Language of document : ECLI:EU:C:2024:569

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport – Trasport bit-triq – Direttiva 2014/31/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Strumenti tal-użin mhux awtomatiċi għall-kejl tal-piż tal-vetturi – Użu tal-istrumenti tal-użin għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura kriminali”

Fil-Kawża C‑283/23 [Marhon] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2023, fil-proċeduri kriminali kontra

FB,

JL Sàrl

fil-preżenza ta’:

Procureur du Roi près le tribunal de première instance d’Eupen,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tas-Sitt Awla, u I. Ziemele, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Flett u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-punt 3 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU 2014, L 96, p. 107).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra FB u JL Sàrl, fir-rigward ta’ żewġ reati li FB allegatament wettaq talli saq vettura ta’ trasport, proprjetà ta’ JL, li taqbeż il-piż massimu awtorizzat.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 4, 5 u 47 tad-Direttiva 2014/31 jiddikjaraw:

“(4)      Din id-Direttiva tkopri l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi koperti b’din id-Direttiva huma dak li jkunu ġodda għas-suq tal-Unjoni meta jitqiegħdu fis-suq; jiġifieri, jew ikunu strumenti tal-użin mhux awtomatiċi ġodda magħmula minn manifattur stabbilit fl-Unjoni [Ewropea], inkella jkunu strumenti tal-użin mhux awtomatiċi, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk użati, importati minn pajjiż terz.

(5)      L-Istati Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jipproteġu l-pubbliku minn riżultati mhux korretti ta’ operazzjonijiet ta’ użin permezz ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn jiġu użati għal ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet.

[...]

(47)      Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat li l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi fis-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni interessi pubbliċi koperti minn din id-Direttiva, waqt li jiġi garantit il-funzjonament tas-suq intern, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ambitu”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istrumenti tal-użin kollha mhux awtomatiċi.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ użu ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi li ġejjin:

[...]

(b)      id-determinazzjoni tal-massa għall-kalkolu ta’ nollijiet, tariffi, taxxa, bonus, pieni, rimunerazzjoni, indennità jew tip simili ta’ pagament;

(c)      id-determinazzjoni tal-massa għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew tar-regolamenti jew għal opinjoni esperta mogħtija fi proċeduri tal-qorti;

[...]

(g)      l-applikazzjonijiet kollha għajr dawk elenkati f’punti (a) sa (f).”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘strument tal-użin’ tfisser strument tal-kejl li jservi sabiex jiddetermina l-massa ta’ oġġett billi juża l-azzjoni tal-gravità fuq dak l-oġġett. Strument tal-użin jista’ jservi wkoll biex jiddetermina daqsijiet, kwantitajiet, parametri jew karatteristiċi oħra li huma relatati mal-massa;

(2)      ‘strument tal-użin mhux awtomatiku’ jew ‘strument’ tfisser strument tal-użin li għandu bżonn l-intervent ta’ operatur waqt l-użin;

(3)      ‘tagħmel disponibbli fis-suq’ tfisser kwalunkwe provvista ta’ strument għad-distribuzzjoni, jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(4)      ‘tqegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel darba li strument isir disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

[...]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “ Id-disponibbiltà fis-suq u dħul fis-servizz”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu kull pass meħtieġ sabiex jiżguraw illi huma biss dawk l-istrumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva li jistgħu jsiru disponibbli fis-suq.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istrumenti ma jistgħux jiddaħħlu fis-servizz għall-użi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2) jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw li l-istrumenti li jiddaħħlu fis-servizz għall-użi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2) jkomplu jkunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/31, intitolat “Rekwiżiti essenzjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istrumenti użati jew maħsuba biex jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2) għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I.”

