Language of document : ECLI:EU:T:2007:93

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

22 ta' Marzu 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja VIPS – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti VIPS – Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu – Drittijiet tad-difiża”

Fil-kawża T‑215/03,

Sigla SA, stabbilita f' Madrid (Spanja), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u Disinni)      (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Elleni Holding BV, stabbilita f'Alphen aan de Rijn (L-Olanda),

li kellha bħala suġġett appell kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-1 ta' April 2003 (Każ R 1127/2000-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn SIGLA SA u Elleni Holding BV,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Ġunju 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Ottubru 2003

wara l-proċedura orali u wara s-seduta ta' l-14 ta' Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta' Frar 1997, Elleni Holding BV ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (iktar 'il quddiem it-"trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni") hija s-sinjal verbali VIPS.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 35 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        "kompjuters u programmi għal kompjuter irreġistrati fuq tejpijiet u diski"; li jaqgħu taħt il-klassi 9;

–        "pariri dwar in-negozju; servizzi relatati ma' l-ipproċessar ta' informazzjoni rreġistrata bil-kompjuter", li jaqgħu taħt il-klassi 35;

–        "ipprogrammar ta' kompjuters; servizzi ta' lukandi, servizzi għall-provvista ta’ ikel, kafetteriji-ristoranti", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

4        Permezz ta' ittra tat-23 ta' April 1999, indirizzata lill-UASI, Elleni Holding limitat is-servizzi tal-klassi 42, imsemmija fl-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja, għas-servizzi li ġejja: "ipprogrammar ta' kompjuters relatati mas-servizzi ta' lukandi, servizzi għall-provvista ta’ ikel, kafetteriji-ristoranti". Permezz ta' ittra tas-26 ta' April 1999, l-UASI aċċettat din il-limitazzjoni.

5        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat- Trade marks Komunitarji Nru 46/1999, fl-14 ta’ Ġunju 1999.

6        Fl-14 ta' Settembru 1999, Sigla SA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali tar-rikorrenti VIPS, preċedentement irreġistrata fi Spanja, għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "Servizzi relatati mal-provvista ta' oġġetti ta' l-ikel u tax-xorb lesti għall-konsum; ristoranti; ristoranti self-service, kantins, barijiet, kafetteriji, servizzi ta' lukandi" (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti"). Sigla argumentat ukoll li t-trade mark VIPS kienet magħrufa ħafna fi Spanja, fis-sens ta' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, ta' l-20 ta' Marzu 1883, riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11847, p. 108), għas-"servizzi relatati mal-provvista ta' oġġetti ta' l-ikel u tax-xorb lesti għall-konsum; ristoranti; servizzi relatati mal-barijiet u kafetteriji; it-tmexxija ta' ħwienet għall-bejgħ bl-imnut ta' oġġetti ta' konsum u ta' rigali, ta' ikel, ta' oġġetti ta' l-istampa, ta' kotba, ta' prodotti awdjoviżivi, ta' materjal fotografiku, ta' fwieħa, ta' prodotti għall-manutenzjoni, ta' ħwejjeġ, ta' ġugarelli u ta' softwers u ta' ħwienet li joffru servizzi bħall-kiri ta' films u l-iżviluppar ta' ritratti", fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet indirizzata kontra l-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati bl-applikazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

8        Ir-raġunijiet invokati b'sostenn ta' l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

9        Fit-18 ta' Frar 2000, Elleni Holding limitat, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-lista tas-servizzi inkluża fil-klassi 42, imsemmija fl-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni, għas-"servizzi ta' pprogrammar ta' kompjuters relatati mas-servizzi ta' lukandi, ristoranti, kafetteriji".

10      Permezz tad-deċiżjoni tagħha Nru 2221/2000, tat-28 ta' Settembru 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni għas-servizzi tal-klassi 42 u ċaħdet dik għal prodotti u servizzi inklużi fil-klassijiet 9 u 35. Essenzjalment, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni qieset li, billi s-servizzi koperti bit-trade mark preċedenti u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu differenti, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minkejja l-identiċità tas-sinjali konfliġġenti. Madankollu, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni qieset li l-Artikolu 8(5) ta' dan ir-regolament kien applikabbli għas-servizzi inklużi fil-klassi 42, minħabba li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet uriet li t-trade mark preċedenti tagħha VIPS kienet tgawdi minn reputazzjoni fis-suq Spanjol u, min-naħa l-oħra, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista' tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew tkun ta' ħsara għaliha, fid-dawl tar-rabta li teżisti bejn iż-żewġ tipi ta' servizzi kkonċernati.

11      Fit-22 ta' Novembru 2000, Elleni Holding appellat, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

12      B'deċiżjoni ta' l-1 ta' April 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fit-3 ta' April segwenti, it-Tielet Bord ta' l-Appell laqa' l-appell ta' Elleni Holding u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

13      Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti kienet tat prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha fi Spanja, iżda ma kinitx speċifikat ir-raġunijiet li għalihom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista' tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew tkun ta' ħsara għalihom. Għalhekk, fin-nuqqas li turi waħda mill-premessi li jirriżultaw neċessarjament mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, dan l-artikolu ma kienx applikabbli f'dan il-każ. Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell qies li ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għar-rikors ta' Elleni Holding u li jikkonċernaw l-applikazzjoni, f'dan il-każ, ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, billi dan ir-rikors kien ibbażat biss fuq l-Artikolu 8(5) ta' dan ir-regolament u, għaldaqstant, il-portata tiegħu ma setgħetx tiġi estiża mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta quddiem il-Bord ta' l-Appell. Seta' biss ikun mod ieħor f'każ li r-rikorrenti ppreżentat rikors separat, skond il-modalitajiet u fit-terminu stabbiliti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16      Peress illi r-rikors jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu li jirriżulta mill-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jiddikjara li jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jippreżenta talba preċiża.

 Id-dritt

17      B'sostenn ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv, imqajjem bħala motiv prinċipali, huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu msemmi fl-Artikolu 74 ta' dan ir-regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

18      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li hija ma kinitx ressqet l-ebda allegazzjoni u lanqas ma ġabet provi li jikkonċernaw il-fatti invokati, jiġifieri l-probabbiltà ta' ħsara għat-trade mark preċedenti bl-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew il-vantaġġ inġust li din ta' l-aħħar tieħu mit-trade mark preċedenti. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għal siltiet mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-11 ta' Frar u tas-17 ta' Mejju 2000, kif ukoll għall-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell bħala risposta għall-appell ta' Ellen Holding.

19      Skond ir-rikorrenti, jirriżulta minn dawn is-siltiet li l-oppożizzjoni tagħha, in kwantu kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejja: l-ewwel nett, ir-rikorrenti rnexxielha tikseb li t-trade mark preċedenti tagħha tkun rikonoxxuta mill-pubbliku Spanjol bħala trade mark prestiġjuża u ta' kwalità u teżisti probabbiltà li r-"rappreżentazzjonijiet" pożittivi assoċjati ma' din it-trade mark ikunu konfużi mill-konsumaturi mal-prodotti ta' Elleni Holding. It-tieni nett, ir-rikorrenti kienet għamlet investimenti sinjifikattivi fir-reklamar u fil-promozzjoni tas-servizzi tagħha għad-distribuzzjoni u għat-tifrix tat-trade mark tagħha, li minnhom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tieħu vantaġġ inġust. It-tielet nett, Ellen Holding ma kinitx ġabet l-ebda prova biex turi l-legalità ta' l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-raba' nett, il-probabbiltà li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tagħmel tagħha l-prestiġju, ir-reputazzjoni jew l-isem tat-trade mark preċedenti hija msaħħa minħabba l-viċinanza ta' l-oqsma kummerċjali kkonċernati permezz tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huma sodisfatti f'din il-kawża.

