Language of document : ECLI:EU:C:2016:68

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑47/15

Sélina Affum (née Amissah)

vs

Préfet du Pas-de-Calais

Procureur général de la Cour d’appel de Douai

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment – Dħul irregolari – Sitwazzjoni ta’ tranżitu – Piena ta’ priġunerija – Arrest preventiv”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba għal darb’oħra tiddikjara ruħha fuq il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115/KE (2) ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti li tiġi imposta piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz, sempliċement minħabba l-irregolarità tas-sitwazzjoni tiegħu.

2.        Meta mqabbla mal-kawżi preċedenti li jirrigwardaw din il-kwistjoni (3), din il-kawża hija differenti minn żewġ aspetti partikolari. L-ewwel nett, hija tirrigwarda ċittadina ta’ pajjiż terz li daħlet fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat bl-għan waħdieni ta’ tranżitu u ġiet interċettata hija u ħierġa minn dan l-Istat Membru. Tqum allura l-kwistjoni dwar jekk din hijiex residenza fir-rigward tad-Direttiva 2008/115. It-tieni nett, l-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex beħsiebu jieħu deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 iżda li jikkonsenja ċ-ċittadina kkonċernata lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, abbażi ta’ arranġament konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115.

3.        Din il-kawża ser tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tfakkar li d- Direttiva 2008/115 tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz, f’sitwazzjoni irregolari, indipendentement mill-motiv tal-irregolarità tar-residenza tagħhom u indipendentement mill-post tal-arrest tagħhom, u li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz hija possibbli biss f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna li ma japplikawx f’dan il-każ.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2008/115

4.        Is-suġġett tad-Direttiva 2008/115 huwa deskritt, fl-Artikolu 1 tagħha, bil-mod li ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment [irregolarment] fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

6.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)      ‘soġġorn illegali [residenza irregolari]’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–              il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–              pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–              pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[...]”

7.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet iktar favorevoli”, jindika:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

a)      atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar;

b)      atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

[…]

4.      Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2)(a) l-Istati Membri għandhom:

a)      jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

b)      jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8.        L-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedu:

Artikolu 6

Deċiżjoni ta’ ritorn

1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [jirrisjedi irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

[...]

Artikolu 7

Tluq volontarju

1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. [...]

[...]

Artikolu 8

Tneħħija

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]”

9.        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jipprevedi:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]”

2.      Il-KFS u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

10.      Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem, il-“KFS”), tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen.

11.      Fit-Titolu II tal-KFS, il-Kapitolu 4, intitolat “Kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment tal-barranin”, jistabbilixxi fl-Artikoli 19(1) u (2), 20(1) u 21(1) u (2) tiegħu, il-kundizzjonijiet li taħthom il-barranin li għandhom viża uniformi jew viża maħruġa minn waħda mill-partijiet kontraenti, il-barranin li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża kif ukoll il-barranin li għandhom permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza, maħruġa minn waħda minn dawn il-partijiet, jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-partijiet kontraenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu, b’mod partikolari, għal xi wħud mill-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-KFS.

12.      Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (4) kkonsolida u żviluppa l-acquis ta’ Schengen.

13.      Skont il-premessa 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan “jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] ma jieħux part […]. Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu”.

14.      Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-kodiċi, huwa “jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea” u “jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea”.

15.      L-Artikolu 2(1) u (2) tal-istess kodiċi jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“1)      ‘fruntieri interni’:

a)      il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

b)      l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

ċ)      il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi ta’ l-Istati Membri għal kollegamenti regolari bi traġitt;

2)      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni.”

16.      Fit-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Kapitolu I, intitolat “Il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul”, jipprevedi, fl-Artikoli 4 u 5 tiegħu:

Artikolu 4

Qsim ta’ fruntieri esterni

1.      Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.      Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)      ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

b)      ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ […], ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

ċ)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru […]

[…]

4.      B’deroga mill-paragrfu 1:

a)      ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 iżda li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għad-dħul mill-ġdid maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jew, fejn meħtieġ, permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul u viża għad-dħul mill-ġdid, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorji ta’ Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ tranżitu sabiex ikunu jistgħu jilħqu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għad-dħul mill-ġdid […];

[…]

ċ)      Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. […]”

17.      Il-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul”, jipprevedi, fl-Artikolu 7 tiegħu, dwar il-verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera:

Artikolu 7

Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera

1.      Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skond dan il-kapitolu.

[…]

3.      Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

a)      verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat ta’ l-aspetti li ġejjin:

[…]

b)      verifiki bir-reqqa mal-ħruġ għandhom jinkludu:

i)      il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun fil-pussess ta’ dokument validu sabiex jaqsam il-fruntiera;

ii)      il-verifika tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni;

iii)      meta possibbli, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terx mhux meqjus bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe mill-Istati Membri.

c)      Barra mill-verifiki msemmija f’punt (b), verifiki bir-reqqa mal-ħruġ jistgħu jinkludu wkoll:

i)      il-verifika li l-persuna hija fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ [...], ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

ii)      il-verifika li l-persuna ma qabżitx it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

iii)      konsultazzjoni ta’ allerti dwar persuni u oġġetti inklużi fl-SIS u rapporti fil-fajls nazzjonali tad-data.

