Language of document : ECLI:EU:C:2016:188

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Marzu 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 3(3) – Dritt tal-Istati Membri li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz sigur – Artikolu 18 – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni f’każ ta’ teħid lura tal-applikant – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”

Fil-Kawża C-695/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Debreceni közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Debrecen, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Shiraz Baig Mirza

vs

Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. B. Mirza, minn R. Miskolczi, B. Pohárnok, T. Fazekas u G. Győző, ügyvédek,

–        għall-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal, minn Á. Szép, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(3) u 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. B. Mirza u l-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (uffiċċju tal-immigrazzjoni u tan-nazzjonalità, iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, li jiċħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. B. Mirza u, min-naħa l-oħra, li tkeċċi lil dan mill-Ungerija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Dublin III

3        Il-premessa 12 tar-Regolament Dublin III tgħid:

“Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU L 180, p. 60)] għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali regolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-għan tal-imsemmi regolament b’dan il-mod:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

5        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

3.      Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva [2013/32].”

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.”

7        L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, jipprovdi s-segwenti:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

[…]

2.      […]

F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva [2013/32]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.

[…]”

8        L-Artikolu 26 tar-regolament imsemmi, intitolat “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrapreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni li tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.”

9        L-Artikolu 27 tal-istess regolament, bit-titolu “Rimedji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

 Id-Direttiva 2013/32

10      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9)], li tirrifjuta l-applikazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li:

[…]

b)      huwa/hija jkun/tkun ħarab/ħarbet jew telaq/telqet mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa/hija kien/kienet jgħix/tgħix jew fejn kien/kienet miżmum/miżmuma, mingħajr ma kkuntattja/kkuntattjat l-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli, jew huwa/hija ma kkonformax/kkonformatx fi żmien raġonevoli mal-obbligi ta’ rappurtar jew obbligi oħrajn ta’ komunikazzjoni sakemm l-applikant ma jurix li dan kien minħabba ċirkustanzi li ma kinux fil-kontroll tiegħu/tagħha.

Għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien jew linji ta’ gwida dwar dan.

2.      Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma għandhiex tkun suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 40 u 41.

[…]

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf.”

11      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(c)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu [sigur] għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

[…]”

12      L-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu [sigur]”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2.      L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

(a)      regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

(b)      regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

(c)      regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.”

13      L-Artikolu 39 tad-direttiva msemmija, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu [sigur]”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 7 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u tas-sigurtà tal-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu [sigur] skont il-paragrafu 2.

2.      Pajjiż terz jista’ jkun ikkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu biss għall-finijet tal-paragrafu 1 fejn:

a)      ikun irratifika u josserva d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi;

b)      daħħal fis-seħħ proċedura ta’ asil preskritta mil-liġi; kif ukoll

c)      ikun irratifika l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u josserva d-dispożizzjonijiet tagħha, inklużi l-istandards relatati ma’ rimedji effettivi.

3.      L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz ikkonċernat mhuwiex sikur fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

[…]

7.      L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.”

14      L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

      […]

ii)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

[…]

iv)      li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39;

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

 Id-dritt Ungeriż

 Il-liġi dwar id-dritt għall-ażil

15      L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-dritt għall-ażil (menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény, Magyar Közlöny 2007/83, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dritt għall-ażil”) jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

i)      pajjiż terz sigur: pajjiż li fir-rigward tiegħu l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil kisbet iċ-ċertezza li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, f’dan il-pajjiż, ser jiġi ttrattat konformement mal-prinċipji segwenti:

ia)      il-ħajja u l-libertà tal-applikant ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom, u lanqas ma jkunu esposti għal riskju li jbatu ksur serju;

ib)      jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

ic)      il-projbizzjoni, stabbilita mil-liġi internazzjonali, li jittieħdu miżuri ta’ tkeċċija lejn pajjiż fejn l-applikant jirriskja li jbati t-trattamenti msemmija fl-Artikolu XIV(2) tal-liġi fundamentali [(Alaptörvény)], tkun rikonoxxuta u applikata; u

id)      tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat u, jekk jinstab li l-persuna kkonċernata tkun refuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

[…]”

16      Skont l-Artikolu 45(5) tal-Liġi dwar id-dritt għall-ażil:

“Meta l-prinċipju ta’ non-refoulement imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq ma jkunx japplika, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil, għandha tordna l-irtirar, minn naħa, tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa bi skop umanitarju u, min-naħa l-oħra, tal-miżuri għar-ritorn jew għat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani – jekk dan ma jkunx awtorizzat għal titolu ta’ residenza ieħor fit-territorju tal-Ungerija – b’applikazzjoni tal-Liġi Nru II tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz [(2007. évi II. törvény a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról)], u għandha tiffissa t-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza.”