20      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li, kif il-Bord ta' l-Appell ikkonstata fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, l-użu, fil-kliem ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, tal-kundizzjonal ("ikun jieħu vantaġġ inġust […] jew ikun ta’ ħsara […]") jindika li l-probabbiltà waħedha, ibbażata fuq analiżi loġika u deduttiva, hija biżżejjed sabiex tikkonferma l-eżistenza ta' vantaġġ miksub inġustament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, il-prova materjali ta' l-eżistenza ta' vantaġġ inġust ma tistax tiġi mitluba, peress illi s-sinjal ikkontestat għadu mhuwiex irreġistrat. Dan l-approċċ kien ġie diġà ammess u spjegat mit-Tielet Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' April 2001 (kawża HOLLYWOOD, Nru R‑283/1999‑3).

21      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta kkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha, fir-rigward ta' l-eżistenza tal-probabbiltà msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, fuq is-sempliċi rabta li teżisti bejn is-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti. Ir-rabta in kwistjoni kienet ġiet meħuda in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni biss għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza ta' din il-possibbiltà. Skond ir-rikorrenti, l-istanzi ta' l-UASI jirrikonoxxu l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mal-prodotti koperti mis-sinjali konfliġġenti bħala fattur li jista' jsaħħaħ il-probabbiltà ta' vantaġġ miksub inġustament mit-trade mark preċedenti, kif turi d-deċiżjoni Nru 1219/1999, tal-15 ta' Novembru 1999, tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fil-kawża HOLLYWOOD, iċċitata fil-punt preċedenti.

22      Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-interpretazzjoni, mill-Bord ta' l-Appell, f'din il-kawża, ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 61 et seq ta' dan ir-regolament u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gambla vs L-UASI (BABY‑DRY) (T‑163/98, Ġabra p. II‑2383, punt 43). F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li, jekk il-Bord ta' l-Appell kellu dubju fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-Bord kellu jistiedinha, skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha.

23      Fil-ħames u fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza d-deċiżjonijiet Nri 531/2000 u 621/2001 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI, li ġew mogħtija f'kawżi simili u jikkonfermaw l-approċċ invokat mir-rikorrenti f'din il-kawża fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

24      L-UASI jqis li huwa korrett li kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell ikkonstataw, minn naħa, li s-sinjali konfliġġenti kienu identiċi u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kienet tat prova li t-trade mark tagħha invokata bħala oppożizzjoni kienet kisbet reputazzjoni fi Spanja għas-"servizzi marbuta mal-provvista ta' oġġetti ta' l-ikel u tax-xorb lesti għall-konsum; ristoranti self-service, kantins, barijiet, kafetteriji", li jaqgħu taħt il-klassi 42.

25      Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-prova li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew tkun ta' ħsara għalihom, fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, setgħet tiġi bbażata fuq probabbiltajiet. Madankollu, kif kien iddikjara l-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti ma kinitx ġabet fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Frar u tas-17 ta' Mejju 2000, quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, u lanqas fir-risposta tagħha għall-appell ta' Elleni Holding, argumenti konvinċenti li jagħtu prova ta' din il-possibbiltà. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball fl-analiżi tiegħu fuq l-applikazzjoni, f'din il-kawża, ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

26      L-UASI jaċċetta li r-referenza magħmula mir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Frar 2000 quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, għall-investimenti tagħha u għall-attivitajiet promozzjonali tagħha, li wasslu għal konoxxenza estiża tat-trade mark tagħha invokata bħala oppożizzjoni, tikkostitwixxi element utli sabiex tingħata prova tar-reputazzjoni ta' din it-trade mark. Ir-rikorrenti ma kinitx, madankollu, spjegat kif dan l-element kien marbut ma' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata minn Elleni Holding. Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li Elleni Holding ma kinitx stabbilit l-eżistenza ta' raġuni valida għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-UASI jenfasizza li kellha tkun ir-rikorrenti stess, bħala parti li qed topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tippreżenta elementi oġġettivi, li jippermettu li jiġi dedott li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kien applikabbli f'din il-kawża.

27      L-UASI jindika li jaqbel mal-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li r-rabta invokata mir-rikorrenti bejn is-servizzi koperti, rispettivament, mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex tiġi dedotta l-eżistenza ta' probabbiltà ta' vantaġġ miksub inġustament mit-trade mark preċedenti jew ta' ħsara kkawżata lil din ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward, l-UASI josserva li, skond ir-rikorrenti stess, ir-rabta bejn is-servizzi kkonċernati permezz tas-sinjali konfliġġenti mhijiex ħlief element li jista' jsaħħaħ il-probabbiltà ta' tali possibbiltà. Issa, billi l-eżistenza ta' tali probabbiltà ma ġiet stabbilita bl-ebda mod, il-kwistjoni ma tistax tirrigwarda t-tisħiħ ta' din il-probabbiltà.

28      Barra minn dan, il-limitazzjoni minn Elleni Holding tas-servizzi tal-klassi 42, koperti bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara punt 9 iktar 'il fuq) turi n-nuqqas ta' intenzjoni, min-naħa tagħha, li tieħu vantaġġ inġust mit-trade mark preċedenti kif ukoll in-nuqqas ta' probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jippreġudika lit-trade mark preċedenti. [Replika punt 38]

29      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell kellu jistiedinha sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta' din il-probabbiltà, l-UASI jirrispondi li l-Bord ta' l-Appell ma jistax jiġi kkunsidrat responsabbli għal-lakuni ta' l-oppożizzjoni tar-rikorrenti. Skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell għandu jillimita ruħu, skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li jeżamina l-motivi invokati mill-partijiet fil-proċedimenti ta' l-oppożizzjoni u kull indikazzjoni, min-naħa tiegħu, fir-rigward ta' wieħed minnhom, li tirrigwarda l-fatti jew in-nuqqas ta' provi, tippreġudika l-interessi tal-parti l-oħra u, għaldaqstant, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju li huwa applikabbli fil-proċedura inter partes quddiem l-UASI.

30      F'kull każ, l-UASI jirrileva li Elleni Holding kienet diġà invokat, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-3 ta' Jannar 2001, li fihom ir-raġunijiet għall-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell, in-nuqqas ta' argumenti tar-rikorrenti li jistgħu jistabbilixxu l-vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew il-preġudizzju kkawżat bl-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Ir-rikorrenti ma tistax, għaldaqstant, issostni li hija ma kinitx infurmata b'dan l-argument li għalih, barra minn hekk, hija kienet wieġbet fir-risposta tagħha għall-appell ta' Elleni Holding.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

31      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, "[B]arra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti".

32      Id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tirreferu għal trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal prodotti jew servizzi li mhumiex identiċi jew simili għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti. Madankollu, fil-kuntest ta' domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), li l-kontenut legali tagħha huwa, essenzjalment, identiku għal dak ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta tiġi kkunsidrata l-iskema ġenerali u l-objettivi tas-sistema li minnhom jagħmel parti l-Artikolu 5(2) ta' din id-direttiva, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi mogħtija interpretazzjoni li twassal sabiex trade marks li għandhom reputazzjoni jkollhom protezzjoni inqas fil-każ li sinjal jintuża għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili milli fil-każ li sinjal jintuża għal prodotti jew servizzi li mhumiex simili. Fi kliem ieħor, skond l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trade mark li għandha reputazzjoni għandha tgawdi, meta sinjal huwa użat għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili, minn protezzjoni li l-estent tagħha huwa għall-inqas l-istess bħal fil-każ meta sinjal huwa użat għal prodotti jew servizzi li mhumiex simili (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Jannar 2003, Davidoff, C‑292/00, Ġabra p. I-389, punti 24 sa 26, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punti 19 sa 22).

33      Għaldaqstant, b'analoġija, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista' jiġi invokat b'sostenn ta' oppożizzjoni magħmula kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti u servizzi mhux identiċi u mhux simili għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti bit-trade mark preċedenti.

34      Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejja: l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks konfliġġenti; it-tieni nett, l-eżistenza ta' reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata bħala oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta' probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta fi vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jekk jikkawżalhom preġudizzju. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta' waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Mejju 2005, Spa Monopole vs L-UASI – Spa-Finders Travel Arrangements (SPA‑FINDERS), T‑67/04, Ġabra p. II‑1825, punt 30].

