Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

25 ta’ Jannar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 23 – Terminu għall-konsenja tal-persuna rikjesta – Possibbiltà li data ta’ konsenja ġdida tinftiehem diversi drabi – Reżistenza mill-persuna rikjesta għall-konsenja tagħha – Forza maġġuri”

Fil-Kawża C‑640/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (qorti tal-appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kontra

Tomas Vilkas,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Vilkas, minn M. Kelly, QC, M. Lynam, BL, B. Coveney u J. Wood kif ukoll minn T. Horan, solicitors,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon u D. Curley kif ukoll minn E. Pearson, bħala aġenti, assistiti minn S. Stack, SC, u minn J. Benson, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.-X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas kif ukoll minn R. Krasuckaitė u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, bir-rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn qorti Litwana kontra Tomas Vilkas.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Konvenzjoni dwar il-proċedura semplifikata għall-estradizzjoni

3        L‑Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar proċedura simplifikata għall-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iffirmata fl-10 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 3), jistipula:

“Jekk iċ-ċediment tal-persuna fi ħdan il-limitu taż-żmien […], l-awtorità kkonċernata […] tinforma lill-awtorità l-oħra dwar dan. Iż-żewġ awtoritajiet għandhom jaqblu dwar data ġdida
għaċ-ċediment. F’dik l-eventwalità, iċ-ċediment għandu jsir fi
żmien 20 ġurnata mid-data hekk miftiehma. Jekk il-persuna inkwistjoni għadha qiegħda tinżamm wara l-iskadenza ta’ dan
il-perjodu, għandha tinħeles.”

 Id-Deċiżjoni Qafas

4        Il‑premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:

“(5) L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 [UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

5        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafi 1u 2 tiegħu:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

6        L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”, jistabbilixxi:

“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”

7        L-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistipula:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.”

8        Skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-konsenja tal-persuna”, jipprovdi:

“1.      Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftiehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.      Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

3.      Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftiehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

4.      Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

5.      Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles.”

 Id-dritt Irlandiż

9        It-Taqsima 16(1) u (2) tal-European Arrest Warrant Act 2003 (liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew tal-2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li tirregola l-adozzjoni mill-High Court (qorti għolja, l‑Irlanda) ta’ digrieti li jimponu l-konsenja ta’ persuna li huma suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew.

10      It‑Taqimsa 16(3A) ta’ din il-liġi tipprevedi li persuna li għaliha japplika dan id-digriet bħala prinċipju għandha tiġi kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li d-digriet jidħol fis-seħħ.

11      It-Taqsima 16(4) u (5) ta’ din il-liġi hija fformulata kif ġej:

“4)      Meta l-High Court (qorti għolja) tadotta digriet skont is-subartikolu (1) jew (2), hija għandha, ħlief meta tordna posponiment tal-konsenja taħt it-Taqsima 18,

[…]

b)      tordna li l-persuna tkun detenuta f’ħabs […] għal perijodu li ma jaqbiżx 25 jum sakemm jitwettqu l-kundizzjonijiet tad-digriet, u

(c)      tordna li dik il-persuna terġa’ titressaq quddiem il-High Court [(qorti għolja)]:

i)      jekk hu jew hija ma jiġux ikkonsenjati qabel l-iskadenza taż-żmien għall-konsenja skont is-subartikolu (3A), kemm jista’ jkun prattikament possibbli wara dik l-iskadenza, jew

ii)      jekk jidher lill-Awtorità Ċentrali fl-Istat li, minħabba ċirkustanzi li ma humiex fil-kontroll tal-Istat jew tal-Istat emittenti kkonċernat, dik il-persuna ma hijiex ser tiġi kkonsenjata fl-iskadenza msemmija fis-subparagrafu (i) qabel dik l-iskadenza.

5)      Meta persuna titressaq quddiem il-High Court [(qorti għolja)] skont is-subartikolu (4)(c), il-High Court [(qorti għolja)] għandha,

a)      jekk hi ssodisfatta li, minħabba ċirkustanzi li ma humiex fil-kontroll tal-Istat jew l-Istat emittenti kkonċernat, il-persuna ma ġietx ikkonsenjata fiż-żmien għall-konsenja skont is-subartikolu (3A) jew, skont il-każ, ma hijiex se tiġi kkonsenjata

i)      bil-ftehim tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, tiffissa data ġdida għall-konsenja tal-persuna, u

ii)      tordna li l-persuna tiġi detenuta f’ħabs […] għal perijodu li ma jaqbiżx 10 ijiem wara d-data ffissata skont is-subparagrafu (i), sakemm titwettaq il-konsenja,

u,

b)      f’kull każ ieħor, tordna li l-persuna tinħeles.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      T. Vilkas kien suġġett għal żewġ mandati Ewropej, maħruġa minn qorti Litwana.

