Language of document :





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014 — Eurallumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑308/11)

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Tariffa preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Għajnuna ġdida”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Stħarriġ ġudizzjarju (Artikoli 107(1) TFUE u 296 TFUE) (ara l-punti 32, 43-45, 48, 50, 51)

2.                     Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu (Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE) (ara l-punti 33, 36)

3.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Assenza salv għal ċirkustanzi eċċezzjonali (Artikoli 107(1) TFUE u 108 TFUE) (ara l-punti 58-62)

4.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Kriterji ta’ evalwazzjoni (Artikolu 107(1) TFUE) (ara l-punti 66-71)

5.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni (Artikolu 107(1) TFUE) (ara l-punti 72-80)

6.                     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE — Għajnuna għat-tħaddim — Esklużjoni (Artikolu 107(3)(ċ) TFUE; Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 98/C 74/06) (ara l-punti 84-86)

7.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ diliġenza — Proċedura amministrattiva (ara l-punt 100)

Suġġett

Prinċipalment, talba għall-annullament, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/746/UE, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lil Portovesme Srl, ILA SpA, Eurallumina SpA u Syndial SpA (Miżuri ta’ għajnuna mill-Istat C 38/B/04 (ex NN 58/04) u C 13/06 (ex N 587/05) (ĠU L 309, p. 1), sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjoni, u dan tal-aħħar sa fejn hemm ordnat il-ħlas lura tal-għajnuna li kienet ingħatat lir-rikorrenti, u, b’mod iktar sussidjarju, talba għall-annullament tal-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, dejjem f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Eurallumina SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.