17      L-Artikolu 51(1), (2) u (4) tal-liġi dwar id-dritt tal-ażil jipprovdi:

“(1)      Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti ta’ Dublin ma jkunux issodisfatti, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni u dwar il-punt jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet biex tiddeċiedi dwar is-suġġett tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza.

(2)      L-applikazzjoni hija inammissibbli jekk

[…]

e)      jeżisti, f’dak li jikkonċerna lill-applikant, pajjiż terz li jista’ jitqies bħala pajjiż terz sigur fir-rigward tiegħu.

[…]

(4)      L-applikazzjoni ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2(e) iktar ’il fuq ħlief jekk l-applikant

a)      għex f’pajjiż terz sigur u kellu l-possibbiltà li japplika għal protezzjoni effikaċi f’dan il-pajjiż b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(i);

b)      għadda mit-territorju ta’ pajjiż bħal dan u kellu l-possibbiltà, fil-pajjiż inkwistjoni, li japplika għal protezzjoni effikaċi b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(i);

c)      għandu rabtiet familjari ma’ persuni li jinsabu f’tali pajjiż u jista’ jidħol fit-territorju tiegħu; jew jekk

d)      pajjiż terz sigur jitlob l-estradizzjoni tal-applikant.”

18      L-Artikolu 53 tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil jipprovdi s-segwenti:

“(1)      L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tiċħad l-applikazzjoni permezz ta’ digriet jekk din tiddeċiedi li teżisti waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(2).

(2)      Id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda mogħtija minħabba l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jew fl-aħħar ta’ proċedura b’urġenza jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Il-preżentata ta’ talba għal tħarriġ ma għandhiex — ħlief fil-każ tad-deċiżjonijiet mogħtija abbażi tal-Artikolu 51(2)(e), u tal-Artikolu 51(7)(h) — effett sospensiv f’dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

[…]

(5)      Il-qorti adita b’tali talba ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil; din għandha tannulla deċiżjoni amministrattiva li ngħatat bi ksur tar-regoli tal-liġi — ħlief jekk ikunu regoli proċedurali li l-ksur tagħhom ma jkollux effett fuq il-mertu tal-każ — u, sa fejn ikun neċessarju, għandha tobbliga lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil biex twettaq proċedura ġdida. Id-deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm il-proċedura ma tistax tiġi appellata.”

 Id-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015

19      Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Governattiv 191/2015 (VII.21.) dwar id-determinazzjoni, fil-livell nazzjonali, ta’ pajjiżi ta’ oriġini kklassifikati bħala siguri u ta’ pajjiżi terzi siguri [191/2015. (VII. 21.) Kormányrendelet a nemzeti szinten biztonságosnak nyilvánított származási országok és biztonságos harmadik országok meghatározásáról], tal-21 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem id-“digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015”):

“Huma jitqiesu li huma pajjiżi terzi siguri skont l-Artikolu 2(i) tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – minbarra t-Turkija –, l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Istati tal-Istati Uniti tal-Amerika li ma japplikawx il-piena tal-mewt, kif ukoll:

1.      l-Isvizzera,

2.      il-Bosnja-Ħerzegovina,

3.      il-Kosovo,

4.      il-Kanada,

5.      l-Awstralja,

6.      in-New Zealand.”

20      L-Artikolu 3(2) tad-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015 jiddisponi:

“Jekk applikant għall-ażil ikun għex fit-territorju ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi kklassifikati bħala siguri skont il-lista tal-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi terzi siguri jew l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet governattiv, jew jekk ikun għadda mit-territorju ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa jista’ juri, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil prevista fil-liġi dwar id-dritt għall-ażil, li, fil-każ partikolari tiegħu, huwa ma kellux il-possibbiltà li f’dan il-pajjiż jikseb protezzjoni effettiva fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      S. B. Mirza, ċittadin Pakistani, daħal illegalment fit-territorju Ungeriż mis-Serbja f’Awwissu 2015. Dan ippreżenta, fis-7 ta’ Awwissu 2015, l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. Matul il-proċedura li nfetħet b’riżultat ta’ din l-applikazzjoni, S. B. Mirza telaq mill-post tas-soġġorn li kien ġie assenjat lilu. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju għalaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni li qies, konformement mal-Artikolu 28(1)(b) tad-Direttiva 2013/32, bħala impliċitament irtirata.