35      Sabiex tiġi ddefinita aħjar il-probabbiltà msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi nnotat li l-ewwel indikazzjoni ta' trade mark tikkonsisti mingħajr dubju f'"indikazzjoni ta' oriġini" (ara s-seba' premessa tar-Regolament Nru 40/94). Jibqa' l-fatt li trade mark taġixxi wkoll bħala mezz ta' trażmissjoni ta' messaġġi oħra li jirrigwardaw, b'mod partikolari, il-kwalitajiet jew karatteristiċi partikolari tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, jew l-immaġini u s-sensazzjonijiet li hija tagħti, bħal, per eżempju, il-lussu, l-istil ta' ħajja, l-esklużività, l-avventura, iż-żgħożija. F'dan is-sens, it-trade mark tipposjedi valur ekonomiku intrinsiku awtonomu u distint meta mqabbel ma' dak ta' prodotti jew servizzi li hija rreġistrata għalihom. Il-messaġġi in kwistjoni li jippromwovu b'mod partikolari trade mark li għandha reputazzjoni jew li huma assoċjati magħha jagħtu lil din ta' l-aħħar valur importanti u denju ta' protezzjoni, u dan iktar u iktar billi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-reputazzjoni ta' trade mark hija r-riżultat ta' sforzi u investimenti konsiderevoli tal-proprjetarju tagħha. Huwa għalhekk li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jassigura l-protezzjoni ta' trade mark li għandha reputazzjoni, fil-konfront ta' kull applikazzjoni għal trade mark identika jew simili li tista' tippreġudika l-immaġini tagħha, anki jekk il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni ġiet irreġistrata.

36      Għal dak li jirrigwarda, b'mod iktar partikolari, it-tielet waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 34 iktar 'il fuq, hija għandha tiġi analizzata skond tliet tipi distinti ta' probabbiltà, jiġifieri li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-ewwel nett, jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, it-tieni nett, jippreġudika r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew, it-tielet nett, jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti [sentenza SPA‑FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punti 43 sa 53; ara wkoll, b'analoġija, il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 32 iktar 'il fuq (Ġabra p. I‑12540), punti 36 sa 39]. Fir-rigward tat-terminoloġija ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jeżisti wieħed biss mit-tipi ta' probabbiltà fuq imsemmija sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli. B'hekk, it-tielet waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 34 iktar 'il fuq tinqasam fi tliet tipi alternattivi ta' probabbiltà.

37      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-preġudizzju li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkawża lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, dan il-preġudizzju jista' jirriżulta meta t-trade mark preċedenti ma tibqax f'pożizzjoni li toħloq assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata (sentenza SPA-FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 43). Din il-probabbiltà tirrigwarda, għaldaqstant, it-"tnaqqis fl-effett" tat-trade mark preċedenti permezz tat-telf ta' l-identità tagħha u ta' l-influwenza fuq moħħ il-pubbliku (Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 36 iktar 'il fuq, punt 37).

38      Madankollu, il-probabbiltà ta' tnaqqis fl-effett tidher, prinċipalment, inqas għolja jekk it-trade mark preċedenti tikkonsisti f'terminu wieħed li, permezz ta' tifsira li hija adegwata għaliha, hija mifruxa ħafna u użata b'mod frekwenti, indipendentement mit-trade mark preċedenti komposta mit-terminu in kwistjoni. F'każ bħal dan, ir-repetizzjoni tat-terminu in kwistjoni mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija inqas probabbli li twassal sabiex jitnaqqas l-effett tat-trade mark preċedenti. B'hekk, fis-sentenza SPA-FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq (punt 44), il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, peress illi l-kelma "spa" kienet użata ta' spiss sabiex tindika, per eżempju, il-belt Belġjana ta' Spa u l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi Belġjana ta' Spa-Francorchamps jew, b'mod ġenerali, l-istabbilimenti ddedikati għall-idroterapija bħalma huma l-banjijiet Torok jew sawni, il-probabbiltà li trade mark oħra, li tikkontjeni wkoll l-element verbali "Spa" tkun ta' preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark SPA dehret waħda limitata.

39      Sussegwentement, fir-rigward tal-preġudizzju li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jippreġudika r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi nnotat li dan il-preġudizzju jirriżulta meta l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jattiraw lill-pubbliku b'tali mod li titnaqqas l-attrazzjoni tat-trade mark preċedenti (sentenza SPA-FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 46). Il-probabbiltà ta' dan il-preġudizzju tista', b'mod partikolari, tipproduċi ruħha meta dawn il-prodotti jew servizzi jipposjedu karatteristika jew kwalità li jistgħu jeżerċitaw influwenza negattiva fuq l-immaġni ta' trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, minħabba l-identiċità jew xebh tagħha mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

40      Fl-aħħar nett, il-kunċett ta' vantaġġ li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jinkludi l-każijiet fejn ikun hemm sfruttament jew parassitiżmu manifesti ta' trade mark famuża jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha (sentenza SPA-FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 51). Fi kliem ieħor, dan jirrigwarda l-probabbiltà li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din ta' l-aħħar tirrifletti jkunu ttrasferiti fuq il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b'tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċċilitata b'din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni.

41      Għandha ssir distinzjoni bejn din l-aħħar tip ta' probabbiltà u l-probabbiltà ta' konfużjoni stipulata fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ddefinita bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża bħal dawk tat-trade mark preċedenti jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17]. Min-naħa l-oħra, fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni, jiġifieri jistabbilixxi rabta, bejn it-trade marks konfliġġenti mingħajr, madankollu, ma jħawwadhom (ara, b'analoġija, is-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 32 iktar 'il fuq, punt 29). Għaldaqstant, l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni mhijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 20).

42      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, id-differenza bejn il-probabbiltà ta' vantaġġ miksub inġustament, skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, u l-probabbiltà ta' konfużjoni tista' tiġi mqassra bil-mod li ġej: probabbiltà ta' konfużjoni teżisti meta l-konsumatur rilevanti jista' jiġi attirat mill-prodott jew mis-servizz kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi jikkunsidra li huwa prodott jew servizz li għandu l-istess oriġini kummerċjali bħal dak kopert mit-trade mark preċedenti li tkun identika jew simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tissussisti meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni, huwa attirat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni stess u jixtri l-prodott jew is-servizz kopert minnha minħabba li għandu din it-trade mark, li hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni.

43      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati liema huma l-elementi li l-parti li tkun qed topponi, proprjetarja ta' trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, għandha tinvoka b'sostenn tar-raġuni għall-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

44      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżami ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata fis-sens li l-istanzi ta' l-UASI, inkluż il-Bord ta' l-Appell, meta huma jiddeċiedu fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni, jistgħu jibbażaw d-deċiżjoni tagħhom biss fuq raġunijiet relattivi għal ċaħda li l-parti kkonċernata tkun invokat u fuq il-fatti u l-provi li għandhom x'jaqsmu magħhom li din il-parti tkun ippreżentat [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra p. II‑3253, punt 32; tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs L-UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, Ġabra p. II‑1739, punt 28].

45      Madankollu, ġie wkoll deċiż li l-limitazzjoni tal-bażi fattwali ta' l-eżami ta' oppożizzjoni ma eskluditx li dan jieħu in kunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet matul il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta' sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli (sentenza PICARO, punt 44 iktar 'il fuq, punt 29).

46      Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li l-għan ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' kull trade mark identika jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni. L-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa, b'mod partikolari, li jippermetti lill-proprjetarju ta' trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni li jopponi r-reġistrazzjoni ta' trade marks li jistgħu jippreġudikaw ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew jieħdu vantaġġ inġust minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv. F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti mhuwiex obbligat jagħti prova ta' l-eżistenza ta' preġudizzju effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Madankollu, huwa għandu jressaq il-provi li abbażi tagħhom ikun jista' jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta' vantaġġ inġust jew preġudizzju (sentenza SPA FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 40).

