Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2016 – Le Pen vs Il-Parlament

(Kawża T-863/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-Marie Le Pen (Saint-Cloud, Franza) (rappreżentanti: M. Ceccaldi u J. P. Le Moigne, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kwesturi tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2016 billi din tikkonferma biss id-deċiżjoni tal-irkupru tas-somma ta’ EUR 320 026.23 mingħand Jean-Marie Le Pen;

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Jannar 2016;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-195 tal-4 ta’ Frar 2016;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha ta’ din l-istanza;

tordna lill-Parlament Ewropew iħallas lil Jean-Marie Le Pen is-somma ta’ EUR 50 000 bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq difetti li jaffettwaw il-legalità esterna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

L-ewwel parti, li tipprovdi li huwa l-Bureau tal-Parlament Ewropew u mhux is-Segratarju Ġenerali jew il-Kwesturi li għandhu ġurisdizzjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-partiti politiċi u, għaldaqstant, id-deputati.

It-tieni parti, li tipprovdi li l-Bureau tal-Parlament Ewropew ma jistax ibiddel in-natura u l-portata tal-kompetenza tiegħu. Madankollu, is-Segretarju Ġenerali ma pproduċa l-ebda delega mill-President tal-Bureau tal-Parlament li tagħtih is-setgħa jadotta u jinnotifika d-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2016 għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw deputat. Lanqas il-Kwesturi ma kienu kompetenti jieħdu d-deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016, għalkemm ġiet ippreżentata quddiemhom “deċiżjoni” meħuda minn awtorità amministrattiva li wkoll inkompententi, jiġifieri, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

It-tielet parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kwesturi tal-Parlament Ewropew.

It-tieni motiv ibbażat fuq difetti li jaffettwaw il-legalità interna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa maqsum fi tmien partijiet.

L-ewwel parti, li tipprovdi li d-deċiżjoni tal-Kwesturi ma hijiex intiża tistabbilixxi n-natura allegatament indebita tas-somom imħallsa. Minn dan isegwi li din id-deċiżjoni hija parzjali, peress li hija intiża biss għall-irkupru. F’dan l-istadju, ma teżisti l-ebda deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni li s-somom imħallsa lir-rikorrent ma kinux dovuti u, għaldaqstant, l-att tas-Segretarju Ġenerali għandu jiġi rtirat, kif għandha tiġi wkoll irtirata d-deċiżjoni li tordna l-irkupru tas-somom ikkontestati.

It-tieni parti, li tipprovdi li l-atti kkontestati huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

It-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-oneru tal-prova, għaliex ma huwiex ir-rikorrent li għandu juri li l-assistent inkwistjoni kien effettivament jaħdem għalih u li x-xogħol li kien iwettaq kien neċessarju u direttament marbut mal-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tar-rikorrent.

Il-ħames parti, li tipprovdi li l-atti kkontestati jippreġudikaw id-drittijiet politiċi tal-assistenti lokali.

Is-sitt parti, li tipprovdi li l-atti kkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura.

Is-seba’ parti, li tipprovdi li l-atti kkontestati huma ta’ natura diskriminatorja. Id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom, barra minn hekk, l-uniku skop li jikkawżaw dannu għall-attività politika tar-rikorrent.

It-tmien parti, ibbażata fuq il-preġudizzju tal-indipendenza tar-rikorrent bħala deputat Ewropew.

____________