, u tad-19 ta’ Novembru 2014, Out of the blue vs UASI – Dubois et (FUNNY BANDS), T‑344/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:974, punti 26 sa 31], il-provi prodotti mill-proprjetarji tat-trade marks jew ta’ drittijiet ikkonċernati, kif ukoll il-kuntest u ċ-ċirkustanzi, kienu differenti ħafna minn dawk ta’ din il-kawża. Fil-fatt, fl-ewwel waħda minn dawk il-kawżi, li kienet tirrigwarda proċedimenti ta’ revoka tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea FRUIT, huwa minnu li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark kellu sit tal-internet bl-indirizz “www.fruit.com”, iżda ma rnexxielu jipproduċi ebda prova tal-użu ġenwin ta’ din it-trade mark, inkluż minn informazzjoni pprovduta fuq dan is-sit tal-internet li kienet tirreferi għal trade mark oħra. Għaldaqstant, is-sit tal-internet ma kienx jissodisfa funzjoni kummerċjali, u lanqas sempliċiment ta’ reklamar, għall-prodotti koperti mit-trade mark inkwistjoni. Fit-tieni waħda minn dawk il-kawżi, li kienet tirrigwarda rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea PHOTOS.COM, filwaqt li l-applikant kien jikkummerċjalizza ritratti permezz tas-sit tal-internet bl-indirizz “www.photo.com”, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali qiesu li l-provi prodotti mill-imsemmi applikant sabiex tiġi stabbilita l-kisba, permezz tal-użu, ta’ karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni kienu insuffiċjenti jew ineffettivi mil-lat ġeografiku, kwantitattiv jew taż-żmien, jew inkella ma kinux adatti sabiex tiġi stabbilita rabta bejn l-użu ta’ dan is-sit u l-identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tar-ritratti proposti u, skont il-każ, mibjugħa fuq l-istess sit. Madankollu, il-Qorti Ġenerali indikat li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark komposta minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li barra minn hekk kienu ntużaw fl-indikazzjoni ta’ isem ta’ domain ma kinitx eskluża. Fl-aħħar nett, fit-tielet kawża, li kienet tirrigwarda proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea FUNNY BANDS minħabba l-eżistenza preċedenti ta’ isem kummerċjali mhux irreġistrat identiku, riprodott fl-isem tad-domain tal-internet “www.funny-bands.com”, l-opponent ipprova juri użu tal-imsemmi isem li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali. Madankollu, għal dak li jirrigwarda s-sit tal-internet bl-indirizz korrispondenti, dan wera biss l-eżistenza tiegħu u pprovda xi eżempji tal-kontenut tiegħu, iżda ebda prova li tippermetti li tiġi evalwata l-intensità tal-użu kummerċjali tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat li din tal-aħħar setgħet tintwera, b’mod partikolari, permezz ta’ ċertu numru ta’ konnessjonijiet ma’ dan is-sit, permezz ta’ posta elettronika riċevuta permezz tas-sit jew permezz tal-volum tan-negozju ġġenerat.

48      B’hekk, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata bħala isem ta’ domain tal-internet wassal sabiex il-Bord tal-Appell ma jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, il-provi dwar l-użu tas-sit tal-internet tar-rikorrenti jew li jirriżultaw minnu.

49      Tqum ukoll il-kwistjoni, fir-rigward tat-tielet sensiela ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti u identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li r-rikorrenti għażlet l-element “bet365”, li jikkorrispondi għat-trade mark ikkontestata, bħala isem il-kumpannija. Skont il-Bord tal-Appell, l-estratti tal-istampa prodotti mir-rikorrenti juru biss użu ta’ dan l-element bħala isem il-kumpannija, mhux bħala trade mark, hekk kif ġie espost fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti sssotni, hekk kif kienet qieset id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li d-destinatarji tas-servizzi tagħha ta’ mħatri u ta’ logħob tal-flus ma għandhomx dubju, meta jiġu kkonfrontati bit-trade mark ikkontestata, dwar il-fatt li hija tidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi proposti lilhom mir-rikorrenti u li hija ma tirreferix sempliċiment għaliha bħala kumpannija.

50      F’dan ir-rigward, l-istess prinċipji bħal dawk imfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, dwar l-użu simultanju tal-istess element bħala trade mark u fil-kuntest ta’ użu ieħor, huma applikabbli.

