Language of document : ECLI:EU:C:2016:35

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Jannar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb alkoħoliku — Regolament (KE) Nru 110/2008 — Artikolu 16(b) — Evokazzjoni — Spirtu tas-sidru prodott fil-Finlandja u mibjugħ taħt id‑denominazzjoni ‘Verlados’ — Indikazzjoni ġeografika protetta ‘Calvados’”

Fil-Kawża C‑75/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn markkinaoikeus (tribunal għall-affarijiet ekonomiċi, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Viiniverla Oy

vs

Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Aalto kif ukoll minn I. Galindo Martín u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Viiniverla Oy (iktar 'il quddiem “Viiniverla”), kumpannija rreġistrata taħt id-dritt tal-Finlandja, u Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Uffiċċju ta’ Awtorizzazzjoni u ta’ Superviżjoni fil-qasam soċjali u tas-saħħa, iktar 'il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, tat-18 ta’ Novembru 2013, li tipprojbixxi lil Viiniverla milli tbigħ, mill-1 ta’ Frar 2014, xarba bl-isem “Verlados”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2 u 14 tar-Regolament Nru 110/2008 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Is-settur tax-xorb spirituż huwa importanti għall-konsumaturi, għall-produtturi u għas-settur agrikolu [fl-Unjoni Ewropea]. Il-miżuri applikabbli għas-settur tax-xorb spirituż għandhom jikkontribwixxu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta. [...]

[…]

(14)      Ladarba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel [(ĠU L 93, p. 12), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, (ĠU L 352M, p. 629)] ma japplikax għax-xorb spirituż, ir-regoli għall-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi tax-xorb spirituż għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. L‑indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu reġistrati, billi x-xorb spirituż jiġi identifikat bħala oriġinarju ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tax-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.”

4        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għax-xorb spirituż kollu imqiegħed fis-suq [fl-Unjoni] kemm jekk prodott [fl-Unjoni] kif ukoll jekk prodott f’pajjiżi terzi, u kif ukoll għal dak prodott [fl-Unjoni] għall-esportazzjoni. [...]”

5        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 110/2008, intitolat “Indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprovdi:

“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, indikazzjoni ġeografika għandha tkun indikazzjoni li tidentifika xarba spirituża bħala oriġinarja ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra ta’ dik ix-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.

2. L-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmijin fil-paragrafu 1 huma reġistrati fl-Anness III.

3. L-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III ma jistgħux isiru ġeneriċi.

L-ismijiet li saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati fl-Anness III.

Isem li sar ġeneriku ifisser l-isem ta’ xarba spirituża li, minkejja li tkun relatata ma’ post jew reġjun fejn dan il-prodott kien oriġinarjament fabbrikat jew imqiegħed fis-suq, sar l-isem komuni ta’ xarba spirituża [fl-Unjoni].

4. Ix-xorb spirituż li għandu indikazzjoni ġeografika reġistrata fl-Anness III għandu jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-fajl tekniku previst fl-Artikolu 17(1).”

6        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi”, jiddikjara dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra:

[...]

b)      kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor;

[...]”

7        L-Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, intitolat “Indikazzjonijiet ġeografiċi”, isemmi li l-“Calvados” ġiet irreġistrata fil-kategorija ta’ prodotti Nru 10, “Spirtu tas-sidru u spirtu tal-perry”, bil-pajjiż tal-oriġini Franza.

 Id-dritt tal-Finlandja

8        Skont l-Artikolu 43(1) tal-Liġi Nru 1143/1994 dwar l-alkoħol [alkoholilaki (1143/1994), iktar 'il quddiem il-“liġi dwar l-alkoħol”], il-produttur u l-importatur ta’ xarba alkoħolika huma responsabbli għall-kwalità u għall-kompożizzjoni tax-xarba alkoħolika li huma jpoġġu fis-suq għall-konsum, kif ukoll għall-konformità tal-prodott, għall-ittikkettjar u għall-elementi ta’ preżentazzjoni oħra, mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u mar-regolamenti applikabbli f’dan il-qasam.

9        Skont l-Artikolu 49(2) tal-Liġi dwar l-alkoħol, l-Uffiċċju jista’ jipprojbixxi l-bejgħ ta’ xarba alkoħolika, jew iħabbar obbligu ta’ rtirar ta’ xarba mis-suq mingħajr kumpens, fil-każ, b’mod partikolari, fejn il-prodott jew il-preżentazzjoni tiegħu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u r-regolamenti applikabbli f’dan il-qasam.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Viiniverla, stabbilita f’Verla (il-Finlandja), immanifatturat u biegħet mis-sena 2001 spirtu tas-sidru bl-isem “Verlados”.

11      Fit-23 ta’ Novembru 2012, wara lment dwar l-użu allegatament abbużiv tal-indikazzjoni ġeografika Franċiża “Calvados”, il-Kummissjoni Ewropea ressqet quddiem l-awtoritajiet Finlandiżi talba għal kjarifika dwar l-użu tad-denominazzjoni “Verlados”.

12      Fir-risposta tagħhom tal-31 ta’ Jannar 2013, l-awtoritajiet Finlandiżi indikaw li x-xarba bl-isem “Verlados” hija prodott lokali fejn l-isem jirreferi direttament għall-post fejn huwa mmanifatturat, jiġifieri fil-villaġġ ta’ Verla u fil-fabbrika tal-inbid ta’ Verla. Huma żiedu li l-ismijiet “Calvados” u “Verlados” għandhom biss l-aħħar sillaba tagħhom komuni, fatt li huwa insuffiċjenti fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkunsidra l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” meta jkun hemm żewġ sillabi identiċi.

13      Fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Finlandiżi jibagħtu iktar informazzjoni. Fiha, il-Kummissjoni qieset, skont l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, li d-denominazzjoni “Verlados” ma kinitx awtorizzata u għarrfet lir-Repubblika tal-Finlandja bl-intenzjoni tagħha li tibda proċedura għal ksur kontriha jekk hija ma tikkonformax ma’ din l-interpretazzjoni. Skont il-Kummissjoni, is-suffiss “ados” tad-denominazzjoni “Verlados” huwa biżżejjed sabiex jevoka d-denominazzjoni “Calvados” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14      Konsegwentement, l-Uffiċċju adotta, abbażi tal-Artikolu 49(2) tal-Liġi dwar l-alkoħol, deċiżjoni li tipprojbixxi lil Viiniverla milli tbigħ ix-xarba bl-isem “Verlados” mill-1 ta’ Frar 2014.

15      Viiniverla ressqet quddiem il-markkinaoikeus (tribunal għall-affarijiet ekonomiċi) rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni. Quddiem din il-qorti, hija sostniet li l-użu tad-denominazzjoni “Verlados” ma huwiex ikkostitwit minn ebda użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni tal-prodott “Calvados” u għalhekk ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

16      Peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinkludix l-elementi kollha li huwa jqis li għandu bżonn sabiex jiddeċiedi l-kawża li tressqet quddiemu, il-markkinaoikeus (Tribunal għall-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fl-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk hemmx evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, għandu jsir riferiment għall-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat?

2)      Fl-evalwazzjoni tal-projbizzjoni li tintuża d-denominazzjoni ‘Verlados’ għall-ispirtu tas-sidru kkummerċjalizzat taħt dan l-isem fit-territorju nazzjonali, sabiex tiġi protetta l-indikazzjoni ġeografika ‘Calvados’, liema importanza għandha tingħata lill-fatti msemmija hawn taħt fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘evokazzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 u tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament:

a)      il-bidu tad-denominazzjoni ‘Verlados’ jikkorrispondi għall-isem tal-villaġġ Finlandiż ta’ Verla, u dan l-isem jista’ jiġi rrikonoxxut mill-konsumatur Finlandiż;

b)      l-element ‘Verla’, li bih tibda d-denominazzjoni ‘Verlados’, jirreferi għall-impriża Viiniverla, li timmanifattura l-prodott ‘Verlados’;

c)      il-Verlados huwa prodott lokali mmanifatturat fil-villaġġ ta’ Verla, u minnu jinbiegħ medja ta’ mijiet ta’ litri fis-sena fir-ristorant tal-proprjetà [tal-fabbrika tal-inbid], u li jista’, barra minn hekk, jinkiseb minnu fuq ordni, f’miżura limitata, mal-impriża tal-Istat ta’ distribuzzjoni ta’ xorb alkoħoliku prevista mil-liġi dwar l-alkoħol;

d)      it-termini ‘Verlados’ u ‘Calvados’ għandhom biss sillaba waħda, minn tlieta, komuni (“dos”) iżda, min-naħa l-oħra, l-aħħar erba’ ittri (‘ados’) ta’ kull waħda miż-żewġ kelmiet, jiġifieri nofs in-numru totali tagħhom, huma identiċi?