[…]”

18.      Skont l-Artikolu 20 ta’ dan il-kodiċi, li jinsab fil-Kapitolu I, intitolat “Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni” tat-Titolu III tal-imsemmi kodiċi, il-“[f]runtieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom”.

19.      Bis-saħħa tal-Artikolu 39(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jagħmel parti mit-Titolu IV, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, l-Artikoli 2 sa 8 tal-KFS tħassru mit-13 ta’ Ottubru 2006. Il-kundizzjonijiet għad-dħul, b’mod partikolari, li qabel kienu jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-KFS, ġew b’dan il-mod issostitwiti b’dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi.

B –    Il-leġiżlazzjoni Franċiża

1.      Il-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal persuni barranin u d-dritt għall-ażil

20.      L-Artikolu L. 621-2 tal-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal persuni barranin u d-dritt għall-ażil, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 2012-1560, tal-31 ta’ Diċembru 2012, dwar id-detenzjoni sabiex issir il-verifika tad-dritt ta’ residenza u li temenda r-reat ta’ għajnuna għar-residenza irregolari sabiex teskludi minnu l-azzjonijiet umanitarji u diżinteressati (JORF tal-1 ta’ Jannar 2013, p. 48, iktar ’il quddiem, iċ-“Ceseda”), jipprevedi:

“Hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sena u b’multa ta’ EUR 3 750 il-persuna barranija li ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea:

1° Jekk tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun issodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti a, b jew ċ tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] u mingħajr ma tkun ġiet ammessa fit-territorju skont il-punti a u ċ tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess [kodiċi]; l-istess jgħodd meta l-persuna barranija tkun is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-[KFS];

2° Jew jekk, bi provenjenza diretta mit-territorju ta’ Stat li huwa parti mill-[KFS], hija tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikoli 19(1) jew (2), 20(1), u 21(1) jew (2) tagħha, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt e tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] u fil-punt d meta l-allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni ma jirriżultax minn deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-[KFS];

[…]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-proċeduri kriminali jistgħu jinbdew biss meta l-fatti jkunu ġew ikkonstatati fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.”

2.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

21.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 53 tiegħu:

“Huwa kklassifikat bħal delitt jew reat in flagrante delicto meta persuna tinqabad twettqu, jew meta jkun għadu kemm twettaq. Ikun hemm ukoll delitt jew reat in flagrante delicto meta, f’ħin viċin ħafna għall-azzjoni, il-persuna ssuspettata tkun segwita minn protesta qawwija mill-pubbliku, jew tinsab fil-pussess ta’ oġġetti, jew turi traċċi jew indikazzjonijiet, li jagħtu x’tifhem li hija pparteċipat fid-delitt jew fir-reat.

Wara l-konstatazzjoni ta’ delitt jew reat in flagrante delicto, l-investigazzjoni mmexxija taħt il-kontroll tal-prosekutur tar-Repubblika fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu tista’ titwettaq b’mod kontinwu matul perijodu ta’ tmien tijiem.

[…]”

22.      L-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi:

“L-arrest preventiv huwa miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq delitt jew reat punibbli b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi.

[…]”

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

23.      Fit-22 ta’ Marzu 2013, S. Affum, ta’ nazzjonalità tal-Ghana, kienet is-suġġett ta’ kontroll minn aġenti tal-pulizija Franċiża f’Coquelles (France), punt ta’ dħul fiċ-Channel Tunnel, meta kienet f’autobus li ġej minn Gand (il-Belġju) u b’destinazzjoni għal Londra (ir-Renju Unit).

24.      Wara li ppreżentat passaport Belġjan li jinkludi r-ritratt u l-isem ta’ terz, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dokument ta’ identità jew ta’ vvjaġġar ieħor f’isimha, hija tqiegħdet taħt arrest preventiv minħabba dħul irregolari fit-territorju Franċiż, abbażi tal-Artikolu L. 621-2, 2°, taċ-Ceseda.

25.      L-għada, il-Prosekutur tar-Repubblika tat-Tribunal de grande instance de Boulogne-sur-Mer iddeċieda li jagħlaq mingħajr azzjoni ulterjuri l-proċeduri kriminali mibdija kontra S. Affum. Għaldaqstant, il-miżura ta’ arrest preventiv kontriha ntemmet fl-istess jum.

26.      Madankollu, b’mod parallel mal-proċeduri kriminali mibdija kontra S. Affum, il-prefett ta’ Pas-de-Calais ġie adit bis-sitwazzjoni amministrattiva ta’ S. Affum sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali tneħħija tagħha mit-territorju Franċiż.

27.      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2013, huwa ddeċieda li S. Affum tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet Belġjani, sabiex terġa’ tiġi ammessa mill-ġdid, abbażi tal-arranġament bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, minn naħa, u l-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa l-oħra, rigward it-teħid ta’ responsabbiltà għal persuni fil-fruntieri komuni bejn Franza u t-territorju tal-Istati tal-Benelux, iffirmat f’Pariġi fis-16 ta’ April 1964.