51      F’dan il-każ, informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari finanzjarja, dwar ir-rikorrenti fl-istampa ekonomika jew informazzjoni iktar personalizzata dwar id-diretturi ta’ din il-kumpannija diffiċilment jistgħu juru użu tat-trade mark ikkontestata, anki jekk dawn jistgħu, skont il-każ, jagħtu informazzjoni indiretta dwar is-suċċess ta’ din tal-aħħar u tat-trade marks idderivati tagħha, peress li t-trade marks kollha li r-rikorrenti tuża b’mod ġenerali sabiex tidentifika s-servizzi tagħha jużaw l-element “bet365”, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 44 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, il-fatt li dan l-element deher, kif spjegat fil-fajl ippreżentat lill-Bord tal-Appell, fl-istampa sportiva jew fl-istampa speċjalizzata fil-logħob u fl-imħatri, pereżempju assoċjat mal-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri, ma’ paragun bejn is-servizzi pprovduti minn varji fornituri kif ukoll fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi li fuqhom isiru l-imħatri, juri b’mod ċar l-użu tiegħu bħala trade mark sabiex jindika l-oriġini tas-servizzi proposti jew imsemmija, sabiex jiddistingwihom mis-servizzi tal-kompetituri tar-rikorrenti u, skont il-każ, sabiex jippromovihom.

52      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti ppreżentati lilu billi eskluda, fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-estratti tal-istampa prodotti mir-rikorrenti jistgħu, għall-inqas għal parti minnhom, juru użu tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark.

53      Fir-rigward tal-ewwel sensiela ta’ argumenti mqajma mir-rikorrenti, identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, għandha tiġi eżaminata wkoll l-evalwazzjoni mwettqa fil-punti 70 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li permezz tagħha l-Bord tal-Appell qiegħed f’dubju r-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ u tal-ammonti tal-ġugati jew tal-investimenti fir-reklamar invokati mir-rikorrenti bħala provi li jgħinu sabiex tintwera l-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, għar-raġuni li ma jirreferux għal prodotti jew għal servizzi preċiżi filwaqt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ngħatat għal sensiela sħiħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, u ma kinitx limitata għal-logħob tal-flus u għall-imħatri stricto sensu.

54      Din l-evalwazzjoni ġenerali tal-Bord tal-Appell ma tistax tiġi kkritikata bħala prinċipju. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li t-trade mark ikkontestata u t-trade marks idderivati tagħha huma l-uniċi li jintużaw mir-rikorrenti bħala trade marks li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ġenerali l-logħob tagħha tal-flus u l-imħatri tagħha, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 44 iktar ’il fuq, jekk l-ammonti prodotti jistgħu jitqiesu, raġonevolment, li huma dovuti għal-logħob tal-flus u għall-imħatri, f’dak il-każ dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dawn is-servizzi. Pereżempju, l-ammonti tal-ġugati, l-investimenti fir-reklamar, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-isponsorizzazzjoni, jew is-somom imħallsa lis-siti tal-internet affiljati li jibagħtu lill-ġugaturi u lill-persuni li jagħmlu l-imħatri lejn is-sit tal-internet tar-rikorrenti jirrigwardaw totalment jew essenzjalment il-logħob tal-flus u l-imħatri kkummerċjalizzati mir-rikorrenti taħt it-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha. Għaldaqstant, għal dawn is-servizzi, id-data inkwistjoni hija ta’ natura li tgħin sabiex tintwera l-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu.

55      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti billi eskluda din id-data mill-elementi tal-evalwazzjoni tagħha.

56      Ladarba dawn il-kwistjonijiet ta’ prinċipju ġew diskussi, għandhom jiġu eżaminati l-kritiki magħmula mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi konkreti li hija pproduċiet lill-Bord tal-Appell.

57      Ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-ewwel sensiela ta’ argumenti identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, li l-Bord tal-Appell ma ħax suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-estratti tal-istampa li juru l-użu tat-trade mark ikkontestata f’diversi pajjiżi tat-territorju rilevanti, u mhux biss fir-Renju Unit.