22      Sussegwentement, S. B. Mirza nżamm fir-Repubblika Ċeka filwaqt li kien qed jipprova jidħol fl-Awstrija. L-awtoritajiet Ċeki talbu lill-Ungerija tieħu lura lill-persuna kkonċernata, talba li l-Ungerija laqgħet, konformement mal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, mill-provi tal-kawża li tressqu quddiemha ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, l-awtoritajiet Ċeki kienu ġew informati bil-leġiżlazzjoni Ungeriża jew bil-prassi tal-awtoritajiet Ungeriżi li jgħidu li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza kellha tkun is-suġġett ta’ eżami preliminari ta’ ammissibbiltà li seta’ jwassal, minħabba l-fatt li r-Repubblika tas-Serbja, bħala Stat kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni, kienet inkluża fil-lista tal-pajjiżi terzi siguri ffissata mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, għat-twassil tal-persuna interessata fis-Serbja mingħajr l-eżami tal-applikazzjoni tagħha fil-mertu.

24      Wara li ttieħed lura mill-Ungerija, S. B. Mirza ppreżenta, fit-2 ta’ Novembru 2015, it-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija.

25      Wara din l-applikazzjoni, infetħet it-tieni proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali li matulha l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’detenzjoni.

26      S. B. Mirza nstema’ fil-kuntest ta’ din it-tieni proċedura fit-2 ta’ Novembru 2015. Matul din l-intervista, l-Uffiċċju ġibed l-attenzjoni tal-persuna interessata bil-fatt li l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali setgħet tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sakemm ma setax jagħti prova, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, li r-Repubblika tas-Serbja ma hijiex pajjiż terz sigur fil-konfront tiegħu. Fir-risposta tagħha, il-persuna interessata sostniet li ma kinitx sigura f’dan l-Istat.

27      Fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2015, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni ta’ S. B. Mirza bħala inammissibbli, minħabba li, fir-rigward tal-persuna interessata, jeżisti pajjiż terz sigur, jiġifieri s-Serbja li ġiet ikkwalifikata bħala pajjiż terz sigur mill-Artikolu 2 tad-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015. Skont id-deċiżjoni tal-Uffiċċju, il-persuna interessata setgħet tistabbilixxi li, fil-każ partikolari tagħha, is-Serbja ma kinitx tikkostitwixxi pajjiż terz sigur, iżda dan ma sarx. F’din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju ordna miżuri ta’ ritorn u ta’ tneħħija tal-persuna interessata.

28      S. B. Mirza ppreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu sostna li huwa ma xtaqx li jintbagħat lura s-Serbja fejn huwa ma jkunx sigur.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Debreceni közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Debrecen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li

a)      l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz li huwa sigur biss qabel ma jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli jew jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll wara li jiddeterminaw dan?

b)      Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija differenti jekk l-Istat Membru jistabbilixxi li huwa l-Istat responsabbli mhux fiż-żmien meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ewwel darba quddiem l-awtoritajiet tiegħu skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Dublin III u l-Kapitolu III tal-imsemmi regolament iżda meta jirċievi l-applikant minn Stat Membru ieħor wara trasferiment jew talba għal teħid lura skont il-Kapitoli V u VI tar-Regolament Dublin III?

2)      Jekk, abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għall-ewwel domanda, id-dritt li applikant jintbagħat lejn pajjiż terz li huwa sigur jista’ jiġi eżerċitat ukoll wara transferiment imwettaq skont il-proċedura Dublin:

      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll jekk, matul il-proċedura Dublin, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ma jkunx ġie informat bir-regoli nazzjonali rilevanti li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jew bil-prassi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali?

3)      L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ applikant li ttieħed lura skont l-Artikolu 18[(1)](ċ) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura għandha titkompla fl-istadju fejn ġiet interrotta matul il-proċedura preċedenti?”

 Fuq il-proċedura b’ urġenza

30      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Din il-qorti mmotivat it-talba tagħha billi esponiet, b’mod partikolari, li S. B. Mirza kien is-suġġett, sal-1 ta’ Jannar 2016, ta’ miżura ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema miżura tista’ tiġi estiża mill-qorti nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam.

