Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ April 2022 minn Michaël Julien mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-24 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-442/21, Rhiannon Thomas u Michaël Julien vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-285/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Michaël Julien (rappreżentanti: J. Fouchet u J.-N. Caubet-Hilloutou, avocats)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet T-442/21 mogħti fl-24 ta’ Frar 2022 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tannulla d-Deċiżjoni 2021/689 1 meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ April 2021, sa fejn tapprova l-Artikolu Comprov16 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020 mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit u sa fejn dan il-ftehim ma jżommx il-libertà ta’ moviment għall-Brittaniċi li għandhom rabtiet tal-familja u patrimonjali stretti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura kollha, inklużi l-ispejjeż tal-avukat sa EUR 5 000.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni li l-organizzazzjoni tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea hija, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-persuni, ikkonċepita ristrettivament, u li l-indifferenza tal-Ftehim dwar il-Kummerċ għad-drittijiet tal-individwi taffettwa s-sitwazzjoni tiegħu bħala ċittadin Brittaniku ta’ oriġini Franċiża, li għandu l-familja Franċiża u li fi Franza huwa proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li fiha jirrisjedi regolarment matul iktar minn 90 jum.

Konsegwentement, l-appellant għandu interess li jagħtih locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE billi ma rrikonoxxitulux, li għandu jwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tagħha u li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-kriterji ta’ ammissibbiltà tar-rikors stabbiliti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, minn naħa, l-atti kkontestati, inkwantu atti ta’ portata ġenerali mhux suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva, huma tassew atti regolatorji; min-naħa l-oħra, peress li l-Ftehim dwar il-Kummerċ ma jipprevedi xejn għaċ-ċittadini Brittaniċi li żammew rabtiet personali, tal-familja jew patrimonjali stretti mal-Unjoni Ewropea, għalihom ma jinkludi ebda miżura ta’ eżekuzzjoni.

Barra minn hekk, anki l-kriterju ta’ inċidenza diretta tas-sitwazzjoni individwali tal-appellant huwa ssodisfatt, sa fejn id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, għaċ-ċertezza legali, għall-użu paċifiku u liberu tad-dritt għall-proprjetà tiegħu, li jiddependu mil-liberta ta’ moviment tiegħu, huma rrifjutati lilu mill-Ftehim dwar il-Kummerċ, peress li dan tal-aħħar ma ppreveda xejn għaċ-ċirku ristrett ta’ persuni li huma fl-istess sitwazzjoni.

Għaldaqstant, l-appellant huwa affettwat b’mod suffiċjentement individwali mill-ommissjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ f’dak li jirrigwarda l-liberta ta’ moviment tal-Brittaniċi li żammew fit-territorju tal-Unjoni Ewropea rabtiet personali, tal-familja u patrimonjali stretti.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2).