Language of document : ECLI:EU:T:2011:617

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

24 ta’ Ottubru 2011

Kawża T-213/10 P

P

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Tkeċċija – Telf ta’ fiduċja – Motivazzjoni – Żnaturament tal-provi”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-24 ta’ Frar 2010, P vs Il‑Parlament (F‑89/08), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      L-appell huwa miċħud. P għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Membru tal-persunal temporanju assenjat ma’ grupp politiku tal-Parlament – Deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ fiduċja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(ċ))

2.      Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36, u Anness I, Artikolu 7(1))

3.      Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      L-osservanza mill-amministrazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi punt ta’ liġi li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell.

L-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal japplika għal deċiżjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat irregolat mill-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[k]ull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat” u li “[k]ull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata”.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-motiv ta’ tkeċċija bbażata fuq it-telf jew it-tmiem ta’ fiduċja reċiproka bejn il-membru tal-persunal temporanju u l-grupp politiku tal-Parlament Ewropew li jkun assenjat miegħu, fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni, anki stħarriġ minimu min-naħa tal-qorti tal-Unjoni jkun impossibbli. Il-fatt li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“awtorità”) ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tat-talba tal-grupp politiku b’ebda mod ma jillimita l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’tali każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità għandha, tal-inqas, tirrifletti l-motivi tat-talba tal-grupp politiku li abbażi tagħhom l-awtorità kienet obbligata tieħu d-deċiżjoni li ttemm il-kuntratt. Fil-fatt, it-talba tal-grupp tista’ tkun tinkludi fiha stess irregolaritajiet li jivvizzjawha b’illegalità u għaldaqstant għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Fl-aħħar nett, effettivament, huwa biss permezz tal-motivazzjoni li, minn naħa, il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-rilevanza ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet, u huwa meħtieġ, sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ikun ġie adottat l-att ikkontestat. Għalhekk, deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta tingħata f’kuntest magħruf mill-membru tal-persunal ikkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tiegħu.

(ara l-punti 27 sa 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 453; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 50 sa 52; 10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. 4951, punt 30

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A-385 u II‑1731, punt 96; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A-2-213 u II-A-2-1097, punt 52; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II-2841, punti 143 sa 171

2.      L-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jagħti motivazzjoni fis-sentenzi tiegħu skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, ma jimponix fuqu li jipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u punt b’punt ir-raġunament kollu li sar mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti tal-appell li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat b’mod li jimplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien marbut li jwieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentment ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati.

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li jista’, bħala tali, jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, C‑150/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata; 24 ta’ Ġunju 2010, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, C‑117/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata; 8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑197, punt 34;

3.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirripproduċi l-kliem tal-Artikolu 58 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji msejsa fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dan tal-aħħar.

Konsegwentement, huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu ġurisdizzjoni sabiex jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu jkunu jirriżultaw mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u sabiex jevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti tal-appell.

Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi u mingħajr ma jiġu ammessi provi ġodda.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Novembru 2007, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, C‑74/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20; 17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, punti 39 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata