Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2023 minn Compagnie industrielle de la matière végétale (CIMV) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fid-29 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-26/22, CIMV vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-366/23 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Compagnie industrielle de la matière végétale (CIMV) (rappreżentanti: B. Le Bret, R. Rard u P. Renié, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat ;
tannulla s-sentenza appellata ; u
tagħti deċiżjoni finali fuq il-mertu, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod prinċipali, tilqa’ t-talbiet kollha mressqa minn CIMV fl-ewwel istanza, jew, b’mod sussidjarju, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn tipprevedi l-eżekuzzjoni forzata ;
b’mod iktar sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji:
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti fl-evalwazzjoni tagħha tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn hija kellha tikkonstata ksur ta’ dan il-prinċipju mill-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tal-aspettattiva leġittima li nħolqot bir-risposta tal-Kummissjoni lil CIMV.
It-tieni, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti sa fejn hija kellha tqis li d-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, fid-dawl tat-tul ta’ żmien sinjifikattiv li għadda bejn l-eżami tal-fajl, l-aħħar komunikazzjoni mal-appellanti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni.
____________