28.      B’din l-istess deċiżjoni, il-prefett ta’ Pas-de-Calais ordna t-tqegħid ta’ S. Affum taħt detenzjoni amministrattiva f’bini li ma huwiex parti mill-amministrazzjoni penitenzjali għal perijodu ta’ ħamest ijiem li jibda jgħodd mit-tmiem tal-arrest preventiv tagħha, sat-tneħħija tagħha. B’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, S. Affum għaldaqstant tqiegħdet f’detenzjoni amministrattiva fit-23 ta’ Marzu 2013 għal perijodu ta’ ħamest ijiem bl-għan tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Belġjani.

29.      Fis-27 ta’ Marzu 2013, il-prefett ta’ Pas-de-Calais talab quddiem il-juge des libertés et de la détention [imħallef għal-libertà u għad-detenzjoni] tat-Tribunal de grande instance de Lille l-estensjoni ta’ din id-detenzjoni, sakemm tingħata r-risposta mill-awtoritajiet Belġjani fuq it-talba tagħha għal ammissjoni mill-ġdid.

30.      Fid-difiża tagħha, S. Affum sostniet, billi invokat b’mod partikolari s-sentenza Achughbabian (5), li r-rikors tal-prefett ta’ Pas-de-Calais kellu jiġi miċħud ladarba t-tqegħid tagħha taħt arrest preventiv kien irregolari, u tali irregolarità tivvizzja, skont id-dritt nazzjonali, il-proċedura kollha u hija ssanzjonata bir-rifjut tal-estensjoni tad-detenzjoni u t-tqegħid fil-libertà tal-persuna kkonċernata.

31.      B’digriet tat-28 ta’ Marzu 2013, il-juge des libertés et de la détention du tribunal de grande instance de Lille madankollu qies li l-miżura ta’ arrest preventiv adottata kontra S. Affum kienet regolari u li t-tqegħid tagħha f’detenzjoni amministrattiva kien għaldaqstant seħħ wara proċedura regolari. Għaldaqstant huwa laqa’ r-rikors tal-prefett ta’ Pas-de-Calais u ordna l-estensjoni taż-żamma ta’ S. Affum f’detenzjoni amministrattiva għal perijodu massimu ta’ 20 jum li jibda jgħodd mill-istess jum.

32.      Fuq appell minn S. Affum, l-Ewwel President tal-qorti tal-appell ta’ Douai, b’digriet tad-29 ta’ Marzu 2013, ikkonferma d-digriet tal-juge des libertés et de la détention du tribunal de grande instance de Lille.

33.      Fuq appell ta’ kassazzjoni minn S. Affum kontra d-digriet imsemmi l-aħħar, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz ikun f’residenza illegali [irregolari] fuq it-territorju ta’ Stat Membru u jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, meta dan il-barrani jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ sempliċi transitu, bħala passiġġier ta’ autobus li jiċċirkula fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bi provenjenza minn Stat Membru ieħor, li jagħmel parti miż-żona Schengen, u b’destinazzjoni fi Stat Membru differenti?

2)      L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat terz permezz ta’ piena ta’ priġunerija, meta l-barrani inkwistjoni jkun jista’ jittieħed lura minn Stat Membru ieħor, skont ftehim jew arranġament konkluż ma’ dan tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ [tal-imsemmija d]irettiva?

3)      Skont ir-risposta li ser tingħata għad-domanda preċedenti, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat terz b’piena ta’ priġunerija, skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fis-sentenza [Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807)], dwar residenza illegali, fir-rigward tan-nuqqas li l-persuna kkonċernata tiġi suġġetta minn qabel għall-miżuri ta’ impożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8 [tal-imsemmija d]irettiva u dwar it-tul tad-detenzjoni tagħha.”

34.      S. Affum, l-istess bħall-Gvern Franċiż, dak Ċek, dak Grieg, dak Ungeriż u dak Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Waqt is-seduta tal-10 ta’ Novembru 2015, instemgħu S. Affum, il-Gvern Franċiż u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV – Analiżi

35.      Bit-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ priġunerija meta din il-persuna tkun ġiet interċettata waqt il-ħruġ tagħha miż-żona Schengen (6) fi fruntiera esterna ta’ dan l-Istat Membru, f’sitwazzjoni ta’ tranżitu bi provenjenza minn Stat Membru ieħor u tkun tista’ tittieħed lura minn dan l-Istat Membru ieħor b’applikazzjoni ta’ arranġament konkluż ma’ dan tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115.

