Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2008 - Acron u Dorogobuzh vs Il-Kunsill

(Kawża T-235/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Acron OAO (Veliky Novgorod, ir-Russja) u Dorogobuzh OAO (Verkhnedneprovsky, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u B. Evtimov, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 236/2008 ta' l-10 ta' Marzu 2008 li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju ta' antidumping fuq importazzjonijiet ta' nitrat ta' l-ammonju li joriġina fir-Russja, safejn din timponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti u l-kumpanniji kkonċernati tagħhom, kif iddefinit fil-paragrafu 11 tar-regolament ikkontestat;

tordna, fid-dawl tal-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju ikkonstatat, lil istituzzjonijiet kompetenti jieqfu milli japplikaw id-dazju antidumping fir-rigward tar-rikorrenti u l-kumpanniji kkonċernati tagħhom, sakemm l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu adottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi implementata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li huma produtturi u esportaturi Russi ta' nitrat ta' l-ammonju, jitolbu l-annullament, skond l-Artikolu 230 KE, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 236/2008 (ir-"regolament ikkontestat") 1.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ressqu raġuni waħda għal annullament, li tinqasam f'żewġ talbiet. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Istituzzjonijiet Komunitarji stabbilixxew b'mod żbaljat il-valur normali għar-rikorrenti, li wassal għaż-żieda artifiċjali tiegħu; b'hekk laħqu konklużjonijiet żbaljati ta' dumping, u b'hekk kisru l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Bażiku2, u b'hekk wettqu serje manifesta ta' żbalji ta' evalwazzjoni u kisru diversi prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju. Skond ir-rikorrenti, dawn il-ksur wasslu direttament għat-terminazzjoni inġustifikata tar- reviżjoni interim parzjali mingħajr tibdil fil-miżura antidumping fir-rigward tar-rikorrenti.

B'mod aktar partikolari, ir-rikorrenti jsostnu, fuq il-bażi ta' l-ewwel talba tagħhom, li l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqu żball ta' liġi u kisru l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament Bażiku, billi injoraw il-parti l-kibra ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tar-rikorrenti bħala inaffidabbli u/jew billi applikaw de facto metodoloġija ekonomika mhux tas-suq fl-istabbiliment tal-parti l-kbira tal-valur normali tar-rikorrenti.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li ladarba ġie deċiż li jsir l-aġġustament tal-gass, il-Kummissjoni kisret it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2(5) u/jew għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni u wriet nuqqas ta' ħsieb, billi implementat l-aġġustament tal-gass fuq il-bażi tal-prezz intra-Komunitarju tal-gass f'Waidhaus, il-Ġermanja, u billi naqset milli tnaqqas mill-ammont ta' aġġustament ta' 30 % id-dażju Russu fuq l-esportazzjoni tal-gass Russu.

Ir-rikorrenti jsostnu li kieku l-marġni ta' dumping kien ġie stabbilit b'mod korrett, skond ir-Regolament Bażiku u l-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkonstataw nuqqas ta' jew de minimis dumping, u l-miżuri antidumping setgħu jitneħħew jew jiġu kunsiderevolment emendati fir-rigward tar-rikorrenti u l-kumpanniji kkonċernati tagħhom.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 236/2008 ta' l-10 ta' Marzu 2008 li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju ta' anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' nitrat ta' l-ammonju li joriġina fir-Russja (ĠU 2008 L 75, p. 1)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1)