13      Permezz ta’ żewġ digrieti tad-9 ta’ Lulju 2015, il-High Court (qorti għolja) iddeċidiet li tikkonsenja lil T. Vilkas lill-awtoritajiet Litwani, mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-digrieti, jiġifieri mhux iktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2015.

14      L-awtoritajiet Irlandiżi ppruvaw, fil-31 ta’ Lulju 2015, jikkonsenjaw lil T. Vilkaas lill-awtoritajiet Litwani bl-użu ta’ titjira kummerċjali. Ir-reżistenza magħmula mill-persuna kkonċernata waqfet dan l-ewwel tentattiv ta’ konsenja, billi l-bdot tal-ajruplan irrifjuta l-preżenza ta’ T. Vilkas fuq dan l-ajruplan.

15      Il‑High Court (qorti għolja) għalhekk ordnat il-konsenja ta’ T. Vilkas lill-awtoritajiet Litwani mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara s-6 ta’ Awwissu 2015. Fit-13 ta’ Awwissu 2015, tentattiv ieħor ta’ konsenja ġie mfixkel minħabba l-aġir tal-persuna kkonċernata.

16      Il‑Minister for Justice and Equality (ministru tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza, l-Irlanda) konsegwentement ippreżenta quddiem il-High Court (qorti għolja) rikors intiż sabiex jiġi awtorizzat it-tielet tentattiv ta’ konsenja ta’ T. Vilkas lill-awtoritajiet Litwani, din id-darba permezz ta’ trasport bil-baħar u bl-art. Madankollu din il-qorti ddeċidiet, fl-14 ta’ Awwissu 2015, li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dan ir-rikors u ordnat il-ħelsien ta’ T. Vilkas.

17      Il-ministru tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza ppreżenta appell għal din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (qorti tal-appell, l‑Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi jew/u jawtorizza l-ftehim dwar data ta’ konsenja ġdida iktar minn darba?

2)      Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi Artikolu 23 jagħmel dan f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, jew f’kollha kemm huma: jiġifieri, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta fi żmien il-perijodu stabbilit fil-paragrafu 2 kienet diġà prekluża minħabba ċirkustanzi li ma huma fil-kontroll tal-ebda Stat Membru, li wasslu għal ftehim dwar data ta’ konsenja ġdida, u tali ċirkustanzi:

–        jinstab li huma kontinwi; jew

–        wara li kienu waqfu, jinstab li qegħdin jerġgħu jseħħu; jew

–        wara li kienu waqfu, qamu ċirkustanzi differenti li ipprekludew, jew jistgħu jipprekludu, il-konsenja tal-persuna rikjesta fi żmien il-perijodu rikjest relatat mal-imsemmija data ta’ konsenja l-ġdida?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti jiftiehmu dwar data ta’ konsenja ġdida, skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, meta r-reżistenza magħmula ripetutament mill-persuna rikjesta tipprekludi l-konsenja tagħha f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi, b’mod ġenerali, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi l-konsenja tal-persuna rikjesta “fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru”.

21      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aħħar fażi tal-proċedura ta’ konsenja, l-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li l-persuna rikjesta għandha tiġi kkonsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftiehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

22      Dan il-prinċipju huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li jistabbilixxi li l-persuna rikjesta għandha tiġi kkonsenjata mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

23      Madankollu l-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza ċerti derogi għal din ir-regola billi ppreveda, minn naħa, li l-awtoritajiet ikkonċernati jiftiehmu dwar data ta’ konsenja ġdida f’ċerti sitwazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 23(3) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas u, min-naħa l-oħra, li l-konsenja tal-persuna rikjesta għalhekk isseħħ fl-għaxart ijiem wara d-data miftiehma l-ġdida.