47      L-eżistenza ta' rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti hija kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, il-preġudizzju msemmi minn din id-dispożizzjoni, meta jseħħ, ikun il-konsegwenza ta' ċertu livell ta' xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, livell li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejniethom, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom (sentenza SPA FINDERS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 41). L-eżistenza ta' din ir-rabta għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 32 iktar 'il fuq, punti 29 u 30). F'dan ir-rigward, aktar ma l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkunu sinjifikattivi, aktar l-eżistenza ta' preġudizzju tkun faċilment aċċettata (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punt 30).

48      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-parti li qed topponi li għandha l-intenzjoni tipprevali ruħha mir-raġuni relattiva għal ċaħda msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 hija obbligata tindika t-trade mark preċedenti li hija tinvoka bħala oppożizzjoni u li tagħti prova tar-reputazzjoni allegata tagħha. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza General Motors, punt 47 iktar 'il fuq (punt 30), applikabbli b'analoġija fil-kawża in kwistjoni, huwa possibbli, b'mod partikolari fil-każ ta' oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta' riskju futur ta' preġudizzju jew ta' vantaġġ miksub inġustament bl-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tat-trade mark invokata bħala oppożizzjoni tant tkun evidenti li l-parti li tkun qed topponi m'għandhiex għalfejn tinvoka u tagħti prova ta' l-ebda fatt ieħor għal dan il-għan. Madankollu, ma jistax jiġi preżunt li dan huwa dejjem il-każ. Fil-fatt, huwa possibbli li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tidhirx, mill-ewwel daqqa t'għajn, li tista' tagħti lok għal waħda mit-tliet tipi ta' probabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, minkejja l-identiċità jew xebh tagħha ma' din ta' l-aħħar. F'dan il-każ, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata, sakemm tali probabbiltà mhux ipotetika ta' preġudizzju jew ta' vantaġġ miksub inġustament tkun tista' tiġi murija bl-għajnuna ta' elementi oħra, li għandhom jiġu invokati u sostnuti bi provi mill-parti li tkun qed topponi.

49      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell ma kkontestax il-konklużjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tgħid li s-sinjali konfliġġenti kienu identiċi. Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-argumenti ta' Elleni Holding relatati man-nuqqas ta' provi suffiċjenti, mir-rikorrenti, tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha fi Spanja u, bħad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, aċċetta l-eżistenza ta' din ir-reputazzjoni għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42: "Servizzi relatati mal-provvista ta' oġġetti ta' l-ikel u tax-xorb lesti għall-konsum; ristoranti; ristoranti self-service, kantins, barijiet, kafetteriji" (deċiżjoni kkontestata, punt 31).

50      Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti kienet issodisfat tnejn mit-tliet kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, huwa kkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat l-ebda argument jew element probatorju li jista' jistabbilixxi li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jwassal sabiex juża r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jippreġudika din ir-reputazzjoni (deċiżjoni kkontestata, punt 47). F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell innota li, kuntrarjament għal dak li stabbiliet id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, l-uniku element rilevanti invokat għal dan il-għan mir-rikorrenti, jiġifieri l-eżistenza ta' rabta sempliċi bejn is-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti, ma kienx suffiċjenti (deċiżjoni kkontestata, punt 46). Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti kellha tiġi miċħuda, billi waħda mill-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx sodisfatta.

51      Id-deċiżjoni kkontestata għandha, għaldaqstant, tiġi mifhuma fis-sens li l-Bord ta' l-Appell ma setax jidentifika, fil-każ in kwistjoni, l-eżistenza ta' probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ jew jippreġudika l-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, minkejja l-identiċità tas-sinjali konfliġġenti u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

52      Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix, f'dan il-każ, għall-inqas waħda mit-tliet tipi ta' probabbiltà imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Għall-finijiet ta' dan l-eżami, għandu, l-ewwel nett, jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti kinitx invokat quddiem l-istanzi ta' l-UASI, barra mir-rabta allegatament eżistenti bejn is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti, elementi oħra li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Bord ta' l-Appell għall-evalwazzjoni tal-probabbiltajiet in kwistjoni.

53      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tirreferi, f'dan il-kuntest, għall-kampanja ta' reklamar kunsiderevoli li hija kienet mexxiet għall-promozzjoni tas-servizzi tagħha u d-distribuzzjoni u t-tifrix tat-trade mark preċedenti tagħha. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan il-fattur huwa rilevanti biss sabiex jagħti prova ta' l-eżistenza ta' reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, li ġiet aċċettata permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, din il-kampanja ta' reklamar ma tistax, waħedha, tagħti prova ta' l-eżistenza ta' probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jippreġudikahom, skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, u għaldaqstant mhijiex rilevanti fil-kawża preżenti.

54      Ir-rikorrenti tinvoka, ukoll, il-fatt li l-pubbliku Spanjol jirrikonoxxi t-trade mark preċedenti bħala li hija "prestiġjuża u ta' kwalità". Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tagħmel referenza, fl-istess kuntest, għal silta mill-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Frar 2000, quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li fihom hija rreferiet għal reklamar sistematiku tat-trade mark preċedenti "assoċjat mal-kwalità stabbilità tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni". F'dawn l-istess osservazzjonijiet, ir-rikorrenti għamlet ukoll referenza għall-"provi tal-prestiġju u tar-reputazzjoni" (evidence of the prestige and reputation) tat-trade mark preċedenti tagħha.

55      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, f'dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti ddeskrivit ir-ristoranti VIPS bħala stabbilimenti kkaratterizzati b'ħinijiet tax-xogħol twal ħafna (minn filgħodu kmieni sat-3 ta' filgħodu), miftuħa l-jiem kollha tal-ġimgħa, inklużi l-Ħdud u l-festi pubbliċi, b'servizz ta' fornitura ta' l-ikel kważi kontinwu u bbażat fuq menu komuni għar-ristoranti kollha. Barra minn dan, hija kienet ikkwotat diversi siltiet minn artikoli li dehru fil-gazzetti u fil-kotba, li minnhom jirriżulta li l-VIPS kienu meqjusa mill-pubbliku Spanjol bħala postijiet informali u ta' kumdità, partikolarment attraenti f'għajnejn iż-żgħażagħ, fejn wieħed seta' jakkwista l-ikel u jmur jixtri f'kwalunkwe ħin.

56      Barra minn dan, ir-ristoranti VIPS kienu msemmija fost stabbilimenti oħra ta' fast-food magħrufa, jew f'kuntrast ma' ristoranti ta' kwalità, b'mod partikolari fis-siltiet li ġejjin:

–        "Forsi jimxi minn Moncloa sal-Plaza de España, billi josserva fi triqtu l-McDonald’s, VIPS u Pan’s & Company";

–        "Kien ġie magħżul attentivament ristorant ta' kwalità għall-mistiedna distinti, iżda Willy Banks u Al Oerter ma ridux ħlief il-hamburgers. Dan ilu sejjer diġà xi żmien, iżda l-affarijiet ma nbidlux. Is-sena l-oħra, Maurice Greene iċċelebra r-rekord dinji tiegħu billi ħareġ u mar jiekol hamburgers fis-siegħa ta' filgħodu għand VIPS […]";

–        "Għal dak li jirrigwarda l-ħwienet tal-fast food, ser ikun hemm VIPS u Burger King".

57      Għandu jiġi osservat f'dan ir-rigward li, jekk ċerti trade marks ta' stabbilimenti tal-fast food igawdu minn reputazzjoni inkontestabbli, huma ma jagħtux, bħala prinċipju u fin-nuqqas ta' provi fis-sens kuntrarju, l-immaġni ta' prestiġju partikolari jew ta' kwalità għolja, billi s-settur tal-fast food huwa pjuttost assoċjat ma' kwalitajiet oħra, bħar-rapidità jew id-disponibbiltà u, sa ċertu punt, iż-żgħożija, peress li ħafna miż-żgħażugħ jmorru f'dan it-tip ta' stabbilimenti.

