Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ġunju 2009 - Labate vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-389/09)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Kay Labate (Tarquinia, l-Italja) (rappreżentant: I. Forrester, QC)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 232 KE;
tordna lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-ordni tal-Qorti tal-Prim'Istanza;
tagħti lil dan ir-rikors il-priorità xierqa, sabiex tevita li żżid mal-proċess talba separata għal proċedura mħaffa u sabiex tagħti sentenza fi żmien sitt ġimgħat;
tordna kwalunkwe rimedju ieħor li jkun xieraq;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' dan ir-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
Fl-20 ta' Frar 2009, ir-rikorrenti għamlet talba formali skont l-Artikolu 232 sabiex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tirrikonoxxi n-natura ta' marda minn fuq il-post tax-xogħol tal-kanċer fil-pulmun tar-raġel mejjet tagħha fis-sens tal-Artikolu 73 tar- Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni tal-uffiċjali tal-Komunità Ewropea kontra r-riskju ta' inċident u ta' mard minn fuq il-post tax-xogħol.
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe deċiżjoni bħal din jew ta' xi adozzjoni ta' pożizzjoni fil-terminu meħtieġ, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni, billi naqset milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli dwar it-talba għar-rikonoxximent tal-marda tar-raġel tagħha bħala marda minn fuq il-post tax-xogħol, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 23 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni tal-uffiċjali tal-Komunità Ewropea kontra r-riskju ta' inċidenti u ta' mard minn fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk hija responsabbli talli ma ħaditx azzjoni skont l-Artikolu 232 KE.
____________