Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2013 – Lico Leasing u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-719/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Lico Leasing, SA (Madrid, Spanja) u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (Madrid) (rappreżentanti: M. Sánchez u M. Merola, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata n-nullità tad-deċiżjoni peress li hija vvizzjata bi żbalji, peress li kkunsidrat lis-SEAF bħala sistema ta’ għajnuna mill-Istat li hija ta’ benefiċċju għall-AIE u għall-investituri tagħha, u peress li hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni;

sussidjarjament, tikkonstata n-nullità tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija permezz tas-SEAF, peress li tmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni;

sussidjarjament, tikkonstata n-nullità tal-ordni ta’ rkupru f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni li tirreferi għall-kalkolu tal-ammont tal-għajuna inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata, sa fejn hija tipprekludi lil Spanja milli tiddetermina l-formula ta’ kalkolu ta’ dan l-ammont skont il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupri tal-għajnuna mill-Istat, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-proċedura hija l-istess bħal dik imsemmija fil-Kawża T-515/13, Spanja vs Il-Kummissjoni (ĠU C 336, p. 29).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Aritkoli 107(1) u 296 TFUE.

Il-miżura inkwistjoni tosserva l-kriterju li jikkonċerna s-selettività: minn naħa, id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball meta tidentifika selettività settorjali kull darba li l-miżura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kienet miftuħa għall-investituri li kienu joperaw fis-setturi tal-ekonomija kollha u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball peress li fiha huwa konkluż li proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tista’ twassal għal selettività mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-awtorizzazzjoni preliminari kienet iġġustifikata mill-kumplessità tal-miżura inkwistjoni u, fi kwalunkwe każ, din ma tirrigwardax il-kwalitajiet tal-allegati benefiċjarji;

Il-miżura inkwistjoni tosserva r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kompetizzjoni distorta u l-fatt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; b’mod partikolari, id-deċiżjoni ma tispjegax għaliex l-allegata għajnuna mill-Istat għandha effett fuq is-swieq indikati u tillimita ruħha li tikkonstata dan il-fatt mingħajr ma tipproduċi prova;

Bl-istess mod, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għal annullament tallega li d-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni sa fejn ma huwiex spjegat għaliex il-benefiċċju meħud mill-allegati benefiċjarji jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, filwaqt li dawn il-benefiċjarji ħadu sehem biss mill-benefiċċju miksub mill-proprjetarji tal-bastimenti li, bħal ma rrikonixxiet il-Kummissjoni stess, ma huwiex għajnuna mill-Istat.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

L-ordni ta’ rkupru prevista fl-Artikoloi 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni għandha tiġi annullata permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġejjin:

prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, b’mod partikolari sa fejn l-ittra mibgħuta mill-Kummissarju Kroes fl-2009 nisslet aspettattivi leġittimi fl-operaturi f’dak li jikkonċerna l-legalità tas-SEAF;

prinċipju ta’ ċertezza legali, sussidjarjament, fil-każ fejn ma jiġix ikkunsidrat li l-ordni għall-irkupru tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn ċerti ċirkustanzi għamlu mod li l-ambigwità dwar il-legalità tas-SEAF li tirriżulta inizjalment mid-deċiżjoni Brittany Ferries tiżdied u tissaħħaħ matul it-tul kollu tas-SEAF.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat

Id-deċiżjoni kkontestata ma tosservax il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, sa fejn hija tista’ twassal sabiex teħtieġ mill-benefiċjarji l-irkupru ta’ ammont ikbar minn dak tal-allegata għajnuna li huma kienu effettivament ibbenefikaw minnha.