Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta Dicembru 2021 minn Nec Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fid-29 ta’ Settembru 2021 fil-Kawża T-341/18, Nec vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-786/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliz

Partijiet

Appellant: Nec Corp. (rappreżentanti: R. Bachour, Solicitor, A. Pliego Selie, W. Brouwer, R. Warning, advocaten)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni finali f’dawn il-proċeduri ta’ appell u tannulla d-deċiżjoni kkontestata u/jew tnaqqas il-multa kif mitlub f’dan l-appell, jew, b’mod alternattiv, tibgħat lura din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kif ukoll għal dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tipprovdi raġunament suffiċjenti jew xieraq fl-evalwazzjoni dwar jekk il-multa tal-appellanti setgħetx tiżdied minħabba reċidiva.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata setgħet timponi multa separata fuq l-appellanti minħabba reċidiva, minkejja l-fatt li r-responsabbiltà tagħha tikkostitwixxi u hija klassifikata bħala ta’ natura dderivata biss.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet dwar iż-żieda fil-multa minħabba reċidiva għal perijodu qabel l-20 ta’ Mejju 2010, jiġifieri qabel il-komunikazzjoni lill-appellanti tal-fatt li ġie kkunsidrat li wettqet ksur. Dan ma huwa la legalment korrett u lanqas ma huwa proporzjonat, speċjalment fid-dawl taż-żmien limitat bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni DRAMs 1 u t-tmiem tal-ksur ta’ Tokin Corporation u fid-dawl tal-fatt li l-appellanti ma tistax, għalhekk, oġġettivament titqies li aċċettat jew approvat bl-ebda mod il-ksur imwettaq minn Tokin Corporation.

It-tielet, fi kwalunkwe mod, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa u fl-istabbiliment tal-perijodu li għalih hija applikata.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata u aċċettat inkonsistenza manifesta f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur identifikat billi ssostitwixxiet l-inkonsistenza li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà tal-appellanti bil-komprensjoni tagħha tal-fatti u r-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u kisret id-dmir li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti jew xieraq fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 fir-rigward ta’ proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.511 – DRAMs).