Language of document : ECLI:EU:T:2019:113

Kawża T-865/16

Fútbol Club Barcelona

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Frar 2019

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lil ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Rata preferenzjali tat-taxxa fuq id-dħul applikata għall-klabbs awtorizzati jużaw status ta’ entità mingħajr skop ta’ qligħ – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Libertà ta’ stabbiliment – Vantaġġ”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Setgħa diskrezzjonali – Osservanza tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE li jipprevedu l-funzjonament tas-suq intern – Proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fir-rigward ta’ miżura li tista’ tippreġudika l-libertà ta’ stabbiliment – Obbligu li jiġi eżaminat ksur awtonomu tal-libertà ta’ stabbiliment – Assenza

(Artikoli 49 u 107 TFUE)

(ara l-punti 29 sa 37)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Miżura nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għall-iskema fiskali applikabbli għall-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ għal ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ li taqa’ fuq il-Kummissjoni – Evalwazzjoni fid-dawl tal-komponenti differenti tal-imsemmija skema fiskali, meħuda fl-intier tagħha

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 44 sa 67)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Eżami diliġenti u imparzjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli – Portata tal-obbligu

(Artikolu 108(2) TFUE)

(ara l-punti 49, 69)

Sunt

Permezz tas-sentenza Fútbol Club Barcelona vs Il-Kummissjoni (T‑865/16), mogħtija fis-26 ta’ Frar 2019, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2391 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.29769 (2013/C) (ex 2013/NN) implimentata minn Spanja għal ċerti klabbs tal-futbol minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

Id-deċiżjoni kkontestata kienet tirreferi għal liġi Spanjola adottata fl-1990, li kienet tobbliga lill-klabbs tal-isport professjonali Spanjoli kollha jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji tal-isport b’responsabbiltà limitata, bl-eċċezzjoni tal-klabbs tal-isport professjonali li kisbu riżultat pożittiv fis-snin ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi. Ir-rikorrent, il-Fútbol Club Barcelona, kif ukoll tliet klabbs oħra tal-futbol professjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ din l-eċċezzjoni, kienu għalhekk għażlu li jkomplu joperaw fil-forma ta’ persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ u kienu jibbenefikaw, fuq din il-bażi, minn rata speċifika ta’ tassazzjoni tad-dħul tagħhom. Peress li din ir-rata speċifika ta’ tassazzjoni baqgħet inqas, sal-2016, mir-rata applikabbli għall-kumpanniji tal-isport b’responsabbiltà limitata, il-Kummissjoni kkunsidrat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-leġiżlazzjoni, billi introduċiet privileġġ fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji favur l-erba’ klabbs ikkonċernati, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jtemmha u jirkupra l-għajnuna individwali mħallsa lill-benefiċjarji tal-imsemmija skema.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, qabel xejn, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kellha, skont ir-rikorrent, tikkonstata li l-obbligu impost fuq il-klabbs tal-sport professjonali li jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji tal-isport b’responsabbiltà limitata kien imur kontra l-imsemmi artikolu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, lil hinn mill-ipoteżi li l-inkompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 49 TFUE, il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur awtonomu tal-Artikolu 49 TFUE u tislet minnu l-konsegwenzi ta’ dritt li jirriżultaw.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq żbalji li l-Kummissjoni wettqet waqt l-eżami tagħha tal-vantaġġ mogħti mil-leġiżlazzjoni lill-erba’ klabbs ikkonċernati. Wara li fakkret li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra globalment il-miżuri kumplessi sabiex tiddetermina jekk dawn jagħtux vantaġġ ekonomiku lill-impriżi benefiċjarji li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan huwa l-każ anki meta tiġi eżaminata skema ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, jekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-istudju tal-karatteristiċi ġenerali u astratti tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma hija marbuta teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk hemmx elementi ta’ għajnuna, dan l-eżami għandu madankollu jinkludi dak tal-konsegwenzi differenti, kemm favorevoli kif ukoll sfavorevoli għall-benefiċjarji tagħha, tal-iskema inkwistjoni fejn in-natura mhux univoka tal-allegat vantaġġ tirriżulta mill-karatteristiċi stess tal-iskema.

Blli l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata tammonta għal restrizzjoni, fis-settur tal-isport professjonali Spanjol, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-iskema fiskali tal-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, il-Qorti Ġenerali b’hekk eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont id-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema fiskali tal-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, meħuda fl-intier tagħha, kienet ta’ natura li tqiegħed lill-benefiċjarji tagħha f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża milli kieku dawn kellhom joperaw taħt il-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, dan ma kienx il-każ. Fil-fatt, wara li enfasizzat li l-Kummissjoni kellha, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, elementi li jenfasizzaw l-ispeċifiċità tal-iskema fiskali tal-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ fir-rigward tal-limitu massimu tat-tnaqqis fiskali għal investiment mill-ġdid ta’ profitti eċċezzjonali f’livell inqas vantaġġuż minn dak applikabbli għall-kumpanniji tal-isport b’responsabbiltà limitata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma kinux jippermettu li jiġi eskluż li dawn il-possibbiltajiet inqas ta’ tnaqqis fiskali tal-iskema ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ jibbilanċjaw il-vantaġġ miksub mir-rata nominali ta’ tassazzjoni iktar baxxa li minnha dawn l-entitajiet jibbenefikaw. Peress li l-Kummissjoni ma ssodisfatx, suffiċjentement skont il-liġi, l-oneru li tipprova li l-miżura kontenzjuża kienet tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u annullat id-deċiżjoni kkontestata.