Language of document : ECLI:EU:T:2022:140

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Marzu 2022 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan – Konfutazzjoni tal-preżunzjoni”

Fil-Kawża T‑249/20,

Abdelkader Sabra, residenti fi Beyrouth (il-Libanu), irrappreżentat minn M. Lester, QC, u A. Bradshaw, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Haas u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

Talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43I, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent.

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

1        Ir-rikorrent, Abdelkader Sabra, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana u Lebaniża.

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adotta abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk tal-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma kienx jinsab fih meta ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Il-kontenut ta’ dan ir-regolament huwa, essenzjalment, identiku għal dak tad-Deċiżjoni 2011/273. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi rrikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati ma’ dawn il-persuni responsabbli, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Abbażi tal-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika l-imsemmija miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu, dan għandu jemenda l-Anness II b’mod konsegwenti u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

5        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 56) tiegħu, il-Kunsill ikkunsidra li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273/PESK u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed. Fl-Artikolu 18 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/782 tipprevedi restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-persuni li isimhom jinsab fl-Anness I u, fl-Artikolu 19 tagħha, tipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jinsab fl-Annessi I u II.

6        Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20).

7        Id-Deċiżjoni 2011/782 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad‑29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU 2012, L 330, p. 21), li min-naħa tagħha ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14 rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20).

8        Fit‑12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2015, L 266, p. 1).

9        Skont il-kliem tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[i]l-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu” u “l-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu.”

10      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli jipprevedu issa restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fuq it-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” sakemm ma jkunx hemm “biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

11      Ir-Regolament 2015/1828 emenda, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 sabiex jinkludi fih il-kriterji ta’ inklużjoni l-ġodda ddefiniti mid-Deċiżjoni 2015/1836 u introdotti fid-Deċiżjoni 2013/255.

12      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-linja 293 tal-lista li tidher fl-Anness I, tat-Taqsima A (Persuni) tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Anness II Taqsima A (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“listi inkwistjoni”),

13      Minn naħa, l-“informazzjoni ta’ identifikazzjoni” inkluża fil-listi inkwistjoni ssemmi li r-rikorrent huwa ta’ sess maskili, għandu n-nazzjonalità Sirjana u Libaniża u twieled fl‑14 ta’ Settembru 1955. Barra minn hekk, il-funzjonijiet tiegħu huma deskritti bħala “(s)id ta’ Sabra Maritime Agency; kap tal-Kunsill Sirjan-Tork ta’ Negozjanti; sieħeb fundatur ta’ Phoenicia Tourism Company; [u bħala] President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima fis-Sirja”. Fl-aħħar, “Phoenicia Tourism Company [LLC]” u “Sabra Maritime Agency” huma msemmija bħala “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijiet” tar-rikorrent.

14      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma fformulati kif ġej:

“Negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja b’diversi interessi ekonomiċi, speċjalment fis-settur marittimu u dak tat-turiżmu Bħala persuna ewlenija fit-trasport marittimu u soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf (sostenitur tar-reġim u kuġin ta’ Bashar al-Assad), Abdelkader Sabra jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, inkluż permezz ta’ kumpanniji offshore. Abdelkader Sabra jibbenefika wkoll mir-rabtiet tiegħu mar-reġim, li ppermettewlu jespandi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. Huwa involut ukoll fil-ħasil tal-flus u attivitajiet kummerċjali b’appoġġ għar-reġim Sirjan u l-assoċjati tiegħu.”

15      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jipprovdilu, b’mod partikolari, kopji tal-informazzjoni u l-provi kollha li jsostnu l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.

16      B’risposta għall-ittra tar-rikorrent imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, fis‑6 ta’ April 2020, il-Kunsill ikkomunikalu d-dokument bir-referenza WK 1755/2020 INIT, tat‑12 ta’ Frar 2020, li jinkludi l-provi insostenn tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.

17      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni skont l-atti inizjali u talab lill-Kunsill jirtira ismu mill-imsemmija listi.

18      Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ żamma”). Skont id-Deċiżjoni 2020/719, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet estiża sal‑1 ta’ Ġunju 2021. Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 293 tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk użati fl-atti inizjali.

19      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni abbażi tal-atti ta’ żamma. Barra minn hekk, huwa informah li kien qiegħed jeżamina l-osservazzjonijiet u d-dokumenti li r-rikorrent kien ippreżentalu fl-ittra tiegħu tal‑4 ta’ Mejju 2020 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), li kien jeħtieġ, skont il-Kunsill, diversi ġimgħat ta’ xogħol fid-dawl tad-diversi argumenti mqajma insostenn tat-talba tiegħu kif ukoll tan-numru għoli ta’ dokumenti li jakkumpanjawha.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors li għandu bħala suġġett talba intiża għall-annullament tal-atti inizjali, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adatta r-rikors, b’mod illi dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh.

22      Fit‑23 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, li tirrispondi wkoll għan-nota ta’ adattament.

23      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru u fid‑19 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

24      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fid‑19 ta’ Novembru 2020.

25      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għat-talba li jipproduċu dokumenti fit-terminu mogħti.

26      Fis‑6 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent ippreżenta talba motivata, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex jikseb il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-risposta kif ukoll sabiex xi punti tar-rikors u tar-risposta ma jiġux iċċitati fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li t-talba tiegħu għal ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku kienet limitata għad-dokumenti u għall-punti msemmija fl-ittra tas‑6 ta’ Settembru 2021, u dan ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta.

27      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta li saret fis‑16 ta’ Settembru 2021.

28      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti inizjali u l-atti ta’ żamma (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti kkontestati”) sa fejn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrent, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/719 jinżammu f’dak li jirrigwardah sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716 jidħol fis-seħħ;

III. Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà talannessi għattalba għal żmien għassottomissjonijiet orali addizzjonali mressqa mirrikorrent

30      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħtih żmien supplimentari għas-sottomissjonijiet orali fid-dawl tas-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021. Fil-kuntest ta’ din it-talba, huwa annetta żewġ ittri li huwa kien bagħat lill-Kunsill, l-ewwel waħda tat‑8 ta’ Marzu 2021 u t-tieni waħda tad‑9 ta’ Ġunju 2021.

31      Il-produzzjoni ta’ dawn l-annessi ma tistax issir fil-kuntest tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi li, f’każijiet eċċezzjonali, li l-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ma jindikax, fl-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Settembru 2021, li huwa kellu l-intenzjoni li jippreżenta l-ittri tat‑8 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ Ġunju 2021 skont din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, huwa ma jressaq ebda ġustifikazzjoni għad-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom.

32      Għaldaqstant, l-ittri tat‑8 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, annessi mat-talba għal sottomissjonijiet supplimentari tar-rikorrent, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

33      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

34      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li ma huwiex negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, li ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, li ma jagħmilx parti miċ-ċirku limitat ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif iddefinit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, u ma jipprovdix appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim Sirjan, kemm jekk permezz ta’ kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż kif ukoll bi kwalunkwe mezz ieħor.

35      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u jsostni, essenzjalment, li l-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT u fid-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT, tat‑23 ta’ Lulju 2020, juru li r-rikorrent huwa negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-argumenti li r-rikorrent jippreżenta sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta bejnu u r-reġim Sirjan. Fl-aħħar, il-Kunsill iqis li r-rikorrent isostni r-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

36      Għandu jiġi rrilevat li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 119).

37      Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121).

39      Għal dan il-għan, ma huwiex rikjest li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li ġie mitlub l-annullament tiegħu. Madankollu, huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122).

40      Jekk, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).

41      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ inklużjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jifformaw parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 51, u tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13‑P, EU:C:2015:248, punt 50).

42      Fl-aħħar, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, mill-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom bħala għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u mid-diffikultà sabiex jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Anbouba, C‑605/13, EU:C:2015:248, punt 46).

2.      Fuq irraġunijiet ta’ iskrizzjoni u ddeterminazzjoni talkriterji ta’ iskrizzjoni

43      Għandu jitfakkar li l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(2)(a) u (3) u l-Artikolu 28(2)(a) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1a)(a) u (1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” hija suġġetta għal miżuri restrittivi, sakemm ma tkunx teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.

44      Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 14 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma fformulati kif ġej:

“Negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja b’diversi interessi ekonomiċi, speċjalment fis-settur marittimu u dak tat-turiżmu. Bħala persuna ewlenija fit-trasport marittimu u soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf (sostenitur tar-reġim u kuġin ta’ Bashar al-Assad), Abdelkader Sabra jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, inkluż permezz ta’ kumpanniji offshore. Abdelkader Sabra jibbenefika wkoll mir-rabtiet tiegħu mar-reġim, li ppermettewlu jespandi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. Huwa involut ukoll fil-ħasil tal-flus u attivitajiet kummerċjali b’appoġġ għar-reġim Sirjan u l-assoċjati tiegħu.”

45      Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, imsemmija fil-punti 12 u 21 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi dedott li isem dan tal-aħħar ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni minħabba, l-ewwel, l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u, it-tieni, ir-rabta tiegħu mar-reġim Sirjan. Fi kliem ieħor, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent hija bbażata, minn naħa, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim).

3.      Fuq ilprovi

46      Sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ipprovda d-dokument WK 1755/2020 INIT, li kien jinkludi informazzjoni pubblikament aċċessibbli, jiġifieri links, artikli tal-istampa u screenshots li ġejjin:

–        tas-sit tal-internet “Aliqatidi”, ikkonsultat fl‑24 ta’ Settembru 2018, li fuqu r-rikorrent huwa ppreżentat bħala d-Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, il-proprjetarju ta’ Sabra Maritime Agency u investitur fis-settur tat-turiżmu; fiha r-rikorrent huwa deskritt ukoll bħala wieħed mill-iktar 100 negozjant importanti fis-Sirja, il-President fundatur tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana kif ukoll soċju fundatur ta’ Phoenicia Tourism Company, li tiegħu huwa għandu 85 % tal-kapital;

–        tas-sit tal-internet “Syriandays”, li, f’artiklu ppubblikat fl‑10 ta’ Frar 2015, intitolat “Abdelkader Sabra is the President of the Syrian Chamber of Shipping” (Abdelkader Sabra huwa l-President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana), jindika li l-Bord tad-Diretturi tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima żamm l-ewwel laqgħa tat-tielet seduta fil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport Sirjan, peress li dan tal-aħħar kien għamel riferiment għal dan ir-rwol importanti; barra minn hekk, l-artiklu jagħti l-ismijiet tal-persuni li jkunu rebħu l-vot għall-għoti ta’ diversi pożizzjonijiet, fejn isem ir-rikorrent jidher hemmhekk bħala li kiseb dak ta’ president; fl-aħħar, jissemma li dan il-bord inħoloq permezz tal-Liġi Nru 20 tal-2006 u huwa differenti għall-appoġġ tiegħu għas-settur tat-trasport marittimu;

–        tas-sit tal-internet “The Syria Report”, ikkonsultat fil‑31 ta’ Ottubru 2018, li jindika li Phoenicia Tourism Company ġiet stabbilita fil‑5 ta’ Lulju 2012 f’Tartous (is-Sirja) fis-settur tal-iżvilupp tal-proġetti ta’ lukandi u, barra minn hekk, tindika li r-rikorrent għandu 85 % tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija, peress li l-kapital totali jammonta għal miljun lira Sirjana (SYP) (madwar EUR 1 313);

–        tas-sit internet “The Syria Report”, li, f’artiklu ppubblikat fis‑26 ta’ Novembru 2012, intitolat “Ministry of Tourism Awards New Contract to manage Arwad Hotel” (il-Ministeru għat-Turiżmu jagħti kuntratt ġdid għall-ġestjoni tal-lukanda ta’ Rouad), jindika li l-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan ta lil Phoenicia Tourism Company kuntratt għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ lukanda erba’ stilel fuq il-gżira ta’ Rouad (is-Sirja), it-tul tal-kuntratt jiġi ffissat għal 60 sena; skont l-artiklu, il-lukanda għandha 150 sodda u l-ispiża tal-iżvilupp hija stmata għal SYP 700 miljun (madwar EUR 919 009); huwa indikat ukoll li r-rikorrent, deskritt bħala investitur magħruf minn Tartous, huwa attiv f’diversi setturi, fosthom is-settur marittimu u dak tal-kummerċ;

–        tas-sit tal-internet “The Syria Report”, ikkonsultat fl‑1 ta’ Novembru 2018, li jgħid li r-rikorrent huwa d-Direttur Ġenerali ta’ Sabra Group, li jinkludi l-aġenzija marittima Riamar Shipping, li għandha tmien bastimenti rmiġġati fil-port ta’ Tartous; huwa indikat ukoll li Sabra Group tesporta ż-żejt taż-żebbuġa u timpjega 250 persuna;

–        tal-aġenzija tal-istampa Reuters, li, f’artiklu ppubblikat fil‑15 ta’ Novembru 2013, intitolat “Exclusive – [Bashar Al-]Assad allies profit from Syria’s lucrative food trade” (Titolu ewlieni – L-alleati ta’ Bashar Al-Assad jibbenefikaw minn kummerċ lukrattiv tal-ikel Sirjan), jirrimarka li, bl-użu ta’ kumpanniji ta’ kopertura u kumpanniji tat-tbaħħir, joħroġ network ta’ kummerċ u loġistika diskret li huwa maħsub mhux biss biex jiżgura l-ikel, iżda wkoll biex jiġġenera qligħ kbir għall-membri taċ-ċirku intern ta’ Bashar Al-Assad; skont dan l-artiklu, Yass Marine, irreġistrata fi Tripli (il-Libanu) u fis-Sirja, tkun waħda minn dawn il-kumpanniji; l-artiklu jirrapporta li skont l-informazzjoni dwar it-traffiku marittimu mill-kumpannija tal-analiżi tad-data marittima Windward, il-flotta ta’ trasportatur ta’ tagħbija xotta bl-ingrossa ta’ Yass Marine għamlet kunsinni lejn is-Sirja f’dawn l-aħħar xhur minn portijiet fl-Ukraina, ir-Russja u l-Libanu; barra minn hekk, skont l-artiklu, ir-rikorrent, wieħed mill-ikbar tycoon marittimi fis-Sirja, tkun involuta fil-kummerċ marittimu lejn dawn il-pajjiżi; fl-aħħar, l-artiklu jindika li websajts tal-oppożizzjoni u direttorju kummerċjali juru li r-rikorrent kien azzjonista ta’ Cham Holding, kumpannija “sanzjonata” marbuta ma’ Rami Makhlouf;

