Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2009 - Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-387/09)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Applied Microengineering Ltd (Didcot, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: P. Walravens u J. De Wachter, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent(i)
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Lulju 2009, li tordna l-irkupru tas-somma ta' EUR 258 560.61, flimkien mal-interessi;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fir-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)5797, tas-16 ta' Lulju 2009, dwar il-ħlas lura ta' ċerti somom, flimkien mal-interessi, dovuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġetti IST-199-11823 FOND MST ("Formation of a New Design House for MST") u IST-2000-28229 ANAB ("Assessment of a New Anodic Bonder") iffinanzjati abbażi tal-programm speċifiku għal atti ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni (1998-2002).
Ir-rikorrenti tinvoka sebgħa motivi insostenn tar-rikors tagħhha.
L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, billi ma wettqitx proċedura ta' verifika finanzjarja integrali u xierqa. Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma informathiex bil-ftuħ u bl-għeluq tal-proċedura ta' verifika finanzjarja u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet ifformulati minnha. Din tal-aħħar ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta' diliġenza.
It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet preskritta, mill-inqas fir-rigward tal-pagamenti mwettqa ħames snin qabel il-ftuħ uffiċjali tal-proċedura ta' verifika finanzjarja.
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni billi segwiet l-interpretazzjoni żbaljata tal-awditur fir-rigward tar-regoli dwar l-ispejjeż eliġibbli.
Ir-raba' nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet soċjali fundamentali u d-dritt għal remunerazzjoni ekwa billi aċċettat li tapplika rati bis-siegћa fuq il-ħaddiema li huma inqas mis-salarju bażiku.
Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-aspettativi leġittimi fil-validità tal-metodu ta' kalkolu tal-ispejjeż tas-salarji medji, kif propost mir-rikorrenti, u fl-aċċettazzjoni tal-prattika ta' "salarji indikati" mill-kuntrattur.
Is-sitt nett, hija tqis li l-Kummissjoni kisret l-obbligu taghħa li timmotiva d-deċiżjoni tagħha, billi bbażat ruħha biss fuq ir-rapport ta' verifika, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jew it-talbiet tagħha sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta' verifika finanzjarja.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta' diliġenza billi bagħtet ittri lil indirizz ħażin u billi ma eżaminatx l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti.
____________