58      Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-referenzi vagi u mhux elaborati magħmula mir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, għall-"prestiġju u [għar-]reputazzjoni" jew għall-"kwalità magħrufa" tal-prodotti u tas-servizzi offerti f'ristorant VIPS ma jikkostitwixxux l-invokazzjoni ta' immaġini ta' prestiġju jew ta' kwalità partikolarment għolja, allegatament assoċjata mat-trade mark preċedenti tagħha VIPS. Fil-fatt, ir-rikorrenti tidher tfixkel, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem l-UASI kif ukoll fir-rikors tagħha, il-kunċetti ta' reputazzjoni ta' trade mark mal-prestiġju eventwali tagħha jew mal-kwalitajiet partikolari tagħha. Issa, m'għandux jiġi preżunt li kull trade mark magħrufa tagħti, mill-fatt waħdu tar-reputazzjoni tagħha, immaġini ta' prestiġju jew ta' kwalità għolja. Isegwi li huwa korrett li d-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-prestiġju allegatament assoċjat mat-trade mark preċedenti.

59      Jekk ir-referenza mir-rikorrenti, fir-rikors tagħha, għall-prestiġju partikolari tat-trade mark preċedenti kellha tiġi mifhuma bħala l-invokazzjoni, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' dan il-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs L-UASI - Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, Ġabra p. II‑411, punt 61; tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67]. Dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u tal-kuntest ġuridiku tal-kontroversja kif tressqet quddiem il-Bord ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs L-UASI (Tablette ovoïde), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16; tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T‑311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 70]. Isegwi li dan l-element ġdid fattwali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li l-eżami tiegħu mill-Qorti tal-Prim'Istanza jmur lilhinn mill-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f'dan is-sens, is-sentenza Starix, iċċitata iktar 'il fuq, punt 73, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, "Drie Mollen sinds 1818" L-UASI – Nabeiro Silveria (Galáxia), T‑66/03, Ġabra p. II‑1765, punti 46 u 47].

60      Ir-rikorrenti tinvoka, fl-aħħar nett, in-nuqqas ta' prova mogħtija minn Elleni Holding fir-rigward ta' l-eżistenza ta' raġuni valida ta' l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat f'dan ir-rigward li l-eżami ta' l-eżistenza ta' għall-inqas wieħed mit-tliet tipi ta' probabbiltà msemmija fit-tielet u l-aħħar kundizzjoni ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandu, loġikament, jippreċedi l-evalwazzjoni ta' l-eventwali "raġunijiet validi". Jekk jirriżulta li ebda waħda minn dawn it-tliet tipi ta' probabbiltà ma teżisti, ir-reġistrazzjoni u l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu preklużi, meta l-eżistenza jew in-nuqqas ta' raġunijiet validi għall-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma, f'dan il-każ, irrilevanti.

61      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-uniku element rilevanti invokat mir-rikorrenti b'sostenn tar-raġuni li tirrigwarda ċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kien jikkonsisti fir-rabta bejn is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-Bord ta' l-Appell kienx korrett meta kkunsidra li dan l-element ma kienx biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta' għall-inqas wieħed mit-tliet tipi ta' probabbiltà deskritti iktar 'il fuq u msemmija f'din id-dispożizzjoni.

62      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, fi kliem ieħor il-probabbiltà ta' "tnaqqis fl-effett" ta' din it-trade mark, kif spjegat fil-punti 37 u 38 iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi osservat li l-kelma "VIPS" hija l-forma fil-plural, fil-lingwa Ingliża, tat-taqsira VIP (bl-Ingliż "Very Important Person", jiġifieri "Persuna importanti ħafna"), li hija ta' użu vast u frekwenti kemm fuq il-pjan internazzjonali kif ukoll fuq il-pjan nazzjonali sabiex tindika personalitajiet famużi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-probabbiltà ta' preġudizzju miġjub lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti bl-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tidher limitata.

63      Din l-istess probabbiltà tidher ukoll anqas probabbli fil-każ in kwistjoni billi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkopri servizzi ta' "ipprogrammar ta' kompjuters relatati mas-servizzi ta' lukandi, servizzi għall-provvista ta’ ikel, kafetteriji-ristoranti", li huma intiżi għal pubbliku speċjali u, neċessarjament, aktar ristrett, jiġifieri l-proprjetarji ta' dawn l-istabbilimenti. Dan għandu bħala effett li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jekk hija tiġi aċċettata għar-reġistrazzjoni, tkun probabbilment magħrufa, permezz ta' l-użu tagħha, biss minn dan il-pubbliku relattivament ristrett, li jnaqqas ċertament il-probabbiltà ta' tnaqqis fl-effett tat-trade mark preċedenti permezz tat-telf ta' l-identità tagħha u ta' l-influwenza tagħha fuq moħħ il-pubbliku.

64      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati permezz tar-rabta allegatament eżistenti bejn is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti, invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, kif il-Bord ta' l-Appell korrettament innota fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rabta in kwistjoni mhijiex rilevanti f'dan il-kuntest, billi t-tnaqqis fl-effett ta' l-identità ta' trade mark li għandha reputazzjoni mhuwiex dipendenti fuq ix-xebh ta' prodotti u servizzi koperti minn din it-trade mark ma' dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

65      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra ġustament in-nuqqas ta' probabbiltà ta' tnaqqis fl-effett tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti permezz ta' l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

66      It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-probabbiltà ta' preġudizzju li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkawża lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Kif ġie espost fil-punt 39 iktar 'il fuq, din hija probabbiltà li l-assoċjazzjoni bejn it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni u l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark identika jew simili li għaliha saret l-applikazzjoni twassal għal degradazzjoni jew għal reputazzjoni mnaqqsa tat-trade mark preċedenti, billi l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhom karatteristika jew kwalità partikolari li tista' teżerċita influwenza negattiva fuq l-immaġini tat-trade mark preċedenti.

67      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jippreżentaw l-ebda karatteristika jew kwalità li tista' tistabbilixxi l-probabbiltà li jiġi kkawżat preġudizzju ta' dan it-tip lit-trade mark preċedenti. Ir-rikorrenti ma invokatx, u a fortiori lanqas ma wriet, l-ebda karatteristika jew kwalità ta' din in-natura. L-eżistenza waħedha ta' rabta bejn is-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti ma hija la biżżejjed u lanqas determinanti. Ċertament, l-eżistenza ta' rabta bħal din isaħħaħ il-probabbiltà li l-pubbliku, ikkonfrontat bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jibqa' jaħseb fit-trade mark preċedenti. Madankollu, din iċ-ċirkustanza mhijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex tnaqqas l-attrazzjoni tat-trade mark preċedenti. Tali riżultat jista' jipproduċi ruħu biss jekk jiġi muri li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jippreżentaw karatteristiċi jew kwalitajiet potenzjalment ta' preġudizzju għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Issa, tali prova ma tressqitx fil-kawża preżenti.

68      Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkonkluda favur in-nuqqas ta' probabbiltà ta' preġudizzju għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

69      Fl-aħħar nett, għandha tiġi evalwata l-probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Kif ġie osservat fil-punti 40 sa 42 iktar 'il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn din il-probabbiltà u l-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress illi, fil-każ tal-probabbiltà in kwistjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-artikolu, il-pubbliku ma jikkonfondix neċessarjament it-trade marks konfliġġenti.

70      Għandu jiġi nnotat, f'dan ir-rigward, li l-argument li jgħid li l-pubbliku kkonċernat bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun imħajjar jikseb is-softwer kopert minn din it-trade mark, billi jikkunsidrah bħala li ġej mir-ristoranti VIPS, li għandhom reputazzjoni, jew li huwa użat minnhom, jagħmel parti mill-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' probabbiltà eventwali ta' konfużjoni, koperta taħt ir-raġuni relattiva għal rifjut ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u mhux minn dak tal-paragrafu 5 ta' l-istess artikolu. Il-probabbiltà ta' konfużjoni ġiet effettivament invokata mir-rikorrenti b'sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, iżda ġiet imwarrba mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ma ġietx eżaminata mill-ġdid fid-deċiżjoni kkontestata, liema fatt huwa kkontestat mir-rikorrenti permezz tat-tieni motiv tagħha, eżaminat hawn isfel.