–        tal-gazzetta Le Monde, li, f’artiklu ppubblikat fit‑30 ta’ Mejju 2014, intitolat “Ces oligarques syriens qui tiennent à bout de bras le régime” (Dawn oligarki Sirjani li jappoġġjaw ir-reġim [ta’ Bashar Al-]Assad”), tindika li Rami Makhlouf, flimkien ma’ tliet persuni oħra, fosthom ir-rikorrent, investa fl-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, fosthom il-qamħ, ir-ross, iz-zokkor u t-te, li ma jaqgħux taħt l-embargo Ewropew, kuntrarjament għaż-żejt;

–        tas-sit tal-internet “World Crunch”, li, f’artiklu ppubblikat fit‑3 ta’ Ġunju 2014, intitolat “The Shady Syrian Oligarchs Who Keep The Regime afloat” (L-oligarki Sirjani dubjużi li jżommu r-reġim Sirjan fil-wiċċ), tirriproduċi, fir-rigward tar-rikorrent, l-istess informazzjoni bħal dik indikata fl-artiklu tal-ġurnal Le Monde fl-inċiż iktar ’il fuq;

–        tas-sit tal-internet “Eqtsad”, li, f’artiklu ppubblikat fis‑27 ta’ Jannar 2019, intitolat “Abdelkader Sabra, partner of Rami Makhlouf, who is still Raising the Turkish flag in the office” (Abdelkader Sabra, soċju ta’ Rami Makhlouf li għadu jtella’ il-bandiera Torka fl-uffiċċju tiegħu), jiddeskrivi lir-rikorrent bħala li bbenefika mill-politika ta’ Bashar Al-Assad li, mill-2002, ippermettiet li “klassi soċjali importanti” tinvesti fis-Sirja; skont l-artiklu, huwa stabbilixxa l-aġenzija marittima Abdul Kader Sabra (iktar ’il quddiem “AKSSA”) fl-2002, kumpannija li spiċċat biex ikollha flotta ta’ iktar minn 350 bastiment; l-artiklu jindika wkoll li huwa l-President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana sa mill-ħolqien tiegħu fl-2006 kif ukoll id-Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana u l-Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa; huwa deskritt ukoll bħala wieħed mill-assoċjati importanti ta’ Rami Makhlouf; skont dan l-artiklu, l-attivitajiet tar-rikorrent fis-settur marittimu kienu jippermettulu li jwettaq relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi pajjiżi, fosthom, b’mod partikolari, l-Italja, il-Greċja, it-Turkija u Ċipru; f’dan ir-rigward, skont l-artiklu, ir-rikorrent ġie maħtur Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, bi rwol importanti fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali u politiċi mat-Turkija; l-artiklu jindika wkoll li r-rikorrent investa fis-“sistema Assad” bl-aħjar mod possibbli, peress li sar figura importanti f’diversi setturi; barra minn hekk, skont l-artiklu mill-2005, huwa beda jestendi l-attivitajiet tiegħu u investa fil-proprjetà immobbli u l-kummerċ tal-prodotti tal-ikel ma’ Rami Makhlouf; l-artiklu jindika wkoll li huwa waqqaf fabbrika għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, prodott li huwa esporta fi kwantitajiet kbar, kif ukoll fabbrika oħra għall-manifattura ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall; skont l-artiklu, wara r-revoluzzjoni tal-2011 u l-adozzjoni ta’ “sanzjonijiet” fir-rigward ta’ Cham Holding u tan-negozjanti involuti f’din il-kumpannija, ir-rikorrent malajr irtira minn din il-kumpannija u pproklama l-innoċenza tiegħu; b’effett mill-2012, huwa ċċaqlaq progressivament lejn il-Libanu u mexxa l-affarijiet tiegħu minn dan il-pajjiż, u dan wassal lir-reġim sabiex jieħu l-proprjetajiet immobbli u mobbli tiegħu, u akkużah li daħħal beni ta’ kuntrabandu fis-Sirja; dan kien, skont l-artiklu, deskritt minn numru kbir ta’ osservaturi bħala tentattiv ta’ protezzjoni, b’mod partikolari ta’ “sanzjonijiet”, bil-kundizzjoni li huwa jipprovdi ċerti servizzi lir-reġim Sirjan minn post ieħor; l-artiklu jżid li l-ebda aħbar dwar ir-rikorrent ma ffiltrat sal-bidu tas-sena 2018, is-sena li matulha dan tal-aħħar u negozjanti Sirjani oħra kisbu n-nazzjonalità Libaniża; fl-aħħar, f’dan ir-rigward, l-artiklu jindika, minn naħa, li l-midja Libaniża nediet kampanja kontra tiegħu, billi akkużat lill-Istat Libaniż li jikkomplotta ma’ negozjanti biex isib mezz sabiex jevita l-miżuri restrittivi imposti fuqhom, u, min-naħa l-oħra, li huwa kiseb in-nazzjonalità Libaniża permezz tax-xogħol tiegħu mal-Hezbollah, mill-ħasil tal-flus għall-provvisti kummerċjali għall-partit, attivitajiet li għalihom huwa serva mill-flotta ta’ bastimenti tiegħu;

–        tas-sit tal-internet “The Syria Report”, li, f’artiklu ppubblikat fil‑5 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Dozens of Syrian Investors to be granted Lebanese Citizenship” (Tużżani ta’ investituri Sirjani ser jingħataw in-nazzjonalità Libaniża), jindika li r-rikorrent huwa investitur ewlieni ta’ Tartous li huwa attiv fis-settur marittimu, li, barra minn hekk, diversi investituri Sirjani jaffaċċjaw problemi sabiex jiftħu u joperaw kont bankarju fil-Libanu u li l-kisba ta’ karta tal-identità Libaniża tgħin biex tiġi evitata din id-diffikultà u tista’ tintalab għal din ir-raġuni;

–        tas-sit tal-internet “al Arabiya News”, li, f’artiklu ppubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Lebanese nationality to Syria involved in smuggling… Know it!”(In-nazzjonalità Libaniża għas-Sirja involuta fil-kuntrabandu... Kun af!), tirreferi għall-kontroversja maħluqa mill-għoti taċ-ċittadinanza Libaniża lil numru kbir ta’ persuni minn diversi pajjiżi, fosthom is-Sirja; ir-rikorrent jidher, skont dan l-artiklu, fost il-persuni li nnaturalizzaw; ruħhom fih; fih hemm deskritt bħala li għandu relazzjonijiet finanzjarji “dubjużi” mar-reġim ta’ Bashar Al-Assad u, b’mod partikolari, ma’ Rami Makhlouf; f’dan ir-rigward, l-artiklu jiċċita l-informazzjoni dwar is-sħubija bejn dan tal-aħħar u r-rikorrent kif tirriżulta mill-artiklu tat‑30 ta’ Mejju 2014 ippubblikat minn Le Monde msemmi iktar ’il fuq; l-artiklu jindika li r-rikorrent huwa “raġel tal-uffiċċju”, li huwa kien ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja, li huwa wkoll uffiċjal bħala Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana fl-2012 u li kien Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana sa mill-ħolqien tiegħu; huwa jżid li r-rikorrent huwa l-President tal-Awla tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, li huwa azzjonist ta’ Cham Holding, iżda li l-inklużjoni ta’ din il-kumpannija fil-listi tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti tal-Amerika wasslitha sabiex titbiegħed mill-midja u tippreżenta ruħha bħala li ma għadhiex tagħmel parti minnhom; l-artiklu jżid li AKSSA, kumpannija marittima speċjalizzata fl-amministrazzjoni u l-proprjetà ta’ bastimenti, għandha żewġ fergħat fl-Italja u fil-Greċja u żżomm, barra minn hekk, OVO (Olive Virgin Oil Company), li tesporta ż-żejt taż-żebbuġa; l-artiklu jsemmi wkoll waħda mill-ikbar fabbriki tar-reġjun, li tipproduċi kontejners tal-ħġieġ, tal-metall u tal-plastik; skont l-artiklu, ir-rikorrent huwa l-President ta’ Abdelkader Sabra Group, li s-sede tiegħu tinsab fil-Provinċja kostali ta’ Tartous; fl-aħħar, l-artiklu jsemmi li l-proprjetajiet immobbli u mobbli ta’ AKSSA ġew issekwestrati fl-2012 bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 932 tal-Ministeru għall-Finanzi Sirjan, minħabba ksur tar-regoli ta’ importazzjoni magħmula mill-kuntrabandu ta’ beni fil-Każ Nru 208 tal-2012; l-artiklu jżid li r-rikorrent iddeċieda li jsolvi l-każ b’mod bonarju, b’tali mod li s-sekwestru tneħħa wara l-ħlas ta’ multa;

–        tas-sit internet “Asharq Al-Awsat”, li, f’artiklu ppubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Esklużjonijiet — 4 ‘Suspicious’ Names behind freezing of Lebanon’ s Naturalization decree” (Titolu ewlieni — 4 ismijiet “suspettużi” li wasslu għas-sospensjoni tad-digriet ta’ naturalizzazzjoni Libaniż), jipprovdi dettalji dwar il-pubblikazzjoni mill-awtoritajiet Libaniżi ta’ 400 isem ta’ persuni li kisbu n-nazzjonalità Libaniża skont digriet governattiv kontroversjali u jaħtar, barra minn hekk, lir-rikorrent bħala l-President tal-Kamra Sirjana tan-Navigazzjoni Marittima.

–        tas-sit tal-internet “Enab Baladi”, li, f’artiklu tal‑10 ta’ Ġunju 2018, intitolat “The establishment of companies and naturalization… Lebanon ride [Bashar Al-] Assad to circuments sanctions” (Il-ħolqien ta’ kumpanniji u n-naturalizzazzjoni... Il-Libanu jgħin lil Bashar Al-Assad sabiex jiġu evitati sanzjonijiet), jindika li, fost l-ismijiet tal-persuni li ġew inklużi fid-digriet ta’ naturalizzazzjoni Libaniż, jidher li hemm dak tar-rikorrent deskritt bħala wieħed mill-100 negozjant l-iktar importanti fis-Sirja; skont l-artiklu, huwa proprjetarju ta’ Sabra Maritime Agency, huwa d-Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana u huwa l-“ewwel” President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana; l-artiklu jsemmi wkoll Cham Holding, proprjetà ta’ Rami Makhlouf, liema rtirat wara li l-Istati Uniti tal-Amerika imponew “sanzjonijiet” fir-rigward ta’ din il-kumpannija; fl-aħħar, l-artiklu jżid li, skont analista, in-negozjanti Sirjani jridu jeħilsu mis-“sanzjonijiet” imposti fuqhom; f’dan ir-rigward, il-kisba tan-nazzjonalità Libaniża tippermettilhom, skont l-artiklu, li jiftħu kontijiet u li jagħmlu depożiti f’banek Libaniżi;

–        tas-sit tal-internet “Al Janoubia”, li, f’artiklu ppubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Abdelkader Sabra became Lebanese” (Abdelkader Sabra sar Lianais), jippreċiża li l-isem tar-rikorrent sar reċentement famuż minħabba d-digriet ta’ naturalizzazzjoni ppubblikat fil-Libanu u li huwa viċin il-President Bashar Al-Assad u huwa azzjonist importanti ta’ Cham Holding, proprjetà ta’ Rami Makhlouf;

–        tas-sit tal-internet tal-MMiddle East Institute for Research and Strategic Studies (MEIRSS), li, f’artiklu ppubblikat fl‑20 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Lebanese Nationalization decree: Sanction Evasion & Shady Business?” (Id-digriet Libaniż tan-naturalizzazzjoni: evitar tas-sanzjonijiet u tal-kawżi dubjużi?), isemmi d-Digriet Presidenzjali li ta n-nazzjonalità Libaniża lil 407 barrani minn pajjiżi differenti; l-artiklu jirreferi wkoll għall-kontroversja politika u medjatika maħluqa minn dan id-digriet, jippreċiża li diversi negozjanti Sirjani fil-qrib tal-President Bashar Al-Assad ingħataw in-nazzjonalità Libaniża, li numru ta’ individwi nnaturalizzati huma finanzjarjament u politikament marbuta mar-reġim Sirjan u huma s-suġġett ta’ monitoraġġ kostanti u ta’ miżuri restrittivi min-naħa tal-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika u li, barra minn hekk, ir-rikorrent, li ngħata ċ-ċittadinanza Libaniża, huwa membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding, kumpannija suġġetta għal miżuri restrittivi mill-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika; fl-aħħar, l-artiklu jindika li għen biex tinħoloq kumpannija fil-Libanu, imsejħa Yass Marine Group, li kienet involuta fi skandlu fis-Sirja dwar is-sigurtà tal-ikel.

47      Barra minn hekk, il-Kunsill ipprovda d-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT, tat‑23 ta’ Lulju 2020, li kien jinkludi informazzjoni pubblikament aċċessibbli, sabiex jissostanzja l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

48      Għandu jitfakkar li l-atti inizjali u l-atti ta’ żamma ġew adottati, rispettivament, fis‑17 ta’ Frar u fit‑28 ta’ Mejju 2020.

49      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T-577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni u dak taż-żamma tiegħu, elementi li fuqhom huwa ma bbażax ruħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Peress li d-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT ġie wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, dan għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors. Konsegwentement, l-argumenti tal-partijiet li jibbażaw ruħhom fuq dan id-dokument ma jistgħux jintlaqgħu.

51      Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrent, għall-ewwel darba, ipproduċa li 18 mill-provi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi ta’ elenkar li jikkonċernawh kienu antiki, peress li kienu datati qabel l-2015, jew ma kien fihom ebda indikazzjoni ta’ dati.

