Language of document : ECLI:EU:T:2007:107

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

18 ta' April 2007 (*)

"Kuntratti pubbliċi għal għoti ta' servizzi – Sejħa għal offerti relatata ma' attivitajiet ta' evalwazzjoni ta' programmi u attivitajiet oħra fil-qasam tas-saħħa pubblika – Ċaħda ta' offerta – Kunflitt ta' interess"

Fil-kawża T‑195/05

Deloitte Business Advisory NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Van Heuven, S. Ronse u S. Logie, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u E. Manhaeve, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba ta' annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta ta' Euphet għall-kuntratt pubbliku intitolat "Kuntratt ta' qafas dwar l-evalwazzjoni fl-oqsma ta' azzjoni politika tad-[direttorat ġenerali ‘Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi’], il-lott Nru 1 (saħħa pubblika) – sejħa għal offerti SANCO/2004/01/041" u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tat il-kuntratt in kwistjoni lil terz,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-għoti tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi mill-Kummissjoni huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V ta’ l-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju"), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-regolament finanzjarju (ĠU L 357, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"regoli dettaljati għall-implementazzjoni").

2        Skond l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju:

"Il-kuntratti pubbliċi kollha ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit Komunitarju għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta' trasparenza, ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali u ta' non diskriminazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju :

"Huma esklużi mill-għoti ta' kuntratt, il-kandidati jew l-offerenti li, waqt il-proċedura ta' għoti ta' dan il-kuntratt:

a)      għandhom kunflitt ta' interess […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skond l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju :

"Waqt il-proċedura ta' għoti ta' kuntratti, il-kuntatti bejn l-awtorità li qed tagħti l-kuntratt u l-kandidati jew l-offerenti ma jistgħux isiru ħlief taħt il-kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trasparenza u t-trattament ugwali Huma ma jistgħux iwasslu għall-emenda tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, u lanqas għal dik tat-termini ta' l-offerta inizjali. " [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 138 tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi :

"1.      Appalti jingħataw b'wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

(a)      skond il-proċedura ta' għoti awtomatiku, li f'dan il-każ l-appalt jingħata lill-offerta, li filwaqt li tkun tajba u li tissodisfa l-kundizzjonijiet preskritti, tkun l-irħas;

(b)      skond il-proċedura ta' l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu.

2.      L-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu tkun dik bl-aqwa relazzjoni bejn prezz u kwalità, billi jitqiesu l-kriterji ġġustifikati mis-suġġett ta' l-appalt, bħalma huma' l-prezz mitlub, merti tekniċi, karatteristiċi funzjonali u estetiċi, karatteristiċi ambjentali, spejjeż biex jitħaddem, kemm idum biex iħalli qligħ u dewmien ta' konsenja, servizzi ta' wara l-bejgħ u għajnuna teknika […]"


6        Skond l-Artikolu 146(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni:

"Talbiet għall-parteċipazzjoni u offerti li ma jissodisfawx il-ħtiġiet essenzali kollha stabbiliti fid-dokumentazzjoni ta' sostenn tas-sejħa biex isiru l-offerti jew il-ħtiġiet speċifiċi preskritti fihom ikunu eliminati.

Madankollu l-kumitat ta' evalwazzjoni jista' jitlob lill-kandidati jew lil dawk li jagħmlu l-offerti biex jagħtu iktar materjal jew biex jikkjarifikaw id-dokumenti ta' sostenn mogħtija f'konnessjoni mal-kriterji ta' eskluzjoni u għażla, f'limitu ta' żmien speċifikat […]."

7        L-Artikolu 147(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni jistabbilixxu:

"L-awtorità ta' l-appalti imbagħad tiddeċiedi u tagħti mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)      l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità ta' l-appalti, u s-suġġett u l-valur ta' l-appalt jew ta' l-appalt ta' qafas;

(b)      l-ismijiet tal-kandidati jew ta' dawk li tefgħu l-offerti li ma ntagħżlux u għalfejn ma ntagħżlux;

(ċ)      l-ismijiet tal-kandidati jew ta' dawk li tefgħu l-offerti li se jkunu eżaminati u għalfejn intagħżlu;

(d)      ir-raġunijiet għalfejn ma ntagħżlux l-offerti li kienu abnormalment baxxi;

(e)      l-ismijiet tal-kandidati jew appaltatur magħżul u għalfejn saret dik l-għażla b'referenza għall-kriterji ta' l-għażla u ta' l-għoti imħabbrin minn qabel u, jekk magħrufa, il-proporzjon ta' l-appalt jew ta' l-appalt ta' qafas li l-appaltatur bi ħsiebu jgħaddi lil partijiet terzi.

(f)      fil-każ tal-proċeduri nnegozjati, fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikoli 126, 127, 242, 246 u 247 li jiġġustifikaw l-użu tagħhom;

(g)      fejn xieraq, għalfejn l-awtorità ta' l-appalti iddeċidiet li ma tagħtix appalt."

8        L-Artikolu 148(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

"Jekk wara li jinfetħu l-offerti tinħtieġ xi kjarifika f'konnessjoni ma' offerta, jew jekk iridu jkunu rranġati xi żbalji klerikali ovvji, l-awtorità ta' l-appalti tista' tikkuntattja lil min ikun tefa' l-offerta, għalkemm kuntatt ta' dan it-tip ma jibdel xejn mit-termini ta' l-appalt. "

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Fl-14 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni ppubblikat fis-Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunita Ewropea (ĠU 2004, S 243) avviż ta' kuntratt għall-għoti ta' kuntratt ta' qafas intitolat "Kuntratt ta' qafas dwar l-evalwazzjoni ta' l-oqsma ta' azzjoni politika tad-[direttorat ġenerali ‘Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi’], lott Nru 1 (saħħa pubblika) – sejħa għal offerti SANCO/2004/01/041" (iktar 'il quddiem il-"kuntratt ta' qafas").

10      Jirriżulta mill-punti 7.1.3 u 7.1.4 ta' l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-proċedura ta' sejħa għal offerti (iktar 'il quddiem l-"ispeċifikazzjonijiet") li l-kuntratt ta' qafas għandu jirrigwarda, b'mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika stabbilita mid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1786/2002/KE, tat-23 ta' Settembru 2002, li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (ĠU L 271, p. 1).

11      L-ispeċifikazzjonijiet jaqsmu l-kompiti li għandhom jitwettqu sabiex jiġi implementat il-kuntratt ta' qafas f'żewġ kompiti prinċipali. L-ewwel kompitu (kompitu prinċipali Nru 1) jikkonsisti fit-twettiq ta' ċerti studji u fil-provvista ta' ċerti servizzi bil-għan tal-ħolqien u tat-tħejjija ta' programmi ta' linji ta' politika komunitarji, ta' l-evalwazzjoni tagħhom ex ante, kif ukoll ta' l-"organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' evalwazzjoni". Kompitu ieħor (kompitu prinċipali Nru 2) jikkonsisti fit-twettiq ta' evalwazzjonijiet intermedji, finali u ex post ta' programmi, ta' linji ta' politika u ta' attivitajiet oħra. Skond l-ispeċifikazzjonijiet, il-kuntratt ta' qafas għandu wkoll jippermetti l-konklużjoni ta' kuntratti speċifiċi skond il-bżonnijiet tal-Kummissjoni. Dan għandu jiġi konkluż, bħala regola ġenerali, għal tul ta' żmien ta' 24 xahar li jista' jiġi mtawwal, għal darbtejn, kull darba għal perijodu ta' 12-il xahar.

12      L-ispeċifikazzjonijiet jinkludu, barra dan, diversi motivi espliċiti ta' esklużjoni ta' l-offerenti.

13      Motiv ta' esklużjoni, li jinsab fil-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, li jirrepeti l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, jgħid hekk :

"Huma esklużi mill-għoti ta' kuntratt, il-kandidati jew l-offerenti li, waqt il-proċedura ta' għoti ta' dan il-kuntratt :

a)      għandhom kunflitt ta' interess […]" 

14      Sabiex tippreżenta offerta għall-kuntratt in kwistjoni, ir-rikorrenti, Deloitte Business Advisory NV, iffurmat konsorzju mal-London School of Hygiene and Tropical Medicine (Skola ta' iġjene u ta' mediċina tropikali ta' Londra), man-Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuurwetenschappelijk onderzoek (Organizzazzjoni Olandiża għar-riċerka xjentifika applikata, TNO) u ma' l-Istituto superiore di sanità (Institut superjuri tas-Saħħa Taljan) għall-evalwazzjoni tas-saħħa pubblika Ewropea (European Public Health Evaluation Task Force, iktar 'il quddiem l-"Euphet"), bl-għajnuna ta' entitajiet oħra bħalma huma l-Karolinska Institutet (Ċentru ta' riċerka u ta' edukazzjoni medika Żvediż). Ir-rikorrenti taġixxi bħala rappreżentant legali ta' dan il-grupp.

15      Fl-10 ta' Frar 2005, l-Euphet ressqet offerta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għal offerti. L-offerta ta' Euphet tinkludi paragrafu, intitolat "Indipendenza ", li jgħid hekk:

"L-Euphet tinkludi u taċċetta li ebda waħda mill-organizzazzjonijiet ta' evalwazzjoni jew ebda wieħed mill-aġenti tagħha m'għandu jkollhom l-inqas kunflitt ta' interess, attwali jew potenzjali, fit-twettiq tal-kompitu tagħhom fl-implementazzjoni tal-kuntratt ta' qafas. Aħna nikkonfermaw li l-parteċipanti kollha ta' Euphet huma kompletament indipendenti mill-Kummissjoni u li aħna ma nipprevedu ebda riskju attwali f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, aħna nimpenjaw ruħna sabiex isir kontroll dettaljat minn qabel fir-rigward ta' kull kuntratt speċifiċiku sabiex jiġi garantit li l-gruppi li aħna nissuġġerixxu jkunu magħmula minn membri li jistgħu jaħdmu f'indipendenza sħiħa u li jistgħu jipprovdu evalwazzjoni oġġettiva, esterna u indipendenti. Jekk, waqt l-implementazzjoni tal-proġetti, tqum l-iċken problema li tista' taffettwa dan il-prinċipju importanti, aħna ninfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament u nfittxu soluzzjoni bi qbil magħha." 

16      B'ittra tat-22 ta' April 2005, il-Kumissjoni informat lil Euphet li l-offerta tagħha ġiet miċħuda, peress li l-kumitat ta' evalwazzjoni tal-kuntratt sab li kien hemm riskji ta' kunflitt ta' interess fi ħdan Euphet (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ċaħda"). Fid-deċiżjoni ta' ċaħda, il-Kummissjoni fil-fatt tosserva kif ġej :

"Il-kumitat ta' evalwazzjoni eżamina l-offerti rigward il-kunflitti ta' interess eventwali […]. Il-kunċett ta' [kunflitt ta' interess] huwa ddefinit fl-abbozz ta' kuntratt li jinsab fid-dokumenti ta' sejħa għal offerti. Din id-definizzjoni tgħid hekk:

‘Il-kuntrattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprevjeni kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tippreġudika l-implementazzjoni imparzjali u oġġettiva tal-kuntratt. Dan il-kunflitt ta' interess jista' jqum b'mod partikolari jekk ikun hemm interessi ekonomiċi, affinità politika jew nazzjonali, rabtiet familjari jew affettivi jew kwalunkwe rabta oħra rilevanti ta' interessi komuni.’

Fil-kuntest ta' kuntratt ta' evalwazzjoni, każ ta' [kunflitt ta' interess] jista' jqum jekk l-offerent huwa, jew kien, involut fl-implementazzjoni ta' l-oġġett li għandu jiġi evalwat. Din is-sitwazzjoni tista' twassal lil min jevalwa li jagħmel ġudizzju fuq ix-xogħol tiegħu stess u b'hekk toħloq riskju kbir ta' kunflitt ta' interess li jaffettwa l-oġġettività tiegħu, li huwa fattur essenzjali f'evalwazzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet jenfasizzaw ukoll li l-oġġettività għandha tiġi ggarantita fl-evalwazzjonijiet.

Din hija l-informazzjoni li setgħet tiġi miġbura dwar l-involviment tas-sħab prinċipali ta' Euphet fl-attivitajiet [tad-Direzzjoni Ġenerali (DG) "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi"] :

–        il-London School of Hygiene and Tropical Medicine kkonkludiet numru kbir ta' kuntratti ta' sussidju (il-lista msemmija 14) fil-qasam mad-[DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi"] ;

–        TNO kkonkludiet numru kbir ta' kuntratti ta' sussidju mad-DG ["Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi"] fil-qasam tas-saħħa pubblika ;

–        l-Istituto superiore di sanità kkonkluda kuntratt ta' sussidju mad-DG ["Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi"] fil-qasam tas-saħħa pubblika u huwa previst li kuntratt ieħor għandu jiġi ffirmat fix-xhur li ġejjin ;

–        il-Karolinska Institutet kkonkludiet illi numru kbir ta' kuntratti ta' sussidji mad-[DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi"] fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Il-kumitat ta' evalwazzjoni kkonkluda li Euphet ma rrikonoxxietx il-fatt li xi wħud mis-sħab tagħha fi ħdan il-konsorzju huma involuti b'mod sinjfikattiv fl-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika. Fir-rigward tar-riskju kbir ta' [kunflitt ta' interess], spjegazzjoni dettaljata u konkreta kienet meħtieġa sabiex turi suffiċjentement kif il-problema ta' [kunflitt ta' interess] tista' tiġi solvuta u r-riskji mneħħija. Madankollu, l-approċċ propost mhuwiex biżżejjed u l-offerent ma ta l-ebda garanzija sodisfaċenti li kull [kunflitt ta' interess] jista' jiġi evitat."  

17      Fid-deċiżjoni ta' ċaħda, il-Kummissjoni żżid madankollu li hija ma tiffirmax il-kuntratt ta' qafas ma' l-eventwali kuntrattur qabel l-iskadenza tat-terminu ta' ġimagħtejn.

18      B'ittra tat-3 ta' Mejju 2005, Euphet ikkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li stiednet lil din ta' l-aħħar sabiex twieġeb qabel l-4 ta' Mejju 2005 u spjegat li, fin-nuqqas ta' dan, hija tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

19      B'faks ta' l-4 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni kkonfermat li waslitliha l-ittra ta' Euphet u esprimiet ruħha kif ġej :

"Peress li għandna bżonn ta' iktar żmien sabiex neżaminaw il-kwistjonijiet mqajma fl-ittra tagħkom, mhux se niffirmaw il-kuntratt qabel ma jiskadi t-terminu addizzjonali ta' ħmistax-il ġurnata li jibdew mid-data li fiha ntbagħtet din l-ittra."

20      B'faks tad-19 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni wieġbet li hija żżomm il-pożizzjoni tagħha ta' ċaħda ta' l-offerta ppreżentata minn Euphet.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta' Mejju 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżura provviżorja sabiex, minn naħa, tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt u tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt") u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiġi pprojbita, l-ewwel nett, milli tinnotifika d-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt lil min ingħata l-kuntratt u, t-tieni nett, milli tiffirma l-kuntratt rilevanti, taħt piena ta' penali ta' EUR 2.5 miljun.

23      B'digret tas-26 ta' Mejju 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ordna lill-Kummissjoni li ma tiffirmax il-kuntratt ta qafas sakemm jingħata d-digriet li jiddeċiedi b'mod definittiv fuq it-talba għal miżuri provviżorji.

24      B'digriet ta' l-20 ta' Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.

25      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

26      Il-partijiet għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tal-11 ta' Ottubru 2006.

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'istanza:

–        tiddikjara li r-rikors huwa fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni ta' ċaħda;

–        tannulla d-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt;

–        tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiddikjara t-talba tar-rikorrenti bħala mhux fondata u tiċħad ir-rikors ;

–        tordna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

29      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li Euphet ġiet eskluża b'mod illegali mill-proċedura ta' sejħa għal offerti minħabba li kien hemm riskju ta' kunflitt ta' interess u li tneħħitielha, illegalment, il-possibbiltà li tagħti informazzjoni addizzjonali f'dak li jikkonċerna l-kunflitt ta' interess.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-esklużjoni illegali ta' Euphet mill-proċedura ta' sejħa għal offerti minħabba l-eżistenza ta' riskju ta' kunflitt ta' interess

30      L-argumentazzjoni tar-rikorrenti tipprova turi, essenzjalment, l-ewwel nett in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' ċaħda dwar jekk hemmx kunflitt ta' interess, it-tieni nett, in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess u, it-tielet nett, il-ksur tal-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-ksur ta' l-Artikolu 138 tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni.

 Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-eżistenza tal-kunflitt ta' interess

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ġenerali ta' motivazzjoni u ta' l-Artikolu 147(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ta' ċaħda hija bbażata fuq motivi żbaljati u insuffiċjenti f'dak li jikkonċerna l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess.

32      Il-Kummissjoni tat motivi żbaljati għad-deċiżjoni tagħha ta' ċaħda, għaliex il-kumitat ta' evalwazzjoni, li ċerti siltiet tar-rapport tiegħu huma riprodotti f'din id-deċiżjoni, ikkonkluda żbaljatament li Euphet ma rrikonoxxietx il-fatt li x'uħud mis-sħab tagħha fi ħdan dan il-konsorzju kienu involuti b'mod sinjifikattiv fl-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika. Fil-fatt, l-offerta ta' Euphet semmiet b'mod ċar l-involviment ta' ċerti sħab fl-attivitajiet tad-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi" li kienu għaddejjin.'

33      Hija mmotivat b'mod insuffiċjenti wkoll id-deċiżjoni tagħha ta' ċaħda, għaliex hija ma ppreċiżat fl-ebda mument ir-raġuni li għaliha s-soluzzjoni mressqa minn Euphet kienet insuffiċjenti u ma offriet ebda garanzija sodisfaċenti li kwalunkwe kunflitt ta' interess jista' jiġi evitat. Barra dan, skond ir-rikorrenti, għalkemm is-sejħa għal offerti kienet teħtieġ minimu ta' seba' esperti, l-offerta ta' Euphet kienet tinkludi 65 curriculum vitae, fosthom 45 ġejjin minn persuni li ma kellhomx x'jaqsmu ma' l-organizzazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni, u għaldaqstant dejjem kien possibbli li jitwettqu l-kompiti differenti mingħajr ma jinħoloq kunflitt ta' interess. L-20 persuna li għandhom rabtiet ma' l-organizzazzjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni huma f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess biss jekk kienu jeżerċitaw attivitajiet tat-tip D tal-kompitu prinċipali Nru 2, li tinkludi diversi aspetti, u dan jippermetti li huma jiġu inkarigati għal diversi inkartamenti ta' evalwazzjoni mingħajr ebda riskju ta' kunflitt ta' interess. Peress li l-kundizzjonijiet ta' għażla huma partikolarment iebsa, Euphet ipprovat tlaqqa' numru kbir ta' esperti, li probabbilment kellhom esperjenza fl-attivitajiet tad-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi". Għaldaqstant, il-kundizzjoni meħtieġa u suffiċjenti kienet li jiġi suġġerit metodu ta' regolament ta' kunflitt ta' interessi, kundizzjoni li Euphet kienet issodisfat f'din il-kawża.

34      B'mod sussidjarju, ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatt għal parteċipant wieħed jew iktar f'Euphet li rċevew sussidji mill-Kummissjoni mhuwiex tali li jpoġġi fid-dubju l-oġġettività tagħhom f'kull ċirkustanza u li l-Kummissjoni invokat, għall-ewwel darba fir-risposta tagħha, dan l-element u l-fatt li diversi esperti kienu rċevew sussidji mid-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi".

35      Hija l-Kummissjoni li għandha ġġib provi konkreti li offerent speċifiku jinsab f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess u jekk dan ir-riskju kienx tali li jiġġustifika l-esklużjoni ta' offerent, li mhuwiex il-każ hawnhekk, il-Kummissjoni għandha tindikah b'mod ċar fis-sejħa għal offerti, b'tali mod li l-offerenti avżati b'dan il-mod ikunu jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni dan ir-riskju x'ħin jiffurmaw il-gruppi tagħhom.

36      Il-Kummissjoni tikkontesta, l-ewwel nett, l-allegazzjoni li d-deċiżjoni ta' ċaħda hija bbażata fuq motiv żbaljat, għaliex hija tqis li hija kkunsidrat ġustament li Euphet ma rrikonoxxietx il-fatt li x'uħud mis-sħab tagħha kienu involuti b'mod sinjifikattiv fl-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika in kwistjoni f'din il-kawża. Fil-fatt, minkejja li l-curriculum vitae ta' ċerti sħab ta' Euphet kienu żvelaw is-sehem tagħhom fl-implementazzjoni tal-programmm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika, Euphet ma qisitx li kien utli li tavża lill-Kummissjoni bir-riskju potenzjali ta' kunflitt ta' interess, meta ddikjarat kif ġej:

"Aħna nikkonfermaw li l-parteċipanti kollha ta' Euphet huma totalment indipendenti mill-Kummissjoni u li aħna ma nipprevedu ebda riskju attwali f'dan ir-rigward." 

37      Barra minn hekk, il-motiv ta' esklużjoni relatat mal-kunflitt ta' interess, stabbilit fl-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u riprodott fil-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, ġie deliberatament ifformulat f'termini ġenerali mill-Kummissjoni, għaliex l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess teħtieġ eżami konkret mill-awtorità ta' aġġudikazzjoni skond l-elementi ta' l-inkartament.

38      Imbagħad, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija spjegat biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li kien hemm kunflitt ta' interess f'dak li jikkonċerna Euphet. Hija żżid li l-ittra tagħha tad-19 ta' Mejju 2005 ma kinitx tikkostitwixxi motivazzjoni a posteriori, iżda risposta għall-argumenti invokati fl-ittra dettaljata ta' l-avukati ta' Euphet bid-data tat-3 ta' Mejju 2005. Għaldaqstant, din ta' l-aħħar kienet taf biżżejjed il-motivi tad-deċiżjoni ta' ċaħda.

39      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li dejjem kien possibbli li jitwettqu kompiti ta' evalwazzjoni speċifiċi mingħajr riskju ta' kunflitt ta' interess, peress li l-offerta kienet tinkludi 65 curriculum vitae, fosthom 45 li ġejjin minn persuni li m'għandhom l-ebda rabta mas-sħab ta' Euphet li għalihom il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li hemm kunflitt ta' interess. Fil-fatt, l-esperti suġġeriti minn Euphet m'għandhomx kollha l-istess piż speċifiku u, fl-offerta tagħha, Euphet ikklassifikat l-esperti tagħha skond l-esperjenza tagħha fl-oqsma "Evalwazzjoni" u "Saħħa pubblika". Fuq din il-bażi, saret klassifika fuq skala minn A sa D. Analiżi tal-kwalifiki ta' l-esperti magħmula minn Euphet turi li l-biċċa l-kbira fost dawk li għandhom il-marka l-iktar għolja, u li wieħed jista' jassumi li għandhom l-irwol l-iktar importanti fit-twettiq konkret tal-kompiti ta' evalwazzjoni, huma marbuta ma' l-organizzazzjonijiet li kienu jirċievu sussidji importanti mill-Kummissjoni għat-twettiq ta' azzjonijiet relatati mal-programm Komunitarju dwar is-saħħa pubblika. Kull sieħeb tal-konsorzju jagħmel ukoll parti mill-kumitat tal-kuntratti li jissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Barra dan, ir-rikorrenti ppruvat toħloq grupp omoġenju u ma tantx huwa kredibbli li dawn l-organizzazzjonijiet jew esperti ġew esklużi mit-twettiq ta' ċerti kompiti, indipendentement mill-konsegwenzi li dan kien ikollu fuq il-kwalità tax-xogħol li għandu jsir.