24      Iktar preċiżament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti jiftiehmu dwar data ta’ konsenja ġdida jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fit-terminu previst fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri f’wieħed jew fl-ieħor mill-Istati Membri.

25      Għalhekk jidher li l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma jillimitax espressament in-numru ta’ dati ta’ konsenji ġodda li jistgħu jiġu miftiehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta fit-terminu previst tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.

26      Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinivju tirrileva li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas tirreferi espliċitament biss għal sitwazzjoni li fiha l-konsenja tal-persuna rikjesta tirriżulta impossibbli, minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri “fil-perjodu stabbilit [fl‑Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas]”, jiġifieri “mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”.

27      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tar-regola stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas għas-sitwazzjonijiet li fihom is-seħħ ta’ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri f’data sussegwenti għall-iskadenza ta’ dan it-terminu għamel impossibbli l-konsenja tal-persuna rikjesta f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida li ġiet miftiehma skont din id-dispożizzjoni.

28      F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jiġi kkonstatat li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma tipprekludix neċessarjament tali applikabbiltà.

29      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta, f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, il-kundizzjoni relatata mal-impossibbiltà li titwettaq il-konsenja ta’ din il-persuna f’terminu ta’ għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala ipoteżi, kellha tiġi ssodisfatta sabiex din l-ewwel data ta’ konsenja ġdida kienet ġiet iffissata.

30      Min-naħa l-oħra, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34, u tas-16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27).

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 28, u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76).

32      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas huwa b’mod partikolari intiż, bħal fil-każ tal-Artikoli 15 u 17 tagħha, li jħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja billi jimponi termini ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-Istati Membri huma obbligati li josservaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 58, tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 29 u 33).

33      Issa, li jitqies li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tibbenefika minn terminu ġdid sabiex tikkonsenja l-persuna rikjesta meta, fil-prattika, il-konsenja tagħha, f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġura, iwassal sabiex din l-awtorità tkun suġġetta għal obbligu li huwa impossibbli li jiġi ssodisfatt u ma jikkontribwixxi bl-ebda mod għall-għan ta’ tħaffif tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mfittxija.

34      Barra minn hekk, l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat billi jittieħed kunsiderazzjoni wkoll tal-Artikolu 23(5) tagħha.

35      Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li, mal-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas, jekk il-persuna rikjesta tkun għadha miżmuma f’kustodja, hija għandha tinħeles.

36      Isegwi li, għalkemm l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas kellu jiġi interpretat fis-sens li r-regola stabbilta fl-ewwel sentenza tiegħu ma tkunx applikabbli meta l-konsenja tal-persuna rikjesta, f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni, tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, din il-persuna jkollha obbligatorjament, f’tali stiwazzjoni tinħeles jekk hija tkun għadha tinżamm f’kustodja, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li t-terminu msemmi f’din id-dispożizzjoni jkun skada.

37      Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li tillimita b’mod sinjifikattiv l-effikaċità tal-proċeduri previsti mid-Deċiżjoni Qafas u, għalhekk, tipprekludi t-twettiq sħiħ tal-għan imfittex minnha, li jikkonsisti li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-istabbliment ta’ sistema iktar effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali.

38      Minbarra dan, din l-interpretazzjoni tista’ twassal għall-ħelsien tal-persuna rikjesta f’sitwazzjonijiet fejn l-estensjoni tat-tul tal-kustodja ta’ din tal-aħħar ma toriġinax minn nuqqas ta’ diliġenza tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni u fejn it-tul totali tal-kustodja ta’ din il-persuna ma huwiex ta’ natura eċċessiva, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eventwali kontribuzzjoni ta’ din il-persuna għad-dewmien tal-proċedura, tal-piena li tkun esposta għaliha l-istess persuna u tal-eżistenza, skont il-każ, ta’ riskju li hija taħrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 59).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom ukoll jiftiehmu dwar data ta’ konsenja ġdida, skont din id-dispożizzjoni, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta, fl-għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni, tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.

40      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-obbligu li l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas jiġi interpretat b’konformità mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 54).

41      Ċertament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas li tinsab fil-punt 39 ta’ din is-sentenza timplika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma hijiex neċessarjament obbligata li teħles il-persuna rikjesta jekk din tkun għadha miżmuma f’kustodja, meta l-konsenja ta’ din il-persuna, fl-għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni, tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.