36.      Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, għandha, qabel kollox, tiġi esposta fil-qosor is-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2008/115, minn naħa, u mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, min-naħa l-oħra, filwaqt li tiġi analizzata l-linja ta’ demarkazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti, u mbagħad għandha titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-privazzjoni tal-libertà ta’ persuna f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk previsti mid-Direttiva 2008/115 u, fl-aħħar nett, għandha tiġi analizzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

A –    Id-Direttiva 2008/115 u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha

37.      Id-Direttiva 2008/115 għandha bħala suġġett, kif jgħid l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi l-istandards u l-proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, skont id-drittijiet fundamentali u skont id-dritt internazzjonali. Mill-premessa 4 tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli ċari, trasparenti u ġusti sabiex tiġi ddefinita politika ta’ ritorn effettiva, li tikkostitwixxi element indispensabbli ta’ politika ta’ migrazzjoni mmexxija b’mod tajjeb. Id-Direttiva 2008/115 ġiet adottata abbażi tal-ex Artikolu 63, l-ewwel paragrafu, punt (3)(b), KE (7), skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni taħt l-Artikolu 251 KE (8). Fil-fatt dan huwa l-ewwel strument ġuridiku fil-qasam tal-immigrazzjoni adottat skont din il-proċedura (9).

38.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tagħha, huwa wiesa’ ħafna. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, id-Direttiva 2008/115 tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Tikkostitwixxi tali residenza irregolari l-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax kundizzjoni waħda jew iktar għad-dħul imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew kundizzjonijiet oħra għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza f’dan l-Istat Membru (10).

39.       F’dak li jirrigwarda biss ir-residenza irregolari, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 ma jagħmilx distinzjoni bejn id-dħul irregolari u r-residenza irregolari.

40.      Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għal ċerti sitwazzjonijiet ristretti sew. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti mal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux kisbu sussegwentement l-awtorizzazzjoni jew id-dritt għal residenza fl-imsemmi Stat Membru.

41.      Interċettazzjoni għandha sseħħ, skont il-kliem tad-dispożizzjoni ċċitata hawn fuq, b’konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna, u dan fil-fehma tiegħi jimplika rabta mill-qrib fiż-żmien u fl-ispazju mal-qsim tal-fruntiera.

42.      Id-Direttiva 2008/115 ma tinkludix hija nnifisha definizzjoni tal-kliem “fruntiera interna” jew “fruntiera esterna”. Sa fejn, madankollu, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa msemmi fiha diversi drabi, jidhirli li huwa ċar li d-definizzjoni mogħtija minn dan il-kodiċi hija applikabbli. Mill-Artikolu 2(1)(a) u (2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta li jikkostitwixxu “fruntieri interni” l-fruntieri tal-art (11) komuni tal-Istati Membri u li jikkostitwixxu “fruntieri esterni” l-fruntieri tal-art (12) u l-fruntieri marittimi (13) tal-Istati Membri, sakemm ma jkunux fruntieri interni. Ovvjament, il-kliem “Stati Membri” jinkludi biss l-Istati Membri tal-Unjoni li huma parti mill-acquis ta’ Schengen kif ukoll l-Istati terzi li huma parti minnu (14).

43.      Id-Direttiva 2008/115 tapplika biss għall-Istati li jagħmlu parti miż-żona Schengen. Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/115, din tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 u 24 tal-KFS. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku r-Renju Unit, il-premessa 26 tad-Direttiva 2008/115 tispeċifika li huwa “mhux jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha”.

B –    Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

44.      Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi regoli għall-qsim tal-fruntieri mill-persuni.

45.      Il-kundizzjonijiet għall-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kontrolli intiżi sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tagħhom huma ddefiniti fit-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (15). Dawn il-kontrolli jinkludu, minn naħa, il-verifiki fil‑punti ta’ qsim tal-fruntiera indikati mill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, is-sorveljanza bejn dawn il-punti ta’ qsim.

46.      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2008/115 tapplika meta persuna tkun daħlet illegalment fiż-żona Schengen u ma jkollhiex id-dritt li tirrisjedi hemmhekk.

47.      Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issa (16) jagħmel rabta b’mod espliċitu bejn l-imsemmi kodiċi u d-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) ta’ dan il-kodiċi, persuna li tkun qasmet illegalment fruntiera u li ma għandhiex id-dritt li tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u tkun suġġetta għal proċeduri li josservaw id-Direttiva 2008/115.

C –    Il-privazzjoni tal-libertà fid-dawl tad-Direttiva 2008/115

48.      Skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija”, id-detenzjoni tista’ tintuża biss fl-aħħar istanza, u biss sa fejn dan ikun strettament neċessarju u sakemm issir it-tneħħija (17). Ir-raġuni wara dawn id-dispożizzjonijiet dwar id-detenzjoni hija li huma biss il-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija li jiġġustifikaw privazzjoni tal-libertà u li jekk dawn il-proċeduri ma jsirux bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata taħt dawn id-dispożizzjonijiet (18). Id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija la għandha natura punittiva u lanqas kriminali u ma tikkostitwixxix piena ta’ priġunerija (19). Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jingħata interpretazzjoni stretta għaliex id-detenzjoni forzata tikkostitwixxi, bħala privazzjoni tal-libertà, eċċezzjoni għad-dritt fundamentali tal-libertà individwali (20).

49.      Fir-rigward tad-detenzjoni jew tal-priġunerija barra mis-sitwazzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/115, din ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni rigward il-possibbiltà għall-Istati Membri li jużaw id-detenzjoni jew il-priġunerija bħala sanzjoni kriminali fir-rigward ta’ residenza irregolari. Ir-raġuni għal dan hija, fil-fehma tiegħi, evidenti: ma hemmx lok għal tali sanzjoni jekk l-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa li tipprovdi r-ritorn malajr taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu qed jirrisjedu irregolarment. Kull miżura ta’ detenzjoni jew piena ta’ priġunerija li ma tiġix imposta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn iddewwem, fl-aħħar mill-aħħar, din il-proċedura.

