Language of document : ECLI:EU:T:2015:506

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tas-sħana — Deċiżjoni li tikkonstata żewġ okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Tul tal-ksur — Preskrizzjoni — Tul tal-proċedura amministrattiva — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Imputazzjoni tal-ksur — Ksur imwettaq mis-sussidjarji, minn partenarjat mingħajr personalità ġuridika u minn sussidjarja — Kalkolu tal-ammont tal-multi”

Fil-Kawża T‑47/10,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Akzo Nobel Chemicals GmbH, stabbilita f’Düren (il-Ġermanja),

Akzo Nobel Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Akcros Chemicals Ltd, stabbilita f’Warwickshire (ir-Renju Unit),

inizjalment irrappreżentati minn C. Swaak u M. van der Woude, sussegwentement minn C. Swaak u R. Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u J. Bourke, sussegwentement minn Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi tas-sħana), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi tas-sħana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        It-tilwima timplika diversi entitajiet.

 I – Entitajiet implikati

 A – Grupp Akzo

3        Wara l-akkwist ta’ Nobel Industrier fl-1993, Akzo NV saret Akzo Nobel NV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel”), il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji stabbiliti u li joperaw fid-dinja kollha (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, il-“grupp Akzo”).

4        Sad-19 ta’ Marzu 1993, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ stabilizzaturi tas-sħana tal-grupp Akzo kienu eżerċitati minn sussidjarji miżmuma, indirettament, 100 %, minn naħa, minn Akzo, li saret Akzo Nobel, permezz ta’ Akzo Chemicals International BV, li saret Akzo Nobel Chemicals International BV, u, min-naħa l-oħra, mill-kumpanniji Akzo Chemie GmbH u Akzo Chemicals GmbH, li saru Akzo Nobel Chemicals GmbH (iktar ’il quddiem “Akzo GmbH”), għall-istabilizzaturi tal-landa, u minn Akzo Chemie Nederland BV u Akzo Chemicals Nederland BV, li saret Akzo Nobel Chemicals BV (iktar ’il quddiem “Akzo BV”), għas-settur ESBO/esters.

 B – Partenarjat Akcros

5        Fid-19 ta’ Marzu 1993, Akzo Chemicals International, sussidjarja miżmuma 100 % minn Akzo, imbagħad minn Akzo Nobel, ikkonkludiet ftehim-qafas ma’ Harrisons Chemicals (UK) Ltd, sussidjarja miżmuma 100 % minn Harrisons & Crosfield plc, li saret Elementis plc, bil-għan li jinġabru mill-ġdid l-attivitajiet tal-gruppi rispettivi tagħhom għall-attivitajiet ta’ żvilupp, ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kimiċi, fosthom l-istabilizzaturi tas-sħana (iktar ’il quddiem il-“Ftehim-Qafas tal-1993”).

6        Il-Ftehim-Qafas tal-1993 ippreveda t-trasferiment tal-attiv u tal-persunal tas-settur ikkonċernat lil erba’ partenarjati, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Istati Uniti tal-Amerika, filwaqt li l-kapital ta’ kull partenarjat u tal-kumpanniji eżistenti fi Franza (Tinstab SA), fl-Italja (Harcros Chemicals Italia SpA), fi Spanja (Harcros Chemicals Iberia SA) u fid-Danimarka (Lankro Sandia ApS) kellu jinżamm f’ishma ugwali mill-grupp ta’ Akzo Chemicals International, jiġifieri l-grupp Akzo, u mill-grupp ta’ Harrisons Chemicals (UK).

7        Fl-24 ta’ Marzu 1993, Akzo Chemicals International u Harrisons Chemicals (UK) innotifikaw il-Ftehim-Qafas tal-1993 lill-Kummissjoni Ewropea, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), kif emendat.

8        Bid-deċiżjoni tad-29 ta’ April 1993, il-Kummissjoni ddikjarat l-Ftehim-Qafas tal‑1993 kompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-1993 dwar il-konċentrazzjoni”).

9        Skont il-Ftehim-Qafas tal-1993, il-partenarjat Akcros Chemicals (iktar ’il quddiem il-“partenarjat Akcros”) ġie kkostitwit fir-Renju Unit fit-28 ta’ Ġunju 1993 (ara l-premessa 536 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Meta ġie stabbilit, il-partenarjat Akcros kien miżmum, f’ishma ugwali, minn Pure Chemicals Ltd, kumpannija miżmuma 100 %, inizjalment, minn Akzo, li saret Akzo Nobel, u minn diversi kumpanniji, fosthom, fl-aħħar lok, Elementis UK Ltd u Elementis Services Ltd, li kienu jagħmlu parti minn grupp bil-kumpannija parent Elementis plc (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Elementis”).