58      L-Anness JC 16 ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jinkludi varji estratti tal-istampa ta’ Lulju 2001 sa Mejju 2007, li jsemmu l-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri jew il-kummenti ta’ ġurnalisti jew ta’ bookmakers u li fihom ir-rikorrenti hija identifikata bl-isem “bet365” jew, skont il-każ, b’dak ta’ “bet365.com”. F’dawn l-artikli jissemmew ukoll avvenimenti sportivi sponsorizzati bl-isem li fih l-element “bet365”. Tali istanzi fejn jidher dan l-element juru l-użu tiegħu bħala trade mark, peress li referenzi ta’ dan it-tip jippermettu li jiġi identifikat liema operatur ikun ippropona xi waħda minn dawn il-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri jew ikun għadda xi kumment fuq xi kompetitur li jkun qiegħed jipparteċipa f’xi avveniment jew ukoll liema operatur ta’ mħatri jkun qiegħed jisponsorizza avveniment sportiv li fuqu jsiru l-imħatri (pereżempju d-dokumenti 4, 209 jew 248 minn 431 maħruġa mill-istampa Ingliża jew id-dokumenti 2, 4, 33 jew 115 minn 163 maħruġa mill-istampa Irlandiża). Għalkemm huwa minnu li estratti oħra tal-istampa li jinsabu f’dan l-anness jirreferu għall-użu tal-element “bet365” “bħala isem il-kumpannija”, dawn huma fil-minoranza (pereżempju d-dokument 6 minn 431 maħruġ mill-istampa Ingliża, li jagħti klassifikazzjoni ta’ miljunarji li fosthom jissemmew il-proprjetarji tar-rikorrenti jew id-dokumenti 76 u 77 minn 431 maħruġa mill-istampa Ingliża li fihom informazzjoni u kummenti dwar varji kumpanniji).

59      L-Anness JC 17 ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jinkludi estratti tal-istampa li jkopru l-perijodu bejn Jannar 2007 sa Novembru 2013. Għalkemm jinkludi fost l-estratti maħruġa mill-istampa Ingliża diversi dokumenti li juru użu tal-element “bet365” bħala isem il-kumpannija (pereżempju d-dokumenti 13, 31, 46, 68, 105 u 156 minn 231), huwa jinkludi wkoll fost dawn l-estratti numru kbir ta’ dokumenti li jirreferu għal avvenimenti sportivi b’isem li fih l-element “bet365”, b’mod partikolari tiġrijiet taż-żwiemel, dokumenti li jsemmu l-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri tar-rikorrenti (pereżempju d-dokumenti 120 sa 125, 157, 179 sa 185 u 204 minn 231) u mill-inqas artiklu wieħed li jsemmi l-applikazzjoni bet365, li jippermetti li persuna tilgħab jew tagħmel imħatra permezz tat-telefon ċellulari (dokument 14 minn 231). Il-231 estratt tal-istampa l-ieħor fl-Anness JC 17, maħruġa mill-istampa Irlandiża, jinkludu prinċipalment dokumenti li jirreferu għal avvenimenti sportivi b’isem li fih l-element “bet365”, iżda wkoll dokumenti li jsemmu l-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri tar-rikorrenti, flimkien ukoll ma’ xi kummenti tar-rikorrenti bħala bookmaker (pereżempju d-dokumenti 43 u 68 minn 231).

60      L-Annessi JC 16 u JC 17 jipprovdu konsegwentement numru kbir ta’ provi tal-użu tal-element “bet365” bħala trade mark mal-pubbliku rilevanti fl-Irlanda u fir-Renju Unit minn Lulju 2001 sa Novembru 2013.

61      L-Annessi JC 18 (a) sa JC 18 (g) ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jinkludu estratti tal-istampa maħruġa mill-istampa fuq l-internet jew mill-istampa tradizzjonali f’seba’ Stati Membri oħra. Dawn id-dokumenti fihom eżami komparattiv, mingħajr data, tal-kwalità tas-servizzi ta’ seba’ operaturi ta’ logħob u ta’ mħatri. Hemmhekk, ir-rikorrenti hija indikata permezz tat-trade mark ikkontestata u permezz ta’ waħda mir-rappreżentazzjonijiet tagħha. Hemm ukoll artikli ppubblikati mill-2007 sal-2013 u artiklu mingħajr data, li jirrigwardaw il-futbol, li jindikaw l-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri proposti mir-rikorrenti taħt l-isem “bet365” jew li fihom reklami għat-trade mark ikkontestata jew għas-sit tal-internet “bet365.com”. B’mod partikolari, l-Anness JC 18 (c) jinkludi xi estratti tal-istampa sportiva maħruġa mill-istampa Svediża ppubblikati mill-2008 sal-2012 li fihom hemm kummenti tar-rikorrenti, identifikata bl-isem bet365, kif ukoll il-probabbiltajiet ta’ rebħ ta’ mħatri li hija pproponiet. L-imsemmi anness jinkludi wkoll artiklu dwar kampanja ta’ reklamar imwettqa mir-rikorrenti fl-2013.