52      Dan l-argument ġdid, li jidher li għandu jinftiehem bħala li jikkontesta l-affidabbiltà jew ir-rilevanza ta’ ċerti provi prodotti mill-Kunsill, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrent ma speċifikax il-provi li b’hekk kellu l-intenzjoni li jikkontesta l-affidabbiltà jew ir-rilevanza tagħhom, fatt li ma ppermettiex lill-Kunsill jiżgura d-difiża tiegħu fuq dan il-punt u ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, TN vs ENISA, T‑461/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:63, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-provi li hija tista’ tqis bħala dawk li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jikkritika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Broughton vs Eurojust, T‑87/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:464, punt 58).

4.      Fuq listatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja

53      Għandu jiġi vverifikat jekk il-provi kollha prodotti mill-Kunsill jissodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqu bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq u jikkostitwixxu għalhekk sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex tiġi ssostanzjata l-ewwel raġuni għal inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

54      Mir-raġunijiet ta’ inklużjoni, kif imfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja huwa bbażat fuq l-interessi ekonomiċi tiegħu, l-ewwel, fis-settur marittimu, it-tieni, fis-settur tat-turiżmu u, it-tielet, f’setturi oħra. Għandhom jiġu eżaminati wkoll, f’dan il-kuntest, il-pożizzjonijiet differenti li jokkupa r-rikorrent.

a)      Fuq linteressi ekonomiċi tarrikorrent fissettur marittimu

55      L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li mis-siti tal-internet “Aliqatidi” u “Enab Baladi” jirriżulta li r-rikorrent għandu Sabra Maritime Agency. It-tieni, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News”, ir-rikorrent huwa l-proprjetarju ta’ AKSSA, impriża attiva fis-settur tat-trasport marittimu, speċjalizzata fl-amministrazzjoni u proprjetà ta’ bastimenti. Skont l-artiklu ppubblikat fuq “al Arabiya News”, din il-kumpannija għandha żewġ fergħat, ibbażati fl-Italja u fil-Greċja. It-tielet, skont l-artiklu ppubblikat fis-sit tal-internet “The Syria Report”, ir-rikorrent huwa d-Direttur Ġenerali ta’ Sabra Group, li jinkludi Riamar Shipping, li għandu tmien bastimenti rmiġġati fil-port ta’ Tartous. Fl-aħħar, ir-raba’, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tal-aġenzija tal-istampa Reuters u fuq is-sit tal-internet tal-MEIRSS, ir-rikorrent huwa proprjetarju ta’ Yass Marine, stabbilita kemm fil-Libanu kif ukoll fis-Sirja.

56      B’hekk, il-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT juru li r-rikorrent għandu diversi interessi ekonomiċi fis-settur marittimu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-provi ma jsemmu la Navi Wood u lanqas Abdulkader Sabra & Ahmad Mushir Sharif Shipping Agency, entitajiet li għalihom jirreferi r-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Issa, fid-dawl tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill, kif imfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq, u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-affermazzjonijiet magħmula mir-rikorrent fil-kuntest tar-rikors sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-atti kkontestati. Konsegwentement, Navi Wood u Abdulkader Sabra & Ahmad Mushir Sharif Shipping Agency ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jintwera li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-settur marittimu.

57      Fir-rigward tad-diversi interessi ekonomiċi tiegħu fis-settur marittimu, ir-rikorrent isostni li dawn issa huma issa negliġibbli, peress li l-impriżi kollha tiegħu ġew xolti, bl-eċċezzjoni ta’ AKSSA, li madankollu qiegħda tagħmel telf serju.

58      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ AKSSA, ir-rikorrent ipproduċa, minn naħa, ir-rapporti finanzjarji ta’ din il-kumpannija għas-snin 2004, 2010, 2017, 2018 u 2019, awditjati minn A, u, min-naħa l-oħra, grafika li turi n-numru annwali ta’ nomini ta’ bastimenti għal din il-kumpannija matul dawn l-istess snin.

59      Fl-aħħar, ir-rikorrent ippreżenta, fl-anness għar-replika, tabella li fiha kien hemm in-numru ta’ nomini ta’ bastimenti għal kull waħda mill-aġenziji marittimi Sirjani matul is-sena 2017. Din id-data toriġina, skont ir-rikorrent, mill-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana. Din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva li ġiet ipprovduta b’mod informali fuq talba.

60      Il-Kunsill jikkontesta, essenzjalment, l-affidabbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrent. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li r-risposta għall-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji prodotti ġewx ivverifikati minn intervenjent indipendenti jew jekk ġewx sempliċement stabbiliti mir-rikorrent jew minn rappreżentant ta’ AKSSA ma tirriżultax b’mod ċar minnhom. L-istess jgħodd għall-grafika li turi n-numru annwali ta’ nomini ta’ bastimenti ta’ din il-kumpannija.

61      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, il-Kunsill iżid, fil-kontroreplika, li d-dokument prodott mir-rikorrent fl-anness tar-replika, li jikkonsisti f’kopja tar-repertorju tal-assoċjazzjoni Sirjana tal-professjonijiet tal-finanzi u tal-kontabbiltà, li fih jissemma A bħala awditur indipendenti, ma huwiex ta’ natura li juri li dawn ir-rapporti finanzjarji ġew ivverifikati minn awditur indipendenti jew li t-timbru li jinsab fl-imsemmija dikjarazzjonijiet finanzjarji huwa effettivament ta’ A.

62      Fl-aħħar, fir-rigward tat-tabella maħruġa mill-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, il-Kunsill jirrimarka li dan id-dokument ma fih l-ebda marka uffiċjali li tippermetti lill-qarrej ikun jaf minn liema sors joriġina. Huma biss l-osservazzjonijiet tar-rikorrent li jistabbilixxu rabta bejn dan id-dokument u l-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana.

63      Għandu jitfakkar li, konformement għall-ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-plawżibbiltà tal-informazzjoni inkluża fih u jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi ta’ kif ġie redatt u d-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u huwa affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel, tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji prodotti mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li dan jipproduċi kopja tar-repertorju tal-assoċjazzjoni Sirjana tal-professjonijiet tal-finanzi u tal-kontabbiltà, li fiha jissemma A. Dan huwa għalhekk awditur indipendenti.

65      Ċertament, isem A ma jidhirx fir-rapporti finanzjarji pprovduti mir-rikorrent. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tirrileva ebda irregolaritajiet manifesti jew indizji preċiżi li jippermettu li jiġi ddubitat il-fatt li dawn ir-rapporti finanzjarji ġew ivverifikati mill-awditur indipendenti A. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jsostnix l-eżistenza ta’ inkoerenzi fi ħdan dawn id-dokumenti ta’ natura li jċaħħadhom minn kull natura raġonevoli u affidabbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq.

66      Fir-rigward, it-tieni, tal-grafika prodotta, ir-rikorrent ammetta, fir-replika, li wettaqha huwa stess. F’dan ir-rigward, din l-grafika hija bbażata fuq id-data dwar in-numru ta’ bastimenti nnominati għall-AKSSA inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, b’mod li l-fatt li r-rikorrent stess elaboraha ma għandu ebda impatt fuq in-natura raġonevoli u affidabbli tagħha.

67      Fl-aħħar, fir-rigward, it-tielet, tat-tabella prodotta mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li, fl-assenza ta’ elementi fit-tabella li torbot id-data li tinsab fiha mal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, l-oriġini ta’ din id-data ma hijiex magħrufa. Barra minn hekk, in-numru ta’ bastimenti nnominati għal AKSSA skont din it-tabella huwa differenti minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ AKSSA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tabella ma jistax ikollha natura suffiċjentement sensibbli u affidabbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq, u għandha tiġi miċħuda.

68      Min-naħa l-oħra, ir-rapporti finanzjarji u l-grafika jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

69      F’dan ir-rigward, il-qari tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ AKSSA kkomunikati mir-rikorrent juri li din il-kumpannija sofriet tnaqqis sinjifikattiv fin-numru ta’ bastimenti nnominati u tad-dħul nett tagħha. Fil-fatt, in-numru ta’ bastimenti maħtura għal din il-kumpannija naqas mill-145 fl-2004 għal 3 fl-2019. Bl-istess mod, id-dħul nett naqas, peress li għadda minn USD 652 831.44 (madwar EUR 591 654.38) fl-2004 għal USD 5 989.00 (madwar EUR 5 427.77) fl-2019. Madankollu, id-dħul nett jibqa’ pożittiv. Fi kliem ieħor, minn perspettiva ta’ kontabbiltà, il-kumpannija ma għandhiex telf. Barra minn hekk, in-numru ta’ bastimenti maħtura għal AKSSA fl-2018 kien ogħla minn dak tal-2017, anki jekk id-dħul nett naqas bejn dawn is-sentejn. Barra minn hekk, kif osserva l-Kunsill waqt is-seduta, l-ispejjeż marbuta mas-salarji ftit naqsu bejn l-2004 u l-2019, billi ssuġġerixxew, tal-inqas, ċerta stabbiltà fil-persunal impjegat. Bl-istess mod, l-ispejjeż marbuta mal-ilma u mal-elettriku żdiedu, li jixhed, tal-inqas, it-tkomplija tal-attività ta’ AKSSA. Fl-aħħar, għandhom jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ AKSSA fil-kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni tas-settur marittimu Sirjan. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-artiklu ppubblikat fid‑9 ta’ Ottubru 2013 mill-aġenzija tal-istampa Reuters u intitolat “Syria’s shipping trade struggles as war risks bite” (Il-kummerċ marittimu fis-Sirja, milqut mir-riskji tal-gwerra, jaffaċċja diffikultajiet), prodott mir-rikorrent, in-numru ta’ bastimenti li jidħlu fil-portijiet Sirjani naqas ħafna minħabba l-kunflitt fis-Sirja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnaqqis fin-numru ta’ bastimenti nnominati għal AKSSA u fid-dħul nett tagħha ma jistax neċessarjament juri t-telf ta’ importanza tagħha fis-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma rnexxielux jipprova li l-interess ekonomiku li tirrappreżenta għalih il-proprjetà ta’ AKSSA kien negliġibbli.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Sabra Maritime Agency, u b’mod iktar preċiż mill-affermazzjoni tar-rikorrent li din il-kumpannija ġiet nazzjonalizzata, mill-qbid tal-iskrin li ħareġ mis-sit internet tal-Ministeru għat-Trasport Sirjan, li jinkludi deskrizzjoni tas-settur marittimu, prodott mir-rikorrent, jirriżulta li, mill‑1 ta’ Jannar 1981, l-aġenzija marittima tal-Gvern Sirjan saret l-uniku aġent għall-kumpanniji marittimi kollha, il-proprjetarji tal-bastimenti u t-trasportaturi lejn il-portijiet Sirjani. Mill-qari ta’ din id-deskrizzjoni, jista’ jiġi dedott li s-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi ġie nnazzjonalizzat fis-Sirja minn din id-data. Madankollu, jirriżulta wkoll li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 55 tal-2002 awtorizza l-iżvilupp ta’ attivitajiet fis-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi minn persuni fiżiċi u ġuridiċi għan-nomina ta’ bastimenti kummerċjali lejn il-portijiet Sirjani kemm fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll f’dak tat-trasport tal-merkanzija. Minn dan għandu jiġi dedott li, skont dan id-digriet leġiżlattiv, is-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi ġie pprivatizzat mill-2002.

72      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-liċenzja ta’ Sabra Maritime Agency ġiet annullata wara n-nazzjonalizzazzjoni tagħha, peress li din il-kumpannija saret sussegwentement inattiva u fl-aħħar tħassret mir-reġistru tal-kummerċ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ipproduċa ittra tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tat‑28 ta’ Settembru 2020 li tipprovdi li ċerti ismijiet soċjali ma jidhrux fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Dawn huma, b’mod partikolari, l-ismijiet tal-kumpanniji li ġejjin: Sabra Group, Sabra Maritime Agency u Yass Marine.

73      Għandu jiġi kkonstatat li Sabra Maritime Agency hija waħda mill-ismijiet tal-kumpanniji msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrent ma rnexxielux juri li din l-aġenzija kienet ġiet innazzjonalizzata, huwa, madankollu, ipproduċa l-prova li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma kienet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous.

74      Issa, fin-nuqqas ta’ provi prodotti mill-Kunsill intiżi sabiex juru li Sabra Maritime Agency kienet ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous taħt isem differenti, il-konklużjoni fformulata fil-punt 73 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kunsill li, essenzjalment, l-ismijiet tal-kumpanniji inkwistjoni, “kif huma litteralment imsemmija” fl-ittra tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tat‑28 ta’ Settembru 2020, ma humiex irreġistrati fir-reġistru kummerċjali tad-Dipartiment ta’ Tartous. Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ elementi konkreti, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq il-fatt li l-isem tal-entitajiet jista’ jkollu ċerti varjazzjonijiet minħabba b’mod partikolari problemi ta’ traduzzjoni.

75      Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ Riamar Shipping, li, skont ir-rikorrent, hija xolta, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-Riżoluzzjoni Nru 77 tad-Direttorattal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tal‑20 ta’ Novembru 2018, prodotta mir-rikorrent, ir-referenza “Abdulkader Sabra bonarja Co (RIAMAR SHIPPING)”, li l-għan soċjali tagħha huwa l-ġestjoni tat-trasport marittimu, tneħħiet mir-reġistru tal-kummerċ b’mod partikolari minħabba x-xoljiment tiegħu bi ftehim bejn il-membri tiegħu tas‑27 ta’ Ġunju 2018. Barra minn hekk, mill-imsemmija riżoluzzjoni jirriżulta li Riamar Shipping huwa l-isem kummerċjali ta’ Abdulkader Sabra & Co. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li Abdulkader Sabra & Co., isem kummerċjali li għalih jikkorrispondi l-isem kummerċjali Riamar Shipping, ġie effettivament xolt.

76      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li Sabra Group ma teżistix, għandu jiġi kkonstatat li Sabra Group hija waħda mill-ismijiet tal-kumpanniji msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma hija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous.

77      Barra minn hekk, il-Kunsill ressaq l-ipoteżi li Sabra Group hija, fir-realtà, Abdulkader Sabra bonarja Co. Madankollu, din l-allegazzjoni bl-ebda mod ma hija sostnuta. Fi kwalunkwe każ, mill-punt 75 iktar ’il fuq jirriżulta li Abdulkader Sabra & Co. ma għadhiex teżisti.