 C – Kumpanniji komuni Akcros

11      Fil-15 ta’ Lulju 1998, Akzo Nobel ftiehmet ma’ Elementis dwar l-akkwist, permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha Pure Chemicals, ta’ ishma ta’ Elementis fil-partenarjat Akcros, li ġie ttrasformat f’Akcros Chemical Ltd (iktar ’il quddiem “Akcros”) li l-kapital kollu tagħha nżamm, indirettament, minn Akzo Nobel b’effett mit-2 ta’ Ottubru 1998.

12      Fil-15 ta’ Marzu 2007, Akzo Nobel ittrasferixxiet lil Akcros lil GIL Investments.

 II – Proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 A – Ftuħ tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni

13      L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nfetħet wara li Chemtura ressqet, fis-26 ta’ Novembru 2002, talba għal immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 45, Vol. 3, p. 79) (ara l-premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fit-30 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 85/4 fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjonai Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li tordna lil Akzo Nobel Chemicals Ltd, lil Akcros u lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni intiża sabiex jitfittxu l-provi ta’ prattiki antikompetittivi li seta’ kien hemm (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003”).

15      Fl-10 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 559/4, ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, li temenda d-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ta’ spezzjoni”).

16      Fit-12 u fit-13 ta’ Frar 2003, saru investigazzjonijiet fuq il-post, fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, fil-postijiet ta’ Akzo Nobel Chemicals u ta’ Akcros li jinsabu f’Eccles, Manchester (ir-Renju Unit). Matul din l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni ħadu kopja ta’ numru kbir ta’ dokumenti. Matul dawn l-operazzjonijiet, ir-rappreżentanti ta’ Akzo Nobel Chemicals u ta’ Akcros indikaw lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li ċerti dokumenti setgħu kienu koperti mis-sigriet professjonali li jipproteġi l-komunikazzjonijiet mal-avukati (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”).

17      Matul l-eżami tad-dokumenti kkontestati, kien hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ ħames dokumenti, li ġew suġġetti għal żewġ tipi ta’ trattament. Fil-fatt, l-uffiċjali tal-Kummissjoni ma waslux fuq il-post għal konklużjoni definittiva fir-rigward tal-protezzjoni li minnha ż-żewġ dokumenti kellhom possibbilment jibbenefikaw. Għaldaqstant, huma ħadu kopja ta’ dawn id-dokumenti u poġġewhom f’envelopp issiġillat li huma ħadu magħhom mat-tmiem tal-investigazzjoni tagħhom. Fir-rigward tat-tliet dokumenti l-oħra inkwistjoni, l-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni qies li dawn ma kinux protetti mis-sigriet professjonali u konsegwentement ħa kopja tagħhom u żiedhom mal-kumplament tal-fajl, mingħajr ma żammhom separati f’envelopp issiġġillat.

18      Dan in-nuqqas ta’ qbil wassal għal tilwima ġudizzjarja sinjifikattiva (iktar ’il quddiem il-“proċedura ġudizzjarja Akzo”).

 B – Il-Proċedura ġudizzjarja Akzo

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros ressqu kawża li għandha bħala suġġett, essenzjalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2003) 559/4, tal-10 ta’ Frar 2003, u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2003, li tobbliga lil dawn il-kumpanniji u s-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għall-investigazzjoni inkwistjoni (Kawża T‑125/03, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni).

20      Fis-17 ta’ April 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża, partikolarment, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (Kawża T‑125/03 R, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni).

21      Fit-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 1533 finali fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2003”), li tiċħad it-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tad-dokumenti kkontestati.

22      Fid-Deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Akzo Nobel Chemicals u ta’ Akcros intiża sabiex id-dokumenti kkontestati jingħataw lura lilhom u indikat l-intenzjoni tagħha li tiftaħ l-envelopp issiġillat filwaqt li speċifikat li, madankollu, hija ma kinitx se tipproċedi b’din l-operazzjoni qabel ma jiskadi t-terminu tal-azzjoni kontra l-istess deċiżjoni.

