Language of document : ECLI:EU:T:2012:76

Kawżi magħquda T-115/09 u T-116/09

Electrolux AB u

Whirlpool Europe BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-manifattur ta’ elettrodomestiċi kbar innotifikata mir-Repubblika Franċiża — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni taħt ċerti kundizzjonijiet — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 87(3)(ċ), KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà — Kundizzjonijiet — Miżuri kumpensatorji sabiex tiġi evitata kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferiment sostanzjalment preċedenti ta’ sussidjarja tal-impriża — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà — Kundizzjonijiet — Teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna l-ġdida — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02)

1.      Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha xi punti ta’ riferiment għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ atti bħal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u rristrutturati impriżi f’diffikultà, sakemm dawn l-atti jkun fihom regoli indikattivi fuq il-prattika li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jmorrux lil hinn mid‑dispożizzjonijiet tat-Trattat.

L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall‑eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li l-Kummissjoni tgawdi minnha permezz tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tivverifika li r-rekwiżiti li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, fil-Linji Gwida, ikunu ġew osservati. Għall-kuntrarju, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi twettaq minflokha eżami li hija fl-ebda mument ma wettqet u billi tasal għall-konklużjonijiet li kienet tasal għalihom fi tmiem dan l-eżami.

(ara l-punti 37, 38, 40-42)

2.      Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji b’konnessjoni mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li l-punti 38 sa 40 tal‑Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà jirrigwardaw il-“prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal‑kompetizzjoni”. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-ewwel nett, miżuri kumpensatorji għandhom jittieħdu biex jiġu limitati l-effetti negattivi tal-għoti ta’ għajnuna għar‑ristrutturazzjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ (punt 38 tal-Linji Gwida). It-tieni nett, dawn il-miżuri għandhom ikunu “adegwati” fis-sens li huma ma għandhomx jikkawżaw deterjorazzjoni tal-istruttura tas-suq (punt 39 tal-Linji Gwida). It-tielet nett, huma għandhom ikunu “proporzjonati” għall-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma għandhom jirrigwardaw is-suq jew swieq li fihom l-impriża inkwistjoni ser ikollha pożizzjoni sinjifikattiva wara r-ristrutturazzjoni. It-tieni nett, għalkemm dawn il-miżuri jistgħu jseħħu qabel jew wara l-għoti tal-għajnuna, huma għandhom fi kwalunkwe każ ikunu parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni. It-tielet nett, ma għandhomx jikkonsistu f’sempliċi tpaċija tal-kontijiet jew waqfien ta’ attivitajiet bla profitt peress li dawn ma jirriżultawx fi tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-impriża inkwistjoni (punt 40 tal-Linji Gwida).

Il-Kummissjoni twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tqis li t-trasferiment ta’ sussidjarja tal-impriża jikkostitwixxi miżura kumpensatorja kif definit fil-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida, meta n-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ssir kważi tliet snin wara dak it-trasferiment li la kellu l-għan, u lanqas is-setgħa li jkollu l-effett li jtaffi, anki b’mod minimu, id-distorsjonijiet tal‑kompetizzjoni ġġenerata bl-għoti tal-għajnuna prevista u li, barra min hekk, it-trasferiment ma kellux “effett reali” li fuqu interveniet l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna.

(ara l-punti 44, 51, 53, 55)

3.      Mis-sentenza Deggendorf, C-355/09 P, Ġabra p. I-2549, u mill-punt 23 tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal‑kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il‑Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, teżamina l-effett kumulattiv tal‑għajnuna ma’ xi għajnuna preċedenti li tkun għadha ma ġietx irkuprata. Dan l-eżami huwa ġġustifikat mill-fatt li l-benefiċċji mogħtija bl-għoti ta’ għajnuna inkompatibbli preċedenti li tkun għadha ma ġietx irkuprata tkompli jkollha effett fuq il-kompetizzjoni.

Fiċ-ċirkustanza fejn il-Kummissjoni tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna kkunsidrata għall-irkupru minn qabel ta’ għajnuna waħda jew iktar istanzi ta’ għajnuna preċedenti, hija ma tkunx obbligata tipproċedi għall-eżami tal-effett kumulattiv tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni. Tali ssuġġettar jagħmilha possibbli li jiġi evitat li l-vantaġġ mogħti permezz tal-għajnuna kkunsidrata jakkumula ma’ dawk tal-għajnuna preċedenti, billi l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna preċedenti jkunu ġew eliminati permezz tal-irkupru tal-ammonti tagħhom bl-interessi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-irkupru ta’ għajnuna bl-interessi jagħmilha possibbli li jiġi eliminat il-vantaġġ indebitu li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi li l-benefiċjarju kellu jħallas fuq l-ammont inkwistjoni tal-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u kif ukoll fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq sakemm damet fis-seħħ l-illegalità.

Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni ma tissuġġettax l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għall-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli, hija trid bilfors teżamina l-effett kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ istanzi ta’ għajnuna. Hija twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni meta tonqos milli tagħmlu.

(ara l-punti 66, 67, 71, 72)