40      Barra dan, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li hija kellha ssemmi espliċitament ir-"riskju ta' kunflitt ta' interess" bħala motiv ta' esklużjoni speċifika fl-ispeċifikazzjonijiet, u b'hekk ċaħħdet lil Euphet mill-possibbiltà li tieħu dan ir-riskju in kunsiderazzjoni.

41      L-ewwel nett, il-motivi ta' esklużjoni huma stabbiliti b'mod eżawrjenti fl-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju u l-ipoteżi ta' kunflitt ta' interess hija msemmija fl-Artikolu 94 u riprodotta kelma b'kelma fl-ispeċifikazzjonijiet.

42      It-tieni nett, Euphet ġiet kompletament mgħarrfa bil-problema tal-kunflitt ta' interess waqt it-tfassil ta' l-offerta tagħha għaliex hija ddikajarat fiha: "Euphet tifhem u taċċetta li ebda waħda mill-organizzazzjonijiet ta' evalwazzjoni u ebda wieħed mill-aġenti tagħha m'[għandu] jkollu l-iċken kunflitt ta' interess, attwali jew potenzjali, fit-twettiq tal-kompitu tagħhom fit-twettiq tal-kuntratt ta' qafas." Konxja mill-fatt li riskju ta' kunflitt ta' interess, mhux biss attwali, iżda wkoll potenzjali, kien inkompatibbli mat-twettiq tal-kompiti ta' evalwazzjoni li jaqgħu taħt il-kuntratt ta' qafas, Euphet affermat madankollu fl-offerta tagħha :

"Aħna nikkonfermaw li l-parteċipanti kollha ta' Euphet huma totalment indipendenti mill-Kummissjoni u aħna ma nipprevedu ebda riskju attwali f'dan ir-rigward." 

43      It-tielet nett, ir-rikorrenti tirrikonoxxi, fir-replika tagħha, l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess meta organizzazzjonijiet jipparteċipaw fl-evalwazzjoni ta' politika Komunitarja li fil-kuntest tagħha huma rċevew sussidji, billi tindika li "huwa evidenti li sieħeb jew espert ta' dan is-sieħeb ma jistax jipparteċipa fl-evalwazzjoni ta' inkartament li fil-kuntest tiegħu huwa nnifsu ħa sussidju." ll-Kummissjoni tfakkar, f'dan ir-rigward, li l-isħab kollha tal-konsorzju in kwistjoni, kif ukoll diversi esperti involuti, irċevew sussidji mid-DG "Saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur għat-twettiq ta' ċerti azzjonijiet għall-implementazzjoni ta' programm Komunitarju ta' saħħa pubblika."

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

44      B'mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti dwar il-motivazzjoni allegatament żbaljata u insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta' ċaħda jammontaw, essenzjalment, għal argument dwar żball ta' evalwazzjoni magħmul mill-Kummissjoni kif ukoll dwar in natura mhux fondata tad-deċiżjoni ta' ċaħda. Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet mhumiex parti mill-analiżi ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li huwa impost fuq il-Kummissjoni, iżda mill-analiżi tal-mertu tad-deċiżjoni ta' ċaħda u għaldaqstant għandhom jiġu ttrattati fil-kuntest ta' l-analiżi tat-tieni parti ta' dan il-motiv. L-argumenti ppreżentati iktar 'il fuq se jiġu analizzati fil-kuntest ta' din il-parti biss safejn jistgħu effettivament jiġu mifhuma bħala bbażati fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

45      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' motivazzjoni jiddependi fuq in-natura ta’ l-att in kwistjoni u tal-kuntest li fih huwa ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-Imħallef Komunitarju li jeżerċità l-kontroll tiegħu ta’ legalità (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punti 15 u 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II‑1563, punt 68).

46      F'din il-kawża, id-deċiżjoni ta' ċaħda ssemmi espliċitament li l-esklużjoni ta' l-offerta ta' Euphet hija mmotivata mill-eżistenza ta' riskju ta' kunflitt ta' interess marbut, minn naħa, mas-sussidji rċevuti mill-membri prinċipali ta' Euphet u, min-naħa l-oħra, ma' l-insuffiċjenza tal-garanziji offerti minn Euphet fuq dan il-punt.

47      Id-deċiżjoni ta' ċaħda turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, u b'hekk tippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Prim'Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

48      Għaldaqstant l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni ta' ċaħda ma tistax tintlaqa'. Għalhekk, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess

–       L-argumenti tal-partijiet

49      Fil-kuntest tat-tieni parti ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u d-dispożizzjonijiet tal-proċedura ta' sejħa għal offerti.

50      Fl-ewwel lok, Euphet ma tistax tiġi eskluża mill-proċedura ta' sejħa għal offerti għas-sempliċi fatt li hemm riskju ta' kunflitt ta' interess. L-Artikolu 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet jipprovdi, huwa minnu, li l-kuntratt ma jistax jingħata lil applikanti jew offerenti li jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess fil-proċedura ta' għoti tal-kuntratt, iżda l-kunċett ta' kunflitt ta' interess madankollu mhuwiex definit la fis-sejħa għal offerti lanqas fl-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju.

51      Skond l-Artikolu II.3.1 tal-kuntratt ta' qafas, sempliċi kunflitt ta' interess u a fortiori riskju ta' kunflitt ta' interess mhumiex raġunijiet ta' esklużjoni minnhom infushom. Ikun biżżejjed li l-persuna kkonċernata tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tevita kull kunflitt ta' interess jew il-konsegwenzi tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu jipprovdi għal mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' interess li jistgħu jitfaċċaw waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha tipprevedi r-riskju ta' kunflitt ta' interess fl-ambitu tal-kuntratt, b'tali mod li dan ir-riskju ma jistax jiġġustifika esklużjoni.

52      Ir-rikorrenti żżid li s-suġġeriment ta' soluzzjoni ta' Euphet jiżboq bil-bosta l-eżiġenzi tal-proġett ta' kuntratt ta' qafas meta jissuġġerixxi mhux biss soluzzjoni a posteriori, jiġifieri waqt l-eżekuzzjoni ta' kull kuntratt speċifiku, iżda wkoll kontroll a priori, jiġifieri fl-istadju tal-kostituzzjoni tal-fajl ta' l-applikazzjoni, skond in-natura u l-oġġett tal-kuntratti speċifiċi. Dan l-approċċ jippermetti li jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li jkun hemm kuflitt ta' interess fit-twettiq ta' kompitu konkret. L-indipendenza tal-persunal ta' Euphet b'hekk ġiet iggarantita fl-ittra, li takkumpanja l-offerta, ta' l-10 ta' Frar 2005, indirizzata minn Euphet lill-Kummissjoni.

53      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma setgħetx teżiġi aktar minn Euphet, u dan iktar u iktar meta fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors, il-kontenut preċiż tal-kuntratti speċifiċi kien għadu mhux magħruf. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi lil Euphet mingħajr ma tkun kisbet għarfien dettaljat tal-kontenut tal-kuntratti speċifiċi li għandhom jiġu konklużi. Jekk il-Kummissjoni xtaqet tkun tista' teskludi offerent minħabba r-riskju ta' kunflitt ta' interess, hija kellha tippreċiża dan fl-ispeċifikazzjonijiet.

54      Barra dan, l-ebda wieħed mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti ma jipprovdi għal motiv espliċitu ta' esklużjoni ta' l-offerent li membru jew diversi membri tiegħu jkunu kkonċernati minn proġetti fid-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi" li jkunu għaddejjin u tali motiv ta' esklużjoni ma jistax jiġi aċċettat ladarba mhuwiex imsemmi fl-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u lanqas previst mill-ġurisprudenza.