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros ressqu kawża intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2003 (Kawża T‑253/03, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni).

24      Barra minn hekk, huma ressqu talba għal miżuri provviżorji intiża, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2003 (Kawża T‑253/03 R, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni).

25      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ottubru 2003, it-talba fil-Kawża T‑125/03 R, dwar id-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni, ġiet miċħuda, iżda ġiet parzjalment milqugħa t-talba fil-Kawża T‑253/03 R, marbuta mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti kkontestati (digriet tat-30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 R u T‑253/03 R, Ġabra, EU:C:2003:287).

26      Dan id-digriet ġie annullat b’digriet tas-27 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C‑7/04 P (R), Ġabra, EU:C:2004:566].

27      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2004, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ta lura lill-Kummissjoni l-envelopp issiġillat li jinkludi fih tnejn mid-dokumenti kkontestati (premessi 84 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      B’sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑125/03, kontra d-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni, ġie miċħud bħala inammissibbli. Ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑253/03, dwar id-dokumenti kkontestati, ġie min-naħa tiegħu miċħud bħala infondat, peress li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta ddeċidiet li ebda wieħed mid-dokumenti kkontestati ma kien materjalment kopert mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, Ġabra, EU:T:2007:287, punti 57 u 184).

29      B’sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, Ġabra, EU:C:2012:512), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell mis-sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq (EU:T:2007:287).

 C – Għeluq tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni

30      Fit-8 ta’ Ottubru 2007 u f’diversi okkażjonijiet fl-2008, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi implikati talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Fis-17 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġiet innotifikata lil diversi kumpanniji, fosthom Akzo Nobel, Akzo GmbH, Akzo BV u Akcros, ir-rikorrenti, fit-18 ta’ Marzu 2009 (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fil-11 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 III – Id-deċiżjoni kkontestata

33      Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li numru partikolari ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’żewġ settijiet ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-ŻEE u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epossidizzat u tal-esters (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esters”).

34      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ okkorrenzi ta’ ksur li jinvolvu żewġ kategoriji ta’ stabilizzaturi tas-sħana, li jikkostitwixxu prodotti miżjuda mal-prodotti b’bażi ta’ klorur tal-polivinil (PVC) sabiex tittejjeb ir-reżistenza tas-sħana tagħhom (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kull waħda minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur kienet tikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq permezz ta’ kwoti ta’ bejgħ, fit-tqassim tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari dwar il-klijenti, il-produzzjoni u l-bejgħ.

36      Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw f’dawn l-okkorrenzi ta’ ksur matul diversi perijodi bejn l-24 ta’ Frar 1987 u l-21 ta’ Marzu 2000, fir-rigward tal-istabilizzaturi tal-landa, u bejn il-11 ta’ Settembru 1991 u s-26 ta’ Settembru 2000, fir-rigward tas-settur ESBO/esters.

37      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata, fir-rigward ta’ kull ksur, lil 20 kumpannija, li jew ipparteċipaw direttament fil-ksur ikkonċernat, jew, fid-dawl tar-responsabbiltà tagħhom ikkonstatata, bħala kumpanniji parent (premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata).

 A – Imputazzjoni tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

38      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa, mill-24 ta’ Frar 1987 sal-21 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-24 ta’ Frar 1987 sat-28 ta’ Ġunju 1993 fir-rigward ta’ Akzo GmbH u mit-28 ta’ Ġunju 1993 sal-21 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akcros. Bl-istess mod, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li jirrigwarda s-settur ESBO/esters, mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-22 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akzo Nobel, mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-28 ta’ Ġunju 1993 fir-rigward ta’ Akzo BV u mit-28 ta’ Ġunju 1993 sat-22 ta’ Marzu 2000 fir-rigward ta’ Akcros.

39      B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel, bħala kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji li wħud minnhom ipparteċipaw direttament fi ksur, ġiet ikkonstatata għall-perijodu kollu ta’ ksur, jiġifieri mill-24 ta’ Frar 1987 sat-22 ta’ Marzu 2000.

