Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske (il-Kroazja) fid-9 ta’ Jannar 2024 – Proċeduri kriminali kontra D. d.o.o., Županijskog državnog odvjetništva u Zagrebu

(Kawża C-8/24, D. d.o.o)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Visoki kazneni sud Republike Hrvatske

Partijiet fil-proċeduri prinċipali

D. d.o.o.

Županijsko državno odvjetništvo u Zagrebu

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “proċedura marbuta ma’ reat kriminali li tista’ twassal għall-konfiska ta’ proprjetà anki mingħajr kundanna finali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska 1 , ikopri proċedura kriminali li tintemm b’sentenza ta’ ħelsien mill-akkuża?

Il-kunċett ta’ “proċedura marbuta ma’ reat kriminali li tista’ twassal għall-konfiska ta’ proprjetà anki mingħajr kundanna finali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/1805, ikopri wkoll proċedura kriminali li tintemm b’sentenza ta’ ħelsien mill-akkuża marbuta ma’ deċiżjoni ta’ konfiska ta’ proprjetà bħala rikavat illegali miksuba minn reat kriminali differenti mir-reat kriminali li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat is-sentenza ta’ ħelsien mill-akkuża u li fih ma jkunux ipparteċipaw l-akkużati iżda persuni oħra li kontrihom ma jkunx inħareġ att ta’ akkuża?

Imur kontra r-Regolament 2018/1805, kontra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2018/1805, u kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ konfiska mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li fiha l-persuna affettwata, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/1805,

ma tkunx issejħet biex tipparteċipa fil-fażijiet kollha tal-proċedura kriminali;

ma tkunx ġiet informata bid-dritt li jkollha aċċess għal avukat matul il-proċedura kollha;

ma tkunx ingħatat it-test sħiħ tas-sentenza bid-deċiżjoni ta’ konfiska b’lingwa li hija tifhem, iżda tkun irċeviet biss estratti minnha, u tkunx ma appellat mis-sentenza kif innotifikata lilha?

____________

1     ĠU 2018, L 303, p. 1.