 Iddritt Belġjan

8        L-Artikolu 1 tal-arrêté royal du 12 octobre 2010 relatif à l’approbation, à la vérification et à l’installation des instruments de mesure utilisés pour surveiller l’application de la loi relative à la police de la circulation routière et des arrêtés pris en exécution de celle-ci (id-Digriet Irjali tat‑12 ta’ Ottubru 2010 dwar l-Approvazzjoni, il-Verifika u l-Installazzjoni tal-Istrumenti tal-Kejl Użati sabiex Tiġi Ssorveljata l-Applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Pulizija tat-Traffiku u tad-Digrieti Adottati Taħtha (Moniteur belge tal‑25 ta’ Ottubru 2010, p. 63130, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑2010”), jipprevedi:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet oħra dwar strumenti speċifiċi, dan id-digriet japplika għall-istrumenti li jintużaw sabiex tiġi ssorveljata l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Pulizija tat-Traffiku, ikkoordinata fis‑16 ta’ Marzu 1968 u tad-digrieti adottati taħtha, u li jagħmlu miżuri, direttament jew indirettament, imsemmija ‘strumenti’ f’dan id-digriet.”

9        L-Artikolu 1 tal-arrêté royal du 12 avril 2016 relatif aux instruments de pesage à fonctionnement non automatique (id-Digriet Irjali tat‑12 ta’ April 2016 dwar l-Istrumenti tal-Użin Mhux Awtomatiċi) (Moniteur belge tad‑19 ta’ April 2016, p. 26487), intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan id-digriet jittrasponi d-[Direttiva 2014/31].”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

10      Fit‑28 ta’ Frar 2019, f’Saint‑Vith (il-Belġju), il-pulizija Belġjana wettqet spezzjoni ta’ vettura għat-trasport tal-injam, proprjetà ta’ JL.

11      L-operazzjoni tal-użin imwettqa mill-pulizija waqt din l-ispezzjoni (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni ta’ użin”) uriet li l-piż ta’ din il-vettura kien jaqbeż bil-kbir il-piż massimu awtorizzat ta’ 20 856 kilogramma.

12      Konsegwentement, FB, is-sewwieq tal-vettura, ġie mħarrek quddiem it-tribunal de police d’Eupen, section de Saint-Vith (il-Qorti għall-Kontravvenzjonijiet ta’ Eupen, Sezzjoni ta’ Saint‑Vith, il-Belġju) talli, minn naħa, ittrasporta oġġetti bit-triq permezz ta’ vettura li l-piż totali tagħha kien jeċċedi dak awtorizzat u, min-naħa l-oħra, talli, bħala trasportatur ta’ merkanzija, ta struzzjonijiet jew wettaq atti li wasslu sabiex jinqabżu l-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi awtorizzati. JL, il-kumpannija li timpjega lil FB, tħarrket bħala ċivilment responsabbli.

13      Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, dik il-qorti lliberat lil FB, minħabba li l-biljetti tal-piż relatati mal-operazzjoni ta’ użin la kien fihom l-indikazzjoni tal-persuna li wettqet din l-operazzjoni u lanqas l-indikazzjoni tat-trade mark u tan-numru tas-serje tal-istrument tal-użin użat, b’tali mod li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk dawn il-biljetti kinux effettivament jirreferu għal dan l-istrument.

14      Adita b’appell ippreżentat mill-procureur du Roi (Belgique) (il-Prosekutur tar-Re, il-Belġju) minn dik is-sentenza, it-tribunal de première instance d’Eupen, chambre correctionnelle (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Eupen, Awla Kriminali, il-Belġju) ċaħdet, minn naħa, l-argument ta’ FB u ta’ JL li l-operazzjoni ta’ użin kienet twettqet bi ksur tad-Digriet Irjali tal‑2010.

15      Min-naħa l-oħra, dik il-qorti qieset li l-imsemmija operazzjoni ma kinitx irregolata mid-Digriet Irjali tal‑2010, iżda mir-regola li tittrasponi id-Direttiva 2014/31 fid-dritt Belġjan, jiġifieri d-Digriet Irjali tat‑12 ta’ April 2016 dwar l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, l-imsemmija qorti, fost oħrajn, ikkundannat lil FB iħallas multa u jċedi d-dritt li jsuq kwalunkwe vettura bil-mutur għal perijodu ta’ tliet xhur.