62      L-Annessi JC 18 (a) sa JC 18 (g) jipprovdu wkoll provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark, b’mod partikolari fl-Isvezja, li jistgħu jgħinu sabiex jintwera li t-trade mark ikkontestata kisbet hemmhekk karattru distintiv permezz tal-użu.

63      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO fis-seduta, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jeżamina b’mod suffiċjentement komplet dawn l-annessi, għall-inqas dawk li jirrigwardaw il-pajjiżi li jikkorrispondu għat-territorju rilevanti li huwa kien ikkunsidra. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma llimitatx ruħha li tippreżenta quddiemu mijiet ta’ estratti tal-istampa mingħajr ebda kumment, billi l-punt 11 tad-dikjarazzjoni tas-Sur C. kien jesponi mhux biss l-oriġini tagħhom, iżda wkoll il-fatt li dawn kienu juru tipi ta’ użu tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark, u kien jippreċiża li xi wħud minnhom kienu tradotti bl-Ingliż. Barra minn hekk, l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001] jindika li, matul il-proċedimenti, l-EUIPO għandu jwettaq eżami ex officio tal-fatti. L-eċċezzjoni għal din ir-regola li tirrigwarda l-proċedimenti dwar raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-intervenjent beda proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata abbażi ta’ raġuni assoluta ta’ invalidità u mhux abbażi ta’ raġuni relattiva ta’ invalidità. Għalkemm il-Bord tal-Appell kien qies li l-identifikazzjoni tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti kien diffiċli wisq fid-dawl tal-volum tal-annessi ppreżentati, huwa seta’, għall-inqas, skont il-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 78(1) ta-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Arikolu 97(1) tar-Regolament 2017/1001], jitlob lir-rikorrenti sabiex tidentifikahom b’mod iktar preċiż.

64      Ir-rikorrenti tipproduċi barra minn hekk, dejjem fil-kuntest tal-ewwel sensiela ta’ argumenti identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, varji provi dwar l-użu tas-sit tal-internet tagħha sabiex turi li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’diversi pajjiżi.

65      Qabelxejn, hija tenfasizza l-fatt li s-sit tal-internet tagħha li joffri logħob tal-flus u mħatri huwa disponibbli b’diversi lingwi. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Anness JC 4 ppreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO, is-sit tal-internet tar-rikorrenti jeżisti mill-2006, b’mod partikolari bl-Ingliż, bid-Daniż u bl-Isvediż. Dawn l-elementi jikkostitwixxu indizji li r-rikorrenti għandha klijentela sinjifikattiva ġewwa mill-inqas pajjiż wieħed fejn dawn il-lingwi huma mitkellma, għaliex il-ħolqien u l-ġestjoni ta’ kuljum ta’ sit tal-internet interattiv f’lingwa tirrikjedi spejjeż li ma jkunux iġġustifikati fil-każ kuntrarju.

66      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll fuq il-klassifikazzjoni tas-sit tal-internet tagħha f’termini ta’ żjarat fuq dan is-sit tal-internet f’varji pajjiżi, kif jirriżulta mill-Anness JC 5 ppreżentat minnha quddiem l-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li klassifikazzjoni għolja għal dak li jirrigwarda ż-żjarat fuq is-sit tal-internet jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata, li hija riprodotta fl-isem tas-sit tal-internet tar-rikorrenti, kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fil-pajjiżi kkonċernati, peress li, hekk kif issemma diġà fi-punt 44 iktar ’il fuq, ħlief għall-ġugaturi u għall-persuni li jagħmlu l-imħatri li jkunu qed iwettqu l-ewwel esperjenzi tagħhom, il-konnessjoni mas-sit tal-internet ta’ operatur ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri ma ssirx b’kumbinazzjoni, iżda hija r-riżultat tax-xewqa ta’ dak li jkun li jara hemmhekk l-offerti ta’ dan l-operatur u li eventwalment jagħmel imħatra. F’dan il-każ, il-klassifikazzjonijiet 33 u 74, fl-Isvezja u fir-Renju Unit rispettivament, kif jirriżulta mill-Anness JC 5, jikkostitwixxu għalhekk indizji fis-sens li t-trade mark ikkontestata tgawdi hemmhekk minn karattru distintiv miksub permezz tal-użu.