42      Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni ma timponix iż-żamma f’kustodja tal-persuna rikjesta, billi l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas jippreċiża li hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi jekk din il-persuna għandhiex tinżamm f’kustodja skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-ħelsien provviżorju huwa possibbli f’kull mument, konformement ma’ dan id-dritt, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tieħu kull miżura li hija tqis neċessarja sabiex tevita li din il-persuna taħrab.

43      F’dan il-kuntest, meta l-awtoritajiet ikkonċernati jiftiehmu dwar it-tieni data ta’ konsenja ġdida skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiddeċiedi li żżomm il-persuna rikjesta f’kustodja, konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ħlief sa fejn il-proċedura ta’ konsenja tkun ġiet applikata b’mod suffiċjentement diliġenti u, għaldaqstant, li t-tul ta’ kustodja ma jkunx ta’ natura eċċessiva. Sabiex jiġi żgurat li dan huwa tassew il-każ, din l-awtorità għandha teżerċita kontroll konkret tas-sitwazzjoni inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 58 u 59).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi stabbilit jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandhomx jiftiehmu t-tieni data ta’ konsenja ġdida, skont l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ir-reżistenza magħmula ripetutament mill-persuna rikjesta tipprekludi l-konsenja tagħha f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni.

45      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li teżisti ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas fir‑rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

46      Għalhekk, filwaqt li l-verżjoni fil-lingwa Griega, Franċiża, Taljana, Portugiża, Rumena u Finlandiża ta’ din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għall-impossibbiltà li titwettaq il-konsenja minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri f’wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, verżjonijiet linwistiċi oħrajn tal-istess dispożizzjoni, bħal dik fil-lingwa Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Olandiża, Pollakka, Slovakka u Svediża, pjuttost jirreferu għal impossibbiltà li titwettaq il-konsenja minħabba ċirkustanzi li ma humiex fil-kontroll tal-Istati Membri kkonċernati.

47      Issa, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat u teħtieġ, bil-kontra, li dan jiġi interpretat skont kemm ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll bl-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 47, u tad-19 ta’ Settembru 2013, van Buggenhout u van de Mierop, C‑251/12, EU:C:2013:566, punti 26 u 27).

48      F’din il-perspettiva, għandu jiġi enfasizzat li t-termini użati fl-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas joriginaw fl-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar proċedura simplifikata għall-estradizzjoni.

49      Għalkemm il-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża u Svediża ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirreferu għal ċirkustanzi li ma humiex taħt il-kontroll tal-Istati Membri kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Griega, Franċiża, Taljana, Olandiża, Portugiża u Finlandiża ta’ din id-dispożizzjoni kienu intiżi, fir-rigward tagħhom, għal meta sseħħ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.

50      Bl-istess mod, mir-rapport spjegattiv relatat ma’ din il-konvenzjoni jirriżulta li, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha, l-espressjoni użata fl-Artikolu 11(3) tagħha kellha tiġi interpetata b’mod strett, bħal li kienet tirreferi għal sitwazzjoni li ma setgħetx tiġi prevista u li t-twettiq tagħha ma setax jiġi prekluż. Din il-preċiżazzjoni twassal sabiex jiġi indikat li l-partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni kellhom, b’mod definittiv, l-intenzjoni li jirreferu ruħhom għall-kunċett ta’ forza maġġuri hekk kif huwa abitwalment miftiehem, li jikkonferma l-lista ta’ eżempji msemmija f’dan ir-rapport spjegattiv.

51      Minbarra dan, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(2001) 522 finali], li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, tirreferi għall-konvenzjoni dwar il-proċedura semplifikata għall-estradizzjoni u tirriproduċi l-ispjegazzjonijiet li jidhru f’dan ir-rapport spjegattiv, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Olandiża u Svediża ta’ din l‑espożizzjoni tal-motivi jirreferu wkoll espliċitament għall-kunċett ta’ forza maġġuri sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċett ta’ ċirkustanzi li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Istati Membri kkonċernati.

52      Dawn l-elementi differenti flimkien juru li l-użu, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ta’ dan l-aħħar kunċett ma jindikax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel applikabbli r-regola stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas għal sitwazzjonijiet differenti minn dawk li fihom il-konsenja tal-persuna rikjesta tirriżulta impossibbli minħabba sitwazzjoni ta’ forza maġġuri f’wieħed jew f’ieħor mill-Istati Membri.