17      Adita bl-appell ippreżentat minn FB u JL minn din is-sentenza, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, tirrileva li, sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom kellha titwettaq l-operazzjoni ta’ użin, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/31 u, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk, kif sostnew FB u JL quddiem il-qorti tal-appell, din id-direttiva tapplikax biss għall-operazzjonijiet ta’ użin li jitwettqu fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali tal-utent tal-istrument tal-użin mhux awtomatiku inkwistjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/31 jipprevedi, fil-punt (c) tiegħu, li din id-direttiva hija applikabbli, b’mod partikolari, għad-“determinazzjoni tal-massa għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew regolamenti” u, fil-punt (g) tagħha, għall-“applikazzjonijiet kollha minbarra dawk elenkati fil-punti (a) sa (f)”. B’hekk, peress li l-użu tal-istrument tal-użin mhux awtomatiku inkwistjoni jidher li jaqa’ taħt wieħed minn dawn l-oqsma, din id-dispożizzjoni tidher li tindika li l-operazzjoni ta’ użin taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

19      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tisħaq li l-Artikolu 3(2) u (3) tal-istess direttiva, meta jirreferi għat-tqegħid fis-servizz ta’ dawn l-istrumenti tal-użin u għar-rekwiżiti li għandhom ikomplu josservaw minn dak il-mument ’il quddiem, ma jipprevedix li dawn għandhom tabilfors jintużaw fil-kuntest ta’ attività kummerċjali tal-utent tagħhom.

20      Min-naħa l-oħra, it-titolu tad-Direttiva 2014/31 jissuġġerixxi interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, inkwantu dan jirreferi għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-“tqegħid fis-suq” tal-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi. Tali riferiment jidher li jindika li din id-direttiva tapplika biss fil-kuntest ta’ attività kummerċjali tal-utent ta’ dawn l-istrumenti.

21      Bl-istess mod, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-kliem tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda l-obbligi tal-Istati Membri huma u jqiegħdu dawn l-istrumenti fis-suq, jiffavorixxi a priori tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/31. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, imsemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, tindika li dan tal-aħħar għandu jinftiehem fil-kuntest ta’ attività kummerċjali tal-utent ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1, il-punt 3 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2014/31] huma applikabbli għall-użu, mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, ta’ strumenti ta’ użin mhux awtomatiċi sabiex jiġi mkejjel il-piż tal-vetturi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ liġi jew ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, punibbli kriminalment, u li, bħall-punt 1 tal-Artikolu 41(3) u l-punt 1 tal-Artikolu 43(3) tal-Liġi tal‑15 ta’ Lulju 2013 dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq u li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE u li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija [(Moniteur belge tat‑18 ta’ Frar 2014, p. 13108)], u l-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-punt 4 tal-Artikolu 35 tad-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Mejju 2014 dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq [(Moniteur belge tal‑15 ta’ Lulju 2014, p. 53667)], jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi li l-piż tagħhom jaqbeż il-piż massimu awtorizzat?”

 Fuq iddomanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tfittex li tikseb kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/31. Dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din id-direttiva tapplikax meta strumenti tal-użin mhux awtomatiċi ma jintużawx minn operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ attività kummerċjali iżda jintużaw minn awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija sabiex jitkejjel il-piż ta’ vettura għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp kriminali.

24      Għalkemm l-imsemmija qorti qiegħda tfittex, permezz ta’ din id-domanda, l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ din tal-aħħar.

25      Konsegwentement, id-domanda preliminari għandha tiġi rriformulata fis-sens li hija qiegħda tfittex li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn l-istrumenti jintużaw, mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, sabiex jitkejjel il-piż ta’ vettura għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp kriminali.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Citadeles nekustamie īpašumi, C‑22/23, EU:C:2024:327, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31 tiddefinixxi b’mod wiesa’ ħafna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Effettivament, skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva għandha tapplika “għall-istrumenti tal-użin kollha mhux awtomatiċi”.