55      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kif għamel il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-digriet tiegħu ta' l-20 ta' Settembru 2005, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ li fih l-offerenti jinsabu "fl-okkażjoni tal-proċedura ta' l-għoti [ta' kuntratt f'] sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess", li jiġġustifika l-esklużjoni tagħhom skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, u l-każ ta' riskju ta' kunflitt ta' interess aċċettat mill-Kummissjoni f'din il-kawża sabiex tiġġustifika l-esklużjoni. Fuq il-bażi tal-punt 88 ta' dan id-digriet, ir-rikorrenti tqis li hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tistabbilixxi l-livell ta' ċertezza meħtieġ sabiex tiġi ġġustifikata esklużjoni mill-proċedura ta' sejħa għal offerti kif ukoll il-marġni ta' diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata li hemm riskju ta' kunflitt ta' interess. Il-Kummissjoni ma tistax u m'għandhiex teskludi offerent ħlief meta tikkonstata kunflitt ta' interess reali.

56      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-Kummissjoni li m'għamlitx kontroll konkret ta' l-offerta ta' l-Euphet.

57      Hija tinvoka f'dan ir-rigward il-ġurisprudenza li tgħid li huwa pprojbit li offerent jiġi eskluż b'mod astratt mingħajr kontroll konkret ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt ta' interess (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Marzu 2005, AF Con Management Consultants et vs il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punti 75 sa 78).

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument dwar l-esklużjoni ta' Euphet mill-proċedura ta' sejħa għal offerti għas-sempliċi raġuni li jeżisti riskju ta' kunflitt ta' interess.

59      Qabel kollox, hija ssostni li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, ripetuti fil-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, jipprovdu għall-esklużjoni ta' l-offerenti li, "waqt il-proċedura ta' għoti" ta' kuntratt, jinsabu f'"sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess". Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw prinċipalment ir-riskji ta' kunflitt ta' interess li jeżistu mill-istadju tal-proċedura ta' għoti tal-kuntratt u li jistgħu jaffettwaw l-eżekuzzjoni tiegħu. L-eżistenza ta' kunflitt ta' interess saħansitra qabel l-għoti tal-kuntratt jikkostitwixxi motiv ta' ċaħda ta' l-offerta. Is-sitwazzjoni tkun different jekk kunflitt ta' interess, li ma kienx jeżisti waqt l-għoti tal-kuntratt, jqum waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. F'dan l-aħħar każ, dispożizzjoni kuntrattwali hija prevista sabiex telimina eventwali kunflitti ta' interess. Riskju reali ta' kunflitt ta' interess li jkun preżenti mill-istadju ta' għoti tal-kuntratt jikkostitwixxi motiv leġittimu ta' esklużjoni tal-kuntratt skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju. Il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' riskju gravi li jqum kunflitt ta' interess "fil-futur" (fil-mument ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt) jikkostitwixxi kunflitt ta' interess "attwali" fil-kuntest ta' l-għoti tal-kuntratt.

60      Imbagħad, minkejja li s-sejħa għal offerti ma timponix fuq l-offerenti l-obbligu li jinkludu immedjatament fl-offerta tagħhom proposta ta' miżuri korrettriċi ta' kunflitt ta' interess, dan in-nuqqas huwa spjegat mill-fatt innifsu li l-konstatazzjoni ta' kunflitt ta' interess, qabel saħansitra l-għoti tal-kuntratt, twassal għall-esklużjoni ta' l-offerta kkonċernata, skond l-Artikolu 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet u ta' l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju.

61      Fl-aħħar nett, riskju ta' kunflitt ta' interess, f'dak li jikkonċerna Euphet, ma jeżiġi ebda għarfien minn qabel tal-kontenut eżatt tal-kuntratti speċifiċi li jiġu wara l-kuntratt ta' qafas. Biżżejjed jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt ta' qafas innifsu, l-oġġettività u l-imparzjalità ta' Euphet fl-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha jistgħu jitqiegħdu serjament f'dubju.

62      Rigward l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' kontroll konkret ta' l-offerta ta' Euphet, il-Kummissjoni twieġeb li l-kumitat ta' evalwazzjoni kellu, f'din il-kawża, jivverifika konkretament jekk kienx hemm kunflitt ta' interess. Huwa kkonstata, f'dik l-okkażjoni, li s-sħab kollha tal-konsorzju, kif ukoll diversi esperti li kienu involuti, kienu jirċievu sussidji mid-DG "Saħħa u l-ħarsien tal-konsumaturi" għat-twettiq ta' ċerti azzjonijiet għall-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika. Is-sehem ta' dawn l-organizzazzjonijiet fit-twettiq tas-suġġett ta' evalwazzjoni jista' jwassalhom, fil-kuntest ta' evalwazzjoni intermedja jew ex post, li jevalwaw ix-xogħol tagħhom infushom, fatt li jikkomprometti l-oġġettività u l-imparzjalità tagħhom. Barra minn hekk, fil-kuntest ta' evalwazzjoni ex ante, jeżisti wkoll riskju ta' kunflitt ta' interess, peress li l-organizzazzjonijiet li jirċievu regolarment sussidji għat-twettiq ta' ċerti programmu jistgħu jinfluwenzaw l-iżvilupp u l-orjentazzjoni ulterjuri ta' dawn il-programmi.

63      Il-Kummissjoni tiċħad l-idea li ma jistax ikun hemm kunflitt ta' interess ħlief waqt l-evalwazzjonijiet intermedji u ex post ta' programmi individwali. Fil-fatt, peress li l-evalwazzjonijiet ex ante għandhom bħala għan li jsostnu u jorjentaw il-politika futura tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-organizzazzjonijiet li jirċievu regolarment sussidji għandhom tendenza li jqiegħdu l-interessi tagħhom fuq quddiem waqt id-definizzjoni tal-linji prinċipali ta' programm futur ta' azzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

64      Id-deċiżjoni ta' ċaħda ta' l-offerta ppreżentata minn Euphet ġiet immotivata bir-riskju ta' kunflitt ta' interess ikkonstatat fil-konfront ta' l-offerent, bin-nuqqas ta' rikonoxximent minn dan ta' l-eżistenza ta' dan ir-riskju u bin-nuqqas, fl-offerta, ta' proposti konkreti li jippermettu li jiġi eliminat ta' dan ir-riskju. B'hekk, qabel kollox għandu jiġi stabbilit, minn naħa, jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt li tirreferi għall-eżistenza ta' riskju ta' kunflitt ta' interess sabiex tiċħad l-offerta ppreżentata minn Euphet u, min-naħa l-oħra, jekk kinitx l-eżistenza ta' dan ir-riskju li fil-fatt wasslitha sabiex tadotta d-deċiżjoni ta' ċaħda. Imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx effettivament iġġustifikata li tikkunsidra li r-riskju ta' kunflitt ta' interess invokat kienx jeżisti ġenwinament f'din il-kawża.

65      Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni ta' ċaħda tinsab fl-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju, riprodott fil-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet, li jipprovdi għall-esklużjoni mill-fażi ta' għoti tal-kuntratt ta' l-offerenti, li "waqt il-proċedura ta' għoti tal-kuntratt", ikunu f'"sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess". Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta' ċaħda tipproponi bħala definizzjoni ta' kunflitt ta' interess il-kliem ta' l-Artikolu II.3.1 tal-kuntratt ta' qafas, li jipprovdi: "Il-kuntrattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprevjeni kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-kuntratt. Tali kunflitt ta' interess jista' jqum, b'mod partikolari, meta jkun hemm interessi ekonomiċi, rabtiet familjari jew affettivi jew ukoll kull rabta rilevanti ta' interessi komuni." L-Artikolu II.3.1 jipprovdi wkoll li "[il-]kuntrattur għandu jara li l-persunal, il-kumitat ta' amministrazzjoni u d-diretturi tiegħu ma jkunux f'sitwazzjoni li tista' toħloq kunflitt ta' interess".

66      L-Artikolu 94 tar-Regolament Finazjarju japplika, skond il-kliem tiegħu, għall-kuntratti pubbliċi kollha ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Komunitajiet. Għaldaqstant huwa ma jagħmilx distinzjoni skond jekk il-proċedura ta' għoti ta' kuntratt ikkonċernata tirrigwardax kuntratt ta' qafas jew tip ieħor ta' kuntratt.