50.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza El Dridi (21), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa jekk id-Direttiva 2008/115 kinitx tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ Stat terz li jirrisjedi irregolarment għas-sempliċi raġuni li huwa baqa’, mingħajr raġuni valida, fit-territorju Taljan, u dan bi ksur ta’ ordni ta’ tluq minn dak it-territorju f’terminu speċifiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, kienu jipprekludu, fil-fatt, tali leġiżlazzjoni (22).

51.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Achughbabian (23), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet mill-ġdid tiddetermina jekk id-Direttiva 2008/115 kinitx tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali (24), li kienet tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ Stat terz sempliċement minħabba l-irregolarità tad-dħul tiegħu jew tar-residenza tiegħu fit-territorju Franċiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat mill-ġdid li d-Direttiva 2008/115 kienet tipprekludi tali leġiżlazzjoni “sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment [irregolarment] fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni” (25). Fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ A. Achughbabian kienet taqa’ taħt tali każ.

52.      Skont ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ kawżi, il-priġunerija kellha mnejn tikkomprometti l-kisba tal-għan infittex mid-Direttiva 2008/115 u setgħet tipprekludi l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva u ddewwem l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn (26).

53.      Madankollu, fis-sentenza Achughbabian (27), il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li d-Direttiva 2008/115 ma kinitx tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi sanzjonijiet kriminali għal residenza irregolari “sa fejn tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita [mid-D]irettiva [2008/115] u li jirrisjedi illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu” (28).

54.      Sussegwentement, fis-sentenza Sagor (29), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju, mogħtija u eżegwita matul il-proċedura ta’ ritorn, “tista’ ddewwem u, għaldaqstant, tfixkel il-miżuri, bħall-ordni ta’ deportazzjoni u r-ritorn furzat permezz tal-ajru, li jikkontribwixxu għat-twettiq tat-tneħħija”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ proċeduri kriminali li jwasslu għal multa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali multa ma setgħetx tostakola l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 (30). Hija żiedet tgħid li “l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja bl-ebda mod ma tfixkel it-teħid u l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fl-osservanza kompleta tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2008/115 u lanqas ma tippreġudika l-istandards komuni fil-qasam ta’ privazzjoni tal-libertà previsti fl-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva” (31).

55.      Fl-aħħar nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Celaj (32), li fiha r-Repubblika Taljana xtaqet tapplika sanzjonijiet kriminali fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’residenza irregolari li għalih kienu ġew applikati l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti permezz tad-Direttiva 2008/115 sabiex tintemm l-ewwel residenza irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru u li kien daħal mill-ġdid fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali [kienu] distinti b’mod ċar minn dawk fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi El Dridi [(C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268)] […] u Achughbabian [(C‑329/11, EU:C:2011:807)]” (33) u li d-Direttiva 2008/115 “ma [kinitx] tipprekludi[...], bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment li, wara li rritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, jerġa’ jidħol mill-ġdid b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul” (34).

56.      Fil-qasir, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet żewġ sitwazzjonijiet li fihom id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix l-impożizzjoni ta’ priġunerija għal ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba l-irregolarità tar-residenza tiegħu, jiġifieri meta l-proċedura ta’ ritorn stabbilita permezz tad-Direttiva 2008/115 tkun ġiet applikata u ċ-ċittadin ikun irrisjeda irregolarment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (sitwazzjoni “Achughbabian”) u meta l-proċedura ta’ ritorn tkun ġiet applikata u l-persuna kkonċernata tidħol mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul (sitwazzjoni “Celaj”).

57.      Il-każ ta’ S. Affum ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, għaliex ma ġietx applikata proċedura ta’ ritorn fir-rigward tagħha (sitwazzjoni “Achughbabian”) u ma kien hemm l-ebda dħul mill-ġdid fit-territorju Franċiż (sitwazzjoni “Celaj”).

58.      Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li huwa possibbli li tiġi imposta fuqha piena ta’ priġunerija minħabba d-dħul irregolari fi Franza.

D –    Id-dħul irregolari fid-dawl tad-Direttiva 2008/115

1.      Il-leġiżlazzjoni Franċiża

59.      Wara s-sentenza Achughbabian tal-Qorti tal-Ġustizzja (35) u s-sentenza Mallah vs Franza, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (36), il-Gvern Franċiż, permezz tal-Liġi Nru 2012‑1560 (37), biddel ir-regoli tiegħu ta’ tneħħija tal-barranin f’sitwazzjoni irregolari. Fost l-oħrajn huwa emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu sabiex iħassar ir-reat ta’ residenza illegali u sabiex jistabbilixxi l-proċedura ta’ detenzjoni tal-barranin għal verifika tad-dritt tagħhom għal residenza. Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi żammew ir-reat ta’ dħul irregolari fil-każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri esterni (Artikolu L.621-2, 1°, taċ-Ceseda) u fil-każ ta’ moviment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bi ksur tal-kundizzjonijiet għall-moviment tal-barranin stabbiliti fil-KFS (Artikolu L.621-2, 2°, taċ-Ceseda).