40      Għall-perijodu qabel it-28 ta’ Ġunju 1993 (iktar ’il quddiem “l-ewwel perijodu ta’ ksur”), il-Kummissjoni kkunsidrat li kumpanniji miżmuma indirettament minn Akzo, li saret Akzo Nobel, kienu pparteċipaw direttament fil-ksur, jiġifieri Akzo GmbH, għall-ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa, u Akzo BV, għall-ksur fir-rigward tas-settur ESBO/esters (premessi 512 sa 519 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Għall-perijodu bejn it-28 ta’ Ġunju 1993 u t-2 ta’ Ottubru 1998 (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu ta’ ksur”), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kien twettaq mill-partenarjat Akcros (premessi 563 u 564 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Għall-perijodu mit-2 ta’ Ottubru 1998 sal-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u mit-2 ta’ Ottubru 1998 sat-22 ta’ Marzu 2000, għas-settur ESBO/esters (iktar ’il quddiem it-“tielet perijodu ta’ ksur”), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kien twettaq minn Akcros (premessi 582 sa 587 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Fir-rigward tas-setgħa tagħha li timponi multi fuq ir-rikorrenti għal dawn l-okkorrenzi ta’ ksur, il-Kummissjoni ċaħdet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti tagħhom, li skonthom hija setgħet u kellha tkompli bl-istruttorja tagħha matul il-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja Akzo. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin tad-dritt tagħha li timponi multi ġie sospiż, erga omnes, bil-proċedura ġudizzjarja Akzo (premessi 672 sa 682 tad-deċiżjoni kkontestata).

 B – Imputazzjoni tal-multi fid-deċiżjoni kkontestata

44      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi dan li ġej:

“Għall-(okkorrenzi ta’) ksur fis-suq tal-istabilizzaturi tal-landa […], għandhom jiġu imposti l-multi li ġejjin:

1)       Elementis plc, Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited, [Akzo Nobel] u [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 875 200;

2)       Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited, [Akzo Nobel] et [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 2 601 500;

3)       Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited u [Akzo Nobel] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 4 546 300;

4)       [Akzo Nobel], [Akzo GmbH] u [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 1 580 000;

5)       [Akzo Nobel] u [Akcros] huma responsabbli għall-ammont ta’ EUR 944 300;

6)       [Akzo Nobel] u [Akzo GmbH] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 9 820 000;

7)       [Akzo Nobel] hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1 432 700;

[…]

Għall-(okkorrenzi ta’) ksur fis-[settur ESBO/esters], huma imposti l-multi li ġejjin:

18)       Elementis plc, Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited, [Akzo Nobel] u [Akcros] huma responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1 115 200;

19)       Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited, [Akzo Nobel] u [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 2 011 103;

20)       Elementis Holdings Limited, Elementis Services Limited u [Akzo Nobel] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 7 116 697;

21)       [Akzo Nobel], [Akzo BV] u [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 2 033 000;

22)       [Akzo Nobel] u [Akcros] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 841 697;

23)       [Akzo Nobel] u [Akzo BV] huma responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 3 467 000;

24)       [Akzo Nobel] hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 2 215 303 […]”

45      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”).

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

51      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata.

52      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011 indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni xtaqet tattira l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2011:190), li tagħha l-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni.

53      F’din l-ittra, minn naħa, Il-Kummissjoni tenniet l-argumenti li hija sostniet, sussidjarjament, ibbażati fuq is-sospensjoni tal-proċedura fil-konfront ta’ Akzo Nobel, ta’ Akzo GmbH u ta’ Akzo BV esposti fil-punti 55 sa 65 tar-risposta u fil-punti 27 sa 33 tal-kontroreplika.

54      Min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ kjarifika, il-Kummissjoni speċifikat li hija kienet qiegħda ttenni l-argument tagħha bbażat fuq is-sospensjoni tal-proċedura kontra Akcros u r-risposta kollha tagħha għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-konfront tar-rikorrenti l-oħra kollha.

[omissis]

97      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2014.

98      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

99      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

[omissis]

 Id-dritt

102    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

103    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza amministrattiva u ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ imputazzjoni ta’ okkorrenzi ta’ ksur u ta’ multi. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi.

 I – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni

104    Fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni, ir-rikorrenti jsostnu, prinċipalment, minn naħa, li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu azzjoni kontrihom fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li l-ksur waqaf “fl-1996/1997” jew, “l-iktar tard”, fl-1997, b’mod li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

105    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jallegaw li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li hija ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza tal-ksur matul is-snin 1999 u 2000.

106    Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-argumenti li r-rikorrenti jsostnu fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel perijodu ta’ ksur u, fit-tieni lok, tat-tieni u tat-tielet perijodi ta’ ksur.