71      Min-naħa l-oħra, il-probabbiltà ta' vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jista' jipproduċi ruħu biss jekk il-pubbliku rilevanti, mingħajr ma jikkonfondi l-oriġini tas-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti, kellu attrazzjoni partikolari għas-softwer ta' Elleni Holding, għall-unika raġuni li huwa kopert minn trade mark identika għat-trade mark preċedenti u li għandha reputazzjoni VIPS.

72      Madankollu, fil-kawża preżenti, ma jeżisti l-ebda element li jista' juri l-probabbiltà msemmija fil-punt preċedenti. Kif innota diġà korrettament il-Bord ta' l-Appell, ir-rabta bejn is-servizzi koperti mit-trade marks konfliġġenti mhijiex, waħedha, suffiċjenti. Fil-fatt, sabiex jiġi rikonoxxut li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, meta ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni, hija meħtieġa l-prova ta' assoċjazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mal-kwalitajiet pożittivi tat-trade mark identika preċedenti, li jistgħu jagħtu lok għal sfruttament jew għal parassitiżmu manifesti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

73      Issa, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni, min-naħa tar-rikorrenti, tal-karatteristiċi partikolari li hija tgħid li t-trade mark preċedenti tagħha għandha u tal-mod kif jistgħu jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-karatteristiċi normalment assoċjati ma' trade mark li għandha reputazzjoni ta' stabbiliment ta' fast food, imsemmija fil-punt 57 iktar 'il fuq, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, waħedhom, bħala li huma adattati sabiex jagħtu vantaġġ lis-servizzi ta' pprogrammar ta' kompjuters, anki dawk intiżi għal lukandi jew ristoranti.

74      Dan huwa partikolarment veru għaliex is-servizzi ta' dan it-tip koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jippreżentaw investiment sinjifikattiv għall-proprjetarji tal-lukandi, tar-ristoranti u ta' l-istabbilimenti l-oħra li għalihom dawn is-servizzi huma intiżi. Fil-fatt, jidher ftit probabbli li l-identiċità bejn it-trade mark li tkopri dawn is-servizzi u trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni teżerċita, waħedha, influwenza sinjifikattiva fuq l-għażla ta' dan il-pubbliku ristrett u relattivament speċjalizzat, għal tip jew ieħor ta' softwer disponibbli fis-suq. Huwa ħafna iktar probabbli li din l-għażla ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni fatturi oħra aktar sostanzjali u determinanti, bħall-ispiża ta' kull softwer propost, l-eżekuzzjoni tiegħu jew il-kapaċitajiet informatiċi tiegħu.

75      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li d-deċiżjoni kkontestata warbet ġustament ukoll il-probabbiltà li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

76      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar, fir-rigward tat-tliet tipi ta' probabbiltà analizzati iktar 'il fuq, li r-rikorrenti stess tammetti, fl-atti tagħha (ara punt 21 iktar 'il fuq), li r-rabta bejn is-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti sservi biss sabiex "tivverifika" l-eżistenza ta' probabbiltà msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi għalhekk li din il-probabbiltà għandha tiġi stabbilita abbażi ta' elementi oħra u hija biss ikkorroborata jew imsaħħa bir-rabta bejn is-servizzi in kwistjoni. Madankollu, kif għadu kif ġie espost, dawn l-elementi l-oħra, fil-kawża preżenti, huma kompletament ineżistenti.

77      Lanqas ma jista' jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-Artikoli 61 et seq tar-Regolament Nru 40/94 u fuq is-sentenza BABY-DRY, punt 22 iktar 'il fuq (punt 43). Minn naħa, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza nnotat li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll mill-iskema ġenerali ta' dan ta' l-aħħar, li l-Bord ta' l-Appell ma setax jillimita ruħu li jiċħad argumenti ġodda tal-parti li għamlet ir-rikors, ippreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors, għar-raġuni biss li dawn l-argumenti ma kinux ġew spjegati quddiem l-istanza inferjuri, iżda kien obbligat jagħti deċiżjoni fuq il-mertu ta' din il-kwistjoni, jew jirrinvija l-kawża quddiem l-istanza inferjuri. Issa, f'din il-kawża, ir-rikorrenti li, mill-bidunett, mhijiex il-parti li appellat quddiem il-Bord ta' l-Appell, lanqas ma tallega li hija ppreżentat argumenti ġodda quddiem dan il-Bord, li min-naħa tiegħu kien irrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni.

78      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li, "[w]aqt l-eżaminazzjoni ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skond il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perijodu ffissat mill-Bord ta’ l-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess". Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-artikolu ma jimponix fuq il-Bord ta' l-Appell l-obbligu li jistieden lill-partijiet biex jikkompletaw l-atti u dokumenti tagħhom miġjuba quddiemu.

79      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta' l-istanzi ta' l-UASI f'kawżi oħra, invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk ma jistax jiġi eskluż li l-partijiet jinvokaw deċiżjonijiet bħal dawn għar-raġunijiet biss li jfornu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sors ta' ispirazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet rilevanti [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Settembru 2005, Cargo Partner vs L-UASI (CARGO PARTNER), T‑123/04, Ġabra p. II‑3979, punt 68, u ta' l-24 ta' Novembru 2005, Sadas vs L-UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20], jibqa' l-fatt li l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi magħmula biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, b'tali mod li l-ksur waħdu, permezz ta' deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, tal-prattika deċiżjonali ta' l-istanzi ta' dan ta' l-aħħar, ma jistax jikkostitwixxi allegazzjoni li tista' tiġġustifika l-annullament ta' din id-deċiżjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 47; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs L-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T‑130/01, Ġabra p. II‑5179, punt 31; BUDMEN, point 59 iktar 'il fuq, punt 61, u tat-22 ta' Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs L-UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 39].

80      Fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, l-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu msemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll il-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu, imsemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, billi rrifjuta li jeżamina l-argumenti tagħha dwar l-applikazzjoni, fil-każ in kwistjoni, ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan ir-regolament, imqajma fir-risposta tagħha għar-rikors ta' Elleni Holding.

82      Skond ir-rikorrenti, fil-proċedimenti kontradittorji quddiem l-UASI, it-trasferiment tal-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' dritt ta’ l-appell (effet dévolutif) lill-Bord ta' l-Appell huwa limitat, skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, mill-avviż ta' l-appell u t-talbiet tal-partijiet. Issa, fil-kawża preżenti, jirriżulta mir-rikors ta' l-appell imressaq minn Elleni Holding li l-appell sar kontra d-deċiżjoni mogħtija mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kollha kemm hi. Barra minn dan, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti kienet ikkontestat ir-rifjut tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tapplika l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42, iżda ma kienet allegat xejn dwar iċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni tagħha għall-klassijiet 9 u 35.

83      Minn dan jirriżulta li s-suġġett ta’ l-appell ikkonsista fl-eżami ta' l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ l-oppożizzjoni min-naħa tar-rikorrenti, ta' l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward ta' servizzi tal-klassi 42. Żball eventwali minn Elleni Holding, li ma rrestrinġitx l-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell għall-parti biss tad-deċiżjoni tad-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni li kienet żfavorevoli għaliha, ma jistax jiġi korrett ex ufficio mill-Bord ta' l-Appell. Jekk dan ta' l-aħħar kellu xi dubji dwar dan il-punt, huwa kellu jitlob kjarifika mingħand ir-rikorrenti li għamlet l-appell, skond ir-Regola 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1).