67      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż offerent minn proċedura ta' għoti ta' kuntratt ħlief jekk is-sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess li hija tirreferi għaliha hija reali u mhux ipotetika. Dan ma jfissirx li riskju ta' kunflitt ta' interess huwa insuffiċjenti sabiex tiġi eskluża offerta. Fil-fatt, bħala regola ġenerali huwa biss waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li kunflitt ta' interess jista' jsir konkret. Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, kunflitt ta' interess jista' jkun biss potenzjali u l-Artikolu 94 tar-Rgolament Finanzjarju jimplika għaldaqstant raġunament f'termini ta' riskju. Dan ir-riskju għandu jkun effettivament ikkonstatat, wara evalwazzjoni konkreta ta' l-offerta u tas-sitwazzjoni ta' l-offerent, sabiex dan ikun jista' jiġi eskluż mill-proċedura ta' għoti tal-kuntratt. Is-sempliċi eventwalità ta' kunflitt ta' interess ma tistax tkun biżżejjed għal dan il-għan.

68      Isegwi li, fil-proċedura ta' għoti ta' kuntratt ta' qafas, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li kuntratti speċifiċi, li l-għoti tagħhom jagħti lok għal verifika tan-nuqqas ta' riskju ta' kunflitt ta' interess, bħala regola ġenerali għandhom jiġu konklużi qabel ma l-kuntrattur tal-kuntratt ta' qafas jkun fdat l-eżekuzzjoni ta' kompiti partikolari. B'hekk, f'każ bħal dan, ir-riskju li tinqala' sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess ma jistax jitqies ħlief meta jkun hemm ċirkustanzi determinanti li jqiegħdu lill-offerent fl-inkapaċità li jevita r-riskju ta' parzjalità fl-eżekuzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-kompiti li jaqgħu taħt il-kuntratt ta' qafas.

69      F'din il-kawża, id-deċiżjoni ta' ċaħda setgħet għaldaqstant ġustament tirrigwarda sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess reali u mhux ipotetika u hija l-eżistenza ta' din li wassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta din id-deċiżjoni.

70      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 16 iktar 'il fuq, id-deċiżjoni ta' ċaħda tikkonstata li s-sħab prinċipali ta' Euphet huma involuti fl-attivitajiet tad-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi", b'mod partikolari peress li huma għandhom numru kbir ta' kuntratti ta' sussidji f'dan il-qasam kif ukoll f'dak tas-saħħa pubblika, filwaqt li Euphet ma tirrikonoxxix l-involviment tal-membri tagħha fl-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika.

71      Il-Kummissjoni indikat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li l-esperti bl-iktar esperjenza proposti minn Euphet kienu fil-biċċa l-kbira marbuta ma' l-organizzazzjonijiet li kienu rċevew sussidji importanti mill-Kummissjoni għat-twettiq ta' azzjonijiet relatati mal-programm Komunitarju fil-qasam tas-saħħa pubblika.

72      Billi kkonkludiet fuq din il-bażi, fid-deċiżjoni ta' ċaħda u fl-ittra ta' konferma tad-19 ta' Mejju 2005, li hemm riskju ta' kunflitt ta' interess, kkwalifikat bħala "kbir", il-Kummissjoni b'hekk ikkunsidrat li sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess kienet teżisti in prinċipju, mill-istadju tal-proċedura ta' għoti tal-kuntratt, minkejja li dan kien għadu ma jeżistix konkretament fir-rigward tal-konsegwenzi tiegħu.

73      Isegwi li l-Kummissjoni eżaminat l-offerta ta' Euphet fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll tal-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat teħid in kunsiderazzjoni, għaċ-ċaħda ta' l-offerta tagħha, ta' kriterji li m'għandhomx x'jaqsmu ma' dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tiġi milqugħa.

74      L-argumenti kuntrarji tar-rikorrenti ma jistgħux jintużaw biex tiġi kkontestata din il-konklużjoni.

75      L-argument li jgħid li l-Artikolu II.3.1 tal-kuntratt ta' qafas huwa applikabbli biss għall-kunflitti ta' interess li jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' qafas u mhux mill-istadju tal-proċedura tas-sejħa għal offerti mhijiex rilevanti, inkwantu l-kunflitt ta' interess jeżisti f'din il-kawża mill-għoti tal-kuntratt, li jiġġustifika għalhekk l-esklużjoni ta' l-offerta skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u tal-punt 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet. Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti ssostni inutilment li l-proposta ta' soluzzjoni tal-kunflitt ta' interess kienet tmur lil 'hinn mill-eżiġenzi tal-kuntratt ta' qafas safejn hija kienet tinvolvi wkoll kontroll a priori, jiġifieri mill-kostituzzjoni tal-fajl ta' l-applikazzjonijiet, skond in-natura u s-suġġett tal-kuntratti speċifiċi.

76      Bl-istess mod, kuntrarjament għall-istqarrija tar-rikorrenti, peress li s-suġġett tal-kuntratt ta' qafas huwa definit espliċitament, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonstata li l-oġġettività tas-sħab prinċipali ta' Euphet setgħet titqiegħed serjament fid-dubju, mill-preżentata ta' l-offerta, minħabba s-sussidji rċevuti, safejn, kif tikkonstatah id-deċiżjoni ta' ċaħda, din is-sitwazzjoni setgħet twassal lil min huwa inkarigat għall-evalwazzjoni li jesprimi ġudizzju fuq ix-xogħol tiegħu stess, u b'hekk jinħoloq kunflitt ta' interess.

77      Imbagħad, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx effettivament iġġustifikata li tikkonstata l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess f'din il-kawża dwar Euphet u li tikkunsidra li din ma kinitx tirrikonoxxi tali riskju, għandu jiġi enfasizzat li, kif diġà ġie muri fil-punt 70 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni ta' ċaħda, tosserva, mingħajr ma tiġi kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-kumitat ta' evalwazzjoni kkonstata li l-membri prinċipali ta' Euphet kieni kkonkludew diversi, u saħansitra ħafna, kuntratti ta' sussidju mad-DG "Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi", b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika. Fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt ta' qafas, jiġifieri "l-evalwazzjoni ta' l-oqsma ta' azzjoni politika tad-DG [‘Saħħa u ħarsien tal-konsumaturi’…] (saħħa pubblika) ", il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament, mill-istadju tal-proċedura ta' għoti tal-kuntratt, li kien jeżisti kunflitt ta' interess li jista' jikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-kuntratt ta' qafas minn Euphet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar fid-deċiżjoni ta' ċaħda li l-offerta ta' Euphet kienet tispeċifika: "Euphet tifhem u taċċetta li ebda organizzazzjoni ta' evalwazzjoni u ebda wieħed mill-aġenti tagħha m'[għandu] jkollhom l-iċken kunflitt ta' interess, attwali jew potenzjali, fit-twettiq tal-kompitu tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' qafas. Nikkonfermaw li l-parteċipanti kollha ta' Euphet huma totalment indipendenti mill-Kummissjoni u li aħna ma nipprevedu l-ebda riskju attwali f'dan ir-rigward." Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha wkoll raġun tiddeduċi minn dan fid-deċiżjoni ta' ċaħda li "Euphet ma [kinitx] tirrikonoxxi l-fatt li x'uħud mis-sħab tagħha fi ħdan dan il-konsorzju [kienu] involuti b'mod sinjifikattiv fl-implementazzjoni tal-programm ta' saħħa pubblika" u li, "[f]id-dawl tar-riskju importanti ta' [kunflitt ta' interess], spjegazzjoni dettaljata u konkreta kienet meħtieġa sabiex tippermetti li tinftiehem biżżejjed kif il-problema tal-[kunflitt ta' interess] setgħet tiġi solvuta u kif ir-riskji setgħu jiġu eliminati".

78      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li l-offerta ta' Euphet kellha tiġi eskluża mill-għoti tal-kuntratt b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 94 tar-Regolamenti Finanzjarji u ta' l-Artikolu 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet.