53      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, stabbilita f’oqsma tad-dritt tal-Unjoni differenti, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 23; tat-18 ta’ Marzu 2010, SGS Belgium et, C‑218/09, EU:C:2010:152, punt 44, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Eurofit, C‑99/12, EU:C:2013:487, punt 31).

54      Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, billi l-kunċett ta’ forza maġġuri ma għandux kontenut identiku fid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skont il-kuntest legali li fih tkun intiża li tipproduċi l-effetti tagħha (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 25; tat-18 ta’ Marzu 2010, SGS Belgium et, C‑218/09, EU:C:2010:152, punt 45, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Eurofit, C‑99/12, EU:C:2013:487, punt 32).

55      Għaldaqstant, hemm lok, f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-iskop tad-Deċiżjoni Qafas sabiex jiġu interpretati u applikati l-elementi li jikkostitwixxu forza maġġuri, hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 26).

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas jikkostitwixxi deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, il-kunċett ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punti 24 u 25, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Eurofit, C‑99/12, EU:C:2013:487, punt 37).

57      Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li s-seħħ ta’ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri ma jistax jiġġustifika l-estensjoni tat-terminu ta’ konsenja tal-persuna rikjesta ħlief sa fejn din is-sitwazzjoni ta’ forza maġġuri timplika li l-konsenja ta’ din il-persuna fit-terminu previst tirriżulta “ma tħallietx” [impossibbli]. Iċ-ċirkustanza biss li l‑konsenja ta’ din il-persuna hija sempliċement magħmula iktar diffiċli ma tistax għalhekk tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

58      F’dan il-kuntest, kien jidher, ċertament, li r-reżistenza magħmula minn persuna rikjesta għall-konsenja tagħha tista’ validament titqies bħala ċirkustanza barranija għall-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll anormali.

59      Min-naħa l-oħra, il-fatt li wħud mill-persuni rikjesti jirreżistu l-konsenja tagħhom ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala ċirkustanza imprevedibbli.

60      A fortiori, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-persuna rikjesta tkun diġà rreżistiet l-ewwel tentattiv ta’ konsenja, il-fatt li hija tirreżisti wkoll it-tieni tentattiv ta’ konsenja ma jistax normalment jitqies bħala imprevedibbli. Minbarra dan, l-istess japplika, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tar-rifjut tal-bdot ta’ ajruplan li jħalli passiġġier b’aġir vjolenti jitla’ abbord.

61      Fir-rigward tal-kundizzjoni li ċirkustanza ma tistax taqa’ taħt forza maġġuri ħlief fl-ipoteżi fejn il-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza użata kollha, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom mezzi li jippermettulhom, l-iktar spiss, li jegħlbu r-reżistenza magħmula minn persuna rikjesta.

62      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, sabiex tintlaqa’ r-reżistenza magħmula mill-persuna rikjesta, dawn l-awtoritajiet jużaw ċerti miżuri koerċittivi, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna.

63      Huwa wkoll possibbli, b’mod ġenerali, li jiġi previst l-użu ta’ mezzi ta’ trasport li l-użu tagħhom ma jkunx jista’ jiġi prekluż b’mod effikaċi bir-reżistenza tal-persuna rikjesta. Minbarra dan jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li tali soluzzjoni ġiet finalment proposta mill-awtoritajiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali.

64      Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi totalment eskluż li, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, jidher oġġettivament li r-reżistenza magħmula mill-persuna rikjesta għall-konsenja tagħha ma setgħetx tiġi prevista mill-awtoritajiet ikkonċernati u li l-konsegwenzi tagħha fuq il-konsenja ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dawn l-awtoritajiet. F’dan il-każ, ir-regola stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli.

65      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi ġietx stabbilita fil-kawża prinċipali.

66      Barra minn hekk, sa fejn huwa possibbli li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li r-reżistenza ripetuta, magħmula mill-persuna rikjesta fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ” [sitwazzjoni ta’ forza maġġuri], fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-konklużjoni timplikax li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità emittenti ma humiex obbligati li jiftiehmu data ta’ konsenja ġdida, minħabba l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas.

