Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Novembru 2012 - Aer Lingus vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-473/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aer Lingus Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: K. Bacon, D. Scannell, Barristers, u A. Burnside, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla (jew, sussidjarjament, tannulla parzjalment) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Lulju 2012, fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/C) (ex 2011/NN) - rati ta' tassazzjoni ddifferenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru implementati mill-Irlanda, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-iżball ta' liġi mwettaq mill-konvenuta meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rati ta' tassazzjoni mnaqqsa jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali. Iktar preċiżament, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkwalifikat ir-rata ta' tassazzjoni iktar għolja bħala rata "normali" ta' tassazzjoni, sabiex tiddetermina jekk ir-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa kinitx tikkostitwixxi vantaġġ selettiv. Billi r-rata ta' tassazzjoni iktar għolja kienet invalida fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett, ma kienx xieraq li din tiġi kkunsidrata bħala r-rata ta' referenza "normali" għal dan il-għan. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni kkonstatat b'mod żbaljat li l-kumpanniji tal-ajru suġġetti għat-taxxa bir-rata mnaqqsa jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkorrispondi għal EUR 8 għal kull passiġġier.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li, anki fil-każ li l-Kummissjoni tkun tista' tikkwalifika r-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-ordni ta' rkupru tal-għajnuna mill-kumpanniji tal-ajru suġġetti għat-taxxa bir-rata mnaqqsa, f'ċirkustanzi fejn it-taxxa bir-rata iktar għolja kellha wkoll titħallas lura simultanjament, tikser il-prinċipji ta' ċertezza legali, ta' effettività u ta' amministrazzjoni tajba. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata, billi tordna l-irkupru tal-għajnuna, kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 .

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta' liġi u ta' fatt li wettqet ukoll il-konvenuta meta identifikat il-kumpanniji tal-ajru suġġetti għat-taxxa bir-rata mnaqqsa bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna allegata fl-ammont ta' EUR 8 għal kull passiġġier u ordnat l-irkupru tal-għajnuna fuq din il-bażi, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li din it-taxxa setgħet titħallas mill-passiġġieri, li kienu għalhekk il-benefiċjarji prinċipali tar-rata mnaqqsa.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq iċ-ċirkustanza li, billi huwa impossibbli li jiġu rkuprati l-Euro 8 għal kull passiġġier minn dawk il-passiġġieri li bbenefikaw mir-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa, l-ordni ta' rkupru tammonta għal taxxa supplimentari imposta fuq il-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, u konsegwentement hija ekwivalenti għal penalizzazzjoni illegali ta' dawn il-kumpanniji tal-ajru iktar milli għal mod ta' kif tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna allegata. Din hija sproporzjonata u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, ksur ġdid tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma mmotivatx, jew ma mmotivatx suffiċjentement, l-ordni ta' rkupru tal-għajnuna kif ukoll il-kwantifikazzjoni ta' din l-għajnuna fl-ammont ta' EUR 8 għal kull passiġġier.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).