78      Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ Yass Marine, li r-rikorrent jallega li qatt ma sema’, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li Yass Marine hija waħda mill-ismijiet soċjali msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma hija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Issa, kif ġie indikat fil-punt 74 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument, mhux sostnut, tal-Kunsill li, essenzjalment, l-isem tal-entitajiet jista’ jkollu ċerti varjazzjonijiet minħabba b’mod partikolari problemi ta’ traduzzjoni.

79      Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni tar-reġistru kummerċjali Libaniż tad‑29 ta’ April 2020, prodotta bħala anness mar-replika, jirriżulta li ebda kumpannija li għandha l-isem Yass Marine ma hija rreġistrata fl-imsemmi reġistru. Il-Kunsill jikkontesta din id-dikjarazzjoni, sa fejn din tindika hija stess li r-reġistru jista’ jkun inkomplet.

80      F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq tindika li l-attenzjoni tinġibed għall-fatt li “l-awtomatizzazzjoni [tad-data] hija inkompleta u [li] jista’ jkun hemm żbalji”. Għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa kumment ġenerali u standardizzat, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ provi oħra, iċ-ċertifikazzjoni għandha tinftiehem bħala li tippreżenta, b’mod komplet, l-informazzjoni dwar Yass Marine li tinsab fl-imsemmi reġistru.

81      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent stabbilixxa li Abdulkader Sabra & Co., kumpannija li għaliha jikkorrispondi l-isem kummerċjali Riamar Shipping, ġiet xolta u li Sabra Maritime Agency, Sabra Group kif ukoll Yass Marine ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Madankollu, minn dan jirriżulta wkoll li AKSSA kienet għadha attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u li, għas-sena 2019, hija rreġistrat dħul nett pożittiv, b’tali mod li ma tistax titqies li hija kumpannija li qiegħda tagħmel telf.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, għalkemm ir-rikorrent wera li ma kellux iktar, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, diversi interessi ekonomiċi fis-settur marittimu, xorta jibqa’ l-fatt li huwa dejjem il-proprjetarju ta’ AKSSA, aġenzija marittima li għadha attiva u li ma jistax jirrappreżenta, għalih, interess ekonomiku negliġibbli.

b)      Fuq linteressi ekonomiċi tarrikorrent fissettur tatturiżmu

83      Mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “Aliqtisadi” jirriżulta li r-rikorrent huwa soċju fundatur ta’ Phoenicia Tourism Company. Barra minn hekk, skont is-sit internet “The Syria Report”, Phoenicia Tourism Company, li r-rikorrent għandu 85 % tal-azzjonijiet tagħha, ġiet stabbilita fil‑5 ta’ Lulju 2012 f’Tartous fis-settur tal-iżvilupp tal-lukandi. Minn dan jirriżulta wkoll li l-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan ta lil Phoenicia Tourism Company kuntratt għall-iżvilupp u għall-ġestjoni ta’ lukanda erba’ stilel fuq il-gżira ta’ Rouad b’150 sodda u li l-ispiża tiegħu hija stmata għal SYP 700 miljun.

84      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent la jikkontesta l-involviment tiegħu f’Phoenicia Tourism Company u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan. Għall-kuntrarju, il-provi mressqa mir-rikorrent jikkonfermaw l-importanza tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4 tal-kundizzjonijiet tekniċi u l-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ investiment, prodotti mir-rikorrent, dan il-proġett għandu jinkludi b’mod partikolari lukanda erba’ stilel b’150 sa 200 sodda, ristoranti u kafetteriji li jistgħu jservu bejn 700 u 900 alloġġatur, ċentru kummerċjali, sala tal-isport kif ukoll marina b’terminals tal-irmiġġ għal mill-inqas 20 dgħajsa, yachts u dgħajjes tal-kruċieri. Barra minn hekk, mill-avviż Nru 3 tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, mhux datat, li jinkludi s-sejħa għal offerti għall-investiment f’diversi siti fil-kuntest tas-seba’ forum ta’ investiment fis-settur tat-turiżmu, prodott mir-rikorrent, jirriżulta li l-ammont totali tal-ispejjeż ta’ investiment għal dan il-proġett huwa ta’ SYP 700 miljun.

85      Konsegwentement, ir-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-settur tat-turiżmu.

86      Madankollu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li Phoenicia Tourism Company ilha inattiva mill-2012. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipprovda d-dikjarazzjonijiet fiskali ta’ din il-kumpannija għas-snin 2014 sa 2019. F’dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali, huwa indikat li din il-kumpannija ma kinitx attiva matul dawn is-snin.

87      Il-Kunsill jikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali. B’mod partikolari, minn naħa, huwa jirrileva li d-dikjarazzjonijiet dwar is-snin 2014 sa 2018 kienu kollha ttimbrati u ffirmati fl-istess jum mid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tas-sena 2019 kienet iffirmata biss u ttimbrata minn uffiċjal pubbliku, u dan iqajjem dubji dwar jekk hija tesponix verament l-attivitajiet kummerċjali kif ġew ippreżentati lill-awtoritajiet fiskali f’dik is-sena.

88      Skont ir-rikorrent, id-dikjarazzjonijiet dwar is-snin 2014 sa 2018 kienu ttimbrati u ffirmati fl-istess jum, peress li, peress li l-kumpannija baqgħet inattiva f’dawn is-snin, hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel dikjarazzjonijiet fiskali. Fl-2018, meta Phoenicia Tourism Company fittxet li ġġedded ir-reġistrazzjoni kummerċjali tagħha, id-Direttorat tal-Kummerċ Intern Sirjan kien talab ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tagħha għall-ħames snin preċedenti. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni fiskali tal-2019, ir-rikorrent jipproduċi ċertifikat fiskali ffirmat u ttimbrat minn uffiċjal tal-kontabbiltà awtorizzat fis-Sirja u ffirmat minn Phoenicia Tourism Company. Siġill li jidher fl-aħħar tad-dokument jikkonferma li hija ġiet sottomessa lid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous fis‑17 ta’ Marzu 2020. Id-dikjarazzjoni fiskali, li minnha r-rikorrent jipproduċi garanzija ta’ validità, u ċ-ċertifikat fiskali ta’ din il-kumpannija għas-sena 2019 jikkonfermaw li hija ma wettqet ebda attività.

89      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet fiskali ta’ Phoenicia Tourism Company relatati mas-snin 2014 sa 2018 ġew kollha ffirmati mid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous fid‑9 ta’ Lulju 2019. Għalkemm il-Kunsill jissuġġerixxi li din iċ-ċirkustanza tista’ tqajjem mistoqsijiet, huwa madankollu ma jiddeduċi l-ebda konsegwenza dwar in-natura raġonevoli u affidabbli tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent fir-rigward ta’ dan il-fatt, kif imsemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, jistgħu jitqiesu bħala plawżibbli.

90      Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali juru li Phoenicia Tourism Company kienet inattiva qabel is-sena 2019. Dan huwa kkonfermat mill-ittra tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan tal‑25 ta’ Frar 2020, dwar il-kuntratt ta’ investiment (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑25 ta’ Frar 2020”), prodotta mir-rikorrent. Fil-fatt, f’din l-ittra, l-imsemmi ministeru jirreferi għal ittri preċedenti, tat‑22 ta’ Lulju 2019, tal‑1 ta’ Ottubru 2019 u tal‑14 ta’ Jannar 2020, li fihom huwa kien talab lir-rikorrent sabiex jipprovdilu xogħol għaż-żmien iddettaljat sabiex jeżegwixxi l-proġett. Peress li l-eżekuzzjoni tal-proġett kienet għadha ma bdietx fl-2019, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, mingħajr ebda prova kuntrarja prodotta mill-Kunsill, li l-kumpannija responsabbli għall-eżekuzzjoni tiegħu lanqas ma kienet attiva qabel is-sena 2019.

91      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċa ebda prova intiża sabiex turi li din il-kumpannija kienet inattiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati jew, b’mod ġenerali, wara s-sena 2019.

92      Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-dikjarazzjoni fiskali tal-2019 turi l-inattività ta’ Phoenicia Tourism Company matul is-sena 2019, dan l-istat ta’ fatt jikkontradixxi dak li jista’ jiġi dedott mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020. Skont din l-ittra, ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ investiment ġie ffirmat fl‑14 ta’ Lulju 2019. Wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim addizzjonali, il-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan talab lir-rikorrent jibgħat skeda ddettaljata sabiex jeżegwixxi l-proġett, u dan f’erba’ okkażjonijiet, permezz ta’ ittri tat‑22 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar u tal‑25 ta’ Frar 2020. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, f’din l-ittra tal-aħħar, il-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan talab lir-rikorrent jipprovdi l-imsemmi impjieg tal-ħin kif ukoll informazzjoni oħra f’terminu ta’ għaxart ijiem mill-imsemmija ittra, li jirriżerva l-possibbiltà li jieħu azzjonijiet legali fil-każ ta’ assenza ta’ tweġiba, “skont id-dispożizzjonijiet tal-addendum għall-kuntratt iffirmat u debitament iċċertifikat”.

93      Għalhekk, u fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni Sirjana bdiet teżiġi minn din il-kumpannija l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ investiment, l-iffirmar tal-ftehim addizzjonali għall-imsemmi kuntratt tal‑14 ta’ Lulju 2019 jikkostitwixxi indizju li Phoenicia Tourism Company kienet attiva f’din id-data.

94      F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni tar-rikorrent li tgħid li r-riferiment għall-emenda tal‑14 ta’ Lulju 2019 li tinsab fl-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal dokument intern tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, peress li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tirriżulta minn traduzzjoni eventwalment qarrieqa mill-Għarbi għall-Ingliż. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ma sostniex din l-affermazzjoni. B’mod partikolari, huwa ma pprovdiex dettalji dwar dan id-dokument intern, bħalma huma l-kontenut jew l-għan tiegħu, ma spjegax fiex jikkonsisti dan l-iżball fit-traduzzjoni u ma tax preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020 jirriżulta b’mod ċar li l-ftehim addizzjonali tal‑14 ta’ Lulju 2019 huwa marbut mal-kuntratt.

95      F’dan il-kuntest, u fl-assenza ta’ provi mressqa mir-rikorrent dwar is-sitwazzjoni ta’ Phoenicia Tourism Company fl-2020, dan tal-aħħar ma setax jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li din il-kumpannija kienet attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma rnexxielux jikkontesta l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 85 iktar ’il fuq, li mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT jirriżulta li huwa għandu interessi ekonomiċi fis-settur tat-turiżmu.

c)      Fuq linteressi kummerċjali loħra tarrikorrent

97      Mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News” jirriżulta li AKSSA hija proprjetarja ta’ OVO, li tesporta ż-żejt taż-żebbuġa. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “Al Janoubia”, ir-rikorrent huwa azzjonist ta’ Cham Holding u, skont dik ippubblikata fis-sit tal-internet tal-MEIRSS, huwa membru tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija. Fl-aħħar, is-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News” jindikaw li r-rikorrent għandu fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall.

98      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ OVO, ir-rikorrent jirrikonoxxi li din il-kumpannija kienet operattiva bejn l-2003 u l-2006, snin li matulhom hija esportat iż-żejt taż-żebbuġa lejn l-Italja u Spanja għal grupp importanti ta’ distribuzzjoni kbira. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, meta dawn l-esportazzjonijiet waqfu, OVO saret inattiva u, sussegwentement, ġiet xolta. Huwa jippreċiża li hija ġiet stabbilita fit‑30 ta’ Mejju 2002 u llikwidata fis‑27 ta’ Ġunju 2018. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrent ipproduċa d-Deċiżjoni Nru 78 tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous. Ċertament, din id-deċiżjoni hija mingħajr data, iżda jirriżulta b’mod ċar li r-reġistrazzjoni kummerċjali ta’ “Olive Virgin Oil Company (OVO Co.)” ġiet annullata wara l-istralċ ta’ din il-kumpannija fis‑27 ta’ Ġunju 2018. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ argumenti kuntrarji ppreżentati mill-Kunsill, għandu jitqies li OVO kien xolt fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Cham Holding, ir-rikorrent isostni li fl-2007 huwa kellu valur nominali żgħir ta’ azzjonijiet, li jirrappreżenta 0.00287 % tal-valur kontabbli ta’ din il-kumpannija, liema sehem huwa kien ċeda fl-2011. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipproduċa ittra tal‑25 ta’ Awwissu 2011, indirizzata lill-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding, li fiha huwa ppreżenta r-riżenja tiegħu bħala membru ta’ din il-kumpannija.

100    F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li ittra ta’ riżenja ma hijiex il-mezz abitwali ta’ riżenja.

101    Fir-replika, ir-rikorrent isostni li l-uniku mod kif iċedi l-azzjonijiet tiegħu f’din il-kumpannija fl-2011 kien il-preżentazzjoni ta’ ittra ta’ riżenja, peress li l-azzjonijiet f’din il-kumpannija tilfu l-valur tagħhom wara l-2012. Barra minn hekk, ir-rikorrent ipproduċa f’anness mar-replika ċertifikat ta’ azzjonijiet u lista tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, li fosthom ismu ma deherx.

102    Għandu jiġi osservat li isem ir-rikorrent effettivament ma jidhirx fil-lista tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding. Madankollu, ir-rikorrent ma jurix li din ir-riżenja kienet twassal, ipso facto, għat-trasferiment tas-sehem tiegħu f’Cham Holding. L-argument tar-rikorrent li r-riżenja kienet l-uniku mezz sabiex iċedi l-azzjonijiet tiegħu, peress li dawn tilfu l-valur tagħhom wara l-2012, ma huwiex konvinċenti, peress li, fi kwalunkwe każ, huwa jallega li ċeda dan is-sehem qabel l-2012.