 A – Fuq l-ewwel perijodu ta’ ksur

 1. L-argumenti tal-partijiet

107    Ir-rikorrenti josservaw li mill-premessa 512 u mill-Artikolu 1(1)(b) u (2)(b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpanniji tal-grupp Akzo kkonstatati mill-Kummissjoni li wettqu direttament il-ksur matul l-ewwel perijodu ta’ ksur (jiġifieri għall-istabilizzaturi tal-landa, mill-24 ta’ Frar 1987 sat-28 ta’ Ġunju 1993, u għas-settur ESBO/esters, mill-11 ta’ Settembru 1991 sat-28 ta’ Ġunju 1993), jiġifieri Akzo GmbH u Akzo BV, waqqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur fit-28 ta’ Ġunju 1993.

108    B’hekk, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma setgħetx taġixxi iktar kontra Akzo GmbH u Akzo BV b’effett mit-28 ta’ Ġunju 1998.

109    Issa, skont ir-rikorrenti, l-ewwel azzjoni uffiċjali ġestita mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom saret fit-12 u fit-13 ta’ Frar 2003.

110    Konsegwentement, ebda responsabbiltà ma tista’ tinżamm fir-rigward ta’ Akzo GmbH u ta’ Akzo BV.

111    Għalhekk, hemm lok li l-Artikolu 1(1)(b) u (2)(b) tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat.

112    Għall-istess raġunijiet, ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel lanqas ma tista’ tinżamm, bħala kumpannija parent ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji, għall-ewwel perijodu ta’ ksur.

113    Għaldaqstant, għandhom jiġu annullati, tal-inqas parzjalment fl-ambitu ta’ dawn l-argumenti, il-multi imposti fl-Artikolu 2(4), (6), (21) u (23) tad-deċiżjoni kkontestata.

114    Il-Kummissjoni ssostni li hija stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-entitajiet tal-grupp Akzo pparteċipaw fil-ksur fis-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, mill-1987 sa Marzu 2000, u fil-ksur fis-settur ESBO/esters, mill-1991 sa Marzu 2000.

115    Kif jirriżulta mill-premessa 527 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-konstatazzjoni li, jekk kumpannija pparteċipat fi ksur matul perijodu partikolari li matulu hija ġiet suċċessivament ikkostitwita minn diversi entitajiet ġuridiċi, din l-impriża ma tistax tipprevalixxi ruħha mir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirriżultaw minn dawn ir-riorganizzazzjonijiet interni. Altrimenti, il-kumpanniji jkunu jistgħu faċilment jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni permezz ta’ riorganizzazzjoni interna. L-Artikolu 81 KE u r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 japplikaw għall-impriżi u mhux għall-entitajiet ġuridiċi li jikkostitwixxuhom. Minn dan isegwi li, jekk persuni ġuridiċi li jagħmlu parti mill-impriża Akzo jipparteċipaw fi ksur, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-jum li fih il-ksur imwettaq minn din l-impriża jieqaf.

116    Il-Kummissjoni tirrileva li l-ewwel atti ta’ investigazzjoni seħħew f’Jannar u fi Frar 2003, biex b’hekk beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin u li atti ta’ investigazzjoni oħra saru wara, b’tali mod li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet tabilħaqq adottata fit-terminu ta’ ħames snin dekorribbli mill-att ta’ investigazzjoni l-iktar riċenti.

 2. Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

117    Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti jallegaw li minħabba l-preskrizzjoni l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu azzjoni kontra Akzo GmbH u Akzo BV b’effett mit-28 ta’ Ġunju 1998 u, għaldaqstant, sabiex timponi fuq dawn il-kumpanniji multa in solidum ma’ Akzo Nobel, bħala kumpannija parent ta’ dawn il-kumpanniji.

118    F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-Artikolu 81 KE huma preskritti fi tmiem ta’ terminu ta’ ħames snin.

119    L-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jispeċifika li dan it-terminu jibda jiddekorri b’effett mill-jum li fih ikun twettaq il-ksur, iżda li, għall-ksur kontinwu u ripetut, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri b’effett mill-jum li fih il-ksur ikun intemm.

120    L-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-preskrizzjoni fil-qasam ta’ impożizzjoni ta’ multi tiġi interrotta b’kull att tal-Kummissjoni intiż għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri dwar il-ksur.