67      Tali indizji jistgħu jiġu dedotti wkoll mid-data dwar l-abbonati l-ġodda mas-sit tal-internet tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-Anness JC 6 (b) ikkomunikat mir-rikorrenti lill-Bord tal-Appell. Kull staġun, mill-istaġun 2008/2009, fir-Renju Unit, mijiet ta’ eluf ta’ ġugaturi ġodda u ta’ persuni ġodda li jagħmlu l-imħatri jirreġistraw fuq is-sit (735 122 għall-istaġun 2012/2013). Iċ-ċifri korrispondenti għad-Danimarka huma ta’ għexieren ta’ eluf (85 183 abbonat ġdid għall-istaġun 2012/2013). Iċ-ċifri għall-bqija tal-Unjoni (minbarra Spanja li fir-rigward tagħha d-data ġiet individwalizzata wkoll) huma globali u huma mijiet ta’ eluf ta’ ġugaturi ġodda u ta’ persuni ġodda li jagħmlu l-imħatri għal kull staġun (901 835 abbonat ġdid għall-istaġun 2012/2013). L-Anness JC 6 (a) ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jipprovdi data iktar antika (staġun 2006/2007), iżda jippermetti li tinkiseb data għal kull pajjiż għal dak li jirrigwarda “l-bqija tal-Unjoni”, jiġifieri 7 062 abbonat ġdid għall-Finlandja, 8 291 għall-Irlanda, 462 għall-Pajjiżi l-Baxxi u 59 322 għall-Isveżja. Din l-informazzjoni tirrigwarda għalhekk ġugaturi ġodda u persuni ġodda li jagħmlu l-imħatri li jirreġistraw matul staġun fuq is-sit tar-rikorrenti u, għalkemm huwa possibbli li wieħed jaħseb li numru minnhom jirreġistraw direttament b’kumbinazzjoni fuq dan is-sit ta’ logħob u ta’ mħatri minflok fuq ieħor, jista’ raġonevolment jitqies ukoll li l-maġġoranza ma jagħmlux dan b’kumbinazzjoni, iżda jagħmluh jew fuq il-parir ta’ ġugaturi oħra jew ta’ persuni oħra li jagħmlu l-imħatri, jew wara li jkunu eżaminaw l-offerta u jkunu, skont il-każ, qabbluha ma’ oħrajn, jew ukoll għaliex jixtiequ speċifikament ikunu rreġistrati fuq diversi siti ta’ diversi operaturi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-imħatri tagħhom każ b’każ skont dik li huma jqisu bħala l-offerta li tagħti l-ikbar probabbiltà ta’ qligħ għal ġugata. F’dan l-eżempju tal-aħħar, li huwa l-iktar wieħed probabbli, ir-reġistrazzjoni fuq is-sit tar-rikorrenti fl-indirizz “www.bet365.com” tikkostitwixxi prova li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha ntużaw bħala trade marks għaliex ippermettew speċifikament l-identifikazzjoni tal-oriġini tas-servizzi li l-imsemmija reġistrazzjoni kienet tippermetti l-użu tagħhom.

68      B’mod analogu, ir-rikorrenti ssemmi ġustament ukoll ċerti provi li hija pproduċiet dwar il-programm ta’ affiljazzjoni ta’ siti tal-internet terzi li huwa intiż li jħajjar lill-utenti ta’ dawn is-siti sabiex iżuru s-sit tal-internet tagħha. Sa fejn is-sit terz li ppermetta li l-utent iżur is-sit tal-internet tar-rikorrenti, u sussegwentement jagħmel abbonament u l-ewwel ħlas għal imħatra mar-rikorrent, jirċievi kummissjoni minn din tal-aħħar, l-ammonti u t-tqassim skont il-pajjiż ta’ dawn il-kummissjonijiet jistgħu jagħtu indikazzjoni tal-użu tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, meta l-attenzjoni tal-utent li jkun qiegħed iżur sit terz tinġibed permezz tat-trade mark ikkontestata jew tat-trade marks idderivati tagħha flimkien ma’ elementi promozzjonali sal-punt li sussegwentment jagħmel abbonament mar-rikorrenti permezz tas-sit tal-internet tagħha, u wara jagħmel l-ewwel ħlas tiegħu, it-trade mark ikkontestata tkun qed taqdi r-rwol tagħha bħala trade mark li tidentifika offerta ta’ servizzi partikolari li fir-rigward tagħha l-utent ikollu l-intenzjoni li jikkunsidra. F’dan ir-rigward, l-Anness JC 30 ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jindika li kull staġun, mill-istaġun 2007/2008, fir-Renju Unit, miljuni ta’ liri sterlini tħallsu lil siti affiljati. Iċ-ċifra korrispondenti għad-Danimarka taqbeż miljun lira sterlina għall-istaġun 2012/2013. Iċ-ċifri għall-bqija tal-Unjoni (minbarra Spanja) huma globali u huma għexieren ta’ miljuni ta’ liri sterlini mill-istaġun 2010/2011. Għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-pajjiżi kkunsidrati individwalment, dawn l-ammonti jagħtu indikazzjoni ċara li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-flus u tal-imħatri tar-rikorrenti.