79      L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huwa pprojbit li jiġi eskluż offerent b'mod astratt u mingħajr kontroll konkret ta' l-offerta tiegħu, b'mod partikolari tal-proposta tiegħu ta' riżoluzzjoni ta' kunflitt ta' interess, mhuwiex fondat.

80      Fil-fatt, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni, f'din il-kawża, wettqet kontroll konkret ta' l-offerta ppreżentata minn Euphet qabel ma ddeċidiet li teskludiha mis-suq. Barra minn hekk, l-allegat nuqqas ta' eżami tal-proposta ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt ta' interess huwa mingħajr effett, peress li l-Kummissjoni kienet marbuta li tiċħad l-offerta ta' Euphet, minħabba s-sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess, skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u ta' l-Artikolu 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet.

81      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess ma jistax jintlaqa' u t-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' l-Artikolu 138 tar-regoli dettaljati għall-implementazzzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

82      Fil-kuntest tat-tielet parti ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' interess proposta minn Euphet fl-offerta tagħha kienet ġiet aċċettata qabel mill-Kummissjoni, anki jekk kienet tirrigwarda Direttorati Ġenerali oħrajn. Peress li l-Kummissjoni kienet tbiegħdet mill-politika preċedenti tagħha, hija kisret il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi.

83      Ir-rikorrenti żżid li, jekk il-Kummissjoni taġġudika l-kuntratt lil terz, wara li tkun ċaħdet inġustament l-offerta ta' l-Euphet, hija tikser l-Artikolu 138 tal-regoli dettaljati għall-implementazzjoni.

84      Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti ma ssostnix suffiċjentement l-affermazzjoni tagħha tal-ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

85      Hija tikkontesta wkoll li l-għoti tal-kuntratt lil terz jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 138 tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni. Din id-dispożizzjoni tidddistingwi biss iż-żewġ forom possibbli ta' għoti ta' kuntratt, jiġifieri l-aġġudikazzjoni jew l-għoti tal-kuntratt lill-offerta l-iktar vataġġjuża ekonomikament. L-aċċettazzjoni ta' l-offerta ta' Euphet fil-fażi ta' għażla u ta' għoti tal-kuntratt ma tfissirx li l-kuntratt neċessarjament ser jingħata lilha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

86      Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, huwa estiż għal kull individwu li jinsab f'sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet fih aspettattivi fondati. Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li taħtha huma jiġu kkomunikati, informazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-21 Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 sa 107).

87      F'din il-kawża, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka, mingħajr ma ssostni l-affermazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni li ġiet adottata mill-Kummissjoni fi proċeduri oħrajn ta' sejħa għal offerti. Tali ċirkustanzi, jekk wieħed jassumi li huma stabbiliti, ma jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-istituzzjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu l-bażi ta' aspettattiva leġittima dwar l-aċċettazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-mekkaniżmu suġġerit minn Euphet fil-kuntest tal-kuntratt in kwistjoni.

88      Rigward l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-esklużjoni illegali ta' Euphet wasslet għall-għoti tal-kuntratt lill-offerent bl-offerta ekonomikament mhux l-iktar vantaġġjuża, hija mhijiex rilevanti inkwantu, fid-dawl ta' l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess ikkonstatat fil-konfront ta' l-Euphet (ara punti 77 u 78 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni kienet marbuta li tiċħad l-offerta tagħha.

89      Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa'. Għalhekk, it-tielet parti ta' l-ewwel motvi għandu jiġi miċħud.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq iċ-ċaħda illegali ta' Euphet mill-possibbiltà li tagħti informazzjoni addizzjonali f'dak li jikkonċerna l-kunflitt ta' interess

91      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, il-ksur mill-Kummissjoni ta' l-obbligu tagħha li titlob informazzjoni addizzjonali qabel iċ-ċaħda ta' l-offerta, li tirriżulta mill-Artikolu 146(3), tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni, tal-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

92      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-offerta ta' Euphet mingħajr ma tagħtiha l-okkażjoni li tiddefendi ruħha u l-kumitat ta' evalwazzjoni kellu almenu jippermettilha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din il-kwistjoni.

93      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma stidnitx lil Euphet sabiex tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq il-problema tal-kunflitt ta' interess, kuntrarjament għall-Artikolu 146 (3), tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni.

94      It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi u tafferma, billi tinvoka f'dan ir-rigward skambju ta' korrispondenza bejn il-Kummissjoni u offerent, li teżisti prattika tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-talba ta' informazzjoni addizzjonali lill-kandidati jew lill-offerenti meta dan huwa meħtieġ. Din il-prattika hija wkoll ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, b'mod partikolari mis-sentenza Fabricom, punt 57 iktar 'il fuq. Billi ma talbitx informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni marret kontra prattika stabbilita u kkonfermata mill-ġurisprudenza u kisret il-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'ċirkustanzi oħrajn, tat lil offerent li kien f'riskju li jiġi eskluż il-possibbiltà li jiddefendi ruħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tafx b'każ ieħor fejn offerent kien ġie eskluż fuq il-bażi ta' riskju ta' kunflitt ta' interess. Jekk il-Kummissjoni ma setgħetx turi li jeżistu tali każijiet, ikun impossibbli għaliha li tipprevedi din l-esklużjoni mingħajr ma tikser il-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi.

95      It-tielet nett, billi tinvoka f'dan ir-rigward il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non disrkiminazzjoni msemmija mill-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju, ir-rikorrenti tqajjem il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' sejħa għal offerti in kwistjoni, offrietx lil offerenti oħra l-possibbiltà li jipprovdu informazzjoni addizzjonali. Ir-rikorrenti tosserva kontradizzjoni fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li, minn naħa, tafferma, fir-risposta tagħha, li "qabel il-ftuħ ta' l-offerti, ebda talba ta' informazzjoni addizzjonali ma ġiet indirizzata lil kwalunkwe offerent", iżda, min-naħa l-oħra, indikat, fil-kopja ppreżentata fl-24 ta' Ġunju 2005 fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji mressqa quddiem il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li talbet lil ċerti offerenti sabiex juru li l-offerti tagħhom kienu ntbagħtu fit-terminu stabbilit, u dan sar mill-Kummissjoni wara li fetħet l-offerti jew, għall-inqas, wara d-data ta' l-għeluq tal-preżentata tagħhom. Ir-rikorrenti tqis li, għalkemm informazzjoni ġiet mitluba lil dawn l-offerenti, filwaqt li l-possibbiltà ma ngħatatx lil Euphet li tiddefendi ruħha, u lanqas li tesprimi l-fehma tagħha fuq ir-riskju ta' kunflitt ta' interess, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-offerenti.

96      Il-Kummissjoni ssostni li hija m'għandhiex l-obbligu li tisma' lill-offerent ħlief meta hija tikkunsidra li timponi sanzjonijiet amministrattivi jew finanzjarji, bħalma huma l-esklużjoni mill-kuntratti u mis-sussidji fil-futur, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju, u mhux meta teskludih mill-għoti ta' kuntratt speċifiku skond l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju.

97      F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tosserva li l-Artikolu 146(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ma jimponix fuqha l-obbligu li titlob lill-offerent preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-dokumenti ġustifikattivi mogħtija. F'kull każ, skond l-Artikolu 99 tar-Regolament Finanzjarju u ta' l-Artikolu 148(3), tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni, il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-offerenti ma jistgħux iwasslu għal emenda tat-termini ta' l-offerta.

98      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta' prattika ġenerali li tikkonsisti f'talba sistematika għal informazzjoni addizzjonali lil offerent qabel ma teskludih minħabba kunflitt ta' interess. Barra minn hekk, l-iskambju ta' korrispondenza mal-Kummissjoni prodott mir-rikorrenti dwar proċedura oħra ta' għoti ta' kuntratt mir-rikorrenti jikkonċerna talba għal informazzjoni addizzjonali dwar ċerti elementi ta' l-offerta u bl-ebda mod ma juri li l-Kummissjoni kellha bħala prattika kostanti li tisma' lill-offerenti qabel ma tiċħad l-offerta tagħhom fuq il-bażi ta' wieħed mill-kriterji ta' esklużjoni msemmija fir-Regolament Finanzjarju.