84      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħha hija kkorroborata permezz tad-deċiżjoni mogħtija mit-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, fit-23 ta' Jannar 2001 (każ R 158/2000-3), invokata fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll permezz tad-deċiżjoni ta' l-istess Bord, tat-3 ta' Lulju 2000 (każ R 198/1999-3), li kienu rrikonoxxu li l-osservazzjonijiet tal-konvenuta setgħu jkollhom bħala effett li jestendu l-għan tal-kontroversja bi qbil tal-parti li ressqet l-appell.

85      Qabel kollox, l-UASI jinnota li, fir-risposta tagħha għall-appell ta' Elleni Holding quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti talbet li l-appell jiġi miċħud u li jiġi kkonfermat ir-rifjut għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. B'sostenn tal-kap ta' dawn it-talbiet, ir-rikorrenti invokat xi argumenti intiżi, minn naħa, sabiex jiġu rrifjutati l-argumenti ta' Elleni Holding fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddikjarat li l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan ir-Regolament kellu wkoll jiġi applikat fil-każ in kwistjoni.

86      L-UASI jsostni li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tippermetti lill-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell li tippreżenta talbiet jew argumenti awtonomi fir-replika tagħha. Fin-nuqqas ta' tali dispożizzjoni, il-Bord ta' l-Appell kien ikkunsidra, fil-każ in kwistjoni, li l-parti li t-talbiet tagħha ma kinux ġew milqugħa kollha minn istanza inferjuri ta' l-UASI kellha, sabiex tikkontesta l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tippreġudikaha, tippreżenta rikors separat quddiem il-Bord ta' l-Appell.

87      Skond l-UASI, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza peress illi, skond l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-partijiet fil-proċediment bl-eċċezzjoni tal-parti rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell jistgħu, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, jifformulaw talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fit-talba u jippreżentaw argumenti li ma jkunux tqajmu fit-talba. L-UASI jirreferi wkoll, bħala eżempju, għal ċerti dispożizzjonijiet fid-dritt Spanjol li għandhom effett simili għal dak ta' l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa jenfasizza, madankollu, li l-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju Ewropew tal- Privattivi, li huwa rregolat minn leġiżlazzjoni li tixbah ir-Regolament Nru 40/94, għandhom jadottaw pożizzjoni analoga għal dik adottata mid-deċiżjoni kkontestata.

88      L-UASI jressaq l-elementi analitiċi li ġejja, fir-rigward tal-pożizzjoni adottata mill-Bord ta' l-Appell: l-ewwel nett, l-UASI jirreferi għall-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni. Skond l-UASI, fid-dawl ta' din id-dispożizzjoni, jista' fil-każ in kwistjoni jqum dubju fuq l-ammissibbiltà ta' appell mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, peress illi din ta' l-aħħar kienet laqgħat it-talbiet tar-rikorrenti. Jekk ma kienx ammissibbli li r-rikorrenti tressaq rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta' l-Appell tista' tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress illi d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li laqgħat it-talbiet tar-rikorrenti ġiet annullata mingħajr ma l-Bord ta' l-Appell iddeċieda dwar motiv ieħor li ġie miċħud definittivament mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

89      Barra minn hekk, jidher eżaġerat li parti li t-talbiet tagħha ġew milqugħa tiġi mitluba tappella kontra ċ-ċaħda ta' wieħed mill-argumenti tagħha, u dan biss sabiex tipproteġi ruħha kontra l-probabbiltà ipotetika li l-parti l-oħra, li l-allegazzjonijiet tagħha ġew miċħuda, tkun tista' tappella.

90      It-tieni nett, l-UASI jikkunsidra li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ma kellhomx bħala għan li jippreżentaw appell li għandu suġġett differenti, iżda biss li joġġezzjonaw għat-talbiet ta' Elleni Holding quddiem din l-istanza, sabiex tiġi mnaqqsa l-probabbiltà ta' annullament tad-deċiżjoni ta' l-oppożizzjoni. Għaldaqstant, l-eżami ta' l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegat ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma setax jimplika reformatio in pejus tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

91      It-tielet nett, l-UASI jikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi analizzata l-pożizzjoni adottata mill-Bord ta' l-Appell fuq it-trasferiment tal-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' dritt ta' l-appell, previst fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fuq il-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu stipulat fl-Artikolu 74(1) ta' dan ir-Regolament.

92      Ir-raba' nett, l-UASI jinnota li, f'kull sistema ġudizzjarja, is-setgħat ta' l-istanza superjuri huma aktar ristretti minn dawk ta' l-istanza inferjuri li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha qed tiġi mistħarrġa. Issa, il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta' l-Appell fil-kawża preżenti, evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, timplika li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha xi setgħat, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-kontroversja, akbar minn dawk tal-Bord ta' l-Appell, liema fatt, skond l-UASI, huwa, mill-inqas, stramb.

93      Konsegwentement, l-UASI jiddikjara li jpoġġi ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fir-rigward tat-tieni motiv invokat mir-rikorrenti, u jqis li, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha taċċetta dan il-motiv, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex jiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tar-raġuni relattiva għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

94      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, qabel kollox, li, għalkemm l-UASI m’għandux il-kompetenza legali meħtieġa sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell, għal kuntrarju, huwa mhuwiex marbut li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord ta’ l-Appell jew li jitlob neċessarjament iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha li jikkontestaw tali deċiżjoni u jista’, b'mod partikolari, jħalli d-deċiżjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T‑107/02, Ġabra p. II‑1845, punti 34 u 36; tal-25 ta' Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs L-UASI (Cloppenburg), T‑379/03, Ġabra p. II‑4633, punt 22, u ta' l-1 ta' Frar 2006, Dami vs L-UASI – Stilton Cheese Makers (GERONIMO STILTON), T‑466/04 u T‑467/04, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31].

95      Għandu jiġi nnotat, sussegwentement, li, billi ssostni, fil-kuntest ta' dan l-argument, ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża u tal-prinċipju li l-uffiċċju għandu jiddeċiedi biss fuq it-talbiet mressqa lilu, ir-rikorrenti tikkontesta fir-realtà l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress illi l-Bord ta' l-Appell ma eżaminax ir-raġuni ta' oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, li huwa kellu jagħmel minħabba t-trasferiment tal-kwistjonijiet kollha ta' fatt u ta' dritt tal-proċedura ta' l-appell. Għaldaqstant, għandha tiġi vverifikata jekk il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta' l-Appell hija konformi ma' l-obbligi li għandu fil-kuntest ta' l-eżami tiegħu tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li hija s-suġġett ta' l-appell quddiemu.

96      Hemm lok li jiġi osservat li, f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, wara li jsir l-eżaminazzjoni tal-permissibilita’ ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell u jista', "jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata", jiġifieri, fil-każ in kwistjoni, jiddeċiedi huwa stess fuq l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew jiddikjaraha ammissibbli, billi jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni kkontestata. Jirriżulta għalhekk mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 li, permezz ta' l-effett ta' l-appell li għandu quddiemu, il-Bord ta' l-Appell huwa msejjaħ jipproċedi għal eżami ġdid komplet tal-mertu ta' l-oppożizzjoni, kemm fid-dritt u fil-fatt.

97      Għalhekk, meta l-Bord ta' l-Appell iqis li waħda mir-raġunijiet relattivi għal rifjut invokati mill-parti li qed topponi fl-oppożizzjoni tagħha u milqugħa mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha mhijiex ammissibbli, l-eżami ġdid komplet tal-mertu ta' l-oppożizzjoni msemmi fil-punt preċedenti jimplika neċessarjament li l-Bord ta' l-Appell għandu jeżamina wkoll, qabel ma jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, jekk tista', eventwalment, tiġi milqugħa l-oppożizzjoni abbażi ta' raġuni oħra relattiva għal rifjut, invokata mill-parti li qed topponi quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iżda miċħuda jew mhux eżaminata minn din ta' l-aħħar.