69      Għall-kuntrarju, is-sempliċi numru ta’ drabi li s-sit tal-internet terz ippermetta li l-utent iżur is-sit tal-internet tar-rikorrenti ma jagħtix indikazzjoni affidabbli dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata sabiex jiġu identifikati s-servizzi tar-rikorrenti, għaliex f’dak l-istadju tal-proċess tal-utent, fid-dawl tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, huwa possibbli ħafna li huwa jkun wettaq tali konnessjoni b’kumbinazzjoni qabel ma jkun jaf preċiżament il-kontenut tal-offerta proposta.

70      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq l-ammonti tal-ġugati miġbura kif jirriżulta mill-Anness JC 10 (a) li hija ppreżentat quddiem l-EUIPO. F’dan ir-rigward, dan l-anness jindika b’mod partikolari, għall-istaġun 2012/2013, ammonti ta’ biljuni ta’ liri sterlini fir-Renju Unit, ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ liri sterlini fid-Danimarka u ta’ biljuni ta’ liri sterlini għall-bqija tal-Unjoni (minbarra Spanja). Għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-pajjiżi kkunsidrati individwalment, dawn l-ammonti jagħtu indikazzjoni ċara li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-flus u tal-imħatri tar-rikorrenti, għaliex huwa neċessarju li ġugatur jew persuna li tagħmel imħatra tuża l-element “bet365” sabiex tħallas il-ġugati tagħha.

71      Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ reklamar imsemmija mir-rikorrenti, kif indikati fl-Anness JC 19 li hija ppreżentat quddiem l-EUIPO, jistgħu jinsiltu konklużjonijiet simili għal dawk li jirrigwardaw l-ammonti tal-ġugati (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). Id-data tkopri diversi staġuni mill-istaġun 2006/2007 u tindika miljuni ta’ liri sterlini, jew anki għexieren ta’ miljuni ta’ liri sterlini, ta’ spejjeż ta’ reklamar għal kull staġun kemm fid-Danimarka kif ukoll fir-Renju Unit. L-ammont tal-ispejjeż ta’ reklamar fil-bqija tal-Unjoni (minbarra Spanja) jilħaq ukoll miljuni ta’ liri sterlini għal kull staġun, iżda ma huwiex speċifikat skont il-pajjiż. Għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-pajjiżi kkunsidrati individwalment, dawn l-ammonti jagħtu indikazzjoni ċara li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tagħha jintużaw sabiex jippromovu l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-flus u tal-imħatri tar-rikorrenti, għaliex dawn it-trade marks huma l-uniċi li hija tuża sabiex tidentifika b’mod ġenerali s-servizzi tagħha ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri. Provi oħra prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell dwar reklami li jużaw it-trade mark ikkontestata u t-trade marks idderivati tagħha jistgħu jikkostitwixxu indizji favur il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari barra mir-Renju Unit. Għaldaqstant, l-Annessi JC 20 (a) sa JC 20 (e) ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jipprovdu varji kopji ta’ reklami għal imħatri sportivi, redatti bil-lingwa tal-pajjiż inkwistjoni, li dehru bejn l-2007 u l-2013, b’mod partikolari fil-media stampata Ingliża, Daniża u Svediża. L-Anness JC 21 (a) ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jinkludi eżempji ta’ xenarji ta’ reklami televiżivi li ġew imxandra, bl-Ingliż jew bil-lingwa tal-pajjiż inkwistjoni, fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit. Id-dikjarazzjoni tas-Sur C. (punti 14.1 sa 14.22) tinkludi ritratti ta’ messaġġi ta’ reklamar televiżivi li ġew imxandra fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit u d-DVD li ġie ppreżentat flimkien mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell fih estratti live ta’ dawn ir-reklami li fihom jidhru artisti famużi. L-Anness JC 21 (b) ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO fih numru ta’ xenarji ta’ reklami bl-Ingliż, a priori sabiex jixxandru permezz tar-radju fir-Renju Unit. L-Anness JC 25 ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO jinkludi eżempji ta’ messaġġi ta’ reklamar televiżivi qosra mxandra mill-2009 sal-2014 fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.

