Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja

(Kawża C-121/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, LDvořáková u J. Vláčil, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja:

billi ppermettiet l-estensjoni b’sitt snin tal-awtorizzazzjoni tal-estrazzjoni tal-linjite mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2011/92 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) sa (6), l-Artikolu 5(1) u (2), kif ukoll tal-Artikoli 6, 7, 8 u 9 tal-imsemmija direttiva;

billi ppermettiet li l-pubbliku kkonċernat jiġi eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) sa (7), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 8, l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92;

billi ddikjarat li d-deċiżjoni dwar l-EEA kienet immedjatament eżegwibbli, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92;

billi ma inkludietx fid-deċiżjoni dwar l-EEA pass li għandu possibbilment jittieħed fil-każ ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ derogi għall-korpi tal-ilma kkonċernati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2000/60 2 , hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(a) u l-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60;

billi ma ppermettietx l-intervent tal-pubbliku kkonċernat u tar-Repubblika Ċeka fil-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) sa (7), l-Artikolu 7(1), (2) u (5) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/92;

billi ma ppubblikatx l-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026 u billi ma trażmettiethiex lir-Repubblika Ċeka f’forma intelliġibbli, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/92;

billi ma ppermettietx stħarriġ ġudizzjarju tal-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92;

billi ma ppubblikatx l-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/4 3 ;

billi ma pprovdietx informazzjoni kompleta dwar il-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE;

billi ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni dwar l-EEA fl-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92;

billi ma pprevedietx kundizzjonijiet ambjentali suffiċjenti fl-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni sal-2026, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8a(1)(b) tad-Direttiva 2011/92.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motivi bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 2011/92, tad-Direttiva 2000/60, tad-Direttiva 2003/4 kif ukoll tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali).

Ir-Repubblika tal-Polonja introduċiet leġiżlazzjoni li permezz tagħha huwa possibbli li awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tiġi estiża għal 6 snin mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li permezz tagħha l-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni hija fil-parti l-kbira tagħha mhux pubblika. Billi għamldet dan, hija kisret id-Direttiva 2011/92.

Ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-Direttiva 2011/92 billi ddikjarat li d-deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ambjentali applikabbli għall-proġett ta’ estensjoni tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni fil-minjiera ta’ Turów sal-2044 kienet immedjatament eżegwibbli, u b’hekk eskludiet protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-Direttiva 2000/60 inkwantu d-deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ambjentali ma tkoprix b’mod adegwat il-perijodu tal-proġett kollu mill-perspettiva tal-effetti tal-estrazzjoni fuq is-sitwazzjoni tal-korpi tal-ilma.

Ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-Direttiva 2011/92 sa fejn hija pprekludiet lill-pubbliku kkonċernat u lir-Repubblika Ċeka milli jintervjenu fil-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni finali għall-estrazzjoni tal-minjiera tal-linjite ta’ Turów sal-2026, sa fejn ma ppubblikatx l-awtorizzazzjoni mogħtija u ttrażemttietha lir-Repubblika Ċeka b’mod inkomplet u tardiv, sa fejn id-dritt Pollakk jipprekludi stħarriġ ta’ din l-awtorizzazzjoni mill-pubbliku kkonċernat u anki sa fejn din l-awtorizzazzjoni ma tiħux debitament inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Permezz tal-aġir tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja kisret ukoll id-Direttiva 2003/4 u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE.

____________

1     Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26 tat-28 ta’ Jannar 2012, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).

2     Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 5, p. 275, u rettfiki fil-ĠU 2006, L 113, p. 26 u fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).

3     Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).