Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2022 minn Liam Jenkinson mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-10 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-602/15 RENV, Jenkinson vs Il-Kunsill et

(Kawża C-46/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Liam Jenkinson (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Eulex Kosovo

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-kawża u tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenuti fl-appell għall-ispejjeż kollha esposti fil-kuntest tal-proċedura appellata kif ukoll f’kull waħda mill-proċeduri preċedenti (T-602/15; C-43/17 P; T-602/15 RENV).

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-talbiet u tal-motivi mressqa, sa fejn il-Qorti Ġenerali eskludiet mill-istħarriġ tagħha kull kap tat-talba bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità.

It-tieni aggravju bbażat fuq it-tnaqqis tal-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali mressqa mir-rikorrent, u b’hekk, tas-suġġett tar-rikors, sa fejn il-Qorti Ġenerali evalwat biss l-aħħar pożizzjoni tar-rikorrent fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo.

It-tielet aggravju huwa dirett kontra s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad l-ewwel kap tat-talbiet imressqa b’mod prinċipali.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn membri tal-persunal tal-Unjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali naqqset għal xejn l-intenzjoni tal-leġiżlatur Ewropew li joffri kopertura soċjali minima lill-impjegati kollha. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-kunċett ta’ stat tad-dritt billi eskludiet kull possibbiltà mhux kuntrattwali tal-appellati.

Il-ħames aggravju huwa dirett kontra ċ-ċaħda, abbażi tal-inammissibbiltà, tat-tielet kap tat-talbiet imressaq sussidjarjament fl-ewwel istanza. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio ċerti motivi ta’ ordni pubbliku u tanalizza l-mertu tal-proċess.

____________