28      B’hekk, la l-użu li għalih huwa maħsub strument tal-użin mhux awtomatiku u lanqas il-fatt li l-utent tiegħu huwa awtorità ġudizzjarja jew tal-pulizija ma jidhru, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li jikkostitwixxu fatturi rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istrument inkwistjoni jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

29      Tali konstatazzjoni hija, fit-tieni lok, ikkorroborata mill-eżami tal-kuntest tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31, kif ukoll mill-għan ta’ din tal-aħħar.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu l-kunċett ta’ “strument tal-użin mhux awtomatiku” billi jirreferu, b’mod partikolari, għall-funzjoni ta’ dawn l-istrumenti, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-modi kif jintużaw u l-oqsma li fihom jintużaw dawn tal-aħħar.

31      It-tieni nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/31 telenka, fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2) tagħha, diversi oqsma li fihom jintużaw l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi.

32      Fost l-oqsma msemmija f’dan l-Artikolu 1(2) hemm, fil-punt (b), il-kejl tal-piż għall-kalkolu ta’ tariffa tat-triq, ta’ tariffa, ta’ taxxa, ta’ primjum, ta’ multa, ta’ remunerazzjoni, ta’ kumpens jew ta’ tariffa ta’ tip simili kif ukoll, fil-punt (c), l-kejl tal-piż għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ regolamenti.

33      Madankollu, l-użu ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt wieħed minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ użu li jissemmew b’mod espliċitu mid-Direttiva 2014/31.

34      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(g) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi kategorija residwa ta’ oqsma ta’ użu ta’ tali strument, billi jirreferi għall-“applikazzjonijiet kollha għajr dawk elenkati f’punti (a) sa (f)” ta’ dan l-Artikolu 1(2). Dan ifisser li anki fejn strument tal-użin mhux awtomatiku jkun maħsub sabiex jintuża għal skopijiet oħra għajr dawk li jissemmew fil-punti (a) sa (f) tal-imsemmi Artikolu 1(2), dan l-istrument jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

35      It-tielet nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istrumenti mqiegħda fis-servizz għall-użijiet elenkati fl-Artikolu 1(2)(a) sa (f) tad-Direttiva 2014/31, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex dawn l-istrumenti jibqgħu konformi mar-rekwiżiti applikabbli tal-imsemmija direttiva.

36      Issa, mill-analiżi tad-Direttiva 2014/31 jirriżulta li din tal-aħħar ma teħtieġx li l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi, wara li jitqiegħdu fis-servizz, jintużaw għal finijiet kummerċjali.

37      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan tad-Direttiva 2014/31, mill-premessa 47 tagħha jirriżulta li dan tal-aħħar huwa li jiġi żgurat li l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi li jinsabu fis-suq ikunu konformi ma’ rekwiżiti li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi ggarantiti minn din id-direttiva.

38      Issa, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, użu ta’ dawn l-istrumenti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, taħt l-oqsma ta’ użu li l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu. B’hekk, il-possibbiltà li dawn l-istrumenti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva għas-sempliċi raġuni li jkunu ntużaw minn awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ natura kriminali, timplika li dawn l-istrumenti, f’wieħed minn dawn l-oqsma ta’ użu, jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr ma jkunu konformi mar-rekwiżiti intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, liema protezzjoni d-Direttiva 2014/31 tfittex li tilħaq, u jistgħu, minħabba f’hekk, iqiegħdu f’perikolu l-imsemmija interessi.

39      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn l-istrumenti jintużaw, mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, sabiex jitkejjel il-piż ta’ vettura għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp kriminali.

 Fuq lispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-direttiva tapplika għall-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn l-istrumenti jintużaw, mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, sabiex jitkejjel il-piż ta’ vettura għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp kriminali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.