Language of document : ECLI:EU:F:2012:197

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑101/11

Tzena Mileva

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/188/10 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla — Membri permanenti jew mhux permanenti ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, T. Mileva titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/188/10 li ma tinkludihiex fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. T. Mileva għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

Artikolu 296 TFUE; (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25(2) Anness III, Artikolu 6)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Kwalifiki tal-membri sabiex jevalwaw oġġettivament l-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

1.      Skont l-Artikolu 296 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni individwali li tikkawża preġudizzju meħuda b’applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun motivata. Madankollu, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi bbilanċjat bl-osservanza tas-sigriet marbut max-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Peress li dan is-sigriet ġie stabbilit sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjoni u l-oġġettività fix-xogħol tagħhom, billi jkunu protetti minn kull indħil u pressjoni esterna, kemm mill-amministrazzjoni tal-Unjoni stess, mill-kandidati interessati, jew minn terzi persuni, dan jipprekludi għalhekk kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-membri individwali tal-Bord tal-Għażla, kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha relatati ma’ evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li tikkonċerna lill-kandidati.

Fid-dawl tas-sigriet li għandu jikkaratterizza x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-punti miksuba fid-diversi provi tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati peress li tippermettilhom madankollu li jkunu jafu l-evalwazzjoni li tkun saret fuq il-prestazzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jivverifikaw jekk effettivament ikunux kisbu n-numru ta’ punti meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni sabiex jgħaddu għal ċerti testijiet jew għat-testijiet kollha.

Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni jfisser biss li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju jkun f’pożizzjoni li jifhem, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-amministrazzjoni li jkun wassalha tadotta d-deċiżjoni meqjusa. Min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-motivazzjoni tkun żbaljata, anki jekk titqies li hija aċċertata, jaqa’ taħt żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni eventwali.

(ara l-punti 27 sa 29 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 24

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, punti 27, 32 u 33; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, punt 62

2.      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla sabiex jevalwa r-riżultati tal-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla ma għandux, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva, jindika r-risposti tal-imsemmi kandidat li jkunu tqiesu li kienu insuffiċjenti, jew jispjega għalfejn dawn ir-risposti tqiesu li kienu insuffiċjenti.

(ara l-punt 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34

3.      Meta jiġi adit bil-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut mill-Bord tal-Għażla li jinkludi kandidat fil-lista ta’ riżerva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli, jiġifieri d-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ proċedura, iddefiniti mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż tal-kompetizzjoni, u dawk li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari d-dmir ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla u l-osservanza minnu tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, kif ukoll in-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter.

Barra minn hekk, f’ċerti ipoteżi, fejn il-Bord tal-Għażla ma jkollu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari meta d-domandi magħmula lil kandidat minn Bord tal-Għażla jkunu jitolbu, għal kull waħda, risposta waħda u unika, dan l-istħarriġ jista’ jkun dwar l-eżattezza tal-fatti li jkun ibbaża ruħu fuqhom il-Bord tal-Għażla sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistħarreġ l-assenza ta’ żball materjali, kif ukoll il-konkordanza bejn il-marka f’ċifra mal-evalwazzjonijiet litterali tal-Bord tal-Għażla, sakemm l-istħarriġ tal-konkordanza jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ inkoerenza manifesta.

Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet li jagħmel il-Bord tal-Għażla meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati huma eżenti mill-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-istħarriġ tiegħu ma’ jistax jikkonċerna l-assenza ta’ koerenza bejn l-evalwazzjonijiet magħmula matul id-diversi eżamijiet, peress li tali stħarriġ ikun ekwivalenti għall-verifika tal-eżattezza tal-evalwazzjonijiet magħmula minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni dwar il-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati.

Fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-kompetenza sabiex jagħmel tali stħarriġ, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn l-evalwazzjonijiet magħmula matul żewġ eżamijiet differenti ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, meta kompetizzjoni tipprevedi diversi eżamijiet u persuni differenti jkunu mitluba jikkorreġuhom, huwa inevitabbli li jistgħu jsiru evalwazzjonijiet kontradittorji.

(ara l-punti 40 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ottubru 1974, Campogrande et vs Il-Kummissjoni, 112/73, 144/73 u 145/73, punt 53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, punti 62 sa 64; 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il‑Kummissjoni, T‑267/03, punti 42, 50 u 51; 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punti 277 u 278

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, punti 32 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-metodu ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-qorti tal-Unjoni għandha tiddikjara dawn il-metodi illegali biss fl-ipoteżi fejn dawn ma jkollhomx rabta mal-għanijiet tal-kompetizzjoni.

Fi kwalunkwe każ, l-għażla tal-aħjar kandidati timplika, għal amministrazzjoni, li tfittex dawk li għandhom konoxxenzi u kompetenzi intellettwali sabiex iqiegħdu dawn il-konoxxenzi fil-prattika f’kuntest li jista’ jevolvi u, konsegwentement, li jiġu previsti testijiet intiżi għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali tal-kandidati ma jidhirx li huwa mingħajr rabta mal-finalità tal-kompetizzjoni. Għalkemm, l-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali jikkonsistu f’testijiet li jwasslu għal analiżi psikoloġika tal-kandidati, dan il-fatt ma jurix li l-evalwazzjoni tal-imsemmija eżamijiet tkun tant suġġettiva li l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-marki ma tkunx tista’ tiġi żgurata.

(ara l-punti 51, 54 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il‑Kummissjoni, T‑71/96, punt 36; 26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il‑Kummissjoni, T‑207/02, punt 31; 30 ta’ Novembru 2005, Vanlangendonck vs Il-Kummissjoni, T‑361/03, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Aparicio et vs Il‑Kummissjoni, F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08, punt 53

5.      Għalkemm Bord tal-Għażla għandu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jevalwa l-kandidati matul kompetizzjoni, min-naħa l-oħra huwa għandu jwettaq ix-xogħol tiegħu fl-osservanza stretta tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-eżamijiet u li jmexxu l-għażla tal-formazzjoni li twassal għall-eżami tal-prestazzjoni tal-kandidat.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi kkostitwit skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 3 tal-Anness III tiegħu, Bord tal-Għażla għandu jkun kompost b’mod li jiggarantixxi evalwazzjoni oġġettiva tal-prestazzjoni tal-kandidati fl-eżamijiet fir-rigward tal-kwalitajiet professjonali tagħhom. Barra minn hekk, peress li l-evalwazzjoni tal-kandidati f’kompetizzjoni hija komparattiva, kandidat jista’ jibbenefika minn irregolarità mwettqa favur kandidat ieħor sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva.

(ara l-punti 61 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑95/98, punti 37 u 41 sa 56; 24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑92/01, punt 24; 10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, punt 39

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Settembru 2008, Dragoman vs Il‑Kummissjoni, F‑147/06, punt 49