Language of document : ECLI:EU:T:2012:256

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

22 ta’ Mejju 2012

Kawża T‑317/11 P

Ioannis Vakalis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Kalkolu tas-snin tas-servizz pensjonabbli – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kontradittorju – Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-13 ta’ April 2011, Vakalis vs Il‑Kummissjoni (F‑38/10), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Ioannis Vakalis għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-istanza preżenti.

Sommarju

1.      Proċedura – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata – Obbligu li tiġi adottata deċiżjoni fuq kull ksur tal-liġi allegat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjal – Appelli – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Awtorità tal-Ħatra mingħajr kompetenza biex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi – Konsegwenzi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 277 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Ksur – Kunċett

1.      Minkejja li l-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu ma jimplikax li dan jirrispondi fid-dettall għal kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari, jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma jkunx ibbażat fuq provi ddettaljati, tali obbligu madankollu jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn tal-inqas, jeżamina l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet imressqa quddiemu.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑50/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑127 u II‑B‑1‑775, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiddeċiedi dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li hija marbuta li tapplika. B’hekk, il-ġustifikazzjonijiet mogħtija minnha matul il-proċedura amministrattiva fl-okkażjoni ta’ kontestazzjoni tal-legalità ta’ tali dispożizzjonijiet ma jaffettwaw la l-motivi ta’ illegalità li rikorrent jista’ jinvoka kontra dawn fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità quddiem il-Qorti tal-Unjoni, peress li dawn huma, b’mod konformi mal-Artikolu 277 TFUE, dawk stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u lanqas l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-qorti msemmija.

(ara l-punt 62)

3.      Meta jistabbilixxi regoli relattivi għat-trasferiment, fis-sistema tal-Unjoni, tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba minn uffiċjali f’sistema nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu l-obbligu li jirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan il-prinċipju, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. F’dan ir-rigward, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenti jippresupponi li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni u l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni. Jista’ jiġi dedott li, waqt l-eżami li jippermetti li jiġi stabbilit jekk ingħatax trattament identiku lil sitwazzjonijiet differenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-elementi kollha li jikkaratterizzaw lil dawn is-sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, sabiex ikun jista’ jiġi lmentat kontra l-istituzzjoni kkonċernata li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hemm bżonn li t-trattament inkwistjoni wassal lil ċerti persuni għal żvantaġġ meta mqabbla ma’ oħrajn.

(ara l-punti 76, 77, 79 u 80)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 23, 25, 26 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata