Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2021 – ZU vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-671/18 u T-140/19) 1

(“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Trasferiment fl-interess tas-servizz – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża u dritt għal smigħ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u dmir ta’ premura – Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Użu ħażin ta’ poter – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Ċaħda tat-talba – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2017 – Rapport ta’ evalwazzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2018 – Proposta li ma tingħatax promozzjoni – Responsabbiltà”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ZU (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Melo Sampaio, D. Milanowska u L. Vernier, aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati)

Suġġett

Fil-Kawża T-671/18, talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2018 li tittrasferixxi lir-rikorrent lejn l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fi Brussell (il-Belġju), tal-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2018 li permezz tagħha kkonfermat lir-rikorrent, b’mod provviżorju, li d-data tal-assenjazzjoni tiegħu mal-OLAF kellha tkun l-1 ta’ Diċembru 2018 u għaddietlu informazzjoni ta’ natura prattika dwar ir-ritorn tiegħu lejn Brussell u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment mressaq kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba, b’mod partikolari, dawn id-deċiżjonijiet u, fil-Kawża T-140/19, talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2017, tal-proposta li ma jiġix promoss fil-proċedura 2018, taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal assistenza mressqa fis-26 ta’ Frar 2018 u tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti mressqa kontra dawn it-tliet deċiżjonijiet.

Dispożittiv

Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda T-671/18 u T-140/19 huma miċħuda.

ZU huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-671/18 R.

____________

1     ĠU C 16, 14.1.2019.