121    Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà kemm ta’ Akzo GmbH, għall-ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa, kif ukoll ta’ Akzo BV, għall-ksur li jirrigwarda s-settur ESBO/esters, biss sat-28 ta’ Ġunju 1993 [ara l-premessi 512 u 513 u l-Artikolu 1(1)(b) u (2)(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

122    Huwa paċifiku wkoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel ġiet ikkonstatata biss, għall-okkorrenzi ta’ ksur matul l-ewwel perijodu ta’ ksur, fuq il-bażi ta’ aġir ta’ ksur ta’ Akzo GmbH, għall-istabilizzaturi tal-landa, u ta’ Akzo BV, għas-settur ESBO/esters (ara l-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    Huwa ugwalment paċifiku li l-ewwel atti tal-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni jew il-proċeduri tal-ksur, fir-rigward ta’ kemm l-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll tas-settur ESBO/esters, saru biss fil-bidu tas-sena 2003.

124    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li l-ewwel atti tal-Kummissjoni intiżi għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri dwar ksur, fis-sens tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2203, li jikkonċerna kemm l-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll is-settur ESBO/esters, saru wara l-iskadenza, għal Akzo GmbH u Akzo BV, tat-terminu previst fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-akkwiżizzjoni tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhiex l-effett li tħassar l-eżistenza ta’ ksur, lanqas li timpedixxi lill-Kummissjoni milli tikkonstata, f’deċiżjoni, ir-responsabbiltà għal tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra, EU:T:2005:349, punti 60 sa 63), iżda biss li teħles mill-proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet lil dawk li jibbenefikaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T‑372/10, Ġabra, EU:T:2012:325, punt 194).

126    Barra minn hekk, minn interpretazzjoni testwali, teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, bħall-garanziji proċedurali individwali, bħalma huma d-drittijiet tad-difiża, u bħan-neċessità għall-Kummissjoni li tinnotifika kemm id-dikjarazzjoni tal-ilmenti kif ukoll deċiżjoni li timponi tali sanzjonijiet fuq il-persuna ġuridika kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536, punti 57 u 59), l-akkwiżizzjoni tal-preskrizzjoni skont il-paragrafu 1 hija ta’ benefiċċju għal, u tista’ tiġi invokata minn, kull waħda mill-persuni ġuridiċi separatament meta dawn jiġu esposti għall-proċeduri tal-Kummissjoni. B’hekk, fil-ġurisprudenza diġà ġie rrikonoxxut li s-sempliċi fatt li kumpannija sussidjarja ta’ grupp ta’ kumpanniji, fis-sens ta’ unità ekonomika, tibbenefika mill-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma kellux il-konsegwenza li jqiegħed f’dubju ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent u li jimpedixxi l-proċeduri fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2012:325, punti 193 sa 196, mhux kontradetta fuq dan il-punt mis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, EU:C:2014:301, punt 109).

127    Din l-evalwazzjoni ma hijiex kontradetta mill-użu, fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li huwa intiż biss sabiex jiddefinixxi l-atti ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni kif ukoll il-portata tal-effetti tagħhom fir-rigward tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur, jiġifieri inklużi l-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré vs Il-Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2012:325, punti 198 et seq).

128    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, Akzo GmbH u Akzo BV, għalkemm baqgħu membri sħaħ tal-grupp Akzo, setgħu leġittimament jinvokaw, għall-kuntrarju ta’ Akzo Nobel, l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tagħhom.

129    Għaldaqstant, hemm lok li l-ilmenti tar-rikorrenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġu milqugħa, u li l-Artikolu 2(4), (6), (21) u (23) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ġew imposti multi fuq Akzo GmbH u fuq Akzo BV GmbH fir-rigward tal-ewwel perijodu ta’ ksur jiġi annullat, iżda li dawn jiġu miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

[omissis]

 II – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza amministrattiva u ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli

[omissis]

 B – Fuq it-tieni motiv, sa fejn dan ġie invokat għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata

319    Fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza amministrattiva u ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli, ir-rikorrenti jitolbu, sussidjarjament, ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti fuqhom.

 1. L-argumenti tal-partijiet

320    Ir-rikorrenti jqisu li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tqies li l-ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza amministrattiva u ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli ma wassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, b’tali mod li dan il-motiv ma jistax jiġġustifika l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-ksur u tnaqqas sostanzjalment, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, l-ammont tal-multi imposti jew tal-inqas tnaqqsu b’1 %, bħalma għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-impriżi l-oħra kollha.