103    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, ċertament, skont l-informazzjoni ppubblikata mill-aġenzija tal-istampa Reuters, l-istatus ta’ azzjonista ta’ Cham Holding tar-rikorrent huwa fil-passat, l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqtsad” u “Al Janoubia” sempliċement jindikaw li r-rikorrent irtira minn din il-kumpannija wara l-adozzjoni ta’ “sanzjonijiet” fir-rigward ta’ din tal-aħħar mingħajr madankollu ma jippreċiża li huwa ttrasferixxa l-azzjonijiet li kellu hemmhekk. Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent, ma għandux jiġi eskluż li l-irtirar li jsir riferiment għalih f’dawn l-artikli jirreferi għar-riżenja tiegħu mill-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News”, ir-rikorrent sempliċement ippreżenta ruħu bħala li ma għadx għandu azzjonijiet f’din il-kumpannija. Fi kliem ieħor, dan l-aħħar sors ma jsostnix li r-rikorrent ma għadux azzjonist ta’ Cham Holding, iżda biss li huwa jallega dan.

104    Fl-assenza ta’ provi prodotti mir-rikorrent intiżi sabiex juru li huwa ma kienx għadu azzjonist ta’ Cham Holding fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, għandu jitqies li dan tal-aħħar kien għadu azzjonista.

105    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni tas-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News” dwar din il-fabbrika huma partikolarment vagi, peress li la jispeċifikaw l-isem ta’ din il-fabbrika u lanqas id-data tal-ħolqien tagħha. Mistoqsi waqt is-seduta, il-Kunsill ma pprovdiex provi addizzjonali fir-rigward ta’ din il-fabbrika. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li ma ntweriex b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent huwa tassew il-proprjetarju ta’ tali fabbrika.

106    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent stabbilixxa li OVO kienet xolta fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Madankollu, huwa ma weriex li ma kienx għadu azzjonist ta’ Cham Holding. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall li tagħhom ir-rikorrent huwa l-proprjetarju ma ġietx sostnuta biżżejjed mill-Kunsill.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għandu interess kummerċjali, minbarra l-interessi ekonomiċi tiegħu fis-setturi marittimu u tat-turiżmu, li jirriżulta miż-żamma ta’ azzjonijiet f’Cham Holding.

d)      Fuq ilpożizzjonijiet tarrikorrent f’diversi korpi u istituzzjonijiet

108    Mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Aliqtisadi”, “Eqtsad”, “Enab Baladi” u “al Arabiya News” jirriżulta li r-rikorrent huwa President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana u Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka. Il-kwalità ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana tar-rikorrent tirriżulta wkoll mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “Syriandays”. Skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqtsad” u “al Arabiya News”, ir-rikorrent huwa wkoll Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa. Fl-aħħar, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News” jindika li r-rikorrent kien l-ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja.

109    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa rriżenja minn din il-pożizzjoni fi Frar 2019. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huwa jipproduċi r-Riżoluzzjoni Nru 198 tal-Ministeru għat-Trasport Sirjan, tat‑13 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Nru 198”). F’din ir-riżoluzzjoni jissemma li saru elezzjonijiet fil-laqgħa ġenerali tal‑4 ta’ Frar 2019. Din ir-riżoluzzjoni tinkludi, barra minn hekk, lista tal-ismijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kamra, li fosthom ma tidhirx dik tar-rikorrent. Barra minn hekk, ir-rikorrent jipprovdi l-minuti tal-laqgħa annwali ta’ din l-awla li nżammet fil‑5 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rendikont”), li fiha l-ismijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi eletti mill-ġdid ġew iċċitati, fosthom dak tal-President tagħha. Isem ir-rikorrent ma huwiex inkluż.

110    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-provi prodotti mir-rikorrent ma jurux, kuntrarjament għal dak li huwa jsostni, li huwa rriżenja mill-kariga ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, dawn jikkonfermaw li huwa ma ġiex elett mill-ġdid għal din il-pożizzjoni.

111    Sussegwentement, ċertament, kif irrileva l-Kunsill, l-informazzjoni li tinsab fir-Riżoluzzjoni Nru 198 u dik li tinsab fir-rendikont ma humiex identiċi.

112    Madankollu, mistoqsi waqt is-seduta, ir-rikorrent indika, mingħajr ma ġie kontradett b’mod utli mill-Kunsill, li r-Riżoluzzjoni Nru 198 u l-minuti jikkorrispondu għal fażijiet differenti tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana. F’dan il-kuntest, il-minuti jirreferu għall-aħħar fażi tal-imsemmija proċedura, fatt li jispjega li n-numru ta’ persuni li jinsabu fih huwa ogħla minn dak tar-Riżoluzzjoni Nru 198.

113    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li waħda mis-sorsi ta’ informazzjoni li tinsab fid-dokument WK 1755/2020 INIT, jiġifieri s-sit tal-internet “Enab Baladi”, tirreferi għar-rikorrent bħala l-“ewwel” President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, li jissuġġerixxi li ma kienx iktar preżenti waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

114    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma kienx għadu jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

115    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, ir-rikorrent isostni li huwa ma huwiex id-direttur u li dan il-korp, barra minn hekk, ġie xolt fl-2013. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent jipproduċi d-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ barrani Sirjan, tat‑23 ta’ Mejju 2013, li kienet tipprevedi x-xoljiment tal-“kmamar ta’ negozjanti Sirjani”. Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi, barra minn hekk, li dawn il-kmamar kellhom jiġu rriformati fil-futur.

116    Ċertament, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Kunsill, li d-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ Barrani Sirjan imsemmija iktar ’il fuq ma ssemmix, b’mod speċifiku, il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka. Madankollu, din id-deċiżjoni, li hija att ta’ portata ġenerali, tirrigwarda, fl-Artikolu 1 tagħha, il-kmamar ta’ negozjanti Sirjani, b’tali mod li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

117    Barra minn hekk, l-artiklu tas-sit tal-internet “al Arabiya News” jindika li r-rikorrent kien direttur ta’ din il-kamra fl-2012, u b’hekk jissuġġerixxi li sussegwentement ma baqax iktar.

118    Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi u tal-fatt li l-provi l-oħra prodotti mill-Kunsill sabiex juri li r-rikorrent kellu l-istatus ta’ Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka ma fihomx informazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat b’ċertezza suffiċjenti li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka ġiet ikkostitwita mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 247, u li r-rikorrent ġie, mill-ġdid, innominat bħala direttur, jeżistu dubji dwar jekk ir-rikorrent kienx, b’mod suffiċjenti, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, id-Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma weriex b’mod legali li r-rikorrent kien jokkupa tali pożizzjoni.

119    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa, ir-rikorrent jafferma li ma għadux membru, u lanqas Viċi President, ta’ dan il-korp. Skont ir-rikorrent, din il-kamra ġiet xolta fl-2013. Barra minn hekk, ġie stabbilit kumitat ġdid wara l-2013, li jinkludi biss membri li joriġinaw minn Stati favorevoli għar-reġim Sirjan.

120    Fir-rigward tal-allegat xoljiment tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, ir-rikorrent jirreferi, essenzjalment, għad-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ barrani Sirjan, tat‑23 ta’ Mejju 2013, imsemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq.

121    Madankollu, fir-replika, ir-rikorrent isemmi l-istabbiliment ta’bord ġdid fl-2013, li jissuġġerixxi li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa ġiet ikkostitwita mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 247, ftit żmien wara x-xoljiment tagħha.

122    Issa, sabiex isostni l-affermazzjoni tiegħu li huwa ma għadux jagħmel parti minn dan il-korp, ir-rikorrent jipproduċi screenshots tas-sit tal-internet tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa li tispjega l-kompożizzjoni ta’ din il-kamra. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument ma fih ebda data u li, mistoqsi dwar dan is-suġġett matul is-seduta, ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jagħti tali data, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi affermat li dan id-dokument jirrifletti sew il-kompożizzjoni tal-kamra kif kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għalhekk, ir-rikorrent ma sostniex b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjoni tiegħu li huwa ma kienx għadu jifforma parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

123    Konsegwentement, ir-rikorrent ma kkontestax b’mod validu l-konstatazzjoni li tgħid li kien Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

124    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jiċħad il-kwalità tiegħu ta’ ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja u jsostni li huwa kien il-Konslu onorarju tat-Turkija f’Tartous mill‑1 ta’ Marzu 2009 sal-2020. Skont ir-rikorrent, din il-pożizzjoni kienet purament onorarja u ma kinitx issegwi għanijiet ekonomiċi u kummerċjali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jiddeskrivi, essenzjalment, ir-rwol ta’ konslu onorarju, li l-funzjonijiet tiegħu huma, b’mod partikolari, li jipprovdi servizzi konsulari u assistenza liċ-ċittadini tal-pajjiż li ħatru kif ukoll li jipparteċipa fil-promozzjoni kummerċjali tal-imsemmi pajjiż.

125    Għandu jiġi kkonstatat li l-unika prova prodotta mill-Kunsill sabiex juri li r-rikorrent huwa l-ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja huwa l-artiklu ppubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2018 mis-sit tal-internet “al Arabiya News”. Issa, dan l-artiklu ma jippermettix li jiġi affermat b’ċertezza suffiċjenti li r-rikorrent kien għadu hekk fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fil-fatt, huwa jindika biss li r-rikorrent “kien” (was) tali ambaxxatur. B’paragun, dan l-artiklu jsemmi li r-rikorrent kien jifforma parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa sa mill-ħolqien tagħha.

126    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma weriex suffiċjentement skont il-liġi li r-rikorrent kien dejjem ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent kien, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa. Min-naħa l-oħra, huwa rnexxielu juri li ma kienx għadu President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati Barra minn hekk, l-istatus ta’ Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana u r-rwol ta’ ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja ma ġewx issostanzjati biżżejjed mill-Kunsill.

e)      Konklużjoni dwar listatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja tar‑rikorrent

128    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja minħabba l-interessi ekonomiċi tiegħu, b’mod partikolari fis-settur marittimu u fis-settur tat-turiżmu, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni primarja tiegħu fil-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa.

f)      Fuq lassoċjazzjoni marreġim Sirjan

129    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill jista’ jinkludi l-ismijiet tan-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja biss jekk dawn tal-aħħar ikunu effettivament marbuta mar-reġim Sirjan, jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq dan tal-aħħar jew jippreżentaw riskju ta’ evitar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, anki fil-każ li jitqies li huwa persuna ta’ suċċess jew ewlieni li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja, huwa ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, u lanqas ma jagħmel parti miċ-ċirku ristrett ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, iddefinit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836.

130    Madankollu, f’dan il-każ, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni seħħet fil-kuntest leġiżlattiv tad-Deċiżjoni 2013/255 kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni 2015/1836 b’mod partikolari introduċiet bħala kriterju ta’ inklużjoni oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti dak ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, b’tali mod li l-Kunsill ma għadux obbligat li juri l-eżistenza ta’ rabta bejn din il-kategorija ta’ persuni u r-reġim Sirjan, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/255 qabel l-emenda tagħha, u lanqas bejn din il-kategorija ta’ persuni u l-appoġġ mogħti lil dan ir-reġim jew il-benefiċċju miksub minn dan tal-aħħar, billi l-fatt li wieħed ikun negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja huwa suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ persuna. B’hekk, mid-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, bl-ebda mod ma jirriżulta li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-prova li kemm il-kundizzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ negozjant ewlieni kif ukoll dik ta’ rabtiet suffiċjenti mar-reġim huma kumulattivament issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C-241/19 P, EU:C:2020:545, punti 71 sa 74; tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il‑Kunsill, T-5/17, EU:T:2019:216, punti 55 u 56 (mhux ippubblikati), u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 56).

131    F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-kriterju dwar il-kwalità ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” setgħet tiġi dedotta preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il‑Kunsill, T‑5/17, EU:T:2019:216, punt 106, u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 60). Din il-preżunzjoni tapplika meta l-Kunsill ikun f’pożizzjoni li juri li l-persuna hija mhux biss negozjant li jopera fis-Sirja, iżda wkoll li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala ewlenija. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, hija l-influwenza li din il-kategorija ta’ persuni tista’ teżerċita fuq ir-reġim Sirjan li l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jisfrutta billi jġegħelhom, permezz tal-miżuri restrittivi li jadotta fir-rigward tagħhom, jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu. B’hekk peress li l-Kunsill irnexxielu juri l-influwenza li negozjant jista’ jeżerċita fuq l-imsemmi reġim, ir-rabta bejn l-imsemmija persuna u r-reġim Sirjan hija preżunta.

132    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-osservanza tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova fil-qasam ta’ miżuri restrittivi mill-Qorti Ġenerali timplika li din tal-aħħar tosserva l-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill (C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punti 48 sa 50), li jipprovdi li, essenzjalment, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-istituzzjoni fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-fondatezza tar-raġunijiet għal inklużjoni.

133    Konsegwentement, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent livell ta’ prova eċċessiv sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan. B’hekk, ir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat li rnexxielu jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan jekk huwa jsostni argumenti jew provi li jistgħu jikkontestaw serjament l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill jew l-evalwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jew jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji tal-ineżistenza jew tal-għajbien tar-rabta mar-reġim Sirjan, jew tal-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim jew tal-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evitar ta’ miżuri restrittivi, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Zubedi vs Il‑Kunsill, T‑186/19, EU:T:2020:317, punt 71).

134    Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, minħabba l-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrent, il-Kunsill jinvokax biss il-preżunzjoni ta’ rabta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 130 u 131 iktar ’il fuq. F’dan is-sens, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti mill-Kunsill u inklużi fid-dokument WK 1755/2020 INIT jippermettux li jiġu stabbiliti, b’mod espliċitu, ir-rabtiet bejn l-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrent u r-reġim Sirjan jew jekk il-Kunsill ibbaża ruħu biss fuq il-preżunzjoni ta’ rabta li għadha kif tfakkret.

135    F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward ta’ AKSSA, ebda waħda mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT ma tippermetti li tiġi stabbilita rabta partikolari bejn din l-aġenzija marittima, li, barra minn hekk, ma hijiex l-unika aġenzija tas-Sirja, u r-reġim Sirjan.

136    It-tieni, fir-rigward ta’ Phoenicia Tourism Company, mis-sit tal-internet “The Syria Report”, u ġie kkonfermat mir-rikorrent, jirriżulta li hija ffirmat kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan.

137    It-tielet, mid-dokument WK 1755/2020 INIT jirriżulta, b’mod partikolari mill-artikli li joriġinaw mill-aġenzija tal-istampa Reuters u mis-sit tal-internet “Al Janoubia”, li Cham Holding, li tappartjeni lil Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad, għandha rabtiet mar-reġim Sirjan.