60.      Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li “r-regoli rigward il-qsim tal-fruntieri esterni u rigward il-moviment taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz bejn l-Istati Membri ma jinsabux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2008/115]” (38).

61.      Fil-fatt, skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-imsemmija regoli “jirriżultaw, fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni mill-[…] Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen […] li jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ikkonstatat fil-fruntiera, jiġifieri fil-każ ta’ rifjut ta’ dħul fit-territorju, jew fil-każ ta’ arrest jew ta’ interċettazzjoni mal-qsim irregolari tal-fruntiera. Fir-rigward tan-nuqqasijiet mir-regoli previsti mill-[KFS], dwar il-moviment bejn l-Istati Membri, id-Direttiva [2008/115] tipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà għall-Istati Membri li ma jużawx miżura ta’ tneħħija iżda li jimplementaw il-mekkaniżmi ta’ ammissjoni mill-ġdid bejn Stati Membri, li għalihom ma hijiex applikabbli d-Direttiva [2008/115] kif fakkar l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Conseil d’État (CE, 27 ta’ Ġunju 2011, Ministeru tal-Affarijiet Interni c/Lassoued, Nru 350207)” (39).

62.      Minn dan l-awtoritajiet Franċiżi jikkonkludu li “dawn l-ipoteżijiet jinsabu fil-fatt barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li fuqha bbażat ruħha l-Cour de cassation u t-tħassir tar-regoli ta’ sanzjoni jmur kontra r-regoli Ewropej” (40).

2.      Is-sitwazzjoni ta’ S. Affum

63.      L-awtoritajiet Franċiżi jinvokaw, sabiex jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dispożizzjonijiet li ser nanalizza iktar ’il quddiem qabel ma nitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet previsti minn dawn iż-żewġ strumenti ma hija rilevanti f’dan il-każ.

a)      Fuq l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115

64.      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 u tissuġġerixxi li każ bħal dak fil-kawża prinċipali jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

65.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 japplika biss għall-fruntieri esterni, li l-fruntiera bejn il-Belġju u Franza tikkostitwixxi fruntiera interna u li S. Affum ġiet interċettata mal-ħruġ tagħha minn Franza fil-fruntiera esterna bejn Franza u r-Renju Unit.

66.      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 japplika għall-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kemm fil-mument tad-dħul kif ukoll fil-mument tal-ħruġ miż-żona Schengen.

67.      Sa fejn l-opinjoni tar-Repubblika Franċiża donnha, għaldaqstant, timplika li s-sitwazzjoni ta’ persuna li daħlet b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru minn fruntiera interna, iżda interċettata biss mal-ħruġ tagħha fil-fruntiera esterna tal-Istat Membru, hija koperta mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, jien ma naqbilx ma’ dan.

68.      Fil-fehma tiegħi, jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li huwa biss id-dħul irregolari li huwa kopert, għaliex inkella l-aħħar parti tal-frażi (“u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru”) tisfa mingħajr sens (41).

69.      F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ma tistax għaldaqstant tinvoka l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.

b)      Fuq l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115: is-sempliċi tranżitu bħala “residenza”

70.      Il-qorti tar-rinviju donnha għandha dubji dwar jekk il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa parti miż-żona Schengen ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni ta’ sempliċi tranżitu lejn Stat Membru ieħor li ma huwiex parti miż-żona Schengen taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

71.      Tali dubji ma humiex fondati.

72.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Id-definizzjoni ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]”, mogħtija mill-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, hija “l-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

73.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab f’autobus mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul huwa effettivament preżenti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni u jinsab f’residenza irregolari. Ma hijiex deċiżiva għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-irregolarità tar-residenza l-kwistjoni dwar jekk jinsabx fi tranżitu jew le.

c)      Fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115

74.      Bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jastjenu milli jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn jekk il-persuna kkonċernata tittieħed lura minn Stat Membru ieħor skont “ftehim jew arranġamenti bilaterali” eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

75.      Għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta diġà mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija tistabbilixxi biss il-possibbiltà tal-Istat Membru li jastjeni milli jieħu deċiżjoni ta’ ritorn, iżda bl-ebda mod ma tiddefinixxi, bil-kontra tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva ma jistax, kif donnu jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, ikollu l-effett li jirrendi l-intier tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 inapplikabbli għall-kawża prinċipali. Bil-kontra, Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115 jibqa’ marbut bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva u huwa obbligat jiżgura l-effettività prattika tad-Direttiva. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari rigward il-privazzjoni tal-libertà tal-persuni, tibqa’ applikabbli.

76.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115 jeħles, għaldaqstant, biss l-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu li jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ konsenja skont l-arranġament tikkostitwixxi waħda mill-miżuri previsti mill-imsemmija direttiva kif ukoll stadju ta’ tħejjija għal ritorn mit-territorju tal-Istati Membri tad-Direttiva 2008/115.