3)      Jekk jitqies li hemm ‘evokazzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, jista’ madankollu jiġi awtorizzat l-użu tad-denominazzjoni ‘Verlados’ għal waħda mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq jew għal raġuni oħra, bħal dik marbuta mal-fatt li almenu ma hemmx ir-riskju li l-konsumatur Finlandiż jaħseb li l-prodott ‘Verlados’ huwa ffabbrikat fi Franza?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija trid tirreferi għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

18      Filwaqt li l-Gvern Franċiż jipproponi li jagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għall-kunċett ta’ “konsumatur”. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan josserva li jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, peress li l-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li l-konstatazzjoni ta’ evokazzjoni hija ta’ natura oġġettiva, ibbażata fuq l-uniku eżami tad-denominazzjonijiet inkwistjoni.

19      Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 110/2008, l-espressjoni “indikazzjoni ġeografika” tirreferi għal indikazzjoni li tidentifika xarba alokoħolika bħala oriġinarja ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra ta’ dik ix-xarba alkoħolika tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.

20      L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi kontra kull “evokazzjoni”, “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor”.

21      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “evokazzjoni” jkopri każ fejn it-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni [ara, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, is-sentenza Bureau national interprofessionnel du Cognac, C-4/10 u C-27/10, EU:C:2011:484, punt 56; ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il‑protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU L 208, p. 1), is-sentenzi Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, EU:C:1999:115, punt 25 u l-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-132/05, EU:C:2008:117, punt 44].

22      Ċertament, l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 ma jirreferix b’mod espliċitu għall-kunċett ta’ “konsumatur”. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, minbarra l-inkorporazzjoni ta’ parti minn denominazzjoni protetta fit-terminu utilizzat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni, li l-“konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta”. Għalhekk, il-qorti nazzjonali essenzjalment għandha tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta, fir-rigward tat-terminu utilizzat sabiex jiġi identifikat il-prodott inkwistjoni, tal-konsumatur, peress li l-essenzjal huwa li dan tal-aħħar jistabbilixxi rabta bejn dan it-terminu u d-denominazzjoni protetta.

23      F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 lill-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan segwit mir-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri, kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, jippermetti l-identifikazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi bħala li joriġinaw minn territorju stabbilit fil-każ li kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra ta’ dawn ix-xarbiet tkun essenzjalment tista’ tiġi attribwita għal din l-oriġini ġeografika (sentenza Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 47).

24      Barra minn hekk, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tax-xarbiet alkoħoliċi, prevista mir-Regolament Nru 110/2008, hija intiża mhux biss sabiex tikkontribwixxi, kif imfakkar fil-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, għall-prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta, iżda wkoll għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

25      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita sewwa, fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, li, bħala regola ġenerali, hemm lok, f’dan il-qasam, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi preżunti ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mars, C‑470/93, EU:C:1995:224, punt 24; Gut Springenheide u Tusky, C‑210/96, EU:C:1998:369, punt 31; Estée Lauder, C‑220/98, EU:C:2000:8, punt 30; Lidl Belgium, C‑356/04, EU:C:2006:585, punt 78; Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61; Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 47; kif ukoll Teekanne, C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 36).

26      Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ terminu utilizzat biex jidentifika prodott li jevoka denominazzjoni protetta, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, huwa xieraq li jiġi applikat ukoll tali kriterju, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Estée Lauder, C‑220/98, EU:C:2000:8, punt 28).

27      Fir-rigward, barra minn hekk, tad-dubju tal-qorti tar-rinviju dwar ir-rilevanza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 taċ-ċirkustanza li d-denominazzjoni “Verlados” tirreferi għall-lok ta’ manifattura tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa magħruf mill-konsumatur Finlandiż, hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III tiegħu kontra kull “evokazzjoni” dwar it-territorju kollu tal-Unjoni. Issa, fir-rigward tan-neċessità li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva u uniformi tal-imsemmija indikazzjonijiet ġeografiċi dwar dan it-territorju, hemm lok jiġi kkunsidrat, l-istess bħalma josservaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ “konsumatur”, li tirreferi għalih il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, huwa intiż għall-konsumatur Ewropew u mhux biss għall-konsumatur tal-Istat Membru fejn huwa mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirreferi għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, peress li dan l-aħħar kunċett għandu jinftiehem li jirreferi għall-konsumatur Ewropew u mhux biss għall-konsumatur tal-Istat Membru fejn huwa mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta.