138    Fl-aħħar, ir-raba’, fir-rigward tal-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, għandu jiġi rrimarkat li l-provi prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jiġi ddeterminat l-istatus tal-imsemmi Kamra tal-Kummerċ fir-rigward tar-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-provi ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni fir-rigward tar-rabtiet bejn il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa u r-reġim Sirjan. Għalhekk, id-dokument WK 1755/2020 INIT ma jippermettix li tiġi ddefinita r-rabta li teżisti bejn il-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent u r-reġim Sirjan.

139    Konsegwentement, l-uniċi elementi, minbarra l-użu tal-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, imressqa mill-Kunsill sabiex tintwera r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan huma relatati, minn naħa, ma’ Phoenicia Tourism Company u, min-naħa l-oħra, ma’ Cham Holding.

140    Issa, fir-rigward ta’ Phoenicia Tourism Company, minkejja li din l-impriża ffirmat kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie stabbilit fil-punt 179 iktar ’il quddiem, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, kif ukoll it-twettiq konkret tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, ma humiex ċari, b’tali mod li l-Kunsill, li fuqu jaqa’ l-oneru tal-prova, ma jistax jibbaża ruħu fuq dan il-kuntratt biss biex juri r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, fis-sens iddefinit mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

141    Fir-rigward ta’ Cham Holding, ir-rikorrent wera li telaq mill-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija u li kien biss azzjonist fi ħdanu. Issa, ebda element ta’ prova pprovdut mill-Kunsill ma jispjega kif, minkejja t-tkeċċija murija mir-rikorrent, huwa żamm rabtiet partikolari ma’ Cham Holding jew ma’ Rami Makhlouf u, b’mod iktar ġenerali, mar-reġim Sirjan.

142    Għalhekk, il-Kunsill jista’ jinvoka biss il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan sabiex jistabbilixxi r-rabta bejn ir-rikorrent u l-imsemmi reġim. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk l-elementi prodotti mir-rikorrent jippermettux li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

143    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrent intiżi li juru li ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, li huwa ma għandux influwenza fuqu u li ma jippreżenta ebda riskju ta’ evitar.

144    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa telaq mis-Sirja sabiex jistabbilixxi ruħu fil-Libanu fl-2012 minħabba l-aġir tar-reġim Sirjan, li huwa oppost għalih. Wara l-2012, huwa mar biss darbtejn fis-Sirja.

145    Għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrent ilu jgħix fil-Libanu sa mill-2012. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax neċessarjament li r-rikorrent ma għadux ikollu interessi ekonomiċi fis-Sirja jew li jkollu karigi f’korpi u istituzzjonijiet marbuta mal-ħajja ekonomika ta’ dan il-pajjiż. Issa, kif jirriżulta mill-punt 128 iktar ’il fuq, il-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji li juru, essenzjalment, li r-rikorrent għadu jkollu interessi ekonomiċi fis-Sirja. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-rikorrent mar fis-Sirja fl-okkażjoni tal-mewt ta’ ommu, dan ma jimplikax li huwa ma għamilx dan f’okkażjonijiet oħra. Barra minn hekk, in-numru ta’ drabi li mar fis-Sirja wara l-istabbiliment tiegħu fil-Libanu ma jistax ikun rilevanti, sa fejn ir-rikorrent jibqa’ jkollu interessi fis-Sirja.

146    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, l-oppożizzjoni tiegħu għar-reġim Sirjan kellha konsegwenzi negattivi għalih. B’mod partikolari, is-servizzi sigrieti Sirjani ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu wara t-tluq tiegħu mis-Sirja. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipproduċa ċirkolari tad-dipartiment tal-Intelligence Pubblika Sirjan tal‑21 ta’ Ottubru 2014, li fiha huwa indikat, fir-rigward ta’ ċirkulari tat‑18 ta’ Ottubru 2014 li għandha bħala suġġett il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ ċerti persuni, li r-rikorrent għandu jiġi eskluż minn din l-aħħar ċirkulari minħabba l-“waqfien tal-ġustifikazzjonijiet”.

147    Il-fatt li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni fl-2014 ma jistax jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, indizju li ma għandux rabtiet mar-reġim Sirjan. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li minn din l-investigazzjoni ġie eskluż biss tlett ijiem wara li ġie inkluż fiha u li mill-proċess ma jirriżultax li kienet ittieħdet kwalunkwe azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani fir-rigward tagħha matul dan il-perijodu qasir ta’ żmien. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’din l-investigazzjoni kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom ġie kkunsidrat li dawn ir-raġunijiet ma kinux għadhom jeżistu ma humiex speċifikati fid-dokument prodott mir-rikorrent. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jindika li s-servizzi sigrieti Sirjani ma jipprovdux motivazzjoni għall-“mandati ta’ arrest” tagħhom u li dawn id-dokumenti huma suġġetti għal-liġi marzjali. Minkejja li dawn il-preċiżazzjonijiet jidhru raġonevolment kredibbli, ir-rikorrent ma sostnihomx u ma pprovdiex spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li, fil-fehma tiegħu, jispjegaw il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, apparti r-rieda preżunta tar-reġim Sirjan li jippreġudikah. Fl-aħħar, barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri sitt snin wara l-ħruġ ta’ dan il-mandat, ir-rikorrent ma kienx suġġett għal investigazzjoni min-naħa tad-dipartiment tal-Intelligence pubblika Sirjan.

148    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni organizzazzjonijiet umanitarji u ċivili opposti għar-reġim Sirjan li jagħtu għajnuna u assistenza lir-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-pajjiżi Ewropej sabiex jiddiskuti l-oppressjoni eżerċitata mir-reġim Sirjan.

149    Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, l-ewwel, ir-rikorrent ipproduċa dikjarazzjoni tal‑20 ta’ April 2020 ta’ ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża fis-Sirja u tal-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Libanu. F’din id-dikjarazzjoni, l-ex ambaxxatur indika li kien jaf lir-rikorrent waqt ir-residenza tiegħu fis-Sirja u li daħal f’relazzjonijiet amikevoli miegħu. Huwa jispjega, essenzjalment, li huwa sab ir-rikorrent fil-Libanu, wara l-2011, u li dan tal-aħħar wera interess qawwi għall-attivitajiet umanitarji mwettqa mill-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Libanu favur refuġjati Sirjani, li għalihom huwa pprovda għajnuna finanzjarja. Fl-aħħar, huwa jirrimarka li, fl-okkażjoni tal-laqgħat tiegħu mar-rikorrent, dan tal-aħħar invoka “is-sitwazzjoni drammatika” tas-Sirja. Huwa jsostni li dejjem innota, fir-rigward tar-rikorrent, riżerva qawwija li tikkonċerna s-sistema eżistenti, li fir-rigward tagħha huwa spiss ifformula kritika kbira, bil-ħerqa jġiegħlu jerfa’ r-responsabbiltà tad-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-pajjiż.

150    It-tieni, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 minn persuna li taħdem għal organizzazzjoni umanitarja. [kunfidenzjali] (1) Għal dawn l-attivitajiet, minbarra d-deskrizzjoni li tinsab f’din l-ittra, ir-rikorrent jipprovdi iktar informazzjoni fir-replika. [kunfidenzjali]

151    It-tielet, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 minn persuna oħra, implikata f’organizzazzjoni umanitarja oħra. [kunfidenzjali]

152    Ir-raba’, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 mibgħuta minn persuna terza. [kunfidenzjali]

153    Il-ħames, ir-rikorrent isostni l-involviment tal-familja tiegħu fil-Phoenicia Maritime Training Centre. Essenzjalment, dan huwa stabbiliment ta’ taħriġ fil-qasam marittimu fis-Sirja bbażat fuq ibnu sabiex jopera bħala fornitur ta’ taħriġ għar-residenti żgħażagħ tal-gżira ta’ Rouad b’tariffa simbolika. F’dan ir-rigward, l-attivitajiet ta’ dan iċ-ċentru ma għandhomx skop ta’ lukru. Skont ir-rikorrent, dan iċ-ċentru joffri alternattiva għall-abitanti żgħażagħ tal-gżira ta’ Rouad, li jibżgħu li jiġu rreklutati għas-servizz militari jew li jiġu arrestati. B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrent isostni li l-abitanti tal-gżira ta’ Rouad huma kkunsidrati bħala opponenti tar-reġim, peress li jappartjenu għall-fergħa Sunnita tal-Iżlam.

154    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent li, essenzjalment, jgħid li l-involviment tiegħu f’Phoenicia Maritime Training Centre għandu jinftiehem bħala li jixhed l-oppożizzjoni tiegħu għar-reġim Sirjan la huwa sostnut mill-kontenut taċ-ċertifikat tat‑23 ta’ Diċembru 2019 li jikkonferma l-akkreditazzjoni ta’ taħriġ tal-istabbiliment, u lanqas minn dak tal-lista ta’ tariffi tal-imsemmi stabbiliment tal‑1 ta’ Lulju 2020. Barra minn dan, ir-rikorrent ma pprovda l-ebda prova li ssostni l-allegazzjoni tiegħu.

155    Sussegwentement, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju ta’ amministrazzjoni libera jew ta’ libertà tal-provi, li għandu jinftiehem bħala li huwa l-fakultà li juża, sabiex jipprova fatt partikolari, provi ta’ kull natura, bħal, b’mod partikolari, xhieda, provi dokumentarji u ammissjonijiet. Fl-istess ħin, il-qorti tal-Unjoni ddedikat prinċipju ta’ libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova, li jgħid li d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħall-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, il-kontenut tiegħu, u għandu jiġi mistoqsi jekk, skont dawn l-elementi, l-informazzjoni li dan jinkludi tidhirx sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Fir-rigward b’mod iktar preċiż tat-testimonjanzi, l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tagħhom għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu kkonfermati mill-koerenza globali tagħhom u għandhom iktar piż peress li huma kkorroborati, fuq il-punti essenzjali tagħhom, mill-elementi oġġettivi l-oħra tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 78).

158    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet forniti mir-rikorrent joriġinaw minn ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża u tal-Ordni Sovran ta’ Malta kif ukoll minn persuni f’pożizzjoni għolja fil-ġerarkija ta’ organizzazzjonijiet umanitarji. Din il-prova ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill.

159    It-tieni, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi preżunt li l-awturi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom interess personali f’din il-kawża, u lanqas li għandhom rabtiet bejniethom, b’tali mod li ma jistax jiġi preżunt li huma ftehmu sabiex jipprovdu lir-rikorrent dikjarazzjonijiet konkordanti. Madankollu, dan ma ġiex allegat mill-Kunsill.

160    It-tielet, id-destinatarju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet hija l-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-awturi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, u, b’mod iktar partikolari, l-ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża u tal-Ordni Sovran ta’ Malta, stabbilixxew dawn id-dokumenti b’għarfien sħiħ mhux biss tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tas-Sirja u tal-għan imfittex minnha, kif imfakkar fil-punti 2,5 u 9 iktar ’il fuq, iżda wkoll dwar il-kwistjoni li tirrappreżenta l-preżentata ta’ dan ir-rikors għar-rikorrent.

161    Ir-raba’, l-erba’ dikjarazzjonijiet jaqblu fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Huma kollha jiddeskrivu lir-rikorrent bħala apertament kritiku fir-rigward tal-politika mmexxija mir-reġim Sirjan u bħala li pprovda għajnuna finanzjarja lill-programmi implimentati sabiex jgħinu lir-refuġjati Sirjani.

162    Il-ħames, fir-rigward tal-elementi oġġettivi li jinsabu fil-fajl li jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 157 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ipproduċa skambji ta’ posta elettronika li juru li huwa kien f’kuntatt mas-segretarjat tal-ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża ta’ dak iż-żmien, li dak iż-żmien ma kienx dak li pprovda d-dikjarazzjoni, sabiex jorganizza laqgħa fl-2016 u li kien organizza ikla fl-2013 li għaliha ġew mistiedna l-Ambaxxatur tar-Renju ta’ Spanja ta’ dak iż-żmien, diplomatiku Spanjol ieħor u l-ambaxxatriċi tal-Unjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien għal-Libanu, din tal-aħħar wara li kkonfermat l-attendenza tagħha għall-imsemmija ikla.

163    Fl-aħħar, is-sitt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma ressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent.

164    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrikonoxxut li d-dikjarazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent huma raġonevoli u affidabbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 156 iktar ’il fuq.

165    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, dawn kollha jsemmu kritika kbira espressa mir-rikorrent fir-rigward tal-politika mmexxija mir-reġim Sirjan, iżda wkoll tal-għajnuna finanzjarja li huwa ta lil organizzazzjonijiet umanitarji li jsostnu r-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, dawn juru relazzjonijiet li r-rikorrent għandu ma’ rappreżentanti diplomatiċi ta’ Stati Membri tal-Unjoni u tal-Unjoni nnifisha.

166    Ċertament, kif jindika l-Kunsill, ir-rikorrent ma pprovdiex informazzjoni addizzjonali dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet umanitarji li huwa jallega li jsostni, u lanqas dwar l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim Sirjan, minbarra dawk li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u mis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jallegax li l-organizzazzjonijiet umanitarji ma jeżistux. Għalhekk, peress li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-isem ta’ tali organizzazzjonijiet, huwa seta’ jipprovdi indizji intiżi sabiex juru li l-attivitajiet imwettqa minnhom ma kinux dawk deskritti mill-awturi tagħhom fid-dikjarazzjonijiet tagħhom jew mir-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.

167    Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li huwa probabbli li r-rikorrent ipprova jaħbi r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex ma jipperikolax l-attivitajiet internazzjonali tiegħu u l-kuntatti tiegħu mas-sieħba Ewropej u dinjija tiegħu. B’hekk, ir-rikorrent ħa ħsieb li jwettaq attivitajiet karitattivi u li jippreżenta riżervi fir-rigward tal-iskema fir-relazzjonijiet li huwa għandu mal-kuntatti internazzjonali tiegħu.