77.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kelma “bilaterali”, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115 li tinkludi arranġament bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ (42). Minkejja li ġie konkluż minn erba’ Stati Membri, dan l-arranġament iqis it-territorju tal-Benelux bħala territorju uniku. Għaldaqstant huwa assimilabbli għal ftehim bilaterali.

78.      Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, konformi mal-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 350 TFUE, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jipprekludux l-eżistenza u t-twettiq tal-unjonijiet reġjonali bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kif ukoll bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sa fejn l-għanijiet ta’ dawn l-unjonijiet reġjonali ma humiex ippreġudikati bl-applikazzjoni tat-Trattati.

79.      Jekk, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, it-Trattat FUE diġà jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-Benelux, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel l-istess fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115.

d)      Fuq l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

80.      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka wkoll l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li ma humiex punti ta’ qsim ta’ fruntiera jew f’ħinijiet li ma humiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti.

81.      Din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, għaliex S. Affum bl-ebda mod ma pprovat taqsam fruntiera f’postijiet li ma humiex punti ta’ qsim ta’ fruntiera jew f’ħinijiet li ma humiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti.

82.      Ma narax għalfejn, kif tissuġġerixxi r-Repubblika Franċiża, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata b’mod litterali u jiġu inklużi wkoll il-punti ta’ qsim ta’ fruntiera peress li l-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi preċiżament trattament differenti bejn il-qsim ta’ fruntiera fil-punti ta’ qsim ta’ fruntiera u fil-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti (paragrafu 1) u l-qsim ta’ fruntiera barra minn dawn il-punti u barra minn dawn il-ħinijiet (paragrafu 2). Fi kliem ieħor, ma narax raġuni ta’ natura teleoloġika li tista’ tipprekludi interpretazzjoni litterali u sistemika tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

83.      F’dan il-kuntest, nixtieq infakkar li persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma jkollhiex id-dritt li tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat hija għaldaqstant suġġetta għad-Direttiva 2008/115 (43).

84.      Għaldaqstant id-Direttiva 2008/115 hija applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ S. Affum. Kif diġà osservajt fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-każ tagħha ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2008/115 ma kinitx tipprekludi l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Konsegwentement, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. Affum ma tistax titqiegħed fi priġunerija sempliċement minħabba l-irregolarità tar-residenza tagħha fit-territorju Franċiż.

V –    Konklużjoni

85.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation bil-mod li ġej:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 6(3), 15 u 16 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’piena ta’ priġunerija meta din il-persuna tkun ġiet interċettata mal-ħruġ tagħha miż-żona Schengen fi fruntiera esterna ta’ dan l-Istat Membru, f’sitwazzjoni ta’ tranżitu bi provenjenza minn Stat Membru ieħor u tkun tista’ tittieħed lura minn dan l-Istat Membru ieħor b’applikazzjoni ta’ arranġament konkluż ma’ dan tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).


3 – Ara s-sentenzi El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268); Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807); u Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:640). Ara wkoll is-sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777), li kellha, fost oħrajn, bħala suġġett piena ta’ arrest domiċiljari.


4 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 85, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).


5 –      C‑329/11, EU:C:2011:807.


6 – Minkejja li l-kliem “żona Schengen” ma jintużax mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa sar kurrenti sabiex jiġu ddefiniti l-Istati Membri li huma parti minn dan il-kodiċi. F’dan il-kuntest, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tuża dan il-kliem. Ara, pereżempju, is-sentenzi ANAFE (C‑606/10, EU:C:2012:348, diversi punti u d-dispożittiv); Air Baltic Corporation (C‑575/12, EU:C:2014:2155, punt 67), kif ukoll T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 52).


7 – Dan l-artikolu sar l-Artikolu 79(2)(c) TFUE, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.


8 – Din il-proċedura kienet saret applikabbli wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/927/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li tipprovdi sabiex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta’ dak it-Trattat (ĠU L 153M, p. 485).


9 – Ara Baldaccini, A., “The return and removal of irregular migrants under EU law: an analysis of the Return Directive”, European Journal of Migration and Law, 2001, p. 1 sa 17, u b’mod partikolari p. 1.


10 – Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115.


11 – Inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi.


12 – Inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi.


13 – Kif ukoll l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom.


14 – Ara l-premessi 21 sa 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


15 – L-Artikoli 4 sa 19a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan it-titolu huwa maqsum f’ħames kapitoli, jiġifieri: il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul (Kapitolu I), il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul (Kapitolu II), persunal u riżorsi għall-kontrolli fuq il-fruntiera u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (Kapitolu III), regoli speċifiċi għall-verifiki fuq il-fruntiera (Kapitolu IV) u miżuri speċifiċi fil-każ ta’ nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni (Kapitolu IVa).


16 – Għandu jiġi indikat li, xi xhur wara l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie emendat eżattament biex tiġi ċċarata r-rabta mad-Direttiva 2008/115. Ara l-Artikolu 1(11) tar-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jemenda r-Regolament Nru 562/2006, il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, p. 1).