98      Jirriżulta li, f'dan il-każ, billi l-Bord ta' l-Appell li kien wasal għall-konklużjoni li r-raġuni relattiva għal rifjut stipulata fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kienet ġiet applikata inkorrettament mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42, kien obbligat li jeżamina mill-ġdid, qabel ma' jannulla d-deċiżjoni ta' l-istanza inferjuri, ir-raġuni l-oħra relattiva għal rifjut invokata mir-rikorrenti b'sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, jiġifieri r-raġuni li tirrigwarda l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.

99      Kuntrarjament għad-dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżami fuq imsemmi tar-raġuni relattiva għal rifjut mill-Bord ta' l-Appell ma kienx estenda l-appell, peress illi, l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell għandu bħala għan eżami ġdid komplet tal-mertu ta' l-oppożizzjoni, ta' dritt u kif ukoll ta' fatt (ara punt 96 iktar 'il fuq).

100    Barra minn dan, din l-istess soluzzjoni kellha ssir, f'dan il-każ, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejja. Jirriżulta mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 li r-raġunijiet relattivi għal rifjut previsti f'dan l-artikolu jwasslu kollha eżattament għall-istess riżultat, jiġifieri għaċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li wieħed biss mid-diversi raġunijiet relattivi għal rifjut invokati fil-kuntest ta' oppożizzjoni jkun fondat sabiex tiġi milqugħa t-talba tal-parti li qed topponi li tikkonċerna ċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, meta hija tasal għall-konklużjoni li waħda mir-raġunijiet għal rifjut invokati mill-parti li qed topponi hija fondata, tista' tillimita l-eżami ta' l-oppożizzjoni għal raġuni waħda biss, li huwa biżżejjed sabiex ikun hemm lok għal deċiżjoni li tilqa' l-oppożizzjoni.

101    Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tiddeċiedi wkoll li teżamina u, meta jkun il-każ, li tiċħad ir-raġunijiet l-oħra relattivi għal rifjut invokati mill-parti li qed topponi, kif kien il-każ fil-kawża preżenti. Madankollu, din il-parti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha ma tikkostitwixxix il-bażi neċessarja għad-dispożittiv li tilqa' l-oppożizzjoni, li huwa bbażat, kif mitlub mil-liġi, fuq ir-raġuni relattiva għal rifjut li ġiet milqugħa. Lanqas ma tista' tkun kwistjoni ta' ċaħda parzjali ta' l-oppożizzjoni, peress illi t-talba tal-parti li qed topponi hija milqugħa fit-totalità tagħha.

102    Lanqas ma tista', f'tali ipoteżi, tkun kwistjoni ta' tagħqid ta' oppożizzjonijiet distinti mressqa mill-parti li qed topponi, li wħud minnhom kienu ġew miċħuda mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni wara li waħda minnhom ġiet milqugħa. Il-perċezzjoni li kull raġuni relattiva għal rifjut invokata mill-parti li qed topponi għandha tiġi kkunsidrata bħala oppożizzjoni distinta hija kuntrarja għall-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jistipula li "notifika ta’ opposizzjoni […] tista’ tingħata fuq il-bażi li ma tistax tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 8 […]". Barra minn dan, l-ekonomija tal-proċedimenti quddiem l-UASI teżiġi li l-oppożizzjonijiet ma jiżdidux inutilment u tipprekludi għalhekk ukoll il-perċezzjoni ta' oppożizzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet relattivi għal rifjut bħalma hija, fir-realtà, ġabra ta' diversi oppożizzjonijiet distinti.

103    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati permezz tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fil-kawża in kwistjoni [proċess UASI, p. 115], li jipprovdi sempliċement, fil-punt 1, li, fir-rigward tas-servizzi tal-klassi 42, l-oppożizzjoni hija milqugħa, mingħajr ma tirreferi bl-ebda mod għal ċaħda parzjali ta' l-oppożizzjoni jew għal ċaħda ta' oppożizzjoni oħra li tirrigwarda l-istess klassi.

104    F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami ta' l-oppożizzjoni tar-rikorrenti ma setax jintemm, għal dak li jirrigwarda l-klassi 42, bid-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Bord ta' l-Appell jillimita ruħu sabiex jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Dan l-annullament kellu bħala effett li l-proċediment ta' l-oppożizzjoni, safejn jirrigwardaw il-klassi hawn fuq imsemmija, saru mill-ġdid pendenti u kellhom jiġu magħluqa b'deċiżjoni oħra li tiċħad jew tilqa' din l-oppożizzjoni.

105    Skond l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, din it-tieni deċiżjoni kellha tiġi meħuda mill-Bord ta' l-Appell stess, bla ħsara għar-rinviju eventwali tal-kawża minn dan ta' l-aħħar quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Issa, kif ġie diġà osservat, mhemmx dubju li tali rinviju mhuwiex neċessarju fil-kawża preżenti, billi d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni diġà ddeċidiet fuq ir-raġuni relattiva għal rifjut ibbażata fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni. Din il-pożizzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tista' tiġi spjegata, bla ebda dubju, minn xewqa li jiġi evitat, għal raġunijiet ta' ekonomija tal-proċedura, rinviju tal-kawża quddiem din l-istanza mill-Bord ta' l-Appell, f'każ ta' annullament tad-deċiżjoni tagħha.

106    Il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell, li tgħid li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux sodisfatti fil-kawża preżenti, ma kinitx għalhekk biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex twassal għaċ-ċaħda ta' l-oppożizzjoni għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42. Kien neċessarju wkoll, sabiex jasal għal dan ir-riżultat, li l-Bord ta' l-Appell jagħmel l-istess evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, li kien jimplika neċessarjament ir-reviżjoni ta' din il-probabbiltà.

107    Issa, minn naħa, il-Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, irrifjuta espressament li jipproċedi għall-eżami tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, għaldaqstant, ma adottax u lanqas ma vvalida r-raġunament tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li jirrigwarda din ir-raġuni. Min-naħa l-oħra, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jillimita ruħu sabiex jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ma jindika la r-riżultat ta' l-oppożizzjoni u lanqas jekk il-kawża għandhiex tintbagħat lura quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

108    Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li, billi ma eżaminax r-raġuni relattiva għal rifjut fuq imsemmija, invokata mir-rikorrenti fiż-żmien preskritt u msemmija għal darb'oħra fir-risposta tagħha għall-appell ta' Elleni Holding, il-Bord ta' l-Appell naqas mill-obbligi li għandu fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-appell.

109    Dan il-Bord, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbaża ruħu fuq premessa żbaljata, meta jikkunsidra li dan l-eżami kien jirrikjedi li jitressaq, mir-rikorrenti, appell separat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Peress illi, skond l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx, f'dan il-każ, tappella kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, safejn tirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 42. Kif ġie osservat fil-punti 103 sa 105 iktar 'il fuq, din id-deċiżjoni, billi laqgħat l-oppożizzjoni u ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi li jaqgħu taħt din il-klassi, kienet laqgħat it-talbiet kollha tar-rikorrenti.

110    F'dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas, imsemmija mill-UASI, fost id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 li jirrigwardaw l-appell quddiem il-Bordijiet ta' l-Appell, ta' dispożizzjoni analoga għal dik ta' l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, mhijiex rilevanti, peress illi l-Bord ta' l-Appell kien obbligat, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, li jeżamina r-raġuni l-oħra relattiva għal rifjut, invokata quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, iżda miċħuda minnha, anki fin-nuqqas ta' talba speċifika għal dan il-għan mill-parti li qegħda topponi.

111    Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li t-tieni motiv għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma l-Qorti tal-Prim'Istanza tassumi r-rwol ta' l-UASI għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-raġuni relattiva għal rifjut ibbażata fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni, li għandha tiġi mwettqa mill-UASI.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

113    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-UASI jħalli d-deċiżjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal dak li jirrigwarda t-tieni motiv, li ġie milqugħ, għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, peress illi d-deċiżjoni kkontestata ngħatat mill-Bord ta' l-Appell tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BIOMATE, punt 94 iktar 'il fuq, punt 97).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta’ Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ta' l-1 ta' April 2003 (każ R 1127/2002‑3) hija annullata.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Marzu 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.