Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2009 - Gemmi Furs vs UASI - Lemmi-Fashion (GEMMI)

(Kawża T-522/09)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gemmi Furs Oy (Loviisa, il-Finlandja) (rappreżentant: J. Tanhuanpää, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Lemmi-Fashion Vertriebsgesellschaft mbH & Co. Bekleidungs KG (Fritzlar, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-21 ta' Ottubru 2009 fil-Każ R 1372/2008-4;

tiċħad l-oppożizzjoni magħmula mill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell;

taċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata, "GEMMI", għall-prodotti kollha fil-klassi 25, u dan skont l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja magħmula mill-applikant;

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tal-applikant, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell; u

tordna lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tħallas l-ispejjeż tal-applikant, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell, fl-eventwalità li tiddeċiedi li tintervjeni f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark "GEMMI" għal prodotti fil-klassijiet 18, 24 u 25

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-reġistrazzjoni Ġermaniża tat-trade mark "LEMMI", għal prodotti fil-klassi 25; ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark "LEMMI fashion", għal prodotti fil-klassi 25; trade mark preċedenti mhux irreġistrata "LEMMI", użata fil-kummerċ fil-Ġermanja fir-rigward ta' ħwejjeġ

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda kompletament

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni appellata annullata u applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kkonċernata miċħuda għal prodotti fil-klassi 25

Motivi invokati: ksur tar-Regola 19(2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 1, sa fejn il-Bord tal-Appell ma indirizzax b'mod korrett u/jew b'mod suffiċjenti l-mod kif ġew issostanzjati drittijiet preċedenti; ksur tar-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, sa fejn il-Bord tal-Appell ma evalwax b'mod korrett u/jew b'mod suffiċjenti l-prova tal-użu prodotta; ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell: (i) ma evalwax b'mod korrett ix-xebh bejn it-trade marks ikkonċernati; u (ii) ma evalwax b'mod korrett il-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti; ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell naqas milli jagħti lill-applikant l-opportunità sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-provi intiżi sabiex jissostanzjaw drittijiet preċedenti; ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta' trattament ugwali u ta' legalità.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)