Language of document : ECLI:EU:T:2010:542

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża T‑48/10 P

Herbert Meister

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2008 — Deċiżjoni li tattribwixxi punti għall-proċedura ta’ promozzjoni — Indikazzjoni dwar il-punti akkumulati għall-proċeduri ta’ promozzjoni preċedenti — Żnaturament tal-fatti — Responsabbiltà għall-ispejjeż — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-30 ta’ Novembru 2009, Meister vs UASI (F‑17/09, ĠabraSP p. I‑A‑1‑501 u II‑A‑1‑2721), u li huwa intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. H. Meister għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Sommarju

1.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kontestazzjoni — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Proċedura mitmuma permezz ta’ digriet li għandu konnessjoni ma’ rimedji oħra meqjusa ammissibbli

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

3.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1))

4.      Appell — Aggravji — Aggravji ppreżentati kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż — Inammissibbiltà f’każ ta’ ċaħda tal-aggravji l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

1.      L-applikazzjoni fiha nfisha ta’ proċedura li tippermetti li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet mingħajr ma ssir seduta, ma tippreġudikax id-dritt għal proċedura ġudizzjarja regolari u effettiva, peress li l-qorti tal-Unjoni tista’ tuża din il-fakultà biss meta hija tkun manifestament inkompetenti biex tittratta r-rikors inkwistjoni jew meta dan tal-aħħar ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt. Jekk il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienu sodisfatti, huwa mbagħad l-obbligu tal-parti kkonċernata li tikkontesta din l-evalwazzjoni.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Ġunju 2005, Killinger vs Il-Ġermanja et, C‑396/03 P, Ġabra p. I‑4967, punt 9

2.      Rikorrent ma jistax jinvoka, b’mod validu, ksur mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-projbizzjoni li tittieħed deċiżjoni mingħajr ma ssir seduta, minħabba s-sempliċi fatt li l-proċedura kkontestata, mitmuma permezz ta’ digriet ta’ inammissibbilta, kellha ċerta konnessjoni fattwali u ġuridika ma’ rikorsi preċedenti li, peress li rriżultaw mill-istess Awla u mill-istess Imħallef Relatur, kienu ġew iddikjarati ammissibbli. Fil-fatt tali konnessjoni, fiha nfisha, ma tistax tostakola lill-qorti tal-ewwel istanza milli tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-każ sabiex tiddikjara r-rikors inkwistjoni manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 31)

3.      Mill-Artikolu 257 KE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt ċ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li fuqhom, b’mod speċifiku, hija bbażata din it-talba. L-appell li ma jinkludi l-ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni huma vvizzjati bih, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Sabiex allegazzjonijiet li huma ġenerali u impreċiżi wisq ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ġuridika, dawn għandhom jitqiesu bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 37 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 tal-Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 113; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 2006, Autosalone Ispra vs Il‑Kummissjoni, C‑129/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 u 32; Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill, C‑300/99 P u C‑388/99 P, Ġabra p. I‑983, punt 37: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Novembru 2007, Weber vs Il-Kummissjoni, C‑107/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24; Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 27

4.      Skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom. Barra minn hekk, fil-każ fejn l-aggravvji kollha ta’ appell ġew miċħuda, it-talbiet li jikkonċernaw l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli skont din id-dispożizzjoni.

(ara l-punt 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1,C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 31; Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, Ġabra p. I‑4071, punt 88