Language of document : ECLI:EU:F:2015:11

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI

EWROPEA

(It-Tielet Awla)

18 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑51/14

Manuel Jaime Ribeiro Sinde Monteiro

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-SEAE – Uffiċjali – Promozzjoni – Artikoli 43 u 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha – Uffiċjali proposti mid-dipartimenti tal-SEAE u uffiċjali mhux proposti – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Evalwazzjonijiet esklużivament litterali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. J. Ribeiro Sinde Monteiro jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-annullament tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2013 tad-Direttur Ġenerali Amminsitrattiv (“chief operating officer”) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li jaġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra tal-SEAE, li jistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2013.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2013 hija annullata peress li l-isem ta’ M. J. Ribeiro Sinde Monteiro ma huwiex inkluż fiha. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kumplament tar-rikors. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn M. J. Ribeiro Sinde Monteiro.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapporti ta’ evalwazzjoni – Evalwazzjonijiet esklużivament litterali fl-imsemmija rapporti – Metodi li ma jippermettux li l-merti jiġu pparagunati fuq bażi ta’ ugwaljanza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Eżami minn qabel tal-fajls fi ħdan kull wieħed mid-Direttorati Ġenerali – Ammissibbiltà – Eżamijiet ulterjuri li għandhom jitwettqu mill-Kumitat tal-promozzjoni u mbagħad mill-Awtorità tal-Ħatra – Portata – Eżami tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

1.      Anki jekk l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar liema proċedura jew metodu hija tqis li huma l-iktar xierqa għall-eżami komparattiv tal-merti, din is-setgħa rikonoxxuta lill-amministrazzjoni hija madankollu limitata min-neċessità li jitwettaq eżami komparattiv tal-merti b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, l-imsemmi eżami jrid jitwettaq abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u elementi informattivi paragunabbli. F’dan is-sens, sabiex is-sistema ta’ promozzjoni tkun l-iktar ekwa possibbli, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tiżgura li l-eżami komparattiv tal-merti jkun oġġettiv, minn naħa, billi tiggarantixxi l-komparabilità tal-evalwazzjonijiet tal-uffiċjali kollha billi tistabbilixxi skala komuni tal-evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi tiżgura li l-evalwaturi japplikaw kriterji tal-evalwazzjoni konsistenti.

(ara l-punt 39)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenza Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T‑311/04, EU:T:2006:329, punt 172, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Stols vs Il-Kunsill, T‑95/12 P, EU:T:2014:3, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Nieminen vs Il-Kunsill, F‑81/12, EU:F:2014:50, punti 58 u 91, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑464/14 P

2.      Evalwazzjonijiet esklużivament litterali fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ma jippermettux li jiġu identifikati b’mod metodiku d-differenzi fil-metodu ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali kif inhuwa użat mid-diversi evalwaturi skont l-approċċ suġġettiv tagħhom u dawn l-evalwazzjonijiet esklużivament litterali għalhekk jinfluwenzaw il-kapaċità tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex twettaq paragun oġġettiv tal-merti.

Għalkemm, ċertament, ma jistax jiġi sostnut li l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikjedi l-użu ta’ sistema ta’ evalwazzjoni numerika u analitika, l-obbligu li jitwettaq paragun tal-merti fuq bażi ta’ ugwaljanza u minn sorsi ta’ informazzjoni u elementi informattivi paragunabbli, inerenti għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jirrikjedi proċedura jew metodu kapaċi li jinnewtralizza s-suġġettività li tirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-evalwaturi differenti.

(ara l-punti 40 u 41)

3.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata, skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li twettaq, qabel kull promozzjoni, l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha. B’mod iktar partikolari, fil-kuntest tal-eżami tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiġi assistita mis-servizzi amministrattivi fil-livelli differenti tal-ġerarkija, konformement mal-prinċipji inerenti fil-funzjonament ta’ kull stuttura amministrattiva ġerarkika, li huma rregolati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, skont liema uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu fil-ġerarkija, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu.

Madankollu, eżami minn qabel, fi ħdan kull Direttorat Ġenerali, tal-fajls tal-uffiċjali li għandhom ir-rekwiżiti għall-promozzjoni ma għandux bħala effett li jissostitwixxi ruħu għall-eżami komparattiv li sussegwentement għandu jitwettaq, meta dan ikun previst, minn kumitat tal-promozzjoni, imbagħad mill-Awtorità tal-Ħatra.

B’mod partikolari, sakemm l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi ma jridx isir bla użu, ma jistax jiġi ammess li l-Awtorità tal-Ħatra sempliċiment teżamina l-merti tal-uffiċjali li huma fl-aħjar pożizzjonijiet fil-listi stabbiliti mid-diversi servizzi jew Direttorati Ġenerali.

Minn dan isegwi li l-interess eventwali li jitwettaq, fl-ewwel lok, paragun tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fi ħdan kull servizz, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità ta’ kull wieħed minnhom, ma jistax, fid-dawl tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeżenta lill-Bord tal-promozzjoni u lill-Awtorità tal-Ħatra milli jipparagunaw il-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha.

It-tabelli sommarji użati mill-Bord tal-promozzjoni għall-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni li permezz tagħha r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà stabbilixxa r-regoli tal-proċedura ta’ promozzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Personal, isemmu, għal kull grad, l-uffiċjali indikati għall-promozzjoni mis-servizzi skont il-possibilitajiet ta’ promozzjoni li jirriżultaw mill-kwotas indikattivi stabbiliti mid-Direttur għar-Riżorsi Umani. Anki jekk it-tabelli sommarji jippermettu, f’miżuri differenti, li wieħed ikun jista’ jagħti daqqa t’għajn tas-sitwazzjoni tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kollha tal-istess grad, huma ma jinkludu l-ebda riferiment għall-funzjonijiet prinċipali u għall-merti eventwali tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi li ma kinux ġew indikati għall-promozzjoni mis-servizzi. Il-kontra huwa minnu għall-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi li kienu indikati għall-promozzjoni mis-servizzi, li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom huma elenkati u li għalihom teżisti ġustifikazzjoni fil-qosor tal-proposta li jiġu promossi bbażata fuq il-merti tagħhom. Din it-tabella tinkludi differenza fit-trattament bejn dawk li kienu immedjatament proposti għall-promozzjoni mis-servizzi u l-oħrajn. Il-vantaġġ li għandhom tal-ewwel li jkollhom il-merti tagħhom enfasizzati f’dokument sommarju li jista’ jiġi faċilment użat huwa ta’ natura li jivvizzja l-istadji tal-proċedura ta’ promozzjoni fejn dan seta’ jiġi wżat.

(ara l-punti 46, 47, 50, 51 u 57)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi Tsirimokos vs Il-Parlament, T‑76/92, EU:T:1993:106, punt 17; Caravelis vs Il-Parlament, T‑182/99, EU:T:2001:131, punt 33, u Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, EU:T:2005:34, punt 40