67      Minkejja li l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi b’mod ċar li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fit-termini stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas, dwar il-konsenja tal-persuna, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex titwettaq wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini u, b’mod partikolari, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex l-obbligu li twettaq il-konsenja wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas u jekk hija għandhiex, għal dan il-għan, tiftiehem dwar data ta’ konsenja ġdida mal-awtorità ġudizzjarja emittenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 34).

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, jimplika, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36).

69      Għalhekk, fir-rigward, minn naħa, tal-importanza tal-obbligu li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas u, min-naħa l-oħra, tal-assenza fiha ta’ kull indikazzjoni espliċita fir-rigward ta’ limitazzjoni tal-validità temporali ta’ dan l-obbligu, ir-regola stipulata fl-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika li, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx tista’ iktar tiftiehem data ta’ konsenja ġdida mal-awtorità ġudizzjarja emittenti jew li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx iktar obbligat li jwettaq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 37).

70      Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ippreċiża, fl-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 23(2) sa (4) tagħha timplika l-ħelsien tal-persuna rikjesta jekk hija kienet dejjem għadha f’kustodja, huwa ma jagħti ebda effett ieħor għall-iskadenza ta’ dawn it-termini u b’mod partikolari ma pprevediex li din iċċaħħad lill-awtoritajiet ikkonċernati mill-possibbiltà li jiftiehmu data ta’ konsenja skont l-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Qafas jekk li hija kienet teħles lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni mill-obbligu li jimplementa mandat ta’ arrest Ewropew (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 38).

71      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex iktar twettaq il-konsenja tal-persuna rikjesta u lanqas ma għandha tiftiehem, għal dan il-għan, data ta’ konsenja ġdida mal-awtorità ġudizzjarja emittenti wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas hija ta’ natura li tippreġudika l-għan ta’ tħaffif u ta’ semplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja intiż mid-Deċiżjoni Qafas, billi din l-interpretazzjoni tista’ b’mod partikolari ġġiegħel lill-Istat Membru emittenti sabiex joħroġ it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tkun tista’ sseħħ proċedura ta’ konsenja ġdida fit-termini previsti mid-Deċiżjoni Qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 40).

72      Minn dan kollu jirriżulta li l-iskadenza biss tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas ma tistax teżenta lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni mill-obbligu tiegħu li jwettaq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li jimplementa l-konsenja tal-persuna rikjesta, u l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jiftiehmu, għal dan il-għan, data ta’ konsenja ġdida (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 42).

73      Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, mill-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li, minħabba l-iskadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-artikolu, il-persuna rikjesta għandha tinħeles jekk hija tkun għadha tinsab f’kustodja.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha d-domandi magħmula għandhom jiġu risposti kif ġej:

–        L‑Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti jiftiehmu data ta’ konsenja ġdida, skont din id-dispożizzjoni, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta, f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni, tirriżulta impossibbli minħabba r-reżistenza magħmula ripetutament minn din il-persuna, sa fejn, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, din ir-reżistenza ma setgħetx tiġi prevista minn dawn l-awtoritajiet u li l-konsegwenzi tagħha dwar il-konsenja ma setgħux jiġu evitati, minkejja d-diliġenza kollha użata minn dawn l-awtoritajiet, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

–        L‑Artikolu 15(1) u l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istess awtoritajiet jibqgħu obbligati li jiftiehmu data ta’ konsenja ġdida f’każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 23.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità ġudizzjarja emittenti jiftiehmu data ta’ konsenja ġdida, skont din id-dispożizzjoni, meta l-konsenja tal-persuna rikjesta, f’terminu ta’ għaxart ijiem wara l-ewwel data ta’ konsenja ġdida miftiehma skont din id-dispożizzjoni, tirriżulta impossibbli minħabba r-reżistenza magħmula ripetutament minn din il-persuna, sa fejn, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, din ir-reżistenza ma setgħtex tiġi prevista minn dawn l-awtoritajiet u li l-konsegwenzi tagħha dwar il-konsenja ma setgħux jiġu evitati, minkejja d-diliġenza kollha użata minn dawn l-awtoritajiet, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

L‑Artikolu 15(1) u l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istess awtoritajiet jibqgħu obbligati li jiftiehmu data ta’ konsenja ġdida f’każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu 23.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.