 Fuq it-tieni domanda

29      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk id-denominazzjoni “Verlados” tikkostitwixxix “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Calvados”, għall-prodotti analogi, hija trid tikkunsidra, minbarra l-familjarità fonetika u viżiva bejn dawn id-denominazzjonijiet, l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li potenzjalment jindikaw li l-użu tad-denominazzjoni “Verlados” ma jistax iqarraq bil-konsumatur Finlandiż.

30      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-importanza li għandha tingħata liċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, il-bidu tad-denominazzjoni “Verlados” jikkorrispondi għall-isem tal-villaġġ Finlandiż ta’ Verla, u li dan l-isem jista’ jiġi rikonoxxut mill-konsumatur Finlandiż; it-tieni nett, l-element “Verla” jirreferi għall-impriża Viiniverla, li mmanifatturat ix-xarba bl-isem “Verlados”; it-tielet nett, din ix-xarba hija prodott lokali mmanifatturat u mibjugħ fi kwantitajiet limitati, u, ir-raba’ nett, it-termini “Verlados” u “Calvados” għandhom biss sillaba waħda komuni, filwaqt li l-aħħar erba’ ittri ta’ kull waħda minn dawn il-kelmiet, jiġifieri n-nofs tan-numru totali tal-ittri tagħhom, huma identiċi.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-denominazzjoni “Verlados” għall-ispirtu tas-sidru tikkostitwixxix “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Calvados”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta qed tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 60, kif ukoll, f’dan is-sens, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 49).

32      Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem “Verlados”, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-“Calvados”.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien leġittimu li jiġi kkunsidrat li teżisti evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta meta, fir-rigward tal-prodotti li jidhru simili, id-denominazzjoni ta’ bejgħ tippreżenta familjarità fonetika u viżiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 27; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 46; kif ukoll Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 57).

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali familjarità kienet manifesta meta t-terminu użat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni jispiċċa bl-istess żewġ sillabi bħad-denominazzjoni protetta u jinkludi l-istess numru ta’ sillabi bħalha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 27).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li kellha, jekk ikun il-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni l-“prossimità kunċettwali” li teżisti bejn it-termini li ġejjin minn lingwi differenti, peress li tali prossimità kif ukoll il-familjarità fonetika u viżiva msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li l-konsumatur ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li l-indikazzjoni ġeografika tiegħu hija protetta, meta huwa jkollu quddiemu prodott paragunabbli kopert mid-denominazzjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 47 u 48).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, qieset li tikkostitwixxi evokazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb alkoħoliku li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni (sentenza Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 58).

37      Fil-każ ineżami, hemm lok jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li d-denominazzjoni “Verlados” hija użata fil-Finlandja għal prodotti analogi għal dawk li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Calvados”, li dawn il-prodotti jippreżentaw karatteristiċi oġġettivi komuni u li jikkorrispondu, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, għal okkażjonijiet ta’ konsum bejn wieħed u ieħor identiċi.

38      Fir-rigward tal-familjarità viżiva u fonetika bejn id-denominazzjonijiet “Verlados” u “Calvados”, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn jinkludu t-tnejn li huma tmien ittri, fejn l-aħħar erbgħa huma identiċi, kif ukoll l-istess numru ta’ sillabi, u li huma jaqsmu l-istess suffiss “dos”, fatt li jagħtihom familjarità viżiva u fonetika ċerta.

39      Hija l-qorti tar-rinviju wkoll li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eventwali elementi li jistgħu jindikaw li l-familjarità viżiva u fonetika bejn iż-żewġ denominazzjonijiet ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 28).

40      F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni li l-prodott “Verlados” kien inizjalment jismu “Verla”, is-suffiss “dos” kien żdied biss iktar tard, wara żieda sinjifikanti fl-esportazzjonijiet tal-“Calvados” lejn il-Finlandja bejn is-sena 1990 u s-sena 2001. Barra minn hekk, l-istess gvern osserva li s-sillaba “dos” ma kellha l-ebda sinjifikat partikolari bil-lingwa tal-Finlandja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, jistgħu jikkostitwixxu indizzji li jippermettu li jitqies li l-familjarità msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti.