168    Waqt is-seduta, il-Kunsill indika lill-Qorti Ġenerali li l-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad” kien jikkostitwixxi prova li l-aġir tar-rikorrent kien intiż sabiex jaħbi r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan.

169    Madankollu, tali indizju ma jistax jitqies suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tal-Kunsill. Fil-fatt, dan l-artiklu, minn naħa, ma jittrattax ir-rabtiet tar-rikorrent ma’ organizzazzjonijiet umanitarji jew ma’ rappreżentanti ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni, iżda t-tluq tiegħu għal-Libanu, u, min-naħa l-oħra, ma huwa kkorroborat minn ebda prova oħra.

170    Fl-aħħar, il-Kunsill ma ressaq ebda element intiż sabiex jiskredita l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent. Mistoqsi waqt is-seduta, il-Kunsill sempliċement sostna li dawn kellhom jiġu bbilanċjati mal-provi li huwa pproduċa, mingħajr ma pproduċa provi speċifiċi sabiex jikkontestahom.

171    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent juru li dan tal-aħħar iddistanzja ruħu mir-reġim Sirjan u li huwa jiffinanzja missjonijiet umanitarji li kienu jgħinu lir-refuġjati Sirjani.

172    Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrent, ir-reġim Sirjan huwa partikolarment irritat li huwa kien rebaħ, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, is-sejħa għal offerti dwar l-iżvilupp turistiku tal-gżira ta’ Rouad, imbagħad irrifjuta li jinvesti sussegwentement u li jwettaq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ lukanda. Skont ir-rikorrent, il-fatt li rebaħ din is-sejħa għal offerti ppermettielu, essenzjalment, li jirkupra l-kontroll fuq artijiet li kienu ġew esproprjati għad-detriment tal-familja tiegħu fl-1983. Madankollu, huwa ma għamel ebda investiment f’dan il-proġett, u dan wassal lir-reġim jheddu li jieħu azzjonijiet legali.

173    Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jipproduċi, minn naħa, id-Digriet Nru 3053 tal-President Sirjan, rċevut mill-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan fl‑1 ta’ Jannar 1983, li l-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi l-esproprjazzjoni ta’ artijiet fuq il-gżira ta’ Rouad sabiex jeżegwixxi proġett turistiku, u, min-naħa l-oħra, tliet dokumenti li jikkonċernaw artijiet fil-pussess ta’ ċerti persuni li l-kunjom tagħhom huwa Sabra. L-ewwel żewġ dokumenti, datati, rispettivament, il‑21 ta’ Jannar 1962 u l‑1 ta’ Marzu 1977, ma jsemmux isem ir-rikorrent. It-tielet dokument, redatt mid-direttorat tal-proprjetajiet immobbli ta’ Tartous fil‑25 ta’ Mejju 2006, isemmi isem ir-rikorrent. Fl-aħħar, ir-rikorrent jippreżenta dokument, mingħajr data, li l-art miżmuma min-nannu tiegħu kienet is-suġġett ta’ esproprjazzjoni fil-kuntest tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad.

174    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ippreċiża, fir-replika, li mhux l-artijiet kollha miżmuma mill-familja tiegħu fuq il-gżira ta’ Rouad kienu suġġetti għal esproprjazzjoni, peress li wħud minnhom ma kinux jinsabu fuq il-parti tal-gżira li fuqha l-iskema kienet intiża li tiżviluppa l-proġett turistiku tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ipproduċa biss il-prova tal-esproprjazzjoni ta’ art li kienet tappartjeni lil wieħed mill-membri tal-familja tiegħu.

175    Sussegwentement, ir-rikorrent ma jiċħadx li ħallas, f’Awwissu 2012, somma ta’ flus li tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ta’ ammont ekwivalenti għal 1 % tal-ispejjeż totali stmati marbuta mal-proġett, jiġifieri, skont ir-rikorrent, SYP 7 miljun, li kien jikkorrispondi għall-valur ta’ madwar EUR 88 501. Dawn l-ispejjeż tħallsu bħala mhux rimborsabbli. Barra minn hekk, ir-rikorrent ipproduċa l-prova li huwa kien ħallas, f’Mejju 2013, garanzija għall-eżekuzzjoni tajba li kienet tammonta għal SYP 14 316 600 (madwar EUR 113 732).

176    Għandu jiġi rrikonoxxut li l-ħlas ta’ dawn is-somom ta’ flus jikkostitwixxi forma ta’ investiment fil-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, anki jekk ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li dan ma kienx l-investiment li r-reġim Sirjan kien qiegħed jistenna mingħandu.

177    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma stabbilixxiex li r-rikorrent għamel ħlas ieħor jew għamel investiment ieħor fil-kuntest tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad.

178    Fl-aħħar, kif ġie indikat, essenzjalment, fil-punt 90 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li Phoenicia Tourism Company kienet inattiva sal-2019. Ċertament, kif ġie rrilevat, barra minn hekk, fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-possibbiltà li din l-impriża kienet attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati ma tistax tiġi miċħuda. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, il-prova tal-attività ta’ din il-kumpannija hija marbuta mal-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, li kienet thedded lir-rikorrent b’azzjonijiet legali f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tal-kuntratt.

179    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrent huwa effettivament involut fil-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad u li huwa jinsab obbligat, sa mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, li jeżegwixxih, iċ-ċirkustanzi li fihom huwa kkonkluda l-imsemmi proġett u t-twettiq konkret tiegħu ma humiex ċari. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma huwiex possibbli li jiġi affermat b’ċertezza li l-appellant ried biss jirkupra l-artijiet esproprjati li kienu jappartjenu lill-familja tiegħu, li seta’ jikkostitwixxi prova għall-finijiet tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, iżda li lanqas ma huwa possibbli li jiġi affermat li huwa għamel kollox sabiex jiżgura l-iżvilupp tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, kif mixtieq mir-reġim Sirjan. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent ma bediex ix-xogħlijiet f’dan il-proġett għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu ma hija sostnuta bl-ebda mod. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet li wassluh jikkonkludi l-kuntratt dwar il-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad sabiex jikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni.

180    Fl-aħħar, fil-ħames lok, ir-rikorrent jiċħad, essenzjalment, l-allegata kundizzjoni tiegħu ta’ soċju mill-qrib tan-negozju ta’ Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad, persuna li magħha huwa ma kellu ebda kuntatt għal tnax-il sena. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrent isostni li l-informazzjoni li tinsab fid-dokument WK 1755/2020 INIT li tgħid li huwa assoċjat ma’ Rami Makhlouf fis-settur tal-ikel hija inkorretta. F’dan ir-rigward, huwa qatt ma eżerċita attivitajiet f’dan is-settur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ OVO. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li huwa ma pprovdiex servizzi lill-bastimenti responsabbli għat-trasport tal-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, l-uniku punt komuni li huwa jikkondividi ma’ Rami Makhlouf huwa l-fatt li t-tnejn li huma kellhom ishma f’Cham Holding.

181    Mill-punt 106 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent wera li OVO kienet ġiet xolta fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent dejjem kellu, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti, ishma f’Cham Holding, li, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata mis-sit tal-internet tal-aġenzija tal-istampa Reuters u s-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News”, “Enab Baladi” u “Al Janoubia”, kienu miżmuma minn Rami Makhlouf. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding.(ara l-punt 102 iktar ’il fuq), u b’hekk tindika r-rieda tagħha li titbiegħed mill-attivitajiet ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, ir-rieda tar-rikorrent li jitbiegħed minn Cham Holding, suġġett għal miżuri restrittivi mill-Unjoni u mill-Istati Uniti tal-Amerika, hija sostnuta mill-artikli li ġejjin mis-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News” u “Enab Baladi”.

182    Konsegwentement, billi wera li huwa ma jeżerċitax attivitajiet fis-settur tal-prodotti tal-ikel u li huwa tbiegħed minn Cham Holding, ir-rikorrent irnexxielu jikkontesta l-provi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jikkunsidrah bħala soċju viċin tan-negozju ta’ Rami Makhlouf.

183    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, ir-rikorrent jista’ jinvoka li wera li kien qiegħed jikkritika apertament lir-reġim Sirjan u kien finanzjarjament f’għajnuna lil organizzazzjonijiet umanitarji li jaġixxu favur ir-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, huwa kkontesta l-affermazzjoni li huwa soċju mill-qrib tan-negozju ta’ Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad.

184    Kif jirriżulta mill-punt 133 iktar ’il fuq, waħda mill-possibbiltajiet għal rikorrent li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan hija li jipproduċi sensiela ta’ indizji tal-assenza ta’ influwenza fuq ir-reġim Sirjan.

185    F’dan il-każ, fid-dawl tas-sensibbiltajiet politiċi tar-rikorrent, tal-għajnuna li huwa jagħti lill-organizzazzjonijiet umanitarji insostenn tar-refuġjati Sirjani u tat-tkeċċija tiegħu minn Rami Makhlouf, ma tantx jidher probabbli li huwa għandu rabtiet mar-reġim Sirjan. Konsegwentement, ma huwiex ċert li r-rikorrent jitwassal, minħabba l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu, li jeżerċita fuq ir-reġim Sirjan l-influwenza neċessarja sabiex tiżdied il-pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu.

186    Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li mill-provi prodotti mill-Kunsill jirriżulta li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-setturi marittimi u tat-turiżmu, b’mod partikolari, u li jokkupa pożizzjoni primarja fil-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa, xorta jibqa’ l-fatt li rnexxielu jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta eżistenti bejnu u r-reġim Sirjan.

187    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, għalkemm l-istatus ta’ negozjant li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja huwa ppruvat, dan ma jistax japplika wkoll għan-natura ewlieni tiegħu.

188    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel motiv għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, marbut mal-istatus ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt.

5.      Fuq lassoċjazzjoni marreġim Sirjan

189    Għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkostitwixxix prova suffiċjenti li huwa jagħti appoġġ lir-reġim Sirjan jew li huwa jibbenefika mill-politika mmexxija minn dan tal-aħħar. Tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu jekk huwa jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni medda ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, Tri-Ocean Trading vs Il‑Kunsill, T‑709/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:459, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Skont ir-raġunijiet ta’ iskrizzjoni mfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, b’mod partikolari permezz ta’ kumpanniji barra mill-pajjiż u tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, iżda wkoll minħabba l-attivitajiet tiegħu ta’ ħasil tal-flus, u jibbenefika minnha fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli.

191    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li għalihom ir-rikorrent huwa kkunsidrat, mill-Kunsill, bħala li jappoġġja lir-reġim Sirjan u bħala li jieħu vantaġġ minnhom, jikkoinċidu ma’ dawk li wassluh sabiex jikkunsidrah bħala negozjant ewlenin li jopera fis-Sirja.

192    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni ta’ ismha jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant ewlenin li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies bħala li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77).

a)      Fuq lappoġġ ekonomiku u finanzjarju mogħti lirreġim Sirjan

193    Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta li dan tal-aħħar jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan permezz, minn naħa, tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-ħasil tal-flus.

194    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent, l-ewwel, il-motivi ta’ inklużjoni jsemmu l-istatus tiegħu ta’ “persuna ewlenija fit-trasport marittimu”. F’dan ir-rigward, fil-punt 81 iktar ’il fuq ġie stabbilit li r-rikorrent għandu biss AKSSA. Issa, anki jekk ma kienx nieqes mill-ebda importanza fis-settur tal-attività tal-aġenziji marittimi (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), is-sempliċi żamma ta’ din il-kumpannija ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrent huwa “persuna ewlenija fit-trasport marittimu”. Fil-fatt, minn qari flimkien tar-raġunijiet ta’ inklużjoni jirriżulta li huwa l-għadd kbir tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrent fis-settur marittimu li wassal lill-Kunsill sabiex jikklassifikah b’dan il-mod. Madankollu, anki jekk jitqies li r-rikorrent huwa “persuna ewlenija fit-trasport marittimu” biss minħabba l-interess ekonomiku li tirrappreżenta AKSSA, għandu jiġi rrimarkat li l-Kunsill ma jispjegax kif huwa jsostni r-reġim Sirjan permezz ta’ AKSSA. Fi kwalunkwe każ, dan lanqas ma jirriżulta mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT.

195    It-tieni, ir-raġunijiet jirreferu għall-appoġġ li r-rikorrent jipprovdi lir-reġim Sirjan bħala soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf. F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-artiklu ppubblikat minn Le Monde u mill-informazzjoni provenjenti mis-siti tal-internet “World Crunch”, “Eqstad”, “al Arabiya News” u mill-MEIRSS jirriżulta li r-rikorrent, implikat fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel ma’ Rami Makhlouf, ippermetta lir-reġim Sirjan jevita l-miżuri restrittivi, sa fejn l-embargo Ewropew ma jikkonċernax il-prodotti tal-ikel.

196    Issa, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 98 iktar ’il fuq, l-entità tar-rikorrent li twettaq attivitajiet fis-settur tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri OVO, ma għadhiex teżisti.

197    Sussegwentement, fir-rigward ta’ Cham Holding, li Rami Makhlouf huwa l-proprjetarju tagħha u li fiha r-rikorrent huwa azzjonist, mill-qari tal-provi prodotti mill-Kunsill, ma jidhirx li din l-impriża topera fis-settur tal-prodotti tal-ikel.

198    Fl-aħħar, id-dokument WK 1755/2020 INIT ma jipprovdix preċiżazzjonijiet oħra dwar il-forma li tieħu l-assoċjazzjoni tar-rikorrent u ta’ Rami Makhlouf fis-settur tal-prodotti tal-ikel.

199    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-appoġġ mogħti lir-reġim Sirjan permezz ta’ Cham Holding, li Rami Makhlouf hija l-proprjetarja tagħha u li fiha r-rikorrent huwa azzjonist, mill-artiklu ppubblikat mill-aġenzija tal-istampa Reuters u mis-siti tal-internet “al Arabiya News”, “Enab Baladi” u “Al Janoubia” jirriżulta li Cham Holding għandha rabta mar-reġim Sirjan. Madankollu, dawn l-artikli ma jispjegawx kif din l-impriża tagħti appoġġ finanzjarju jew ekonomiku lir-reġim Sirjan.

200    Fl-aħħar, kif ġie stabbilit fil-punt 182 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ikkontesta b’mod validu l-istatus tiegħu bħala soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf.