72      Għall-kuntrarju, id-dikjarazzjoni tas-Sur C. (punti 17 et seq), li għandha tinqara flimkien mal-Anness JC 23 ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO, li minnhom, skont dan tal-aħħar, jista’ jiġi dedott li r-reklamar imwettaq fuq il-grounds tal-futbol jintwera fuq it-televiżjoni fl-Unjoni kollha, ma tagħtix fir-realtà informazzjoni suffiċjentement preċiża dwar ix-xandir ta’ dan ir-reklamar f’diversi pajjiżi tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li jidher li sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huma indikati biss il-volum ta’ sigħat globali ta’ xandir għall-Unjoni kollha, li ma jippermetti l-ebda differenzazzjoni skont il-pajjiż. L-istess japplika għall-provi prodotti mir-rikorrenti lill-EUIPO sabiex turi l-użu f’kuntest ta’ reklamar tat-trade mark ikkontestata jew tat-trade marks idderivati tagħha permezz tal-attivitajiet tal-klabb tal-futbol Stoke City FC, b’mod partikolari ritratti fl-Anness JC 29. Anki jekk huwa probabbli li l-logħbiet tal-futbol tal-Premier League, li fihom jipparteċipa dan il-klabb, jintwerew fuq stazzjoni tat-televiżjoni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni, dawn ir-ritratti ta’ plejers, ta’ grounds jew ta’ aċċessorji ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar ix-xandir reali ta’ dan ir-reklamar f’diversi pajjiżi tal-Unjoni. L-artikli tal-istampa li hemm fl-Anness JC 29 (b) ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO, maħruġa mill-gazzetti fl-Irlanda u fir-Renju Unit, lanqas ma jagħtu indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

