Language of document : ECLI:EU:T:2017:912

Kawża T304/16

bet365 Group Ltd

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BET 365 – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Prova – Użu tat-trade mark għal diversi finijiet – Artikolu 7(3) u Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal‑14 ta’ Diċembru 2017

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Data ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) sa (d), u (3), u 52(2))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark li ma hijiex ta’ karattru distintiv f’parti tal-Unjoni – Kisba tal-karattru distintiv f’din l-istess parti – Estrapolazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu f’ċerti Stati Membri għal Stati Membri oħra

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 1(2), 7(2) u (3), u 52(2))

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b), u (3))

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Trade mark verbali BET 365

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(b) u (c), u (3), u 52(2))

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Użu ta’ trade mark bħala parti minn trade mark irreġistrata jew flimkien magħha

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b), u (3))

6.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Data ta’ natura li tgħin sabiex tintwera l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b), u (3))

7.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Eċċezzjoni – Kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu – Data ta’ natura li tgħin sabiex tintwera l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b), u (3))

1.      Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, trade mark li fiha nnifisha tkun deskrittiva u mhux distintiva u li tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax madankollu tiġi ddikjarata invalida jekk, bl-użu li jkun sar minnha, hija tkun kisbet wara r-reġistrazzjoni tagħha karattru distintiv għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata. Fil-fatt, hekk kif ġie essenzjalment enfasizzat fis-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS), T‑476/15, il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal raġunijiet assoluti previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 jirreferu direttament għar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-istess regolament kif ukoll għall-eċċezzjoni ta’ kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu li timmitigahom, fejn l-unika differenza sostantiva eventwali bejn iż-żewġ proċedimenti tirrigwarda l-mument li fih għandha tiġi evalwata l-kisba ta’ tali karattru distintiv. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services vs EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ ċikkulata sħiħa), T‑112/13, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal raġunijiet assoluti għal rifjut, il-proprjetarju tat-trade mark li ġiet ikkontestata seta’ jew jagħti prova li hija kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, jew inkella jagħti prova li hija kienet kisbet dan il-karattru bejn ir-reġistrazzjoni tagħha u d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità.

(ara l-punt 23)

2.      Għal dak li jirrigwarda t-territorju li fuqu l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu għandu jiġi stabbilit sabiex jiġu applikati l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001), it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju, li jimplika li hija tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha. Mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sabiex sinjal jiġi rreġistrat għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2017/1001), l-applikazzjoni għar reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tal-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill Unjoni. Konsegwentement, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-kisba permezz tal-użu ta’ karattru distintiv fit-territorju kollu, li fuqu t-trade mark kienet nieqsa ab initio minn tali karattru, fejn dan it-territorju jista’ jkun ikkostitwit, skont il-każ, minn Stat Membru wieħed. Madankollu, ġie deċiż li jkun eċċessiv li jintalab li l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tiġi prodotta għal kull Stat Membru kkonċernat meħud individwalment. F’dan ir-rigward, l-estrapolazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz tal-użu f’ċerti Stati Membri għal Stati Membri oħra ma tistax tiġi eskluża, sakemm elementi oġġettivi u kredibbli jippermettu li jiġi konkluż li dawn is-swieq huma paragunabbli għal dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata mill-pubbliku rilevanti.

(ara l-punt 26)

3.      Ir-rikonoxximent tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li għall-inqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku relevanti tidentifika, permezz tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tista’ titqies bħala ssodisfatta ma jistgħux jiġu stabbiliti unikament abbażi ta’ data ġenerali u astratta. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħas-sehem li t-trade mark għandha mis-suq, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul tal-użu ta’ din it-trade mark, il-kobor tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromoviha, il-proporzjon tal-oqsma kkonċernati li jidentifikaw il-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari permezz tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra.

Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, inkluż dak miksub permezz tal-użu, għandu jiġi evalwat ukoll fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun intalbet jew inkisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma tistax tiġi prodotta permezz ta’ data iżolata bħas-sempliċi produzzjoni tal-ammonti ta’ bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati u tal-materjal ta’ reklamar. Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li s-sinjal ikun intuża fit-territorju tal-Unjoni għal xi żmien ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-pubbliku li għalih huma intiżi l-prodotti jew mis-servizzi inkwistjoni jipperċepih bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali.

F’dan ir-rigward, il-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi prodotta permezz tal-“użu tat-trade mark bħala trade mark”, jiġifieri l-użu tat-trade mark għall-finijiet tal-identifikazzjoni mill-oqsma kkonċernati tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark bħala li joriġinaw mill-impriża li tużaha.

(ara l-punti 27 sa 30)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31 sa 77)

5.      Il-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ma timplikax neċessarjament li din kienet is-suġġett ta’ użu indipendenti, iżda tista’ tirriżulta mill-użu tagħha bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata jew mill-użu tagħha flimkien ma’ trade mark oħra rreġistrata, bil-kundizzjoni li, fiż-żewġ każijiet, l-użu mwettaq iwassal lill-oqsma kkonċernati sabiex jipperċepixxu li l-prodotti jew is-servizzi li huma koperti biss bit-trade mark ineżami joriġinaw mill-impriża partikolari li tużaha bħala parti minn trade mark oħra jew flimkien ma’ trade mark oħra.

(ara l-punt 39)

6.      L-użu ta’ trade mark bħala isem ta’ domain tal-internet jista’ jikkostitwixxi użu tat-trade mark bħala trade mark. Kollox jiddependi, fil-fatt, mid-dokumenti u mill-informazzjoni ppreżentati f’dan ir-rigward u minn dak li jistgħu jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu meta jara jew juża t-trade mark fil-kuntest tal-użu tal-internet.

Konsegwentement, informazzjoni bħan-numru ta’ konnessjonijiet mas-sit tal-internet tal-proprjetarju, il-klassifikazzjoni tiegħu f’termini ta’ żjarat fuq is-sit tal-internet f’varji pajjiżi jew in-numru ta’ drabi li t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tiegħu kienu s-suġġett ta’ tfittxija fuq magni tat-tiftix tal-internet hija data li tgħin sabiex tintwera l-kisba mit-trade mark ikkontestata ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. L-istess jista’ japplika għall-estratti tal-paġni tas-sit tal-internet tal-proprjetarju jew ta’ siti oħra tal-internet, f’diversi lingwi, fejn jidhru t-trade mark ikkontestata jew it-trade marks idderivati tiegħu, sakemm il-portata tal-provi prodotti tista’ turi użu sinjifikattiv tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark.

(ara l-punti 43, 46)

7.      L-użu ta’ trade mark bħala isem il-kumpannija jista’ jikkostitwixxi użu tat-trade mark bħala trade mark. Għaldaqstant, estratti tal-istampa li jsemmu l-kumpannija jistgħu juru użu tat-trade mark bħala trade mark sabiex tindika l-oriġini tas-servizzi proposti jew imsemmija, sabiex tiddistingwihom mis-servizzi tal-kompetituri u, skont il-każ, sabiex tippromovihom.

(ara l-punti 51, 52)