41      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi elenkati mill-qorti tar-rinviju, hemm lok jiġi kkunsidrat, l-istess bħalma josservaw il-partijiet kollha li ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex rilevanti sabiex jevalwaw l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008.

42      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-denominazzjoni “Verlados” tirreferi, minn naħa, għall-isem tal-impriża Viiniverla, li timmanifattura din ix-xarba, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-villaġġ ta’ Verla, li huwa magħruf mill-konsumatur Finlandiż, hekk li din id-denominazzjoni ma tistax tqarraq b’dan tal-aħħar.

43      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki jekk l-oriġini vera tal-prodott huwa indikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bureau national interprofessionnel du Cognac, C-4/10 u C-27/10, EU:C:2011:484, punt 59).

44      Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III tiegħu kontra kull “evokazzjoni” fuq it-territorju kollu tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ġie mfakkar, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “konsumatur”, li tirreferi għalih il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, huwa intiż għall-konsumatur Ewropew u mhux biss għall-konsumatur tal-Istat Membru fejn huwa mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta.

45      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jista’ jkun hemm “evokazzjoni”, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati (sentenzi Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, EU:C:1999:115, punt 26, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-132/05, EU:C:2008:117, punt 45), peress li dak li huwa importanti, b’mod partikolari, huwa li ma tinħoloqx f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, u li operatur ma japprofittax b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 46).

46      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza ċ-ċirkustanza li x-xarba bl-isem “Verlados” hija prodott lokali mmanifatturat fil-villaġġ ta’ Verla, li jinbiegħ biss lokalment u fi kwantitajiet żgħar u li barra minn hekk wieħed jista’ jsibu, wara li jordnah, għand l-impriża tal-Istat li qed tiddistribwixxi x-xarbiet bl-alkoħol skont il-liġi dwar l-alkoħol.

47      F’dan ir-rigward, indipendentement mill-fatt li din iċ-ċirkustanza hija kontradetta mill-Gvern Franċiż, li pprovda dokumenti li jindikaw li x-xarba bl-isem “Verlados” hija wkoll disponibbli permezz tal-bejgħ mill-bogħod intiża għall-konsumaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra, huwa biżżejjed jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija ċirkustanza hija irrilevanti peress li r-Regolament Nru 110/2008 japplika, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, għal kull xarba alkoħolika fis-suq fl-Unjoni.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk id-denominazzjoni “Verlados” tikkostitwixxix “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Calvados”, għall-prodotti analogi, il-qorti tar-rinviju trid tikkunsidra l-familjarità fonetika u viżiva bejn dawn id-denominazzjonijiet, kif ukoll elementi eventwali li jistgħu jindikaw li tali familjarità ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti, sabiex jiġi vverifikat li meta l-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta.

 Fuq it-tielet domanda

49      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ denominazzjoni kklassifikata bħala “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ indikazzjoni ġeografika msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jista’ madankollu jiġi awtorizzat fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda jew fl-assenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati.

50      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 [li jinkludi r-regoli speċifiċi dwar l-użu tad-denominazzjonijiet ta’ bejgħ u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi], l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra [...] b) kull [...] evokazzjoni [...]”. Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali regoli speċifiċi applikabbli fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju tosserva li hemm “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ma tistax tawtorizza d-denominazzjoni “Verlados” fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda.

51      Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jista’ jkun hemm “evokazzjoni”, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti rilevanti.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li għat-tielet domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ denominazzjoni kklassifikata bħala “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ indikazzjoni ġeografika msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, ma jistax jiġi awtorizzat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettjar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirreferi għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, peress li dan l-aħħar kunċett għandu jinftiehem li jirreferi għall-konsumatur Ewropew u mhux biss għall-konsumatur tal-Istat Membru fejn huwa mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta.

2)      L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk id-denominazzjoni “Verlados” tikkostitwixxix “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Calvados”, għall-prodotti analogi, il-qorti tar-rinviju trid tikkunsidra l-familjarità fonetika u viżiva bejn dawn id-denominazzjonijiet, kif ukoll elementi eventwali li jistgħu jindikaw li tali familjarità ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti, sabiex jiġi vverifikat li meta l-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta.

3)      L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ denominazzjoni kklassifikata bħala “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ indikazzjoni ġeografika msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, ma jistax jiġi awtorizzat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.