Language of document : ECLI:EU:T:2012:131

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

19 ta’ Marzu 2012

Kawża T‑398/11 P

Yvette Barthel et

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Rifjut li jingħata lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ allowance għal xogħol permanenti jew bix-shift — Terminu għall-ilmenti — Tardività — Appell parzjalment infondat u parzjalment manifestament inammissibbli”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, (F-59/10), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Y. Barthel, M. Reiffers u L. Massez għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tas-seduta preżenti.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Rikors mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal motivazzjoni impliċita — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Appell — Aggravji — Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà

(Artikolu 256 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1)(ċ))

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-motivi għalfejn il-miżuri inkwistjoni kienu ttieħdu u lill-Qorti Ġenerali li jkollha biżżejjed elementi biex teżerċita stħarriġ sħiħ fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Diċembru 2011, Mioni vs Il-Kummissjoni, T-274/11 P, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

F’dan is-sens, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-qorti. Fil-fatt, dan l-appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża li tikseb is-sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fatt li jmur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 37 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Potamianos, C-561/08 P u C-4/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 58 u 59