201    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma weriex, suffiċjentement skont il-liġi, li r-rikorrent jipprovdi appoġġ lir-reġim Sirjan minħabba l-istatus tiegħu ta’ soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf.

202    It-tielet, ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni jindikaw li r-rikorrent jipprovdi l-appoġġ ekonomiku u finanzjarju tiegħu lir-reġim Sirjan b’mod partikolari permezz tal-kumpanniji tiegħu bbażati barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, mill-punti 81,96 u 106 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-Sirja minħabba AKSSA, ta’ Phoenicia Tourism Company u ta’ Cham Holding. L-unika entità li tinsab barra mill-pajjiż, b’mod iktar speċifiku fil-Libanu, li fiha r-rikorrent kellu, skont il-Kunsill, interessi hija Yass Marine. Issa, kif ġie indikat fil-punt 78 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li din l-impriża ma kinitx teżisti. Barra minn hekk, ċertament, mill-artiklu tas-sit tal-internet “al Arabiya News” jirriżulta li AKSSA għandha żewġ fergħat, waħda fil-Greċja u l-oħra fl-Italja, iżda dan ma huwiex ikkonfermat minn provi oħra u, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill jirreferi biss għall-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent mil-Libanu sabiex isostni li huwa jipprovdi appoġġ lir-reġim Sirjan permezz tal-attivitajiet tiegħu mwettqa barra mill-pajjiż. Minn dan jirriżulta li l-parti tar-raġunijiet għall-inklużjoni li r-rikorrent jappoġġja lir-reġim Sirjan b’mod partikolari permezz ta’ kumpanniji bbażati barra mill-pajjiż ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

203    Fl-aħħar, ir-raba’, peress li r-raġunijiet għall-inklużjoni jirrigwardaw l-attivitajiet kummerċjali l-oħra tar-rikorrent bħala li jistgħu jagħtu appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, għandu jiġi eżaminat il-każ ta’ Phoenicia Tourism Company. F’dan ir-rigward, għalkemm ġie stabbilit, mingħajr ma ġie kkontestat, li r-rikorrent iffirma kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan għall-ġestjoni ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad, il-Kunsill madankollu ma jispjegax sa fejn il-konklużjoni ta’ tali kuntratt tagħti appoġġ lir-reġim Sirjan. B’mod partikolari, il-ħlas ta’ somom ta’ flus bħala spejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ta’ garanzija għall-eżekuzzjoni tajba li seħħet fl-2012 u fl-2013 ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri iktar minn seba’ snin wara l-imsemmi ħlas, il-Kunsill wera l-appoġġ finanzjarju mogħti mir-rikorrent. Barra minn hekk, il-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT ma jippermettux li jiġi stabbilit b’liema mod ieħor Phoenicia Tourism Company kienet tappoġġja lir-reġim Sirjan.

204    Sa fejn huwa jaċċetta li jikkunsidra l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa bħala attività kummerċjali, għandu jiġi rrilevat li d-dokument WK 1755/2020 INIT ma fih ebda informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju u ekonomiku li huwa jista’ jagħti lir-reġim Sirjan permezz ta’ din il-pożizzjoni.

205    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-appoġġ li r-rikorrent jagħti lir-reġim Sirjan permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ ħasil tal-flus, għandu jiġi rrilevat li mill-informazzjoni li ġejja mis-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News” u “Enab Baladi” jirriżulta li negozjanti Sirjani, bħar-rikorrent, kisbu n-nazzjonalità Libaniża sabiex jiftħu kontijiet bankarji fil-Libanu u sabiex ikunu jistgħu jgħinu lir-reġim Sirjan jittrasferixxi fondi.

206    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, qabel kollox, li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz, peress li, essenzjalment, il-parti l-kbira tan-negozjanti Sirjani li kisbu n-nazzjonalità Libaniża ma kellhomx bżonnha, peress li kellhom diġà n-nazzjonalità ta’ pajjiżi oħra. Fi kliem ieħor, huwa ma kienx kiseb in-nazzjonalità Libaniża sabiex jgħin lir-reġim Sirjan jevita l-miżuri restrittivi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent jikkostitwixxi dikjarazzjoni ġenerali, mhux sostnuta, li ma tistax, għaldaqstant, tintlaqa’.

207    Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka l-allegazzjonijiet ta’ kuntrabandu ta’ kull att mir-reġim Sirjan sabiex juri li t-tluq tiegħu mis-Sirja għal-Libanu ma ġiex apprezzat mill-imsemmi reġim. Dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż li juri li r-rikorrent ma setax aġixxa għar-reġim Sirjan billi ħa n-nazzjonalità Libaniża. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li r-rikorrent ma rnexxielux iressaq indizji tan-natura falza ta’ dawn l-akkużi. Fil-fatt, mill-provi prodotti mir-rikorrent ma jirriżultax b’mod ċar li d-deċiżjoni ta’ sekwestru provviżorju Nru 932 tal-Ministeru għall-Finanzi Sirjan, tas‑6 ta’ Jannar 2013, kienet tikkonċerna l-importazzjoni ta’ karozzi użati li seħħet diversi snin qabel. F’dan ir-rigward, ma tista’ tiġi stabbilita ebda rabta bejn din id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tal-wasla ta’ bastiment li jittrasporta vetturi użati tat‑18 ta’ Frar 2004. Il-provi l-oħra prodotti mir-rikorrent, jiġifieri l-konferma tal-għoti tal-avviż tat-tagħbija Nru 259 lill-awtoritajiet portwali tal‑25 ta’ Frar 2004 u d-dikjarazzjoni tas‑6 ta’ Marzu 2004 ta’ Almahaba Transit ċertezzi Company, lanqas ma jinkludu informazzjoni dwar dan is-suġġett.

208    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie stabbilit fil-punt 171 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li huwa kien iddistanzja ruħu mir-reġim Sirjan. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrent qajjem dubju serju fir-rigward tar-raġunijiet li mmotivawh jikseb in-nazzjonalità Libaniża. Issa, peress li l-allegazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, kif imfakkra fil-punt 205 iktar ’il fuq, ma humiex sostnuti minn provi konkreti oħra, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma weriex, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-rikorrent appoġġja lir-reġim Sirjan permezz ta’ tali attivitajiet.

209    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma weriex, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-rikorrent ipprovda appoġġ lir-reġim Sirjan.

b)      Fuq ilbenefiċċju miksub mir-reġim Sirjan

210    Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta li huwa ħa vantaġġ mir-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan, fatt li ppermettielu jestendi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli.

211    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li din il-parti tar-raġunijiet għall-inklużjoni kienet prinċipalment relatata mal-fatt li r-rikorrent kiseb, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan għall-użu ta’ artijiet għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad.

212    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq, il-Kunsill sostna b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-fatt li r-rikorrent, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, ikkonkluda kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan li jippermettilu l-iżvilupp u l-operat ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jikkontestax dan.

213    Madankollu, ir-rikorrent jiċħad li jieħu vantaġġ mill-kuntratt konkluż mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan u jsostni, essenzjalment, li huwa xtaq, permezz ta’ dan il-kuntratt, jieħu l-kontroll fuq artijiet esproprjati li jappartjenu lill-familja tiegħu u li finalment huwa ma kienx investa fil-proġett ta’ kostruzzjoni tal-lukanda tal-gżira ta’ Rouad.

214    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-motivi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, kif imfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li l-Kunsill ikun wera b’mod suffiċjenti fid-dritt li huwa effettivament minħabba rabtiet mar-reġim Sirjan li huwa kiseb il-kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan.

215    Issa, għalkemm huwa ammess bejn il-partijiet li r-rikorrent kiseb il-kuntratt wara sejħa għal offerti, mill-artiklu intitolat “Ministry of Tourism Awards New Contract to manage Arwad Hotel” (il-Ministeru għat-Turiżmu jagħti kuntratt ġdid għall-ġestjoni tal-lukanda ta’ Rouad), ippubblikat fis‑26 ta’ Novembru 2012 fuq is-sit tal-internet “The Syria Report”, u lanqas minn ebda prova oħra tad-dokument WK 1755/2020 INIT, li r-rikorrent kiseb il-kuntratt minħabba rabtiet partikolari mar-reġim Sirjan. Fi kliem ieħor, jekk il-Kunsill juri li l-kuntratt ġie konkluż, huwa ma jissostanzjax il-fatt li r-rikorrent kien, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, uża r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex jirbaħ l-imsemmija sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat li s-sempliċi fatt li tirbaħ sejħa għal offerti, anki jekk dan wassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ ministeru għar-reġim Sirjan, huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżistu rabtiet li jippermettu lill-persuna kkonċernata tikseb vantaġġ mir-reġim Sirjan, fis-sens tal-Artikolu 27(1) u tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

216    Għaldaqstant, il-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent ħa vantaġġ mir-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex jikseb il-kuntratt marbut mal-iżvilupp tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad u b’hekk jestendi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tat-turiżmu.

217    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent sabx vantaġġ mill-kuntratt hekk konkluż, barra mill-konklużjoni stess tal-imsemmi kuntratt.

218    Tali provi kienu madankollu neċessarji, sa fejn, kif jirriżulta mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, il-kuntratt kien għadu ma ġiex eżegwit b’mod sħiħ u ma kellux jiġi eżegwit qabel diversi xhur, u dan jipprekludi l-konklużjoni li r-rikorrent jibbenefika mill-politika mmexxija mir-reġim Sirjan fuq il-gżira ta’ Rouad fil-qasam tat-turiżmu.

219    Barra minn hekk, kif ġie stabbilit fil-punt 179 iktar ’il fuq, għalkemm ma huwiex possibbli li jiġi ddikjarat b’ċertezza li r-rikorrent kellu l-intenzjoni biss li jirkupra l-artijiet esproprjati li kienu jappartjenu lill-familja tiegħu, lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddikjarat li huwa kellu l-intenzjoni soda li jiżviluppa l-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, u dan minkejja l-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020.

220    Fil-fatt, il-fatt li l-ittra tobbliga lir-rikorrent jipprovdi aġenda tax-xogħlijiet li huwa għandu jwettaq għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ħlief jekk jesponi ruħu għal azzjonijiet legali, ma jistax ikun suffiċjenti, waħdu, sabiex juri li r-rikorrent kellu effettivament l-intenzjoni li jimplimenta l-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad.

221    Għaldaqstant, il-Kunsill, li għandu l-oneru tal-prova, ma huwiex f’pożizzjoni li juri li r-rikorrent ipprova jikseb vantaġġ, u effettivament ħa vantaġġ mir-reġim Sirjan permezz tal-kuntratt konkluż ma’ Phoenicia Tourism Company.

222    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill jirreferi wkoll għall-vantaġġi mogħtija mir-reġim Sirjan lir-rikorrent, hekk kif jirriżulta mill-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad”. Madankollu, għandu jiġi osservat li dan l-artiklu jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel u wara l-2011. Għalhekk, għalkemm huwa ċertament minnu li l-artiklu jindika li r-rikorrent kiseb vantaġġi qabel l-2011, huwa ma jindikax l-istess għall-perijodu ta’ wara l-2011. Għall-kuntrarju, anki jekk l-artiklu jibqa’ prudenti fir-rigward tan-natura tar-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, huwa jsostni li r-rikorrent irtira minn Cham Holding u telaq fil-Libanu. Konsegwentement, l-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad” ma jistax jitqies li jsostni l-fatt li r-rikorrent ħa vantaġġ mir-reġim Sirjan fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

223    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatt li r-rikorrent jieħu vantaġġ mir-reġim Sirjan.

6.      Konklużjoni

224    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fondatezza tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni bbażat fuq l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, u lanqas dak tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ ismu fl-imsemmija listi bbażat fuq l-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan.

225    Għaldaqstant, il-motiv uniku tar-rikorrent għandu jintlaqa’.

C.      Konklużjoni fuq irrikors u leffetti ratione temporis talannullament talatti kkontestati

226    Peress li l-motiv uniku jintlaqa’, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent.

227    F’dan ir-rigward, il-Kunsill talab, fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet tiegħu, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2020/719 f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716.

228    Qabelxejn fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2020/716, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell.

229    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ appell, il-Kunsill għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tar-rikorrent.

230    Sussegwentement, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2020/719, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2021, L 188, p. 90), issostitwixxiet il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 mid‑29 ta’ Mejju 2021 u estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sal‑1 ta’ Ġunju 2022.

231    Għaldaqstant, illum, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżura restrittiva ġdida. Minn dan isegwi li l-annullament tad-Deċiżjoni 2020/719, sa fejn din tirrigwardah, ma jwassalx għat-tneħħija tal-inklużjoni ta’ ismu mil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255.

232    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/719.

 Fuq lispejjeż

233    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

234    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u r-Regolament ta Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati safejn jikkonċernaw lil Abdelkader Sabra.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Frendo

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Marzu 2022.

Firem

Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

II. Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lammissibbiltà talannessi għattalba għal żmien għassottomissjonijiet orali addizzjonali mressqa mirrikorrent

B. Fuq ilmertu

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

2. Fuq irraġunijiet ta’ iskrizzjoni u ddeterminazzjoni talkriterji ta’ iskrizzjoni

3. Fuq ilprovi

4. Fuq listatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja

a) Fuq linteressi ekonomiċi tarrikorrent fissettur marittimu

b) Fuq linteressi ekonomiċi tarrikorrent fissettur tatturiżmu

c) Fuq linteressi kummerċjali loħra tarrikorrent

d) Fuq ilpożizzjonijiet tarrikorrent f’diversi korpi u istituzzjonijiet

e) Konklużjoni dwar listatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita lattivitajiet tiegħu fisSirja tar‑rikorrent

f) Fuq lassoċjazzjoni marreġim Sirjan

5. Fuq lassoċjazzjoni marreġim Sirjan

a) Fuq lappoġġ ekonomiku u finanzjarju mogħti lirreġim Sirjan

b) Fuq ilbenefiċċju miksub mir-reġim Sirjan

6. Konklużjoni

C. Konklużjoni fuq irrikors u leffetti ratione temporis talannullament talatti kkontestati

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Data kunfidenzjali eskluża.