99      F'dan ir-rigward, l-invokazzjoni tar-rikorrenti tas-sentenza Fabricom, punt 57 iktar 'il fuq, mhijiex rilevanti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċensurat leġiżlazzjoni Belġjana li teskludi awtomatikament il-persuni responsabbli għax-xogħlijiet preparatorji marbuta ma' kuntratt pubbliku mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' għoti ta' dan il-kuntratt, filwaqt li f'din il-kawża Euphet ma ġietx eskluża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' għoti ta' kuntratt mill-Kummissjoni. Inizjalment, Euphet ippreżentat offerta li għaliha l-Kummissjoni kellha, wara, tivverifika l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li tinsab f'din l-offerta u fir-rigward tal-natura tal-kuntratt li għandu jingħata. Iċ-ċaħda ta' l-offerta għaldaqstant hija dovuta għall-preżenza ta' tali kunflitt ta' interess. L-argument tar-rikorrenti, li jgħid li Euphet kienet vittma ta' esklużjoni awtomatika safejn l-evalwazzjoni konkreta ta' l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess tista' ssir biss wara li jingħata l-kuntratt, u iktar preċiżament fil-mument li fih kuntratt speċifiku jiġi konkluż in eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' qafas, mhuwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju. Fil-fatt, dan l-Artikolu jippermetti li jiġu esklużi mill-għoti tal-kuntratt in kwistjoni l-kandidati jew offerenti li, saħansitra qabel l-għoti tal-kuntratt, kienu diġà jinsabu f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess.

100    It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, wara l-ftuħ ta' l-offerti, l-ebda offerent ma ġie mitlub informazzjoni dwar kunflitt ta' interess eventwali. Rigward il-kontradizzjoni allegata fl-argument tagħha, hija tirribatti li hija talbet lil ċerti offerenti li jipprovaw li l-offerti tagħhom kienu ntbagħtu fit-termini stabbiliti, minħabba n-natura ftit leġibbli tat-timbru postali fuq l-enveloppi li kienu jinkludu dawn l-offerti. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tistax titqabbel ma' dik ta' Euphet. Hekk kif il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstata fid-digriet tiegħu ta' l-20 ta' Settembru 2005, Deloitte Business Advisory vs il-Kummissjoni (T‑195/05 R, Ġabra p. II‑3485, point 120), in-natura ftit leġibbli tat-timbru postali ta' fuq l-enveloppi li jinkludu l-offerti ma tistax titqabbel ma' insuffiċjenza intrinsika ta' l-offerta nfisha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

101    L-ewwel nett, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tistieden lil Euphet sabiex tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq il-problema tal-kunflitt ta' interess, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 146(3), tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi li, meta t-talbiet ta' parteċipazzjoni u l-offerti ma jinkludux l-elementi kollha mitluba fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti jew ma jikkorrispondux ma' l-eżiġenzi speċifiċi li huma stabbiliti fih, dawn l-offerti jiġu eliminati. Madankollu, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 146(3), il-kumitat ta' evalwazzjoni jista' jistieden lill-kandidat jew lill-offerent sabiex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew jispega d-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati rigward il-kriterji ta' esklużjoni u ta' għażla, fit-terminu li huwa jistabbilixxi.

102    Jirriżulta mill-kliem innifsu tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 146(3), tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni li din id-dipożizzjoni tagħti lill-kumitat ta' evalwazzjoni d-dritt li jitlob lill-offerenti informazzjoni addizzjonali rigward id-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati dwar il-kriterji ta' esklużjoni u ta' għażla. Għaldaqstant hija ma tistax tiġi interpretata bħala obbligu fuq il-kumitat ta' evalwazzjoni li jitlob lill-offerenti tali informazzjoni (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Mejju 1996, Adia Interim vs Il-Kummissjoni, T‑19/95, Ġabra p. II‑321, punt 44).

103    Għaldaqstant, f'din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet validament tiddeċiedi li tiċħad l-offerta ta' Euphet mill-proċedura ta' għoti tal-kuntratt minħabba kunflitt ta' interess fis-sens ta' l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju u ta' l-Artikolu 9.1.3 ta' l-ispeċifikazzjonijiet mingħajr ma' tkun marbuta li titlob informazzjoni addizzjonali skond it-tieni subparagrafu l-Artikolu 146(3) tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni.

104    It-tieni nett, dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 86 iktar 'il fuq, ħadd ma jista' jinvoka ksur tal-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta' assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni.

105    F'din il-kawża, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq prattika ġenerali tal-Kummissjoni, li hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza, li tikkonsisti fit-talba sistematika ta' informazzjoni addizzjonali lil offerent qabel ma teskludih. 

106    Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jikkonċernaw sejħa waħda għal offerti li hija stess kienet wieġbet għaliha, jiġifieri s-sejħa għal offerti PO/2004-62/B3 dwar "Evalwazzjoni ex ante ta' attivitajiet tat-taqsima Servizzi u Produzzjonijiet awdjo-viżivi". Barra minn hekk, it-talba għal informazzjoni addizzjonali magħmula f'din il-kawża mill-kumitat ta' evalwazzjoni kienet tirrigwarda, minn naħa, il-kwistjoni jekk il-preżenza ta' Deloitte fuq il-kontinent Ewropew kollu fi 300 belt [tikkonferma] il-kapaċità tagħha li tkopri l-operazzjonijiet li huma s-suġġett ta' dan il-kuntratt fl-Istati Membri ta' l-UE" u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas li jiġu rċevuti "ċertifikati ta' implementazzjoni tajba", u mhux ir-riskju ta' kunflitt ta' interess.

107    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda prova konkreta li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni pprovdiet lil Euphet l-assigurazzjoni preċiża li hija kienet se tirċievi, mill-kumitat ta' evalwazzjoni, talba għal informazzjoni addizzjonali fuq il-kwistjoni tar-riskju ta' kunflitt ta' interess u fuq in-natura sodisfaċenti tat-tweġiba ta' Euphet għal din id-domanda.

108    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

109    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-invokazzjoni tar-rikorrenti tas-sentenza Fabricom, punt 57 iktar 'il fuq, li tittratta kwistjoni ġuridika u sitwazzjoni ta' fatt li mhumiex analogi mal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

110    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non diskriminazzjoni inkwantu l-Kummissjoni talbet informazzjoni lil offerenti oħra filwaqt li Euphet ma kellhiex il-possibbiltà li tiddefendi ruħha jew li tesprimi l-fehma tagħha fuq ir-riskju ta' kunflitt ta' interess. Il-prinċipju ta' trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b'mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (is-sentenza Fabricom, punt 57 iktar 'il fuq, punt 27). L-offerent li l-offerta tiegħu tinsab f'envelop li fuqu t-timbru postali ma tantx huwa leġibbli ma jinsabx f'sitwazzjoni simili għal dik ta' offerent li l-offerta tiegħu hija insuffiċjenti, peress li, fl-ewwel każ, in-nuqqas kkonstatat mill-Kummissjoni huwa attribwibbli għal elementi indipendenti mir-rieda ta' l-offerent, filwaqt li, fit-tieni każ, in-nuqqas ikkonstatat huwa attribwibbli għal insuffiċjenza intrinsika ta' l-offerta. Iċ-ċaħda ta' l-offerta ta' Euphet għaldaqstant ma tiksirx il-prinċipju ta' trattament ugwali.

111    Il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non diskriminazzjoni stabbiliti mill-Artikoli 89 u 99 tar-Regolament Finanzjarju mhuwiex, għaldaqstant, stabbilit.

112    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta' ċaħda.

113    Rigward it-talba għal anullament tad-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratt lil terz, din għandha neċessarjament tiġi miċħuda minħabba ċ-ċaħda tat-talba ta' annullament tad-deċiżjoni preċedenti li magħha hija relatata mill-qrib.

114    Konsegwentement ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

116    F'din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti Deloitte Business Advisory NV għandha tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta' April 2007.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

      President






* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.