32      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, fis-6 ta’ Jannar 2016, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, informat lil din tal-aħħar bl-estensjoni tal-miżura msemmija sad-data tad-deċiżjoni definittiva fuq l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza jew, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni fl-1 ta’ Marzu 2016, sa’ din l-aħħar data. Barra minn hekk, mill-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-1 ta’ Marzu 2016, il-miżura ta’ detenzjoni tista’ għal darb’oħra tiġi estiża għal tul ta’ sittin jum, fil-limitu ta’ tul totali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur.

33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III, li jaqa’ taħt il-qasam li jinsab fit-titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tal-urġenza, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment miċħuda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata fl-istat li tkun fiha fid-data tal-eżami tat-talba intiża biex jinkiseb li r-rinviju preliminari jkun is-suġġett ta’ proċedura b’urġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 40).

35      F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li, f’din id-data, S. B. Mirza kien imċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li ż-żamma tal-persuna interessata f’detenzjoni tiddependi mir-riżultat tal-kawża prinċipali li għandha bħala suġġett il-legalità taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-miżura ta’ detenzjoni li huwa suġġett għaliha S. B. Mirza ġiet ordnata fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Jannar 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

37      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal-aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

38      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, abbażi tal-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.

39      Ir-Regolament Dublin III ma fihx regoli li jipprekludu li l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur kemm qabel kif ukoll wara d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, peress li dan ir-regolament jillimita ruħu biex jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

40      Hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, l-Artikolu 3(3) tar-regolament imsemmi, li ma fih ebda limitazzjoni ratione temporis, jipprovdi li kull Stat Membru “għandu jżomm” id-dritt li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur. Dan id-dritt jappartjeni, skont din id-dispożizzjoni, lil “[k]ull Stat Membru” u għandu jiġi eżerċitat “soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva [2013/32]”.

41      Barra minn hekk, mill-premessa 12 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li d-Direttiva 2013/32 għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali rregolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni tal-istess direttiva.

42      B’hekk, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil li r-Regolament Dublin III u d-Direttiva 2013/32 jifformaw parti sħiħa minnha, il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur jista’ jiġi applikat mill-Istati Membri kollha, kemm jekk ikun l-Istat Membru magħżul bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali abbażi tal-kriterji li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jew jekk ikun Stat Membru ieħor, abbażi tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament.

43      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, li fid-dawl tiegħu l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fakultà għal Stat Membru li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur wara li r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni tkun ġiet stabbilita konformement mar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu, li huwa intiż biex iħaffef l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi każijiet li fihom tali applikazzjoni titqies li hija inammissibbli, bl-ebda mod ma jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li tali applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur.

44      L-użu tat-termini “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]” fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jippermettix li tinġibed konklużjoni differenti.

45      Fil-fatt, dawn it-termini jirrigwardaw każijiet li jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-imsemmi regolament, bħal dak tat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli previst fl-Artikolu 26(1) tal-istess regolament, li fihom l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma humiex eżaminati. B’hekk, it-termini msemmija tad-direttiva msemmija ma jillimitawx il-portata tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III.

46      Konsegwentement, il-fatt li Stat Membru jitqies li huwa responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ma jipprekludix li dan l-Istat Membru jibgħat, sussegwentement, lill-applikant lejn pajjiż terz sigur.

47      Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, skont liema “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni”.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni msemmija tillimita ruħha biex tippreċiża ċerti obbligi tal-Istat Membru responsabbli, b’mod partikolari dak li jgħid li dan għandu jieħu ħsieb li l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jitlesta, u ma tirrigwardax id-dritt li applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur.

49      B’hekk, l-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III ma jillimitax il-portata tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Stat Membru li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, jaċċetta li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fil-mertu fl-ewwel istanza.

50      Qari differenti tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jintroduċi eċċezzjoni tal-Artikolu3(3) ta’ dan ir-Regolament billi jċaħħad lill-Istati Membri li jieħdu lura lill-applikant b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(c) tal-imsemmi regolament, mid-dritt li jibagħtu lil dan l-applikant lejn pajjiż terz sigur. Issa, ma ssir ebda referenza għal tali eċċezzjoni fl-Artikolu (3) u din l-eċċezzjoni ma tista’ tkun iġġustifikata minn ebda wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Dublin III.

