Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Mejju 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-303/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u A. Spina, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi teskludi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma humiex Taljani u li ma jkollhomx l-intenzjoni jistabbilixxu ruħhom fl-Italja mill-iskema ta’ taxxa b’rata mnaqqsa fir-rigward tal-akkwist tal-ewwel abitazzjoni tagħhom, li ma tkunx abitazzjoni lussuża, fit-territorju Taljan, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 u 63 TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Rata mnaqqsa tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni dovuta mal-akkwist fl-Italja ta’ proprjetà immobbli intiża li sservi bħala abitazzjoni (imsejħa “abitazzjoni ewlenija”) hija applikata taħt ċerti kundizzjonijiet, li jinkludu l-kundizzjoni li l-proprjetà tkun tinsab fit-territorju muniċipali li fih il-persuna taxxabbli tirrisjedi jew għandha l-intenzjoni tistabbilixxi r-residenza tagħha fi żmien 18-il xahar mill-akkwist tal-proprjetà immobbli. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tnaqqis fiskali, din il-kundizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni kemm għaċ-ċittadini Taljani u kemm għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors, tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ fir-rigward biss taċ-ċittadini ta’ nazzjonalità Taljana li, minħabba raġunijiet marbuta ma’ xogħol, jgħixu barra mill-pajjiż.

Skont il-Kummissjoni, meta tipprovdi, għall-finijiet tat-tnaqqis fiskali, li ċ-ċittadinanza Taljana tal-persuni taxxabbli hija l-fattur determinanti li jwassal għad-distinzjoni bejn ċittadini Taljani u ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li hija pprojbita fl-Artikolu 18 TFUE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru min-naħa ta’ persuna mhux residenti jikkostitwixxi investiment fi proprjetà immobbli li jaqa’ fil-kategorija tal-movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri, it-trattament preferenzjali mogħti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru u previst fil-leġizlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-kapital li hija pprojbita fl-Artikolu 63(1) TFUE u li ma tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament fuq il-bażi tal-Artikolu 65(1) u (3) TFUE.

____________