73      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll, fil-kuntest tat-tieni sensiela ta’ argumenti identifikata fil-punt 21 iktar ’il fuq, fuq ċerti provi li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tas-Sur H. u mill-Anness CH 1 ta’ din id-dikjarazzjoni. Madankollu, dawn il-provi ma humiex wisq differenti minn dawk diġà esposti fid-dikjarazzjoni tas-Sur C. u fl-annessi tagħha. Is-Sur H. jikkonferma, pereżempju, l-isforz ta’ reklamar tar-rikorrenti fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit. Huwa minnu li tali kontribut, min-naħa ta’ persuna esterna għar-rikorrenti, jista’ jsaħħaħ il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi prodotti minn din tal-aħħar, iżda ma jbiddilx l-evalwazzjoni tal-mertu li tista’ tiġi fformulata fuqhom jekk dawn jitqiesu veri. Għaldaqstant, anki jekk ikkonfermati mis-Sur H., il-provi prodotti dwar l-isponsorizzazzjoni tal-klabb tal-futbol Stoke City FC għandhom, kif spjegat fil-punt 72 iktar ’il fuq, valur limitat sabiex jgħinu li tintwera l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata fuq it-territorju kkonċernat kollu. Il-provi prodotti dwar is-suċċess tar-rikorrenti, enfasizzat mis-Sur H., jistgħu l-iktar l-iktar jikkonfermaw indirettament suċċess kummerċjali tat-trade mark tal-istess isem u tat-trade marks idderivati tagħha, li huma l-uniċi li jintużaw mir-rikorrenti sabiex tidentifika b’mod globali s-servizzi tagħha ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri, mingħajr ma jistgħu jgħinu verament sabiex tintwera tali kisba fid-dawl tal-karattru ġenerali ħafna tagħhom.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, ċertament, ċerti provi msemmija fil-punti iktar ’il fuq ma fihomx fihom innifishom l-informazzjoni kollha li tippermetti immedjatament li dawn jingħataw karattru inkontestabbli. Pereżempju, il-kopji tar-reklami għall-media stampata Daniża u Svediża li jirriżultaw mill-Anness JC 20 ma ngħatawx permezz ta’ kopji tal-paġni tal-ġazzetti li fihom huma dehru, hekk kif josserva barra minn hekk is-Sur C. fid-dikjarazzjoni tiegħu (punt 13.7) billi jindika li dawn jistgħu jkunu verżjonijiet mhux finali. Bl-istess mod, ħafna mid-data ppreżentata mir-rikorrenti, b’mod partikolari dwar il-ġugati miġbura jew l-ispejjeż ta’ reklamar tagħha, toriġina minn sorsi purament interni. Madankollu, hemm diversi provi ta’ oriġini esterna għar-rikorrenti jew li huma diffiċilment kontestabbli: pereżempju, estratti tal-istampa Svediża kompleti; l-istudju komparattiv dwar l-użu tas-sit tal-internet f’varji pajjiżi, li jikklassifika s-sit tal-internet tar-rikorrenti fit-33 pożizzjoni fl-Isvezja u fl-74 pożizzjoni fir-Renju Unit; il-fatt li s-sit tal-internet tar-rikorrenti jeżisti bl-Ingliż, bid-Daniż u bl-Isvediż; ritratti u estratti live ta’ reklami televiżivi mxandra fid-Danimarka, fl-Isvezja u fir-Renju Unit li fihom jidhru diversi artisti famużi (f’format grafiku mill-punt 14.1 sal-punt 14.22 u fuq id-DVD anness mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell); in-numru kbir ta’ estratti tal-istampa li juru, bħal dawk tal-klassifikazzjoni tas-Sunday Times ippreżentati fl-Anness CH 1 tad-dikjarazzjoni tas-Sur H., is-suċċess kummerjali tar-rikorrenti, irrikonoxxut mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata bħala “li qiegħed tiffjorixxi u magħruf sew [u li jinkludi] miljuni ta’ klijenti f’200 pajjiż” (punt 64). Dawn il-provi li ftit huma ekwivokabbli u li jaqblu mal-provi l-oħra prodotti mir-rikorrenti, isaħħu l-kredibbiltà ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kritika preċiża fformulata fir-rigward tal-veraċità tagħhom u fid-dawl tan-natura probabbli tal-informazzjoni li huma jagħtu, il-Qorti Ġenerali tqis li l-provi kollha msemmija fil-punti 57 sa 73 iktar ’il fuq huma kredibbli sa fejn dawn jikkostitwixxu data ppreżentata b’mod utli mir-rikorrenti sabiex turi l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-territorju rilevanti.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, b’mod partikolari dawk imfakkra fil-punti 27 sa 29 iktar ’il fuq, u fid-dawl, minn naħa, tal-varji żbalji ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti msemmija fil-punti 38 sa 55 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, tan-numru kbir ta’ provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, identifikati fil-punti 57 sa 74 iktar ’il fuq, li jistgħu jgħinu b’mod utli sabiex eventwalment tintwera l-kisba, mit-trade mark ikkontestata, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fit-territorju rilevanti, iżda li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, jidher li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentment ibbażata fuq motivi validi li jippermettu li jiġġustifikaw id-dispożittiv tagħha għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ logħob tal-flus u ta’ mħatri li jaqgħu fil-klassi 41 elenkati fir-reġistrazzjoni. Konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, l-uniku motiv ta’ annullament jidher fondat, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-aħħar argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-assenza ta’ stħarriġ ta’ opinjoni jew ta’ provi li joriġinaw minn kamra tal-kummerċ, liema assenza ġiet ikkritikata mill-Bord tal-Appell.

76      Għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-motivi li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq analiżi ddettaljata u konklużiva għat-territorju rilevanti kollu, iktar u iktar għaliex il-Bord tal-Appell stess ma wettaqx tali analiżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 71 u 72).

77      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tirrigwarda s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 elenkati fir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża dan ikun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

79      Billi r-rikorrenti, l-EUIPO u l-intervenjent kollha tilfu parzjalment, għandu jiġi deċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-21 ta’ Marzu 2016 (Każ R 3243/2014–5), hija annullata sa fejn din tirrigwarda s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 elenkati fir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea BET 365.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.