51      Fil-fatt, il-preklużjoni ta’ Stat Membru milli jeżerċita d-dritt imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-konsegwenza li applikant li jkun ħarab, mingħajr ma jkun stenna li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, lejn Stat Membru differenti minn dak li fih ikun ippreżentaha jkun, f’każ ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli, f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ ħaddieħor li stenna li jintemm l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu fl-Istat Membru responsabbli.

52      Tali interpretazzjoni tirriskja li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li jmorru fi Stati Membri oħra, u b’hekk joħolqu movimenti sekondarji li r-Regolament Dublin III huwa intiż preċiżament li jipprevjeni billi jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal‑aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

 Fuq it-tieni domanda

54      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

55      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tistabbilixxi l-preżunzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn applikanti li wasslu fit-territorju Ungeriż mis-Serbja, titqies li hija pajjiż terz sigur minn din il-leġiżlazzjoni, u li ma ppreżentawx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan il-pajjiż terz.

56      F’dan il-kuntest, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, ir-Regolament Dublin III ma jissuġġettax lill-Istat Membru responsabbli għal obbligu li jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment dwar il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri jew dwar il-prassi amministrattiva tiegħu dwar is-suġġett.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur ma għandhomx impatt fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u fuq it-trasferiment tal-applikant ikkonċernat f’dan l-Istat Membru.

58      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva 2013/32 teżiġi, abbażi tal-Artikolu 38(5) tagħha, li l-Istati Membri jinformaw regolament lill-Kummissjoni bil-pajjiżi terzi li lilhom jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur, din bl-ebda mod ma timponi fuq l-Istat Membru responsabbli, meta dan jieħu lura lil applikant, li dan jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment bil-leġiżlazzjoni tiegħu relattiva għall-pajjiżi terzi siguri jew bil-prassi tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

59      Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Istat Membru responsabbli lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ta’ komunikazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni tiegħu relattiva għall-pajjiżi terzi siguri u l-prassi amministrattiva tiegħu f’dan il-qasam ma tiksirx id-dritt tal‑applikant għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment u kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

60      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, mill-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-applikant għandu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

61      Issa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura ta’ applikant, peress li l-Istat Membru responsabbli ma huwiex obbligat li jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment bil-leġiżlazzjoni tiegħu fis-seħħ li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant li wasal fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz sigur, iddefinit bħala tali minn din il-leġiżlazzjoni, in-nuqqas ta’ tali komunikazzjoni ma tistax tikser id-drittijiet tal-applikant.

62      Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni relattiva għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu, fl-Istat Membru responsabbli, dritt għal rimedju effettiv, abbażi tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilu li jikkontesta d-deċiżjoni bbażata fuq ir-regoli tal-liġi nazzjonali relattivi għall-pajjiżi terzi siguri abbażi, skont is-sitwazzjoni individwali tiegħu, tal-Artikolu 38 jew tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

 Fuq it-tielet domanda

64      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għandhiex titkompla mill-istadju li fih ġiet interrotta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-regolament imsemmi jeħtieġ li l-Istat Membru responsabbli jħares li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “jitlesta”. Min-naħa l-oħra, dan ma jimponix fuq tali Stat Membru li jkompli l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi stadju proċedurali partikolari.

66      Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, sa fejn jeżiġi li l-applikant ikollu d-dritt li jitlob li tittieħed deċiżjoni finali fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu, kemm jekk fil-kuntest tal-proċedura li ġiet interrotta fil-kuntest ta’ proċedura ġdida li ma għandhiex titqies li hija applikazzjoni ulterjuri, huwa intiż biex jiżgura lill-applikant eżami tal-applikazzjoni tiegħu li tissodisfa r-rekwiżiti li d-Direttiva 2013/32 tipprevedi għall-ewwel applikazzjonijiet fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hija intiża la biex tistabbilixxi l-mod li bih il-proċedura għandha titkompla f’tali sitwazzjoni u lanqas biex iċċaħħad lill-Istat Membru responsabbli mill-possibbiltà li jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli.

67      Min-naħa l-oħra, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtorità responsabbli mill-eżami, fl-ewwel istanza, tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali biex ikomplu l-eżami ta’ applikazzjoni mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, mingħajr madankollu ma jobbligahom jagħmlu dan.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, dan ma jimponix li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu tkompli mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal-aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

2)      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

3)      L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, dan ma jimponix li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu tkompli mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.