17 – Artikoli 15 sa 18 tad-Direttiva 2008/115.


18 – Ara, għal iktar dettalji, il-punti 46 sa 55 tat-teħid ta’ pożizzjoni tiegħi fil-Kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936).


19 – Ara l-punt 47 tat-teħid ta’ pożizzjoni tiegħi fil-Kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936). Ara, ukoll, il-punt 35 tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:205); punt 54 tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553), kif ukoll il-punt 91 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C 514/13, EU:C:2014:295).


20 – Ara l-punt 47 tal-opinjoni tiegħi fil-Kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936). Fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat ruħha fl-istess sens (ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Quinn vs Franza, 22 ta’ Marzu 1995, serje A, Nru 311, § 42, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Kaya vs Ir‑Rumanija Nru 33970/05, § 16, 12 ta’ Ottubru 2006).


21 – C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268.


22 – Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 62 u d-dispożittiv).


23 – C‑329/11, EU:C:2011:807.


24 – L-ex Artikolu 621-1 taċ-Ceseda.


25 – Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50 u l-ewwel inċiż tad-dispożittiv).


26 – Ara s-sentenzi El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59) u Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 45). Għal analiżi tal-konsegwenzi ta’ dawn iż-żewġ kawżi għal leġiżlatur nazzjonali fil-qasam kriminali, ara Mitsilegas, V., The Criminalisation of Migration in Europe, Springer, 2015, p. 57 sa 76.


27 – C‑329/11, EU:C:2011:807.


28 – Punti 48 u 50 kif ukoll it-tieni inċiż tad-dispożittiv. Fil-fehma tiegħi, minkejja li dan it-test jagħmel ukoll parti mid-dispożittiv tas-sentenza, huwa għandu biċ-ċar in-natura ta’ obiter dictum, peress li ma huwa bl-ebda mod marbut mal-fatti tal-kawża inkwistjoni u jirreferi għal sitwazzjoni ipotetika.


29 – C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 45.


30 – Punt 36.


31 – Punt 36.


32 – C‑290/14, EU:C:2015:640.


33 – Sentenza Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:640, punt 28).


34 – Punt 33 u d-dispożittiv.


35 – C‑329/11, EU:C:2011:807.


36 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Mallah vs Franza, Nru 29681/08, 10 ta’ Novembru 2011. F’din il-kawża, ċittadin Marokkin, ikkundannat talli laqa’ f’daru r-raġel ta’ bintu, kompatrijott f’sitwazzjoni irregolari, kien sostna li l-kundanna tiegħu kienet tikkostitwixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, indħil sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Huwa biss minħabba li l-persuna kkonċernata nħelset minn piena li l-Qorti ta’ Strasbourg qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma kinux inkisru. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Franċiż estenda l-kamp tal-immunitajiet minn ġurisdizzjoni kriminali previsti fl-Artikolu L. 622‑4 għar-reat ta’ għajnuna għad-dħul u għar-residenza irregolari. Ara l-punt 2.2 tal-istudju ta’ impatt tal-21 ta’ Settembru 2012 tal-abbozz ta’ liġi dwar it-tibdil tad-dispożizzjonijiet leġiżlattiv rigward it-tneħħija tal-barranin f’sitwazzjoni irregolari, disponibbli fl-indirizz internet http://www.senat.fr/leg/etudes-impact/pjl11-789-ei/pjl11-789-ei.html.


37 – Liġi disponibbli fl-indirizz internet http://www.legifrance.gouv.fr/eli/loi/2012/12/31/INTX1230293L/jo/texte.


38 – Abbozz ta’ liġi dwar id-detenzjoni sabiex issir il-verifika tad-dritt ta’ residenza u li temenda r-reat ta’ għajnuna għar-residenza irregolari sabiex teskludi minnu l-azzjonijiet umanitarji u diżinteressati, irreġistrat fil-Presidenza tas-Senat fit-28 ta’ Settembru 2012, disponibbli fl-indirizz internet http://www.senat.fr/leg/pjl11-789.pdf, p. 6.


39 – Ibidem (p. 6).


40 – Ibidem (p. 6).


41 – Barra minn hekk, jekk jiġi segwit b’mod sħiħ ir-raġunament tar-Repubblika Franċiża, is-sitwazzjoni ta’ persuna, li tkun daħlet b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru minn fruntiera interna u li tiġi interċettata mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru mhux fil-fruntiera esterna iżda xi mkien ieħor fit-territorju tiegħu tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2008/115. Ma naħsibx li huwa koerenti li tiġi ttrattata b’mod differenti persuna fis-sitwazzjoni ta’ S. Affum.


42 – Arranġament bejn il-Gvernijiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Renju tal-Belġju u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn naħa, u l-Gvern tal-Repubblika Franċiża, min-naħa l-oħra, rigward it-teħid ta’ responsabbiltà għal persuni fil-fruntieri komuni bejn l-Istati tal-Benelux u Franza. It-test ta’ dan l-arranġament huwa disponibbli fl-indirizz internet http://wetten.overheid.nl/BWBV0004480/geldigheidsdatum_06-08-2014.


43 – Ara, ukoll, il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.