Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2008 - EuroChem MCC vs Il-Kunsill

(Kawża T-234/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: EuroChem Mineral u Chemical Company OAO (EuroChem MCC) (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u B. Evtimov, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 238/2008 ta' l-10 ta' Marzu 2008 li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta' soluzzjonijiet ta' l-urea u tan-nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw fir-Russja, safejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti, fuq is-sussidjarji tagħha ta' manifattura u fuq kumpanniji relatati, indikati fil-premessa 10 tar-Regolament ikkontestat;

tordna lill-istituzzjonijiet kompetenti, fid-dawl tal-ksur serju kkonstatat tad-dritt Komunitarju, iwaqqfu l-impożizzjoni tad-dazju antidumping fil-konfront tar-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha ta' manifatura u l-kumpanniji relatati, sakemm l-istituzzjonijiet Komunitarji jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, produttriċi u esportatriċi Russa ta' l-urea u tan-nitrat ta' l-ammonju, qed titlob l-annullament, skond l-Artikolu 230 KE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 238/20081 (iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat").

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv prinċipali wieħed għal annullament, maqsum fi tliet partijiet. Ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonstataw b'mod żbaljat il-valur normali għar-rikorrenti, u b'hekk dan żdied b'mod artifiċjali; wettqet paragun żbaljat mal-prezz ta' l-esportazzjoni u għaldaqstant waslet għal konstatazzjoni żbaljata ta' dumping, u b'hekk kisret l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Bażiku 2, filwaqt li wettqet numru ta'żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u kisret prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-ksur ta direttament lok, skond ir-rikorrenti, għat-tmiem mhux mistenni tar-reviżjoni interim mingħajr ma emendat il-miżura antidumping fil-konfront tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni, b'mod iktar speċifiku, abbażi ta' l-ewwel ilment tagħha, li l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqu żball ta' liġi u kisru l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament Bażiku, billi ma kkunsidrawx il-parti l-kbira ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tar-rikorrenti għalix qisuha inaffidabbli u/jew billi applikaw metodu de facto li ma jgħoddx għal ekonomija tas-suq għall-konstatazzjoni tal-parti l-kbira tal-valur normali tar-rikorrenti.

Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, ladarba kienet iddeċidiet li tipproċedi bl-aġġustament tal-gass, kisret it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku u/jew wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wriet nuqqas ta' motivazzjoni billi implementat l-aġġustament tal-gass abbażi tal-prezz intra-Komunitarju tal-gass f'Wiadhaus Germany u billi ma naqqsitx mill-ammont ta' l-aġġustament id-dazju fuq l-esportazzjoni Russu ta' 30 % fuq il-gass Russu.

Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti billi naqqset mill-prezz għall-esportazzjoni tar-rikorrenti l-ewwel bejgħ lil konsumatur indipendenti, spejjeż ġenerali u amministrattivi u kummissjoni fir-rigward ta' kumpanniji relatati, li huma parti ġenerali ta' entità ekonomika waħda u tad-dipartiment tal-bejgħ integrat tar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 238/2008 ta' l-10 ta' Marzu 2008 li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta' soluzzjonijiet ta' l-urea u tan-nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw fir-Russja (ĠU 2008 L 75, p. 14)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1)