321    F’dan is-sens, huma jsostnu li, billi ma ngħatawx tnaqqis ta’ 1 %, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jidher li l-Kummissjoni ssanzjonathom, b’mod diskriminatorju, talli sostnew id-drittijiet tagħhom fl-ambitu tal-proċedura ġudizzjarja Akzo, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u jiskoraġġixxi lill-impriżi involuti f’każijiet oħra milli jsostnu d-drittijiet tagħhom.

322    Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis applikat ikkostitwixxa miżura ta’ kumpens għall-impriżi l-oħra, li kellhom jistennew l-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja Akzo, u dawn kienu f’sitwazzjoni differenti minn dawk tar-rikorrenti, minħabba li dawn tal-aħħar ipprovokaw il-proċedura ġudizzjarja Akzo. Barra minn hekk, minn perspettiva prattika, huwa manifest li ma huwiex plawżibbli li jiġi mifhum li l-fatt li ma jingħatax tnaqqis eċċezzjonali ta’ 1 % tal-ammont tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti f’din il-kawża jkollu xi effett dissważiv fuq ir-rieda ta’ partijiet oħra rikorrenti, iffaċċjati bl-istess sitwazzjoni, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’kawżi oħra.

 2. Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

323    Fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza amministrattiva u ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli, ir-rikorrenti jitolbu, sussidjarjament, ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tnaqqis tal-ammont tail-multi imposti fuqhom.

324    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba t-tul tal-proċedura amministrattiva, ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T–27/10, Ġabra, taħt appell, EU:T:2014:59, punt 278).

325    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, peress li hija stess naqqset, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi kollha involuti, minbarra r-rikorrenti.

326    Sabiex tiġġustifika din id-differenza fit-trattament, il-Kummissjoni tressaq differenza fis-sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli, sa fejn, b’mod kuntrarju għall-impriżi l-oħra, huma r-rikorrenti li ġġeneraw il-proċedura ġudizzjarja Akzo.

327    Din il-ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

328    Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk impriżi oħra jkunux skoraġġuti milli jsostnu ġudizzjarjament id-drittijiet tagħhom meta jkunu implikati f’investigazzjoni tal-Kummissjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni tirriżulta li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

329    Konsegwentement, billi tat lill-impriżi l-oħra kollha involuti tnaqqis fl-ammont tal-multi imposti minħabba t-tul tal-proċedura amministrattiva, iżda mhux lir-rikorrenti biss minħabba l-proċedura ġudizzjarja Akzo, kif jirriżulta mill-punti 771 u 772 tal-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vvizzjat l-imsemmija deċiżjoni b’inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex iġġustifikata.

330    Għalhekk, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għandu jitnaqqas b’1 %.

331    Għaldaqstant, l-ammont totali tal-multi imposti fl-Artikolu 2(1) sa (7) u (18) sa (24), jiġifieri EUR 40.6 miljun għal Akzo Nobel u EUR 12.002 miljun għal Akcros, huwa mnaqqas għal EUR 40.194 miljun għal Akzo Nobel u għal EUR 11.881980 miljun għal Akcros.

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

449    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

450    Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali laqgħet, parzjalment, it-talbiet tar-rikorrenti.

451    Għaldaqstant u fiċ-ċirkustanzi ta’ din l-kawża, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati żewġ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tar-rikorrenti u tliet partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha. Ir-rikorrenti għandhom ibatu, min-naħa tagħhom, it-tliet partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħhom u żewġ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(4), (6), (21) u (23) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/38589 – Stabilizzaturi tas-sħana) huwa annullat sa fejn ġew imposti multi fuq Akzo Nobel Chemicals GmbH u fuq Akzo Nobel Chemicals BV.

2)      L-ammont totali tal-multi imposti fl-Artikolu 2(1) sa (7) u (18) sa (24) tad-Deċiżjoni C (2009) 8682 finali tnaqqas għal EUR 40.194 miljun għal Akzo Nobel NV u għal EUR 11.881980 miljun għal Akcros Chemicals Ltd.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati żewġ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż ta’ Akzo Nobel, ta’ Akzo Nobel Chemicals GmbH, ta’ Akzo Nobel Chemicals BV u ta’ Akcros Chemicals u tliet partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha. Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals GmbH, Akzo Nobel Chemicals BV u Akcros Chemicals għandhom ibatu, min-naħa tagħhom, tliet partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħhom u żewġ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.